Brussell, 13.5.2015

COM(2015) 244 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mir-Renju Unit b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009

{SWD(2015) 112 final}


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva mir-Renju Unit b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)Skont il-paragrafu 4 tal-Protokoll (Nru 15) dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, l-obbligu fl-Artikolu 126(1) tat-TFUE sabiex jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika ma japplikax għar-Renju Unit sakemm dan ma jadottax l-euro. Il-Paragrafu 5 tal-Protokoll jistipula li r-Renju Unit għandu jipprova jevita defiċit eċċessiv tal-gvern.

(3)Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta' finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impiegi. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv 1 , li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.

(4)Fit-8 ta' Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Renju Unit u ħareġ rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż sabiex jagħmel ħiltu biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2009-10, skont l-Artikolu 104(7) TKE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Il-Kunsill stabbilixxa wkoll it-8 ta' Jannar 2009 bħala d-data sa meta għandha tittieħed azzjoni effettiva 2 .

(5)Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104(8) TKE, il-Kunsill iddeċieda fis-27 ta' April 2009 li r-Renju Unit ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2008.

(6)Filwaqt li rrikonoxxa li l-pożizzjoni baġitarja tar-Renju Unit fl-2009-10 rriżultat mill-implimentazzjoni ta' miżuri li kienu jammontaw għal madwar 1½ tal-PDG, li kienu reazzjoni xierqa għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, u l-operat ħieles ta' stabbilizzaturi awtomatiċi, kif adottati fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet riveduti skont l-Artikolu 126(7) TFUE lir-Renju Unit, u rrakkomanda li r-Renju Unit għandu jtemm is-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014-15. Speċifikament, sabiex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jitnaqqas għal taħt it-3% tal-PDG b'mod kredibbli u sostenibbli, ir-Renju Unit ġie rrakkomandat li: (a) jimplimenta l-miżuri fiskali fl-2009-10 kif ippjanat fil-Baġit tal-2009, filwaqt li jevita miżuri ulterjuri li jikkontribwixxu għad-deterjorament tal-finanzi pubbliċi, u jagħti bidu għal konsolidament fl-2010-11 biex iġib l-iżbilanċ taħt il-valur ta' referenza sal-2014-15; (b) jiżgura sforz fiskali annwali medju ta' 1¾% tal-PDG bejn l-2010-11 u l-2014-15, li għandu jikkontribwixxi wkoll biex il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern jerġa' jibda jitnaqqas b'mod li jqarreb il-valur ta' referenza b'ritmu sodisfaċenti billi jġib lura livell adegwat tal-bilanċ pożittiv primarju; (c) jispeċifika aktar il-miżuri addizzjonali li jinħtieġu biex tinkiseb il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2014-15, jekk il-kundizzjonijiet ċikliċi jippermettu, u jaċċellera t-tnaqqis tal-iżbilanċ, jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jkunu aħjar milli mistenni bħalissa. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa data ta' skadenza tat-2 ta' Ġunju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(7)Fis-6 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet li fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2010 tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit kien ħa azzjoni effettiva skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 u kkunsidrat li l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv ma kien għalhekk meħtieġ f'dak il-mument.

(8)Valutazzjoni ġdida tal-azzjoni meħuda mir-Renju Unit biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv sal-2014-15 b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE twassal għal dawn il-konklużjonijiet:

Ir-Renju Unit esperjenza tnaqqis kbir fit-tkabbir tal-PDG reali bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fl-2008-09 li affettwat ukoll il-finanzi pubbliċi. L-iżbilanċ tal-amministrazzjoni pubblika żdied f'daqqa għal 10,9 % tal-PDG fl-2009-10. Dan seħħ l-aktar minħabba tnaqqis fid-dħul u nefqa ogħla tas-sigurtà soċjali minħabba t-tnaqqis fl-attività ekonomika, u miżuri ta' stimolu li ġew imħabbra mill-gvern għall-2009-10. Il-pjan ta' konsolidazzjoni implimentat, li ffoka l-aktar fuq tnaqqis fl-infiq, poġġa d-defiċit fuq perkors ta' tnaqqis.

Fl-2010-11, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien 9,1 % tal-PDG. Il-miżuri implimentati dik is-sena joriġinaw mir-rapport prebaġitarju tal-2009 mħabbar f'Diċembru, il-baġit ta' Marzu u t-tieni baġit ta' emerġenza f'Ġunju wara l-elezzjoni ġenerali. Rieżami tal-Infiq kien ippubblikat ukoll f'Ottubru 2010. B'mod ġenerali, il-miżuri kienu ġeneralment ikkonċentrati fuq tmiem il-perjodu u ffukati fuq it-tnaqqis fl-infiq minflok fuq żidiet fit-taxxi. Matul il-perjodu 2014-15, il-baġits ta' Marzu, id-Dikjarazzjonijiet tal-Ħarifa u ċ-Ċiklu tal-Infiq ma biddlux il-pjanijiet ta' konsolidazzjoni oriġinali b'mod konsiderevoli. Il-programm, li ġie implimentat matul ħames snin, iffoka fuq tnaqqis konsiderevoli fl-infiq dipartimentali, flimkien mal-iffriżar tal-pagi u tnaqqis fl-infiq marbut mal-għajnuna soċjali. B'mod ġenerali, il-miżuri prinċipali tat-taxxa mħabbra kienu żieda fir-rata standard tal-VAT, l-introduzzjoni tal-imposta bankarja u żidiet għaliha, kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali ogħla, tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji, żidiet fl-allowance fit-taxxa fuq id-dħul personali, tnaqqis fir-rati tad-dazju u miżuri konta l-evitar tat-taxxa. Mill-2012-13, iċ-ċifri tad-defiċit jibbenefikaw ukoll mit-trasferimenti tad-dividendi mill-Bank of England, permezz tal-Faċilità tax-Xiri tal-Assi. B'riżultat tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' konsolidazzjoni, id-defiċit nominali niżel kull sena għal 7,7 % tal-PDG fl-2011-12, għal 7,6 % tal-PDG fl-2012-13, għal 5,9 % tal-PDG fl-2013-14 u għal 5,2 % tal-PDG fl-2014-15. L-iżbilanċ strutturali kien ta' 7,0 % tal-PDG fl-2010-11, 5,9 % tal-PDG fl-2011-12 u l-2012-13, 4,6 % tal-PDG fl-2013-14 u 4,7 % tal-PDG fl-2014-15.

L-isforz strutturali medju ammonta għal 0,7 % tal-PDG bejn l-2010-11 u l-2014-15. Meta aġġustat għall-impatt tar-rieżamijiet tat-tkabbir tal-produzzjoni potenzjali bejn it-tbassir kurrenti u dak li fuqu huma msejsa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 kif ukoll l-impatt tal-iżviluppi fl-introjtu meta mqabbla mal-elastiċitajiet standard għat-tkabbir tal-PDG, l-isforz strutturali annwali medju aġġustat matul il-perjodu huwa stmat li hu ta' 1,1 % tal-PDG, taħt l-isforz fiskali annwali medju rrakkomandat mill-Kunsill ta' 1¾%.

Huwa stmat li d-daqs kumulattiv tal-miżuri ta' konsolidazzjoni diskrezzjonarji ppreżentati bejn ir-Rapport ta' qabel il-baġit 2009 u u d-Dikjarazzjoni tal-Ħarifa 2014 jammonta għal madwar 3,5 % tal-PDG bejn l-2010-11 u l-2014-15.

Id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kompla jiżdied matul il-perjodu tal-EDP u laħaq it-88,4 % tal-PDG fl-2014-15. Dan id-deterjorament tar-rata ta' dejn kien prinċipalment xprunat mill-iżbilanċ nominali iżda wkoll minn interventi fis-settur finanzjarju.

(9)Dan iwassal għall-konklużjoni li, minkejja l-programm ta' konsolidazzjoni fiskali stabbilit u li qed jiġi implimentat, ir-Renju Unit ma temmx id-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2014-15. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ma żammx mal-isforz fiskali medju ta' 1¾% rrakkomandat mill-Kunsill fit-2 ta' Diċembru 2009. B'mod ġenerali, ir-reazzjoni tar-Renju Unit għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009 ma kenitx suffiċjenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit ma ħax azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(2) Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tar-Renju Unit jinsabu hawn: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/uk_en.htm