Brussell, 29.5.2015

COM(2015) 231 final

2015/0118(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE biex tawtorizza lill-Polonja testendi l-applikazzjoni ta' miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva tal-VAT"), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' din id-Direttiva, biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta' Diċembru 2014, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli teżenta lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri datati s-6 ta' Frar 2015, infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja. Permezz tal-ittra datata d-9 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

Kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-elementi produttivi tagħha.

Skont l-Artikolu 287(14) tad-Direttiva tal-VAT, il-Polonja tista' teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 10 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Fl-2009, il-Polonja talbet deroga biex tissimplifika l-obbligazzjonijiet tal-VAT għan-negozjanti ż-żgħar u sabiex tiffaċilita l-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 2 il-Kunsill awtorizza lill-Polonja biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 sal-31 ta' Diċembru 2012. Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/769/UE 3 id-deroga ġiet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015. Din l-iskema hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Issa l-Polonja talbet estensjoni ta' dik il-miżura.

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, jidher li 103 617-il persuna taxxabbli b'fatturat ta' bejn EUR 10 000 u EUR 30 000 bbenefikaw minn eżenzjoni tal-VAT b'riżultat tal-applikazzjoni tal-miżura u fl-2013 wasslet għal tnaqqis stmat fuq l-ammont globali tad-dħul baġitarju tal-Istat mill-VAT ta' madwar 0,32 %.

Għaldaqstant, qed jiġi propost li tiġi estiża d-deroga għal perjodu ieħor, sa mill-inqas sal-31 ta' Diċembru 2018 jew sa meta tidħol fis-seħħ Direttiva dwar il-limiti tal-fatturat annwali li taħthom persuna taxxabbli tista' tkun eżentata mill-VAT.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ingħataw derogi simili lil Stati Membri oħra.

Konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Il-miżura hija skont l-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir" – "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa" (COM(2008) 394, 25.06.2008).

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Ġbir u użu ta' għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li testendi għal tliet snin oħra l-miżura ta' simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligazzjonijiet tal-VAT għan-negozji b'fatturat annwali li mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 u għalhekk għandha impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal aktar minn 100 000 persuna taxxabbli meta mqabbel maż-0,32 % ta' tnaqqis mistenni mid-dħul totali tal-VAT.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Awtorizzazzjoni għall-Polonja biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mid-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-miżura ta' simplifikazzjoni għan-negozji b'fatturat annwali li mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba li jkun għamel huwa stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

Għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat peress li tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta m'għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE peress li l-Polonja se twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.

5.ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni.

2015/0118 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE biex tawtorizza lill-Polonja testendi l-applikazzjoni ta' miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 4 , u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 287(14) tad-Direttiva 2006/112/KE, jawtorizza lill-Polonja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 10 000 bir-rata tal-kambju tal-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE 5 , sal-31 ta' Diċembru 2012 u permezz ta' deroga, il-Polonja kienet awtorizzata teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-kambju tal-jum tal-adeżjoni tagħha.

(3)Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE 6 il-miżura ta' deroga prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE kienet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015.

(4)F'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta' Diċembru 2014, il-Polonja talbet għal awtorizzazzjoni ta' estensjoni tal-miżura ta' deroga mill-Artikolu 287(14) tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta lil persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni. Permezz ta' din il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jiġu eżentati minn ċerti obbligazzjonijiet jew mill-obbligazzjonijiet kollha fir-rigward tal-VAT, imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5)Permezz tal-ittri datati s-6 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja. Permezz tal-ittra datata d-9 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

(6)Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, 103 617-il persuna taxxabbli bbenefikaw mill-applikazzjoni tal-miżura u fl-2013 wasslet għal tnaqqis stmat fuq id-dħul baġitarju mill-VAT ta' madwar 0,32 %.

(7)Peress li dan il-limitu ogħla rriżulta f'obbligazzjonijiet tal-VAT imnaqqsa għall-iżgħar negozji, filwaqt li dawn tal-aħħar għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor. Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT.

(8)Għalhekk, id-Deċiżjoni 2009/790/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/769/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE, kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2012/769/UE, huwa emendat kif ġej:

"Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Din tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2018".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53–54.
(3) ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27-28.
(4) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/UE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/KE tal-4 ta' Diċembru 2012 (ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27).