Brussell, 23.7.2015

COM(2015) 370 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE


INFORMAZZJONI U KUNDIZZJONIJIET LI JIĠĠUSTIFIKAW IL-MOBILIZZAZZJONI TAL-FOND TA’ SOLIDARJETÀ TAL-UE

1.INTRODUZZJONI

Din id-Deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-“Fond”) għal ammont ta’ EUR 16 274 765 wara tliet diżastri fil-Bulgarija u fil-Greċja. Din il-mobilizzazzjoni se tiġi ffinanzjata għall-ammont sħiħ permezz tal-użu parzjali ta’ EUR 50 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li diġà ddaħħlu fil-baġit tal-2015, u bħala tali mhuwiex meħtieġ baġit ta’ emenda.

2.INFORMAZZJONI U KUNDIZZJONIJIET

Tard f'April tal-2015 il-Kummissjoni rċeviet tliet applikazzjonijiet għall-Fond għal għajnuna finanzjarja relatata ma’ diżastru fil-Bulgarija (kundizzjonijiet xitwija qliel) u żewġ diżastri fil-Greċja (għargħar f'Evros u fil-Greċja ċentrali) li seħħew f’Jannar u Frar tal-2015. Il-Kummissjoni wettqet analiżi eżawrijenti ta’ dawn it-tliet applikazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 1 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament"), u b’mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu. L-iktar elementi importanti tal-valutazzjonijiet huma deskritti hawn taħt.

2.1.IL-BULGARIJA

(1)Lejn tmiem Jannar u l-bidu ta' Frar 2015 partijiet kbar tal-Bulgarija sofrew minn xita qalila, borra, għargħar u uqigħ tal-art li kkawżaw ħsarat sinifikanti fl-infrastruttura pubblika, in-negozji, id-djar u l-assi privati, u kienu ta’ ħsara għas-settur agrikolu.

(2)L-applikazzjoni mill-Bulgarija waslet fil-24 ta' April 2015, jiġifieri fi żmien il-perjodu stipulat ta' 12-il ġimgħa wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fit-30 ta' Jannar 2015.

(3)Il-Kummissjoni vvalutat li l-avvenimenti differenti ta’ diżastri fil-Bulgarija għandhom kawża meteoroloġika komuni ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqgħu taħt il-qasam tal-applikazzjoni tal-FSUE.

(4)Meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha, il-Bulgarija talbet ħlas bil-quddiem tal-kontribut antiċipat mill-FSUE. Wara valutazzjoni preliminari tal-applikazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4a tar-Regolament kienu sodisfatti. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4179 ] għamlet għotja ta' avvanz li jammonta għal EUR 637 782 li jirrappreżenta 10% tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond.

(5)L-awtoritajiet Bulgari stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hi ta' EUR 243,305 miljun. Dan jirrappreżenta 0.622 % tal-ING tal-Bulgarija jew 103.6 % tal-limitu massimu ta’ “diżastru maġġuri” ta’ EUR 234,871 miljun applikabbli għall-Bulgarija fl-2015 (jiġifieri 0.6 % tal-ING fuq il-bażi tad-dejta tal-2013) għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE. Peress li l-ħsara diretta totali stmata taqbeż il-livell limitu, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri", fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament.

(6)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza u ta' rkupru essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(7)Fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi tad-diżastru, il-kundizzjonijiet xitwin severi laqtu kważi t-territorju kollu tal-Bulgarija. Ġie rrappurtat li r-reġjun tax-Xlokk kien l-aktar milqut minn dawn l-avvenimenti. Aktar minn 300 binja fil-belt ta’ Burgas weħeda sfaw mgħarrqa. Uqigħ tal-art qerdu infrastruttura importanti. Inkisru digi, ħafna xmajjar (eż. ix-xmara Maritsa/Evros) faqgħu x-xtut tagħhom u għarrqu artijiet agrikoli u foresti. Irjieħ qliel qerdu foresti tal-arżnu, ikkawżaw qtugħ fil-provvista tal-enerġija u ħarbtu n-netwerks ta’ komunikazzjoni; siġar imwaqqgħin imblukkaw it-toroq.

(8)Il-kost tal-operazzjonijiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Bulgari li jammonta għal EUR 239,225 miljun u ġie ppreżentat skont it-tipi ta' operazzjonijiet. Dan l-ammont jirrappreżenta aktar minn 98 % tad-dannu totali rrappurtat. L-awtoritajiet Bulgari spjegaw li dan is-sehem għoli b'mod sproporzjonat ta’ dannu pubbliku bl-inabilità tal-awtoritajiet lokali li jivvalutaw id-dannu privat kif suppost fi żmien l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa tal-applikazzjoni. Il-ħsara privata hija għalhekk fil-parti l-kbira mhux inkluża fl-applikazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta' emerġenza huwa 'il fuq minn EUR 97 miljun u jikkonċerna l-iżgurar ta' infrastrutturi preventivi. Aktar minn EUR 46 miljun huma stmati meħtieġa għat-tiswija tal-infrastruttura tat-trasport.

(9)Ir-reġjuni milquta jaqgħu taħt il-kategorija ta' "reġjuni inqas żviluppati" taħt il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (2014-2020). L-awtoritajiet Bulgari ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jallokaw mill-ġdid il-fondi mill-programm ta' Fondi SIE għall-Bulgarija għal miżuri ta' rkupru.

(10)Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tar-riskju tad-diżastru u l-immaniġġjar relatat man-natura tad-diżastru l-Bulgarija ttrasponiet id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-"Direttiva dwar l-Għargħar") fl-2010 fil-liġi nazzjonali u wettqet valutazzjoni tar-riskju tal-għargħar preliminari għal kull distrett tal-baċin tax-xmara abbażi ta’ metodoloġija għal valutazzjoni tal-periklu tal-għargħar u tar-riskju tal-għargħar żviluppata mill-Ministeru tal-Ambjent u l-Ilma.

(11)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Bulgarija ma kinitx suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Bulgari indikaw li ħsara li tammonta għal madwar EUR 32 275 hija koperta minn assigurazzjoni. Dan l-ammont ġie mnaqqas mill-kost eliġibbli.

2.2.IL-GREĊJA (għargħar f’Evros u fir-reġjuni ċentrali u tal-punent)

(1)Minn kmieni fi Frar tal-2015, il-Greċja kienet milquta minn għargħar mifruxa fiż-żona usa’ tax-xmajjar Evros u Ardas fil-Maċedonja tal-Lvant u r-Rreġjun Thrace li kkawżaw qerda ta’ infrastruttura essenzjali, binjiet pubbliċi, djar u negozji privati, u fl-agrikoltura.

(2)Matul l-istess perjodu partijiet kbar tal-Greċja Ċentrali u tal-Punent inklużi r-reġjuni tal-Epirus, il-Punent tal-Greċja, il-Greċja Ċentrali u Thessaly ġew milquta minn avvenimenti simili li kkawżaw aktar ħsara milli fil-Maċedonja tal-Lvant.

(3)Il-Greċja ressqet żewġ talbiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, it-tnejn li huma fit-23 ta’ April 2015, lfil-limitu preskritt ta’ 12-il ġimgħa wara li kienu rreġistrati l-ewwel ħsarat fl-4 ta’ Frar 2015 (Evros) u l-1 ta’ Frar (ir-reġjuni ċentrali u tal-punent). L-applikazzjonijiet kienu ppreżentati bħala 'diżastri reġjonali' taħt l-Artikolu 2(3) tar-Regolament. B’kollox, ħames reġjuni NUTS 2 kienu milquta mid-diżastru: Il-reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u u ta' Thrace (l-għargħar ta’ Evros) kif ukoll ir-reġjuni ta' Epirus, il-Punent tal-Greċja, il-Greċja Ċentrali u Thessaly (għall-għargħar tal-Greċja Ċentrali u tal-Punent).

(4)Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni madankollu wriet li l-avvenimenti fil-Greċja (u d-diżastru maġġuri fil-Bulgarija) huma relatati u għandhom l-istess oriġini meteoroloġiċi. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tittratta l-każijiet Griegi bħala diżastru reġjonali uniku kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Id-diżastru huwa ta' oriġini naturali u għalhekk jaqa' taħt l-ambitu tal-applikazzjoni tal-FSUE.

(5)L-amalgamazzjoni taż-żewġ applikazzjonijiet ma għandha l-ebda impatt fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-FSUE filwaqt li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv fuq il-Greċja minn implimentazzjoni u rappurtar.

(6)Meta ppreżentat l-applikazzjonijiet tagħha, il-Greċja talbet ħlas bil-quddiem tal-kontribuzzjoniet antiċipati mill-FSUE. Wara valutazzjoni preliminarja tal-applikazzjonijiet, u qabel ma ġie deċiż li jiġu amalgamati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a ta’ dan ir-Regolament ġew issodisfati fiż-żewġ każijiet.

(7)L-awtoritajiet Griegi stmaw li l-ħsara diretta totali kumulattiva kkaġunata mill-avvenimenti tal-għargħar laħqet EUR 395,878 miljun (EUR 132,454 miljun għal Evros u EUR 263,424 miljun għall-Greċja ċentrali u tal-punent). Dan l-ammont jirrappreżenta 36 % tal-livell limitu ta’ 'diżastru maġġuri' ta’ EUR 1 091,315 miljun applikabbli għall-Greċja fl-2015 (jiġifieri 0,6 % tal-ING fuq il-bażi tad-dejta tal-2013) u għalhekk ma jikkwalifikax bħala ‘diżastru maġġuri’. Il-ħsara diretta totali madankollu tirrappreżenta 4,78 % tal-medja ponderata tal-PDG tal-ħames reġjuni NUTS 2 kkonċernati u għalhekk taqbeż sew il-limitu ta’ 1,5 % tal-PDG reġjonali ponderat stipulat fir-Regolament biex tikkwalifika bħala diżastru reġjonali.

(8)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal ħidmiet ta’ emerġenza u ta' rkupru essenzjali kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament.

(9)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4180 għamlet avvanz li jammonta għal EUR 331 135 għal Evros; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COM(2015) 4181 ammont ta’ EUR 658 560 għall-Greċja ċentrali u tal-punent li fiż-żewġ każijiet jirrappreżenta 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond.

(10)Fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi tad-diżastri, l-għargħar fil-baċin ta' Evros affettwa b’mod partikolari s-settur agrikolu. Madwar 17 500 ettaru ta’ art ġew mgħarrqa. Infrastruttura tal-biedja, imħażen u uċuħ tar-raba’ inqerdu. 150 km ta’ toroq ġralhom xi ħsarat jew ġew meqruda. Infrastruuti tal-provvista tal-ilma u tad-dranaġġ ġarrbu ħsarat fi 17-il insedjament. L-għargħar ikkawża wkoll ħsara fil-bini pubbliku (skejjel, palestri, libreriji). Fil-partijiet tal-punent, partijiet ċentrali u ta' fuq tal-Greċja Epirus, Aitoloakarnania, Evrytania, Fthiotida, Tessalja u Peloponnese, sofrew minn xita qawwija u tempesti, kif ukoll minn ħafna borra fil-muntanji, irjiħat tan-nofsinhar tempestużi , kemm f’żoni lil hinn mill-kosta u f'dawk fuq l-art. L-avveniment wassal għal qtugħ fil-provvista tal-elettriku, infaqgħu il-ġnub tax-xmajjar u uqigħ estensiv tal-art wassal biex għadd ta’ insedjamenti muntanjużi sfasw iżolati fejn l-abitanti kellhom jiġu evakwati. Id-diżastru għamel ħsarat f'aktar minn 60 % tan-netwerk tat-toroq f’Epirus. L-agrikoltura sofriet minn telf ta’ uċuħ tar-raba’ fuq art ikkoltivata. Imħażen, djar, negozji kummerċjali, unitajiet tat-trobbija tal-annimali u azjendi agrikoli ġew milquta. Ċerti assi tal-wirt kulturali tal-Greċja kienu fil-periklu. L-ilmijiet b'saħħithom tax-Xmara Arachthos pereżempju kinsu l-pont storiku ta’ Plaka, f'Tzoumerka.

(11)Il-kost tal-operazzjonijiet ta' emerġenza essenzjali eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Griegi li jammonta għal EUR 308,445 miljun u ġie ppreżentat skont it-tipi ta' operazzjonijiet. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna s-settur tat-trasport ta’ aktar minn EUR 196 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva li jammonta għal EUR 83 miljun.

(12)Ir-reġjuni milquta huma 'reġjuni inqas żviluppati' taħt il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (2014-2020). L-awtoritajiet Griegi ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jallokaw mill-ġdid il-fondi mill-programm ta' Fondi SIE għall-Greċja għal miżuri ta' rkupru.

(13)Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġjar ta’ riskju ta’ diżastri bħalissa hemm l-ebda proċedura ta’ ksur għaddejja. Aġġornament tar-rapport ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju tal-għargħar ġie ppreżentat lill-Kummissjoni f’Novembru 2012. Barra minn hekk, bħala parti mill-Qafas Nazzjonali ta’ Referenza Strateġika 2014-2020, il-PO 'Iinfrastruttura, Trasport, Ambjent u Żvilupp Sostenibbli”, li huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, jiffinanzja, taħt l-għan tematiku 5, azzjonijiet li għandhom l-għan li jirrispondu għall-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima u jadattaw għal kundizzjonijiet kserotermiċi ġodda u fenomeni estremi possibbli tat-temp, bħalma huma l-għargħar.

(14)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni l-Greċja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

(15)L-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-kostijiet eliġibbli ma huma koperti minn ebda assikurazzjoni.

3.FINANZJAMENT

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu jagħti lok għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-"Fond"), b'limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011), separatament mill-intestaturi relevanti tal-qafas finanzjarju. Il-kundizzjonijiet tal-eliġibilità għall-Fond huma dettaljati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea. Il-punt 11tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba 3 (IIA) jistipula l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.

Minħabba li s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ċentrali għall-ħolqien tal-Fond, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Fond għandha tkun progressiva. Dan ifisser li, skont prattika preċedenti, il-porzjon tal-ħsarat li jaqbeż il-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għall-mobilizzazzjoni tal-Fond (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont) għandu jwassal għal intensità ta' għajnuna akbar minn ħsarat li jaslu sal-livell limitu. Ir-rata applikata fil-passat biex jiġu definiti l-allokazzjonijiet għal diżastri maġġuri hija ta' 2,5% tal-ħsara diretta totali taħt il-livell limitu u 6% għall-parti tal-ħsara 'l fuq minn dan. Għal diżastri reġjonali u diżastri aċċettati taħt id-dispoizzjoni ta' “pajjiż ġar” ir-rata hija ta’ 2,5 %.

Il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż il-kost totali stmat tal-operazzjonijiet eliġibbli. Il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-Fond ta’ Solidarjetà kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-Fond ta’ Solidarjetà u aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet mill-Bulgarija u l-Greċja, il-kalkolu tal-għajnuna mill-Fond, abbażi tal-istima tal-ħsara totali kkawżata huwa kif ġej:

Diżastru

Ħsara diretta
(miljuni €)

Il-limitu massimu applikat għal diżastru reġjonali (miljuni €)

Il-limitu massimu għal diżastru maġġuri
(miljuni €)

Kost totali ta' operazzjonijiet eliġibbli
(miljuni €)

2,5 % tal-ħsara diretta sal-limitu massimu €

6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mil-limitu €

Ammont totali ta' għajnuna proposta €

IL-BULGARIJA

243,305

-

234,871

239,225

5 871 775

506 040

6 377 815

IL-GREĊJA

395,878

124,354

1 091,315

308,445

9 896 950

-

9 896 950

L-AMMONT TOTALI

16 274 765

Ammont ta’ EUR 50 000 000 ġie mmobilizzat fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Baġit tal-2015 għall-ħlas ta’ avvanzi u l-approprjazzjonijiet ta' impenn u pagament korrispondenti iddaħħlu fil-baġit. Fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjonijiet 4 , u meta titqies l-għotja massima possibbli mill-Fond, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Fond għal dawn iż-żewġ każijiet bl-użu ta' EUR 16 274 765 mill-EUR 50 000 000 immobilizzati speċifikament għall-avvanzi fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015.

Billi diġà ġie mħallas ammont ta’ EUR 1 627 477 għal avvanzi ta' 10 % (EUR 637 782 għall-Bulgarija u EUR 989 695 għall-Greċja) f’konformità mal-Artikolu 4a(2) tar-Regolament, il-bilanċ li jibqa’ biex jitħallas huwa ta' EUR 14 647 288 (EUR 5 740 033 għall-Bulgarija u EUR 8 907 255 għall-Greċja).

Wara l-ħlas tal-avvanzi msemmija hawn fuq, il-bilanċ disponibbli għall-ħlas ta’ avvanzi fil-baġit huwa ta’ EUR 48 372 523. F’konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) li jipprovdi għall-possibbiltà tar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tieħu minn tali bilanċ disponibbli l-EUR 14 647 288 meħtieġa għall-Bulgarija u l-Greċja. Wara l-pagament tal-bilanċ li jkun fadal ta’ EUR 14 647 288, ammont ta’ EUR 33 725 235 jibqa’ disponibbli għal aktar avvanzi fl-2015 f’każ ta’ bżonn. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, dan huwa vvalutat bħala suffiċjenti f’każ ta’ applikazzjonijiet ġodda li jaslu matul il-bqija tas-sena.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, se tinbeda proċedura ta’ trilogu skont il-Punt 11 tal-IIA 5 .

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 6 u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 7 , u b’mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni 8 ,

Billi:

(1)Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li turi solidarjetà mal-popolazzjonijiet ta' reġjuni milquta minn diżastri.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 9 .

(3)Il-Bulgarija ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, minħabba kundizzjonijiet xitwija qliel.

(4)Il-Greċja ppreżentat żewġ applikazzjonijiet biex timmobilizza l-Fond, minħabba għargħar.

(5)Il-Kummissjoni vvalutat li l-applikazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill 2012/2002.

(6)Il-Fond għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 16 274 765 fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Bulgarija u mill-Greċja.

(7)Hemm ambitu biex l-aproprjazzjonijiet jiġu riallokati skont it-tieni sentenza tal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013. L-approprjazzjonijiet għall-avvanzi għas-sena finanzjarja 2015 ġew użati b’mod limitat ħafna, għat-tliet applikazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, u li għalihom il-bilanċ li jibqa’ biex jitħallas huwa ta’ EUR 14 647 288. Konsegwentement l-ammont sħiħ għall-mobilizzazzjoni ser ikun iffinanzjat permezz tal-użu ta’ approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, u l-ebda approprjazzjonijiet addizzjonali ma huma meħtieġa. Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa għal baġit emendatorju peress li din id-deċiżjoni tinkludi l-elementi kollha meħtieġa għall-mobilizzazzjoni tal-Fond.

(8)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-Fond, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ammont sħiħ ta’ din il-mobilizzazzjoni għandu jkun kopert mill-approprjazzjonijiet speċifikament mmobilizzati għal avvanzi disponibbli fil-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 disponibbli fuq il-linja baġitarja 13 06 01.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hżija tapplika mill-... [data tal-adozzjoni tagħha] [Data li għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU].

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 311 tal-14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1
(4) Komunikazzjoni lill-Kummissjoni C(2015) xxxx.
(5) ĠU C 373 tad-20.12.2013, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 311 tal-14.11.2002, p. 3.
(7) ĠU C 373, tas-20.12.2013, p. 1.
(8) ĠU C […], […], p. […].
(9) Ir-Regolament (UE-Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884)