IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2015
COM(2015) 447 final
2015/0204(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.
IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-minuti tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 meta ġie adottat il-pakkett leġislattiv dwar ir-riżorsi proprji, li jikkonsisti fid-Deċiżjoni 335/2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji), ir-Regolament Nru 608/2014 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni u r-Regolament Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti.
Id-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji hija l-istrument legali ewlieni li jistabbilixxi l-elementi prinċipali tas-sistema, bħal-lista tar-riżorsi proprji u l-limiti massimi għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament (b’hekk il-kobor tal-baġit tal-Unjoni). Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-riżorsi proprji jirriżultaw minn żewġ Artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):
–Ir-Regolament ġdid Nru 608/2014 li jistipula l-miżuri ta' implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 311(4) TFUE (introdott mit-Trattat ta' Lisbona) u li bħalissa jinkludi r-regoli dwar il-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ, u dwar il-miżuri ta' kontroll u superviżjoni.
–Ir-Regolament Nru 609/2014, li huwa riformulazzjoni tar-Regolament 1150/2000, huwa bbażat fuq l-Artikolu 322(2) TFUE u jittrattata r-regoli biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji u l-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti. Dan jinkludi l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tat-twaqqif tar-riżorsi proprji tradizzjonali, il-konservazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn, il-kooperazzjoni amministrattiva, ir-rata applikabbli għal riżorsi proprji bbażati fuq l-ING, il-kontijiet li għandhom jinżammu għar-riżorsi proprji, iż-żmien speċifiku biex dawn isiru disponibbli u biex jitwettqu l-aġġustamenti u d-dispożizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-kontanti u l-ammonti irrikuperabbli.
Iż-żewġ Regolamenti ser jidħlu fis-seħħ fl-istess jum tad-Deċiżjoni 335/2014 wara li din id-Deċiżjoni tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Il-pakkett se japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014.
Fid-dikjarazzjoni konġunta msemmija hawn fuq tas-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta proposta għall-Artikolu 12 tar-Regolament 609/2014 sabiex tkun tista' ssir reviżjoni tal-proċedura biex jiġi kkalkulat l-imgħax fuq ammonti li saru disponibbli tard. Id-dikjarazzjoni tindika wkoll li r-rata (i) tal-imgħax għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità filwaqt li tiżgura funzjonament bla xkiel tas-sistema sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet fi flus kontanti.
Apparti mir-regoli dwar l-imgħax din il-proposta li hija bbażata fuq l-Artikolu 322(2) TFUE qed tindirizza wkoll il-proċedura għall-aġġustament annwali tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u riżorsi proprji bbażati fuq l-ING minħabba li l-aktar emenda reċenti introdotta fil-kuntest tad-daqs mingħajr preċedent tal-aġġustamenti fl-2014 mhux ser tibqa' tapplika wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 609/2014.
Barra minn hekk, qed jiġu proposti xi kjarifiki u titjib għall-arranġamenti attwali, l-aktar ta’ natura teknika. Dawn jirriflettu l-aktar esperjenza u tagħlimiet reċenti rigward il-kontijiet għar-riżorsi proprji, il-ġestjoni ta’ riżorsi tat-Teżor tal-Kummissjoni fl-ewwel semestru, l-istima ta’ dejta tal-ING mill-Kummissjoni (Eurostat), l-impatt tal-investigazzjonijiet kriminali dwar l-istabbiliment u tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali u r-rappurtar dwar l-ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati ta' riżorsi proprji tradizzjonali.
Il-motivazzjoni għall-emendi proposti mill-Kummissjoni hija ppreżentata hawn taħt.
2.
KONTENUT TAL-PROPOSTA
(1) Il-kontijiet tal-Kummissjoni għar-riżorsi proprji (l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 609/2014)
a) L-ispeċifikar tal-entitajiet responsabbli għall-ftuħ u ż-żamma tal-kont:
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 609/2014 kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji f'kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar għal dan il-għan. Fil-prattika, l-Istati Membri kollha li ma għażlux it-Teżor ħatru l-bank ċentrali nazzjonali. L-Artikolu 9 għandu jirrifletti din il-prassi billi jispeċifika li huma biss il-banek ċentrali li jistgħu jinħatru. Barra minn hekk, dan se jimpedixxi lill-baġit tal-UE milli jkun espost għal kull riskju finanzjarju potenzjali marbut mar-riżorsi proprji li l-Kummissjoni żżomm f'kontijiet mal-banek kummerċjali; din is-sitwazzjoni trid tiġi evitata minħabba l-limitazzjonijiet imposti minn dan ir-Regolament fuq il-possibbiltajiet li l-Kummissjoni tiġbed fondi mill-kontijiet ta’ riżorsi proprji. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza din l-emenda hija mdaħħla wkoll fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 609/2014, li jittratta d-dħul fil-kontijiet u r-rappurtar u fl-Artikolu 15 li jittratta l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ ħlas.
b) Jiġi żgurat li l-kontijiet tar-riżorsi proprji jinżammu mingħajr imposti u mgħax negattiv:
Dawn il-kontijiet miftuħa mill-Istati Membri f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 609/2014, għad-depożiti tar-riżorsi proprji tal-UE, sakemm dawn ikunu meħtieġa li jintużaw mill-Kummissjoni għall-ħlas, mhux biss għandhom jinżammu mingħajr imposti, iżda wkoll mingħajr mgħax (pożittiv jew negattiv). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li ma jkunx hemm telf għall-baġit tal-UE.
Minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 609/2014, li jillimitaw il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiġbed fondi sal-punt meħtieġ sabiex jiġi implimentat il-baġit, kwalunkwe imposta applikata għal dawn il-kontijiet tkun ekwivalenti għal tnaqqis tal-fondi disponibbli għall-baġit tal-UE. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi evitat mgħax negattiv peress li għandu l-istess effett negattiv bħall-imposti. L-applikazzjoni ta’ imposti jew mgħax negattiv għal xi wħud minn dawn il-kontijiet tal-Kummissjoni twassal għal trattament inugwali tal-Istati Membri minħabba li, f’konformità mal-prinċipji ta’ solidarjetà u finanzjament konġunt mill-baġit tal-UE, l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkumpensaw dan it-telf permezz ta’ riżorsi bbażati fuq l-ING. Għalhekk, qed jiġi propost li l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkumpensa l-baġit tal-UE għal kwalunkwe imposta jew mgħax negattiv applikat għall-kont għar-riżorsi proprji li jkun miftuħ f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 609/2014.
Din l-emenda tkompli tiżgura li d-Deċiżjoni 2014/337/UE (BĊE/2014/23) tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Ġunju 2014 ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE, billi tipprevedi rata ta’ mgħax negattiva li tinvolvi obbligazzjoni ta’ ħlas mid-detentur tad-depożitu lill-bank ċentrali nazzjonali rilevanti (BĊN) inkluż id-dritt li dak il-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jiddebita l-kont ta’ depożitu rilevanti tal-gvern skont dan, jew permezz ta' deċiżjonijiet simili minn banek ċentrali oħra tal-UE fejn ir-riżorsi proprji tal-UE għandhom jinżammu f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 609/2014. L-obbligu ta’ kumpens għandu jiżgura li l-ispiża ta’ kwalunkwe mgħax negattiv diġà applikata għall-kontijiet tar-riżorsi proprji wara din id-Deċiżjoni tal-BĊE ma tinġarrx mill-baġit tal-UE, jiġifieri mill-Istati Membri kollha. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, sa issa, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Istati Membri biex iħallsu l-kontijiet għar-riżorsi proprji f’każ ta’ rati ta’ depożitu tal-BĊE pożittivi.
c) Kjarifika addizzjonali:
Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt għandu jiġi ċċarat li l-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 9 jistgħu biss jiġu ddebitati fuq struzzjoni tal-Kummissjoni fejn l-ammont nett ta’ riżorsi proprji dovuti f’data partikolari jkun negattiv (jiġifieri fejn Stat Membru jkun se jirċievi fondi). Kwalunkwe reġistrazzjoni f’dan il-kont għandha ssir f’konformità mal-prinċipju ta’ hawn fuq. Din hija kjarifika espliċita ta’ rekwiżiti li diġà jeżistu.
(2) Il-bilanċ riportat kull xahar ta’ wieħed mill-porzjon ta' tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING (Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 609/2014)
Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament 609/2014, skont il-pożizzjoni ta’ flus kontanti tal-Unjoni, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna biex iressqu 'l quddiem b’xahar jew xahrejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena ta’ wieħed minn tnax kull xahar tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING.
F’dawn l-aħħar snin, minħabba l-livell għoli ta’ pagamenti ta’ kull xahar għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) fl-ewwel xhur tas-sena, il-Kummissjoni kemm-il darba ġiet ikkonfrontata b’diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-pagamenti kollha f’waqthom minħabba skarsezzi temporanji ta’ riżorsi tat-Teżor li kienu jammontaw sa EUR 6 biljun matul l-ewwel semestru tas-sena. Għalhekk għandu jkun possibbli li parti waħda oħra minn tnax tkun tista’ titressaq 'l quddiem fl-ewwel sitt xhur tas-sena jekk ikun meħtieġ, u dan ukoll biex titħallas in-nefqa tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Din il-flessibbiltà limitata addizzjonali għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tikkonforma mal-ħtiġijiet regolatorji għall-pagamenti.
(3) Is-simplifikazzjoni tal-aġġustamenti annwali tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING (l-Artikolu 10(4) sa (7) tar-Regolament Nru 609/2014)
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, l-aġġustament għal riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING isir kull sena fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru.
Dawn l-aġġustamenti jvarjaw minn sena għal sena u jistgħu jkunu pożittivi (pagamenti addizzjonali meħtieġa mill-Istati Membri) jew negattivi (ammonti li għandhom jingħataw lura lill-Istati Membri). F’ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn l-aġġustamenti jistgħu jirriżultaw f’ammonti għoljin ħafna. Għall-Istati Membri l-obbligu li jagħmlu disponibbli tali ammonti kbar jista' jirrappreżenta piż finanzjarju kbir li jista’ jikkawża diffikultà baġitarja qawwija, b’mod partikolari lejn tmiem is-sena. Bl-istess mod, l-obbligu tal-Kummissjoni li trodd lura ammonti kbar, jekk l-ammont totali tal-aġġustamenti jkun negattiv, jista’ jwassal għal sitwazzjoni diffiċli tat-Teżor f’dan il-perjodu tas-sena.
Hekk kif turi d-dejta li waslet f’Settembru/Ottubru 2014, l-aġġustamenti jistgħu jkunu eċċezzjonalment għoljin għar-riżorsi proprji tal-ING minħabba reviżjonijiet sinifikanti li jagħmlu l-Istati Membri fid-dejta tagħhom tal-ING għas-snin preċedenti.
B’hekk, fuq proposta tal-Kummissjoni, fit-18 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill adotta r-Regolament 1377/2014 li jemenda r-Regolament 1150/2000, li f’ċirkostanzi eċċezzjonali jippermetti li l-Istati Membri, b’effett retroattiv mit-30 ta’ Novembru 2014, jagħmlu disponibbli l-aġġustamenti sal-ewwel jum tax-xogħol ta’ Settembru tas-sena ta’ wara.
Ir-Regolament 1150/2000 kif emendat mir-Regolament 1377/2014 se jiġi revokat ladarba r-Regolament Nru 609/2014 jidħol fis-seħħ, jiġifieri fl-istess jum tad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji Nru 335/2014 wara li din id-Deċiżjoni tkun ġiet approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Għalhekk, din l-emenda għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta’ aġġustamenti tal-VAT u tal-ING.
Filwaqt li l-emenda proposta żżomm il-metodu ta’ kalkolu hija tbiddel iż-żmien għall-komunikazzjoni u d-data tal-għeluq biex isiru disponibbli l-aġġustamenti. Barra minn hekk, hija tindirizza l-kwistjoni tal-livell għoli ta’ aġġustamenti negattivi.
L-Istati Membri jridu jittrasmettu lill-Kummissjoni fis-sena n id-dejta tal-VAT u tal-ING għas-sena n-1 u s-snin ta’ qabel skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1553/89 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1287/2003. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni se tikkalkula l-aġġustamenti u l-ammonti finali preċiżi ser jiġu nnotifikati formalment lill-Istati Membri f’Jannar tas-sena n+1.
Fl-istess ħin il-Kummissjoni tipprovdi kalkolu li għar-ridistribuzzjoni tal-ammont totali tal-aġġustamenti fost l-Istati Membri, skont is-sehem rispettiv tagħhom tal-ING tal-Istati Membri kollha (“il-kodiċi tal-ING”) tal-baġit tas-sena n+1. Mhu ser ikun hemm l-ebda baġit emendatorju għal dan l-għan minħabba li r-ridistribuzzjoni tal-aġġustamenti se tkun awtomatika u immedjata. Din hija simplifikazzjoni kbira tas-sistema attwali.
Id-differenza bejn l-ammont individwali tal-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING għal Stat Membru partikolari u r-riżultat tar-ridistribuzzjoni għal dak l-Istat Membru, jiddaħħal fil-kontijiet tar-riżorsi proprji skont l-Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju tas-sena n+1. Peress li l-Istati Membri jkunu infurmati sew bil-quddiem skont il-proċedura proposta, ma għandu jkun hemm l-ebda ħtieġa għal regoli speċjali għal ammonti li huma eċċezzjonalment għoljin. It-tempistika tal-aġġustamenti tal-VAT u tal-ING mhux se tibqa' taħbat mal-aġġustament tal-esklużjoni fakultattiva skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 609/2014 għall-Istati Membri li ma jeħdux sehem fil-finanzjament ta’ azzjoni jew politika speċifika tal-Unjoni. Għall-aġġustament tal-esklużjoni fakultattiva, li l-impatt finanzjarju tagħha huwa limitat, tinżamm id-data ta' maturità attwali, jiġifieri l-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru.
Ir-regoli nazzjonali tal-kontabilità tal-UE huma stabbiliti fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010). Dawn ir-regoli japplikaw il-prinċipju tad-dovuti għar-reġistrazzjoni tal-flussi ekonomiċi — “meta l-valur ekonomiku jinħoloq, jiġi ttrasformat jew jitħassar, jew meta jinqalgħu pretensjonijiet jew obbligazzjonijiet, jiġu ttrasformati jew ikkanċellati”. Skont l-ESA 2010, il-kontribuzzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri bbażati fuq il-VAT u l-ING jiġu rreġistrati bħala nefqa tal-amministrazzjoni pubblika, bħala trasferiment kurrenti ieħor taħt il-katergorija speċifika D.76, u li għandhom impatt fuq l-iżbilanċ pubbliku. Kontribuzzjonijiet mibgħuta lura lill-Istati Membri tal-UE jitnaqqsu minn dawn it-trasferimenti kurrenti. Il-mument ta’ reġistrazzjoni tal-impatt li għandhom l-aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING fuq in-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika għandu jkun meta dawn l-ammonti jiġu fissati irrevokabbilment u għalhekk ikunu dovuti li jitħallsu. Meta jitqies li huwa propost li l-ammonti jiġu fissati irrevokabbilment u dovuti li jitħallsu fis-sena n+1, hija din is-sena li għandha tkun rilevanti għar-reġistrazzjoni statistika tal-aġġustamenti, kif ukoll għall-finijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(4) Tiġi posposta l-preskrizzjoni tad-dejta tal-ING fir-raba’ sena wara sena finanzjarja partikolari (l-Artikolu 10(7) tar-Regolament Nru 609/2014)
Bħalissa, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’ċifri għal ING aggregat u tal-komponenti tiegħu sat-22 ta’ Settembru ta’ kull sena (l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1287/2003) filwaqt li tibdil għall-ING jista' jitqies biss sat-30 ta’ Settembru tar-raba’ sena wara sena finanzjarja partikolari. Konsegwentement, hemm perjodu qasir ħafna għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe bidla mibgħuta fis-sena n+4 fir-rigward tas-sena n. Sabiex jiġi żgurat li d-dejta tal-ING għal sena n xorta tkun tista' tiġi vverifikata u vvalidata mill-Kumitat tal-ING it-terminu ta’ preskrizzjoni skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament Nru 609/2014 għandu jiġi estiż mit-30 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru tas-sena n+4.
Għaldaqstant, il-perjodu minimu skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 609/2014 għaż-żamma tad-dokumenti ta’ sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1287/2003 għandhom ukoll ikunu estiżi mit-30 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru tas-sena n+4.
(5) Is-simplifikazzjoni tal-istruttura tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 609/2014
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 609/2014 attwalment jinkludi disa' (9) paragrafi u aktar minn 20 subparagrafu. Sabiex jinqara aħjar dan għandu jinqasam fi tliet (3) Artikoli separati, kull wieħed minnhom għandu jkollu titlu u l-paragrafi għandhom ikunu nnumerati kull meta jkun xieraq.
(6) Ir-rata tal-imgħax (l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 609/2014)
Ir-rata tal-imgħax fl-Artikolu 12 bħalissa tipprevedi rata bażika (rata ta’ rifinanzjament tal-BĊE – jew ta' banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro), żieda annwali fissa li tiżdied b’ żewġ (2) punti perċentwali u żieda varjabbli ta' 0,25 ta’ punt perċentwali għal kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata hija applikabbli għall-perjodu kollu tad-dewmien.
Peress li l-Kummissjoni, fil-kors normali ta’ eżekuzzjoni tal-baġit, ma għandhiex il-faċilità ta' overdraft fuq il-kontijiet tagħha, il-ħlas fil-ħin tar-riżorsi proprji huwa essenzjali. Is-sistema attwali kienet strumentali biex ikun żgurat li r-riżorsi proprji meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-baġit ikunu disponibbli fil-ħin u b’mod sħiħ. Ir-regoli riveduti dwar l-imgħax għandhom iħarsu dan l-inċentiv. Barra minn hekk, l-uniformità tar-regoli għandha tinżamm ukoll fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt.
Sabiex jissaħħaħ il-funzjonament bla xkiel tas-sistema, jiġifieri li r-riżorsi proprji jitħallsu fil-ħin u kompletament, iż-żieda fissa għandha tiżdied sa 3,5 punti perċentwali (din hija fost l-oħrajn ir-rata applikabbli għal ammonti li għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 83(2)b tar-Regoli ta’ Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju fejn l-avveniment li jobbliga mhuwiex forniment pubbliku jew kuntratt ta’ servizz). Dan għandu jiżgura li l-ħlas tar-riżorsi proprji ma jinżammx milli jsir fejn l-ispejjeż ta’ rifinanzjament fis-swieq finanzjarji jkunu inqas mill-imgħax pagabbli. Il-proposta għandha b’mod partikolari tevita milli jkun hemm dewmien (qasir) biex isiru disponibbli l-wieħed minn tnax kull xahar ta’ riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u d-DNG, li bħalissa jikkostitwixxu aktar minn 80 % ta’ dħul għall-baġit tal-UE.
Min-naħa l-oħra, peress li r-regoli attwali jistgħu jwasslu għal rati ta’ mgħax għoljin ħafna għal perjodi twal ta’ dewmien, l-ogħla żieda annwali għar-rata bażika għandha tkun limitata għal 20 punt perċentwali, bir-rata miżjuda tkun applikabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien. Dan il-limitu massimu jiżgura proporzjonalità peress li wara 5,5 snin ta’ dewmien mhux se jkun hemm żieda ulterjuri fir-rata tal-imgħax. Din l-emenda għandha tindirizza t-tħassib prinċipali ta’ xi Stati Membri fir-rigward ta’ każijiet individwali ta’ rati ta’ interess għoljin ħafna minħabba dewmien twil fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali. Fil-fatt, fuq il-bażi tad-dejta dwar l-ammonti ta’ mgħaxijiet irkuprati f’dawn l-aħħar ħames (5) snin il-limitu massimu ta' 20 punt perċentwali jista’ jirriżulta fi tnaqqis b’aktar minn 30 % tal-imgħax dovut mill-Istati Membri.
Ir-regoli l-ġodda ikunu applikabbli għal ammonti ta’ riżorsi proprji li huma dovuti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost. Madankollu, sabiex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel, il-limitu massimu tar-rata tal-imgħax tapplika wkoll fejn l-ammont ta’ riżorsi proprji tkun saret magħrufa lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost. Pereżempju, għal każ fejn riżorsa proprja li kellha ssir disponibbli fl-2010, iżda li saret magħrufa biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost (pereżempju fl-2018), ir-rata tal-imgħax skont ir-regoli attwali tkun tapplika, iżda ż-żieda fir-rata annwali ta’ mgħax tkun suġġetta għal limitu massimu ta’ 20 punt perċentwali.
Sabiex ma jkunx hemm konfużjoni, il-Kummissjoni ser tispeċifika b’mod ċar ir-regoli ta’ mgħax applikabbli meta tibgħat ittri ta' sejħa għal interess wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost.
(7) Il-possibbiltà li l-Istati Membri jinħelsu mir-responsabbiltà finanzjarja f’każijiet ta’ dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudiktati l-investigazzjonijiet kriminali (l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014)
Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014 l-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba (i) raġunijiet ta’ forza maġġuri jew (ii) għal raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.
Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) l-ġdid, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016, jippermetti lill-Istati Membri jiddifferixxu din in-notifika u d-dħul fil-kontijiet tad-dejn doganali peress li dan ma jibqax jippreġudika l-investigazzjonijiet kriminali. Fil-fatt, in-notifika fil-pront lil debituri ssuspettati b’attivitajiet kriminali tista' tfixkel il-ġlieda kontra l-frodi u l-iżmantellar ta’ netwerks kriminali. Barra minn hekk, l-Artikolu 325 tat-TFUE jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-istess miżuri biex jikkumbattu l-frodi li għandha impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni daqs l-interessi finanzjarji tagħhom stess. L-investigazzjonijiet bil-moħbi huma miżuri effettivi u neċessarji għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri.
Madankollu, ma hemm l-ebda regola speċifika fil-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji dwar jekk riżorsi proprji tradizzjonali li ma jistgħux jiġu rkuprati minħabba tali notifiki tard jistgħux jiġu rrinunzjati. Il-KDU jirregola r-relazzjoni bejn l-importaturi u l-awtoritajiet doganali nazzjonali, filwaqt li fil-leġiżlazzjoni tar-riżorsi proprji tittratta r-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Sabiex tiġi promossa l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-KDU li għadhom kemm ġew introdotti huwa propost li tiġi introdotta dispożizzjoni espliċita li tippermetti l-ħelsien - taħt ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati strettament - tal-Istati Membri mir-responsabbiltà finanzjarja għal ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jistgħu jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba n-notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jiġux ippreġudikati l-investigazzjonijiet kriminali u l-ġlieda kontra l-frodi. Sabiex jaċċettaw li f’każijiet bħal dawn l-ammonti ma jkunux rekuperabbli “għal raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti” lill-Istat Membru kkonċernat (il-punt hawn taħt jittratta limitu għar-rapportar) il-Kummissjoni għandha tivverifika b’mod partikolari jekk:
–l-investigazzjonijiet kriminali kienu ġustifikati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji kemm fl-UE kif ukoll tal-Istati Membri u twettqu b’mod diliġenti;
–it-telf ta’ riżorsi proprji kien strettament minħabba notifika tard jew id-dħul tard fil-kontijiet kif meħtieġ mill-investigazzjonijiet kriminali, u
–it-taxxi u d-dazji nazzjonali ma kinux suġġetti għal trattament aktar favorevoli minn riżorsi proprji tradizzjonali.
(8) Iż-żieda fil-livell limitu għal ammonti irrekuperabbli li għandhom jiġu rapportati (l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 609/2014)
Il-limitu minimu għall-Istati Membri biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni, każjiet ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ddikjarati jew meqjusa irrekuperabbli skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament 609/2014 għandu jiżdied minn EUR 50 000 għal EUR 100 000 sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni. Din l-emenda ma taffettwax id-definizzjoni ta’ “każ” li għandu jiġi rrappurtat, jiġifieri li r-rapport ikopri l-intitolamenti kollha stabbiliti bħala riżultat tal-konklużjonijiet tal-istess kontroll tar-rilaxx jew ta’ wara r-rilaxx lill-istess operatur u relatati mal-istess irregolarità jew l-istess tip ta’ oġġetti, fejn indipendentement mill-ammont individwali tagħhom, l-ammont totali ta’ dawn l-intitolamenti li jkunu ġew iddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli, jkun jeċċedi l-EUR 100 000.
Minħabba li jibqa' l-obbligu li l-Istati Membri jirrappurtaw, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 608/2014, każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet ta' aktar minn EUR 10 000 lill-bażi tad-dejta tal-OWNRES, każijiet bħal dawn għandhom jistgħu jiġu spezzjonati mill-Kummissjoni u sussegwentement iwasslu għal pagamenti lill-Baġit tal-UE.
(9) Kjarifika dwar l-immaniġġjar eċċezzjonali tal-flus biss fil-każ ta’ inadempjenza fuq self (l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 609/2014)
Skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament 609/2014, fil-każ biss ta’ inadempjenza f'self ikkuntrattat jew iggarantit skont regolamenti u deċiżjonijiet tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’, jekk ebda miżuri oħra ma huma previsti mill-arranġamenti finanzjarji li japplikaw għal dan is-self, tiġbed aktar mill-assi disponibbli tagħha sabiex tittratta d-djun tal-Unjoni, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, abbażi tal-kompetenza li skontha ngħataw il-garanziji jew is-self, xi regolamenti u deċiżjonijiet preċedentement adottati mill-Kunsill huma issa adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan huwa l-każ pereżempju għal deċiżjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-BEI eżegwiti skont il-mandat estern b’garanzija tal-UE, jew għal Assistenza Makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi (li, madankollu, huma koperti b’Fond ta’ Garanzija Estern). Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma għandux jiġi estiż, għandu biss jiġi ċċarat li jkopri l-istess atti legali li kienu koperti oriġinarjament.
2015/0204 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikulari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 ġie riformulat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom. Din id-Deċiżjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ, għax jeħtieġ li tiġi approvata mill-Istati Membri kollha.
(2)Sabiex tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lit-tempestività tal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-introjtu nazzjonali gross (ING) rigward id-dejta tal-ING u sabiex ikun hemm biżżejjed żmien għall-valutazzjoni ta’ dejta rilevanti mill-Kummissjoni (Eurostat) kull tibdil fl-ING tas-snin finanzjarji preċedenti għandu jkun possibbli sat-30 ta’ Novembru tar-raba’ sena wara sena finanzjarja partikolari. Għaldaqstant, il-perjodu għaż-żamma ta’ dokumenti ta’ sostenn relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u r-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING għandu wkoll ikun estiż mit-30 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru tar-raba’ sena wara s-sena finanzjarja li jirreferu għaliha.
(3)Il-kontijiet tal-Kummissjoni għal skopijiet ta’ riżorsi proprji li għandhom jinfetħu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandhom jinżammu mit-Teżor tal-Istat Membru jew mill-Bank Ċentrali tal-Istat Membru u għandhom jinżammu ħielsa minn imposti u mgħax. Kwalunkwe imposta jew mgħax negattiv inaqqas il-baġit tal-Unjoni u jwassal għal trattament inugwali tal-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri li japplikaw dawn l-imposti jew mgħax negattiv lill-kontijiet għar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni għandhom jikkumpensaw il-baġit tal-Unjoni.
(4)Għandu jiġi ċċarat li l-kontijiet għar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni miftuħa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jistgħu biss jiġu ddebitati fuq struzzjoni tal-Kummissjoni.
(5)Fl-interess taċ-ċarezza u l-leġġibilità l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jinqasam f’diversi Artikoli.
(6)Għandu jiġi żgurat li fi kwalunkwe ħin il-Kummissjoni jkollha disponibbli biżżejjed riżorsi ta’ flus biex tikkonforma mal-ħtiġijiet regolatorji għal pagamenti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-baġit, li huma partikolarment ikkonċentrati fl-ewwel sitt xhur tas-sena, b’mod partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ morosità fil-ħlas esperjenzata f’dawn l-aħħar snin minħabba nuqqasijiet temporanji ta’ riżorsi tat-Teżor, il-Kummissjoni għandha titħalla tressaq 'il quddiem sa wieħed ieħor minn kull tnax, sa fejn dan huwa ġġustifikat minn rekwiżiti ta’ flus.
(7)Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1150/2000 il-Kummissjoni għandha tikkalkula u tgħarraf lill-Istati Membri l-aġġustamenti għal riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING fil-ħin sabiex idaħħlu dawn l-aġġustamenti fil-kont tal-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Diċembru.
(8)Id-daqs tal-ammonti ta’ aġġustamenti li saru disponibbli fl-ewwel ġurnata tax-xogħol ta’ Diċembru 2014 kien mingħajr preċedent. Sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet baġitarji kbar iżżejjed fuq l-Istati Membri eżatt qabel tmiem is-sena, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1377/2014 emenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 sabiex ikun possibbli li d-dħul ta' dawn l-aġġustamenti fil-kont tal-Kummissjoni jiġi pospost abbażi ta' ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali.
(9)Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014 mhux se jibqa' japplika ladarba r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 jidħol fis-seħħ.
(10)Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u sabiex tiġi limitata l-pressjoni fiskali fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni, b’mod partikolari lejn tmiem is-sena, il-proċedura għall-aġġustament tar-riżorsi proprji tal-VAT u tal-ING għandhom jiġu ssimplifikati. Għaldaqstant, għandu jkun hemm aktar żmien bejn in-notifika formali tal-ammonti lill-Istati Membri u d-data biex idaħħluhom f’kont tar-riżorsi proprji tal-Kummissjoni. In-notifika u d-data ta' maturità għad-dħul fil-kontijiet għandhom iseħħu fl-istess sena, fejn dik is-sena tkun rilevanti wkoll għar-reġistrazzjoni tal-impatt fuq il-kontijiet tal-gvern u għall-finijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk għandu jkun hemm ridistribuzzjoni immedjata tal-ammont totali ta’ aġġustamenti fost l-Istati Membri skont is-sehem rispettiv tagħhom tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING. Peress li l-impatt tal-aġġustamenti se jkun magħruf sew minn qabel u jiġi awtomatikament ridistribwit fost l-Istati Membri ma għandux ikun hemmx aktar bżonn ta’ derogi bħal dik stabbilita mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1377/2014.
(11)Il-proċedura għall-kalkolu tal-imgħax għandha tiżgura b’mod partikolari li r-riżorsi proprji jkunu disponibbli fil-ħin u għal kollox, li huwa essenzjali biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni u jitwettqu l-politiki tagħha.
(12)Ir-rata stabbilita fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 tinkludi żieda fissa għal rata bażika ta’ żewġ (2) punti perċentwali u żieda progressiva ta’ 0,25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien bir-rata miżjuda tkun applikabbli għall-perijodu kollu tad-dewmien. Din id-dispożizzjoni, meħuda mill-Artikolu 11 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1150/2000 kienet strumentali biex jiġi żgurat li r-riżorsi proprji jkunu disponibbli fil-ħin u għal kollox. L-elementi ewlenin tas-sistema attwali għalhekk għandhom jinżammu u, fejn xieraq, jiġu aġġustati.
(13)Madankollu, ir-regoli eżistenti li jipprevedu rata dejjem tiżdied wasslu għall-ħlas ta’ mgħax għoli ħafna f’każijiet eċċezzjonali fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali li xi drabi kien jinvolvi dewmien ta’ ħafna snin. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tas-sistema filwaqt li jinżamm l-effett dissważiv, l-ogħla żieda annwali għar-rata bażika għandha tkun limitata għal 20 punt perċentwali.
(14)Min-naħa l-oħra, żieda fissa b’żewġ punti perċentwali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, b’mod partikolari għal perjodi qosra ta’ morożità, tista’ twassal għal diżinċentiv biex ir-riżorsi proprji jkunu disponibbli fil-ħin jekk l-ispejjeż ta’ rifinanzjament fis-suq monetarju jkunu ogħla mill-imgħax pagabbli. Għalhekk, sabiex ikompli jissaħħaħ il-funzjonament tajjeb tas-sistema ir-rata fissa ta’ żieda għandha tiżdied għal 3,5 punti perċentwali. Dan għandu b’mod partikolari jevita d-dewmien biex isiru disponibbli l-wieħed minn tnax ta' kull xahar tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, li bħalissa jikkostitwixxu aktar minn 80% ta’ dħul tal-baġit tal-Unjoni.
(15)Sabiex tiġi promossa l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u sabiex jitqiesu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li għadhom kemm ġew introdotti għandha tkun prevista b’mod espliċitu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati strettament, l-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni l-ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba d-dħul differit fil-kontijiet jew notifika differita tad-dejn doganali sabiex ma jippreġudikawx investigazzjonijiet kriminali.
(16)Il-limitu minimu għall-Istati Membri biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni każjiet ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jkunu ġew iddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandu jiżdied sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.
(17)Għandu jiġi ċċarat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 biex tiġbed aktar tal-assi disponibbli tagħha biex tiżgura l-konformità mal-obbligi tal-Unjoni fil-każ biss ta’ inadempjenza f'self ikkuntrattat jew iggarantit skont regolamenti u deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkopri r-regolamenti u d-deċiżjonijiet li, wara t-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jiġu adottati mhux biss mill-Kunsill iżda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(18)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.
(19)Għal raġunijiet ta’ konsistenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 u għandu japplika wkoll mid-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Filwaqt li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-emenda tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 609/2014 għandha tapplika fejn id-data ta’ skadenza tar-riżorsi proprji tkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu l-Istati Membri għandhom jibbenefikaw mil-limitazzjoni fuq iż-żieda totali tar-rata tal-imgħax ukoll meta r-riżorsi proprji jkunu saru magħrufa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 609/2014 hu emendat kif ġej:
(1)
fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Id-dokumenti ta' sostenn li jirrigwardaw il-proċeduri statistiċi u l-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 jinżammu mill-Istati Membri sat-30 ta' Novemnru tar-raba' sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata. Id-dokumenti ta' sostenn dwar ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT jinżammu għall-istess perijodu.”
(2)
L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-kontijiet għar-riżorsi proprji jinżammu mit-Teżor jew bank ċentrali nazzjonali ta' kull Stat Membru u jkunu disaggregati skont it-tipi ta' riżorsi.”
(b)
fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa emendat kif ġej:
(i)
fl-ewwel inċiż ir-referenza għal “Artikolu 10(3)” hija sostitwita bir-referenza “Artikolu 10a(1)”;
(ii)
it-tieni inċiż huwa mibdul b'dan li ġej:
“– ir-riżultat tal-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10b(5) jiġi rreġistrat kull sena, ħlief għall-aġġustamenti partikulari msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 10b(2)(b) li jiġu rreġistrati fil-kontijiet fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li jsegwi l-qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.”
(3)
L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)
il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)
l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma mibdula b'dan li ġej:
“F’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f'isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-bank ċentrali nazzjonali. Dan il-kont jista’ jiġi ddebitat biss fuq istruzzjoni mill-Kummissjoni.
Dan il-kont jinżamm fil-munita nazzjonali u ħieles minn kull imposta u mgħax.”
(ii)
jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:
“Kull Stat Membru jikkumpensa lill-Kummissjoni għal kwalunkwe imposta jew mgħax negattiv applikati għal dan il-kont fl-ewwel jum tax-xogħol tat-tieni xahar wara l-applikazzjoni ta’ dawn l-imposti jew mgħax negattiv.”
(b)
il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-Istati Membri jew il-banek ċentrali nazzjonali jittrażmettu dan li ġej lill-Kummissjoni, b’mezzi elettroniċi:
(a)
fil-jum tax-xogħol li fih ir-riżorsi proprji jkunu kkreditati fil-kont tal-Kummissjoni, ir-rendikont jew l-avviż ta' kreditu li juri d-dħul tar-riżorsi proprji;
(b)
mingħajr ħsara għall-punt (a), sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara l-ikkreditar tal-kont, rendikont li juri d-dħul tar-riżorsi proprji.
(4)
L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 10
It-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali
1.
Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir f'konformità mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.
Madankollu, għal intitolamenti murija f'kontijiet separati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3), id-dħul irid isir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta' wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar li jsegwi x-xahar li matulu jkunu ġew irkuprati l-intitolamenti.
2.
Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iressqu 'l quddiem b'xahar id-dħul tar-riżorsi għajr ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom fil-ħmistax tal-istess xahar.
Kull dħul imressaq 'il quddiem jiġi aġġustat fix-xahar li jsegwi meta jsir id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1. Dan l-aġġustament ikun jinvolvi d-dħul negattiv ta' ammont ugwali għal dak mogħti fid-dħul riportat.
Artikolu 10a
Id-disponibbiltà tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-ING
1.
Ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, jiġu kkreditati fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, bl-ammonti jkunu wieħed minn kull tnax tat-totali rilevanti fil-baġit, ikkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum tal-kwotazzjoni tas-sena kalendarja ta' qabel is-sena baġitarja, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.
2.
Għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħlas tan-nefqa tal-FAEG skont ir-Regolament (UE Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , kif ukoll skont il-qagħda tal-likwidità finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex iġibu 'l quddiem sa tlietxhur fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja id-dħul ta' wieħed minn tnax jew ta' frazzjoni ta' wieħed minn tnax tal-ammonti fil-baġit għar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT u għar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-impatt li għandhom fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja.
Wara l-ewwel sitt xhur, id-dħul rikjest ta' kull xahar ma jistax jeċċedi wieħed minn tnax mir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING, filwaqt li jibqa' fil-limitu tal-ammonti mdaħħla fil-baġit għal dak l-iskop.
Il-Kummissjoni tinnotifika lill-Istati Membri dwar dan bil-quddiem, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel id-dħul rikjest.
Il-paragrafu 4 li jirrigwarda l-ammont li għandu jiddaħħal f’Jannar ta’ kull sena u l-paragrafu 5 applikabbli jekk il-baġit ma jkunx għadu ġie finalment adottat qabel il-bidu tas-sena finanzjarja jkunu applikabbli għal dan id-dħul antiċipat.
3.
Kull bidla fir-rata uniformi tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, fir-rata tar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, fil-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u fil-finanzjament tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, u fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja tkun tirrikjedi l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju u twassal għal riaġġustamenti tal-ħlasijiet ta' wieħed minn tnax li jkunu ddaħħlu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja.
Dawn ir-riaġġustamenti jsiru meta jsir l-ewwel dħul wara l-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju jekk ikun adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella dawn għandhom jitwettqu meta jsir it-tieni dħul wara l-adozzjoni finali. B’deroga mill-Artikolu 11 tar-Regolament Finanzjarju, dawn ir-riaġġustamenti jiddaħħlu fil-kontijiet fir-rigward tas-sena finanzjarja tal-baġit emendatorju kkonċernat.
4.
Il-kalkolu tal-wieħed minn tnax għal Jannar ta' kull sena finanzjarja jkun ibbażat fuq l-ammonti previsti fl-abbozz tal-baġit, imsemmija fl-Artikolu 314(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u kkonvertiti fil-muniti nazzjonali bir-rati tal-kambju tal-ewwel jum tal-kwotazzjoni ta' wara l-15 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi s-sena baġitarja; l-aġġustament isir mad-dħul tax-xahar li jmiss.
5.
Jekk il-baġit ma jkunx ġie finalment adottat sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel lid-dħul għal Jannar tas-sena finanzjarja ta' wara, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, inkluż Jannar, parti waħda minn tnax tal-ammont tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT, u r-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, filwaqt li jitqies l-effett li għandha fuq dawn ir-riżorsi l-korrezzjoni permessa lir-Renju Unit għall-iżbilanċi baġitarji u t-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u l-Iżvezja, li ddaħħlu fl-aħħar baġit finalment adottat; l-aġġustament għandu jsir fl-ewwel data li jmiss wara l-adozzjoni finali tal-baġit jekk jiġi adottat qabel is-sittax tax-xahar. Inkella, l-aġġustament isir fit-tieni data ta' maturità wara l-adozzjoni finali tal-budget.
6.
Ma għandu jkun hemm ebda reviżjoni sussegwenti fil-finanzjament tat-tnaqqis gross permess lid-Danimarka, lin-Netherlands, lill-Awstrija u lill-Iżvezja fil-każ ta' modifiki fid-dejta tal-ING skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003.
Artikolu 10b
Aġġustamenti għar-riżorsi proprji bbażati fuq tal-VAT u l-ING tas-snin finanzjarji preċedenti
1.
Kull Stat Membru, abbażi tad-dikjarazzjoni annwali dwar ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, ikun iddebitat fis-sena ta' wara t-trażmissjoni ta' dik id-dikjarazzjoni b'ammont ikkalkulat mill-informazzjoni li tkun tinsab f'dik id-dikjarazzjoni billi tiġi applikata r-rata uniformi adottata għas-sena finanzjarja li tirreferi għaliha d-dikjrazzjoni u kkreditat bit-12-il pagament magħmula għal dik is-sena finanzjarja. Madankollu, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT ta' kull Stat Membru li għaliha tiġi applikata dik ir-rata ma tistax taqbeż il-perċentwal determinat mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom tal-ING tiegħu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) ta' dik id-Deċiżjoni.
2.
Kwalunkwe korrezzjoni tal-bażi ta' riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT taħt l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 għandha twassal biex kull Stat Membru kkonċernat li l-bażi tiegħu, meta jitqiesu dawk il-korrezzjonijiet, ma taqbiżx il-perċentwali ddeterminati mill-Artikoli 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għall-aġġustamenti li ġejjin għall-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu:
(a)
il-korrezzjonijiet taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 magħmula sal-31 ta’ Lulju għandhom iwasslu għal aġġustament ġenerali fis-sena ta’ wara;
(b)
meta l-miżuri li tieħu l-Kummissjoni skont tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 biex tikkorreġi l-bażi jwasslu għal ċertu aġġustament tad-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament, dak l-aġġustament isir fid-data speċifikata mill-Kummissjoni f'konformità ma' dawk il-miżuri. Madanakollu, aġġustament partikolari jista’ jiddaħħal fi kwalunkwe żmien jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jaqblu dwar dan skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
It-tibdil għall-ING imsemmi fil-paragrafu 4 għandu wkoll iwassal għal aġġustament tal-bilanċ ta' kwalunkwe Stat Membru li r-riżorsa bbażata fuq il-VAT tiegħu, meta jitqiesu l-korrezzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ikollha bħala limitu massimu l-perċentwali determinati bl-Artikolu 2(1)(b) u 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.
3.
Abbażi taċ-ċifri għall-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu mis-sena ta' qabel, forniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, kull Stat Membru, fis-sena ta' wara s-sena tal-forniment taċ-ċifri, għandu jiġi ddebitat bl-ammont ikkalkulat billi tiġi applikata għar-rata tiegħu tal-ING adottata għas-sena preċedenti għas-sena tal-forniment taċ-ċifri u kkreditat bil-ħlasijiet magħmula matul dik is-sena.
4.
Kull kambjament f-ING tas-snin finanzjarji preċedenti konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003, suġġett għall-Artikolu 5 tiegħu, għandu jwassal biex kull Stat Membru kkonċernat jagħmel aġġustament fil-bilanċ stabbilit konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Wara t-30 ta' Novembru tar-raba' sena wara sena finanzjarja partikolari, kwalunkwe tibdil fl-ING ma jibqax jiġi kkunsudrat, ħlief fuq punti nnotifikati f'dan il-limitu ta' żmien jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru.
5.
Għal kull Stat Membru, il-Kummissjoni tikkalkula d-differenza bejn l-ammont li jirriżulta mill-aġġustamenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti aġġustamenti skont il-paragrafu 2(b), kif ukoll ir-riżultat tal-moltiplikazzjoni tal-ammont totali tal-aġġustamenti bil-perċentwal li l-ING ta’ dak l-Istat Membru jirrappreżenta fl-ING tal-Istati Membri kollha, kif applikabbli fil-15 ta’ Jannar għall-baġit fis-seħħ għas-sena ta’ wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti.
Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, l-ammonti jiġu kkonvertiti mill-munita nazzjonali għall-euro bir-rati tal-kambju tal-aħħar jum ta’ kwotazzjoni tas-sena tal-kalendarju li tiġi qabel is-sena tad-dħul fil-kontijiet, kif ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C.
Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl- Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ġunju tal-istess sena.
6.
L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 ta' dan l-Artikolu jikkostitwixxu modifikazzjonijiet għall-introjtu fir-rigward tas-sena finanzjarja li fiha jridu jiddaħħlu fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9.
(5)
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 jinbidel b'li ġej:
“2. Il-Kummissjoni tikkalkula l-aġġustament matul is-sena li tiġi wara s-sena finanzjarja kkonċernata.
Il-kalkolu jsir abbażi tal-figuri li ġejjin relatati mas-sena finanzjarja rilevanti:
(a)
l-ING aggregat bil-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tiegħu, fornut mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003;
(b)
l-eżitu tal-baġit tan-nefqa operazzjonali li tikkorrispondi mal-miżura jew mal-politika inkwistjoni.
L-aġġustament ikun ugwali għar-riżultat tal-moltiplikazzjoni tal-ammont totali tan-nefqa inkwistjoni, bl-eċċezzjoni ta' dik iffinanzjata minn pajjiżi terzi parteċipanti, bil-persentaġġ tal-GNP rappreżentat mill-Istat Membru li hu intitolat għall-aġġustament fil-GNP tal-Istati Membri kollha. L-aġġustament jiġi finanzjat mill-Istati Membri parteċipanti skont skala determinata billi jiġi diviż l-ING rispettivi tagħhom bl-ING tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Għall-finijiet li jiġi kkalkolat l-aġġustament, l-ammonti jiġu kkonvertiti mill-munita nazzjonali għall-euro bir-rata tal-kambju fl-aħħar jum ta' kwotazzjoni tas-sena kalendarja li tiġi qabel is-sena baġitarja kkonċernata.
L-aġġustament għal kull sena rilevanti jsir darba biss u jkun finali fl-eventwalità ta' modifikazzjoni sussegwenti tal-figura tal-ING.”
(6)
fl-Artikolu 12, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. Fil-każ ta' Stati Membri li jagħmlu parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax tkun daqs ir-rata kif pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew ikun applika għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta' finanzjament mill-ġdid, fl-ewwel jum tax-xahar li fih ħabtet id-data dovuta, miżjuda bi 3,5 punti perċentwali.
Din ir-rata tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien.
Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż l-20 punt perċentwali. Ir-rata biż-żieda tiġi applikata għall-perjodu kollu tad-dewmien.
3. Fil-każ ta' Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni mill-Banek Ċentrali għall-operazzjonijiet prinċipali tagħhom ta' finanzjament mill-ġdid, miżjuda bi 3,5 punti perċentwali, jew għal dawk l-Istati Membri li ma jkollhomx għad-dispożizzjoni tagħhom ir-rata tal-Bank Ċentrali, l-iktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq tal-flus tal-Istat Membru, miżjud bi 3,5 punti perċentwali.
Din ir-rata tiżdied b'0,25 ta' punt perċentwali għall kull xahar ta' dewmien.
Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż l-20 punt perċentwali. Ir-rata biż-żieda tiġi applikata għall-perjodu kollu tad-dewmien.
(7)
L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a)
fil-paragrafu 2, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“L-Istati Membri jinħelsu mill-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu fejn l-inklużjoni fil-kontijiet jew in-notifika tad-dejn doganali skont id-dispożizzjonijiet doganali jiġu ddifferiti sabiex ma jippreġudikawx investigazzjoni kriminali u l-intitolamenti stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli strettament minħabba dak il-posponiment, u fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-investigazzjonijiet kriminali jkunu ġustifikati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;
(b)
l-investigazzjonijiet kriminali jsiru b’mod diliġenti;
(c)
taxxi u dazji nazzjonali ma jkunux soġġetti għal trattament aktar favorevoli mill-intitolamenti irrekoverabbli.”
(b)
fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skond il-limiti ta' żmien imsemmija f'dak il-paragrafu, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 jkun ġie applikat sakemm id-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-EUR 100 000.”
(8)
fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 jinbidel b'li ġej:
“3. Fil-każ biss ta' inadempjenza skont it-termini ta' self ikkuntrattat jew iggarantit f'konformità ma' regolamenti u deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, jew mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, f'ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni ma tkunx tista' tattiva miżuri oħra previsti mill-arranġamenti finanzjarji li japplikaw għal dan is-self fil-ħin sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligazzjonijiet legali tal-Unjoni lejn dawk li jisilfu, jistgħu jkunu applikati l-paragrafi 2 u 4 b'mod temporanju, indipendentement mill-kondizzjonijiet fil-paragrafu 2, għat-trattament tad-djun tal-Unjoni.”
(9)
L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 15
Eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas
1.
L-Istati Membri, jew il-bank ċentrali nazzjonali, jeżegwixxu l-ordnijiet ta' ħlas tal-Kummissjoni fuq istruzzjonijiet tal-Kummissjoni u f'mhux aktar minn tlitt ijiem tax-xogħol mill-jum li jirċevuhom. Madanakollu, fil-każ ta' tranżazzjonijiet ta' ċaqliq ta' flus, l-Istati Membri jeżegwixxu l-ordnijiet fil-perijodu mitlub mill-Kummissjoni.
2.
L-Istati Membri, jew il-bank ċentrali nazzjonali, jibagħtu lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi u sa mhux aktar tard mit-tieni jum tax-xogħol wara li ssir kull tranżazzjoni, rendikont tal-kont li juri l-movimenti relatati.”
Artikolu 2
1.
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament(UE, Euratom) Nru 609/2014.
Suġġett għall-paragrafi 2 u 3, dan japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
2.
Il-punt 1, il-punt 2(b), il-punt 3(a)(ii), il-punti 4 u 7 tal-Artikolu 1 japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3), l-Artikolu 10 u l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014 fil-verżjoni tiegħu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament japplikaw għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3.
L-Artikolu 1(6) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-kalkolu tal-interessi għal ħlas tard tar-riżorsi proprji li jkunu dovuti wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, il-limitazzjoni fuq iż-żieda totali tar-rata tal-imgħax tapplika wkoll għall-kalkolu ta’ mgħax fuq ħlas tard tar-riżorsi proprji li kienu dovuti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u jkun sar magħruf lill-Kummissjoni jew lill-Istat Membru kkonċernat biss wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
ISEM IL-PROPOSTA:
Emenda tar-Regolament 609/2014
1.IL-LINJI BAĠITARJI:
Il-Kapitolu 31, 32 u l-Artikolu 700
2.L-IMPATT FINANZJARJU
◻
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji
◻
Il-proposta ma għandhiex impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:
(Miljun EUR sa ċifra deċimali waħda)
|
|
|
|
Linja Baġitarja
|
Dħul
|
Perjodu ta' sitt (12) xhur, li jibda minn jj/xx/ssss
|
[Sena n]
|
|
Artikolu
|
Impatt fuq ir-riżorsi proprji
|
|
|
|
Artikolu
|
Impatt fuq ir-riżorsi proprji
|
|
|
|
Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni
|
|
|
[n+1]
|
[n+2]
|
[n+3]
|
[n+4]
|
[n+5]
|
|
Artikolu
|
|
|
|
|
|
|
Artikolu
|
|
|
|
|
|
3.MIŻURI KONTRA L-FRODI
Ma jridu jittieħdu ebda miżuri.
4.RIMARKI OĦRA
Il-kjarifika li l-kontijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 609/2014 għandhom jinżammu mingħajr ebda imposta jew interessi timpedixxi milli d-dħul tal-baġit tal-Unjoni jitnaqqas minħabba dawn l-imposti u/jew interessi.
L-aġġustamenti għall-VAT u għar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING: Peress li l-ammonti, li jistgħu jkunu pożittivi jew negattivi, mhumiex magħrufa, hemm biss p.m. fit-Titolu 3 (il-Kapitoli 31 u 32) tal-baġit. Fis-sena wara d-dħul fis-seħħ mhux ser ikun hemm bilanċi dovuti minħabba l-posponiment propost. L-effett baġitarju ta’ dan in-netting propost tat-total tal-bilanċi tal-Istati Membri huwa newtrali fir-rigward tal-baġit tal-Kummissjoni.
Interessi fuq ir-riżorsi proprji li jkunu saru disponibbli tard: L-interessi huma fin-natura ta’ tranżazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea jew l-Awtorità Baġitarja ma jistgħu jkunu mistennija jikkunsidraw b'ebda grad ta’ prevedibbiltà jew eżattezza meta l-baġit ikun qed jiġi ppreparat u adottat. Madankollu ammont nominali ta’ EUR 5 miljun huwa mdaħħal fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit kull sena taħt il-linja 7000 sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament korrett tal-budget ta’ kwalunkwe ammonti riċevuti minħabba l-interessi. Il-kontijiet annwali jippreżentaw l-ammonti attwalment riċevuti.