Brussell, 26.8.2015

COM(2015) 407 final

2015/0181(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Fit-13 ta’ Diċembru 2012, l-Ukrajna applikat biex taderixxi mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA”). Hija ppreżentat offerti ta’ kopertura riveduti fis-7 ta' Marzu 2014, fit-28 ta' Ottubru 2014, fis-27 ta' April 2015, fis-27 ta' Mejju 2015 u fid-29 ta' Ġunju 2015.

Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat serje ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tal-Ukrajna, kemm f’format bilaterali kif ukoll fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO (“il-Kumitat GPA”).

L-Ukrajna sussegwentement ippreżentat offerta finali lill-Kumitat tal-GPA. Sommarju finali tal-offerta tal-Ukrajna u l-valutazzjoni tagħha mill-Kummissjoni huma mogħtija hawn taħt.

Id-deċiżjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tesprimi l-fehma tal-Unjoni dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna fi ħdan il-Kumitat tal-GPA.

Il-konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din hija l-proċedura standard segwita meta l-Kummissjoni jkun jeħtiġilha tesprimi l-opinjoni tal-Unjoni dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ pajjiż terz fi ħdan il-Kumitat tal-GPA.

Il-konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Mhux rilevanti.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta deċiżjoni li għandha effett legali teħtieġ li tittieħed f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Kumitat GPA li se jistabbilixxi t-termini ta' adeżjoni tal-Ukrajna taqa' taħt l-Artikolu 218(9) tat-TFUE hekk kif id-deċiżjoni tittieħed f'korp imwaqqaf bi ftehim internazzjonali u se jkollha effetti legali.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

L-UE għandha kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni tista’ tiżgura l-aqwa ingranaġġ għall-pajjiżi terzi.

Proporzjonalità

Mhux rilevanti.

L-Għażla tal-istrument

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta deċiżjoni li għandha effett legali teħtieġ li tittieħed f’korp imwaqqaf minn ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, IL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex-post / il-verifiki tal-adegwatezza tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux rilevanti.

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Mhux rilevanti.

Ġbir u użu ta' għarfien espert

Mhux rilevanti.

Valutazzjoni tal-impatt

L-adeżjoni ta’ pajjiż terz għal ftehim internazzjonali li fih l-Unjoni hija parti ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

L-adegwatezza regolatorja u s-simplifikazzjoni

Mhux rilevanti.

Drittijiet fondamentali

Mhux rilevanti.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Le.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-arranġamenti tar-rappurtar

Mhux rilevanti.

Id-dokumenti spjegatorji (għad-Direttivi)

Mhux rilevanti.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-offerta finali tal-Ukrajna

Impenji għall-aċċess għas-suq (entitajiet, prodotti, servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni koperti)

Limiti massimi

Il-limiti tal-Annessi differenti offruti mill-Ukrajna jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti standard applikati minn Partijiet tal-GPA.

Entitajiet

Fl-Anness 1 (“entitajiet tal-gvern ċentrali”) l-Ukrajna toffri għadd kbir ta’ entitajiet tal-gvern ċentrali b'segwitu ta' approċċ bbażat fuq definizzjoni. Dan jinkludi lista indikattiva ta’ entitajiet bħal dawn. Ma hemm l-ebda nota b’esklużjonijiet jew riżervi.

Fl-Anness 2 (“entitajiet tal-gvern subċentrali”) l-Ukrajna tagħti numru importanti ta’ entitajiet subċentrali permezz ta’ definizzjoni u tinkludi lista indikattiva ta’ dawn l-entitajiet. Ma hemm l-ebda nota b’esklużjonijiet jew riżervi.

Fl-Anness 3 (“entitajiet oħra”) l-Ukrajna tagħti lill-Partijiet tal-GPA aċċess għall-akkwist ta’ entitajiet f’għadd estensiv ta’ setturi ta' utilitajiet, ibbażati fuq definizzjoni u li jinkludu lista indikattiva, kif mitlub mill-UE.

Ġiet inkluża nota mnebbħa minn nota tal-UE taħt l-Anness 3 li teskludi l-akkwist minn impriżi assoċjati jew impriżi konġunti.

Oġġetti

L-Ukrajna toffri skont l-Anness 4 tagħha l-oġġetti kollha akkwistati mill-entitajiet koperti.

Is-Servizzi

L-Ukrajna toffri skont l-Anness 5 s-servizzi kollha akkwistati mill-entitajiet koperti b'għadd żgħir ta' eċċezzjonijiet. Dawn jikkonċernaw is-servizzi ta’ medjazzjoni internazzjonali, arbitraġġi kummerċjali internazzjonali u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinvolvi l-entità akkwirenti; servizzi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw il-ġbir ta’ riżorsi ta’ kreditu u fondi għal kapital mikri minn entità akkwirenti; servizzi ta’ riċerka u żvilupp u servizzi finanzjarji u oħrajn relatati pprovduti mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna. Dawn l-esklużjonijiet huma ta’ għadd u natura limitata.

Servizzi ta’ kostruzzjoni

Fl-Anness 6, l-Ukrajna toffri d-Diviżjoni 51, CPC Prov. kollha. Mhux qed jiġu proposti l-ebda kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ xogħlijiet.

Noti Ġenerali

Fl-Anness 7 l-Ukrajna tinkludi żewġ noti. Dawn jikkonċernaw l-akkwist ta' servizzi ta’ kostruzzjoni minn rappreżentanzi diplomatiċi barra mill-pajjiż u l-akkwist fir-rigward ta’ karta protetta, karti tal-flus, muniti u dokumenti sensittivi li t-tnejn mhumiex koperti minn offerta tal-Ukrajna.

Il-Leġiżlazzjoni tal-Ukrajna

Il-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna fil-qasam tal-akkwist pubbliku hija nondiskriminatorja. M’hemm l-ebda dispożizzjoni li tagħti lill-provvisti u lill-fornituri domestiċi trattament iktar favorevoli minn dak mogħti lill-fornituri jew lill-provvisti barranin. Il-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna dwar l-akkwist pubbliku tidher li hi miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja f'konformità mar- rekwiżiti tal-GPA.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-offerta tal-Ukrajna

L-offerta finali tal-Ukrajna tipprovdi kopertura estensiva ta’ entitajiet ċentrali, subċentrali u dawk li joperaw fis-settur tal-utilitajiet, prodotti, servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni. Għalhekk, hija sodisfaċenti u aċċettabbli. Il-leġiżlazzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi tiegħu hija konformi mal-GPA.

Fir-rigward tal-fatt li l-Ukrajna tipprevedi lista eżawrjenti ta’ entitajiet taħt l-Anness 1 tagħha, l-aċċess ta’ prodotti, servizzi, fornituri u fornituri ta’ servizzi tal-Ukrajna għall-UE għandu jkun dak indikat fil-punt 2 tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tal-UE, jiġifieri l-aċċess għall-akkwist tal-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali kif elenkat fl-Anness 1.

Rakkomandazzjoni

L-adeżjoni tal-Ukrajna fil-GPA hija mistennija li tkun ta' kontribut pożittiv ħafna lejn aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku internazzjonali, billi jitkabbar l-għadd ta’ partijiet għall-GPA u b’hekk jinkoraġġixxi pajjiżi oħra biex jissieħbu fil-GPA. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-offerta finali sottomessa mill-Ukrajna tiġi aċċettata bit-termini msemmija hawn fuq.

Għaldaqstant, huwa propost li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata li tesprimi fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern il-pożizzjoni tal-Unjoni favur l-adeżjoni tal-Ukrajna, li għandha tiġi riflessa fid-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna.

2015/0181 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-13 ta’ Diċembru 2012, l-Ukrajna applikat għall-adeżjoni fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA”).

(2)Impenji tal-Ukrajna dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha,

(3)L-offerta finali tal-Ukrajna tipprovdi kopertura estensiva ta’ entitajiet ċentrali, subċentrali u dawk li joperaw fis-settur tal-utilitajiet, prodotti, servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni. Għalhekk, hija sodisfaċenti u aċċettabbli. It-termini tal-adeżjoni tal-Ukrajna, kif riflessi fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, se jkunu riflessi fid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-Kumitat tal-GPA”) dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna.

(4)L-adeżjoni tal-Ukrajna fil-GPA hija mistennija li tkun ta' kontribut pożittiv għal aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku internazzjonali.

(5)L-Artikolu XXII (2) tal-GPA jipprovdi li kull Membru tad-WTO jista’ jaderixxi ma’ Ftehim dwar it-termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, b’tali termini ddikjarati f’deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA.

(6)Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA relattivament għall-adeżjoni tal-Ukrajna,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern huwa li tapprova l-adeżjoni tal-Ukrajna fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern, suġġett għal termini speċifiċi ta’ adeżjoni stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President


Brussell, 26.8.2015

COM(2015) 407 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern


ANNESS

TERMINI TAL-UE DWAR L-ADEŻJONI TAL-UKRAJNA MAL-GPA

Mal-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku, il-punt 2 tat-taqsima 2 (L-awtoritajiet kontraenti tal-Gvern Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE) tal-Anness 1 tal-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:

" 2. Għall-oġġetti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi ta' Iżrael, tal-Montenegro, tar-Repubblika tal-Moldova, u tal-Ukrajna, l-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li ġejjin."