52015PC0156

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2015/000 TA 2015 — Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) /* COM/2015/0156 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-regoli li japplikaw għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (Ir-"Regolament dwar il-FEG").

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija:

Nru ta’ Referenza tal-FEG                                                                                  EGF/2015/000

Il-Kummissjoni Ewropea                                                                              Assistenza teknika

Nefqa amministrattiva: baġit f'EUR                                                                              630 000

% tan-nefqa amministrattiva (limitu: 0,5 %)                                                                    0,39 %

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG kull sena jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni massimu ta' 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG.

Għajnuna teknika li se tkun iffinanzjata u analiżi tal-ispejjeż stmati tagħha

1.           Il-kontribuzzjoni se tintuża għan-nefqa msemmija fl-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG, kif spjegat hawn taħt.

2.           Monitoraġġ u ġbir ta’ dejta: Il-Kummissjoni se tiġbor id-dejta dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dwar dawk imħallsa u dawk ta’ stralċ, kif ukoll dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-dejta se titqiegħed fis-sit elettroniku u se tkun kompilata fil-formola xierqa għar-Rapport Biennali tal-2017. Abbażi tal-ħidma tal-aħħar snin, l-ispejjeż għal din l-attività se jkunu ta’ EUR 20 000.

3.           Informazzjoni: Is-sit elettroniku dwar il-FEG[2], li ħolqot il-Kummissjoni fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed tieħu ħsiebu skont kif mitlub mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se jiġi aġġornat u mkabbar b’mod regolari, u kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se jiġu inkoraġġiti s-sensibilizzazzjoni ġenerali tal-FEG u l-viżibilità tiegħu. Se jiġi stampat għadd żgħir tal-evalwazzjoni ex-post tal-FEG u jkun disponibbli flimkien ma’ pubblikazzjoni onlajn. Il-FEG se jiġi kopert f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(4) tar- Regolament dwar il-FEG. Dawn il-partiti kollha huwa stmat li se jiswew EUR 20 000 fl-2015.

4.           Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien / interfaċċja tal-applikazzjoni: Il-Kummissjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha biex tistabbilixxi proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG, bl-użu tal-funzjonalitajiet tal-SFC 2014, liema ħidma qiegħda tiġi integrata fihom. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG ikunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u li rapporti għal diversi ħtiġijiet ikunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment. Aktar tard issir l-integrazzjoni tar-rapporti finali, bl-għan li jitħaffef il-piż amministrattiv tal-Istati Membri. L-ispiża ta' dawn il-partiti hi stmata li se tiswa EUR 100 000, bħall-kontribuzzjoni tal-FEG għall-iżvilupp tal-SFC u l-manutenzjoni regolari tiegħu.

5.           Għajnuna amministrattiva u teknika: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b’membru wieħed minn kull Stat Membru, se jkollu żewġ laqgħat (fi tmiem l-2015/l-ewwel nofs tal-2016), li flimkien huma stmati li se jiswew EUR 70 000.

6.           Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza netwerking fost l-Istati Membri, b’żewġ seminars għall-korpi tal-implimentazzjoni tal-FEG mill-Istati Membri li se jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati, u se tkun qed tiffoka fuq kwistjonijiet li jinqalgħu bl-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-FEG fil-livell tal-utenti. L-ispiża għal dawn il-partiti hija stmata li se tkun EUR 120 000.

7.           Evalwazzjoni: L-akkwist pubbliku għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu se jitnieda fl-2015, bil-ħsieb li l-evalwazzjoni titlesta sat-30 ta’ Ġunju 2017, (kif jitlob l-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, se jkunu meħtieġa EUR 300 000 għal dan il-għan).

Partiti || Għadd stmat || Spiża stmata għal kull partita (f'EUR) || Spejjeż totali (f'EUR)

Monitoraġġ u ġbir tad-dejta || Diversi || Diversi || 20 000

Attivitajiet ta' informazzjoni || Diversi || Diversi || 20 000

Ħolqien ta' bażi ta' għarfien/interfaċċja tal-applikazzjoni || Diversi || Diversi || 100 000

Għajnuna amministrattiva u teknika: Laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG || 2 || 35 000 || 70 000

Għajnuna amministrattiva u teknika: Seminars ta' netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG || 2 || 60 000 || 120 000

Evalwazzjoni || 1 || 300 000 || 300 000

Total tal-ispejjeż stmati || || 630 000

Finanzjament

8.           Il-baġit annwali massimu għall-FEG fl-2015 huwa ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[3].

9.           L-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jgħid li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 811 825 fl-2015) jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Fil-preżent, għadu disponibbli l-ammont sħiħ tal-2015; għadu ma ġie allokat xejn għall-għajnuna teknika. L-ammont propost jikkorrispondi għal madwar 0,39 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015.

10.         Id-deċiżjoni proposta li jiġi mmobilizzat il-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[4].

Atti relatati

11.         Fl-istess żmien li se tkun qed tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiġu trasferiti EUR 630 000 fil-linja baġitarja rilevanti.

Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

12.         Approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 630 000 meħtieġ għall-għajnuna teknika.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2015/000 TA 2015 — Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[6], u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex isostni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[7], jew b'riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

 (3)      Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li kull sena jista' jintuża massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-ammont ta' EUR 630 000.

(4)       Il-FEG għandu, għaldaqstant, jiġi mmobilizzat biex jipprovdi għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 630 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[2]               http://ec.europa.eu/egf

[3]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[4]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[5]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

[6]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[7]               ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.