Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea dwar l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni u mill-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija fejn jidħlu l-istediniet lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi għal dawk il-Konvenzjonijiet /* COM/2015/0152 final - 2015/0077 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA 1.1. Ir-raġunijiet u l-għanijiet
tal-proposta Fl-20 ta' Mejju 1987 ġew
konklużi l-Konvenzjoni dwar proċedura ta' tranżitu komuni u
l-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ
tal-merkanzija bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi tal-EFTA. Il-Komunikazzjoni tal-2001 tal-Kummissjoni
Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija biex
il-pajjiżi kandidati jitħejjew għall-adeżjoni
għall-Konvenzjonijiet KE-EFTA tal-1987 dwar proċedura ta'
tranżitu komuni u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija, segwita mill-Komunikazzjoni tal-2010
tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
Strateġija għat-tħejjija ta' ċertu pajjiżi ġirien
għall-adeżjoni għaż-żewġ Konvenzjonijiet u
mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' April 2011 li
jikkonfermaw l-approċċ adottat fiż-żewġ
komunikazzjonijiet, jipprevedu appoġġ għal għadd ta'
pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu fil-Konvenzjonijiet. L-għan hu li l-UE tadotta pożizzjoni
komuni dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat
Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni u dwar l-abbozz
tad-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar
is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija,
ħalli l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tiġi mistiedna
tissieħeb fil-Konvenzjonijiet. 1.2. Il-kuntest ġenerali Il-Konvenzjonijiet jistabbilixxu l-miżuri
li jiffaċilitaw il-moviment tal-oġġetti bejn l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika
tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera
u r-Repubblika tat-Turkija. Wara li ssodisfat ir-rekwiżiti legali,
strutturali u tat-teknoloġija tal-informatika, li huma prirekwiżiti
għall-adeżjoni, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja xtaqet
taderixxi formalment għall-Konvenzjonijiet. F'konformità mad-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni dwar proċedura ta' tranżitu
komuni u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni
dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija,
il-Kumitati Konġunti UE-EFTA għandhom jieħdu deċiżjoni
biex jistiednu lil pajjiż terz fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) u
tal-Artikolu 1(2) rispettivament, biex jissieħeb
għall-Konvenzjonijiet skont il-proċedura stabbilita
fl-Artikolu 15a u fl-Artikolu 11a rispettivament. Il-Kumitati Konġunti UE-EFTA
jibagħtu dawn l-istediniet meta l-pajjiż juri li kapaċi
jikkonforma mar-regoli dettaljati għall-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet. B'mandat mill-Kumitati Konġunti UE-EFTA
dwar it-tranżitu komuni u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija, minn missjoni ta' evalwazzjoni li tkopri
l-aktar l-adattament tal-leġiżlazzjoni doganali nazzjonali tal-Eks-Repubblika
Jugoslava tal-Maċedonja, il-ħolqien tal-istrutturi meħtieġa
għall-ġestjoni tal-proċedura u l-implimentazzjoni tas-Sistema
l-Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) li tippermetti
l-applikazzjoni tal-proċedura ta' tranżitu komuni, ħareġ
fid-dieher li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet biex jintbagħtu
l-istediniet. 1.3. Id-dispożizzjonijiet eżistenti
fil-qasam tal-proposta Fil-qasam tal-proposta ma teżisti l-ebda
dispożizzjoni. 1.4. Il-konsistenza ma' politiki u
għanijiet oħrajn tal-Unjoni Il-proposta hija konformi mal-istrateġija
għall-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT 2.1. Il-konsultazzjoni mal-partijiet
interessati Il-metodi tal-konsultazzjoni, is-setturi
ewlenin indirizzati u profil ġenerali ta' min wieġeb Mal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kodiċi
Doganali – l-Istatus Doganali u s-Sezzjoni tat-Tranżitu mal-Partijiet
Kontraenti għall-Konvenzjonijiet fil-Gruppi ta' Ħidma UE-EFTA dwar
it-tranżitu komuni u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija saret konsultazzjoni b'approvazzjoni dwar
l-abbozz tad-Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Konġunt
UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni u dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni
Nru 1/2015 tal-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni
tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija, biex l-Eks-Repubblika
Jugoslava tal-Maċedonja tiġi misitedna tissieħeb
fil-Konvenzjonijiet. Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu Opinjoni favorevoli Il-kisba u l-użu tal-għarfien espert Ma kienx hemm bżonn għarfien espert
estern. 2.2. Valutazzjoni tal-impatt L-adeżjoni għall-Konvenzjonijiet
tista' titqies fi ħdan il-qafas tal-istrateġija ta' qabel
l-adeżjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-Unjoni
Ewropea. B'hekk isir allinjament mal-acquis communautaire
fiż-żona tat-tranżitu. Bl-introduzzjoni tat-tranżitu komuni
fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bħala alternattiva
għall-proċedura TIR, it-tranżitu se jkompli jeħfief, jonqsu
l-ispejjeż u jaf jiżdied il-kummerċ. 3. L-ELEMENTI
ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA 3.1. Sommarju tal-azzjoni proposta Il-Kumitati Konġunti UE-EFTA jixtiequ
jieħdu deċiżjonijiet u jibagħtu l-istediniet. L-abbozz tad-Deċiżjoni
Nru 1/2015 tal-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni
għandu l-għan li lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
jistedinha taderixxi għall-Konvenzjoni
tal-20 ta' Mejju 1987 dwar proċedura ta' tranżitu
komuni. L-abbozz tad-Deċiżjoni
Nru 1/2015 tal-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni
tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija għandu l-għan li
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistedinha taderixxi
għall-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar
is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija. Dawn l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet
approvahom il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali – l-Istatus Doganali u
s-Sezzjoni tat-Tranżitu u anki l-Gruppi ta' Ħidma UE-EFTA dwar
it-tranżitu komuni u dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija. Il-Kummissjoni hija mistiedna tapprova
l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub, sabiex
tippreżentahom lill-Kunsill biex jistabbilixxi pożizzjoni komuni
għall-adozzjoni finali tagħhom permezz tal-Kumitati Konġunti
UE-EFTA. 3.2. Il-bażi ġuridika L-Artikolu 15(a) tal-Konvenzjoni
tal-20 ta' Mejju 1987 dwar proċedura ta' tranżitu
komuni u l-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni
tal-20 ta' Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija. 3.3. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' fil-kompetenza esklussiva
tal-Unjoni Ewropea (il-politika kummerċjali komuni) u għalhekk ma
għandhiex bżonn tiġi eżaminata rigward il-prinċipju
tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea). . 3.4. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hi konformi mal-prinċipju
tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet: L-unika azzjoni possibbli hi din
il-forma ta' azzjoni proposta. Il-forma ta' azzjoni proposta ma
tinvolvix spejjeż finanzjarji. 3.5. L-għażla tal-istrumenti L-istrumenti proposti: Deċiżjoni. Ma jeżistix strument adegwat ieħor. 4. L-IMPLIKAZZJONI
BAĠITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda
implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE. 5. L-ELEMENTI
FAKULTATTIVISimplifikazzjoni Il-proposta tipprevedi
simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet
pubbliċi u simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi
għas-settur privat. Il-proposta
ddaħħal proċedura waħda ta' tranżitu komuni għal
kull Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni. Bil-proċedura ta' tranżitu
komuni tkun tista' ssir l-awtorizzazzjoni ta' simplifikazzjonijiet rigward
il-partijiet privati. 2015/0077 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tieħu l-Unjoni Ewropea dwar l-adozzjoni ta' Deċiżjoni
mill-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni u mill-Kumitat
Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija fejn jidħlu l-istediniet
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi għal dawk
il-Konvenzjonijiet IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 207,
flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni
bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika
tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja,
ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċedura
ta' tranżitu komuni[1]
(il-"Konvenzjoni dwar proċedura ta' tranżitu komuni")
jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit minn dik
il-Konvenzjoni biex permezz ta' deċiżjoni jadotta stediniet lil
pajjiżi terzi fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) biex jaderixxu għal
dik il-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 15a. (2) L-Artikolu 11(3)
tal-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija,
ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju
tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera
dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija[2] (il-"Konvenzjoni
dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ
tal-merkanzija") jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt
stabbilit minn dik il-Konvenzjoni biex permezz ta' deċiżjoni jadotta
stediniet lil pajjiżi terzi fis-sens tal-Artikolu 1(2) biex jaderixxu
għal dik il-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 11a. (3) Jixraq li tiġi
stabbilita l-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fi ħdan
il-Kumitati Konġunti msemmija fejn jidħlu d-deċiżjonijiet
biex tistieden lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi
għal dawk il-Konvenzjonijiet. (4) Għaldaqstant
il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitati Konġunti
għandha tibbaża fuq l-abbozzi tad-Deċiżjonijiet
mehmuża, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea
fil-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni fejn tidħol
l-istedina lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi
għall-Konvenzjoni dwar proċedura ta' tranżitu komuni
għandha tibbaża fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta' dak
il-Kumitat Konġunt UE-EFTA mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea
fil-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija fejn tidħol l-istedina lill-Eks-Repubblika
Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi għall-Konvenzjoni dwar
is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija
għandha tibbaża fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni ta' dak
il-Kumitat Konġunt UE-EFTA mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Ġaladarba l-Eks-Repubblika Jugoslava
tal-Maċedonja tkun issodisfat kull kundizzjoni teknika
għall-adeżjoni, ir-rappreżentant tal-UE fil-Kumitati
Konġunti msemmija fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2 rispettivament,
għandu jipproponi d-deċiżjonijiet biex jistieden
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi
għall-Konvenzjonijiet u jivvota fuq dawn id-deċiżjonijiet
f'konformità mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 2 ta' din
id-Deċiżjoni. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2. [2] ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2. ANNESS 1 Anness
tal-proposal għal
Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha
tieħu l-Unjoni Ewropea dwar l-adozzjoni ta' Deċiżjoni
mill-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni u mill-Kumitat
Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija fejn jidħlu l-istediniet
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi għal dawk
il-Konvenzjonijiet proposta
għal Deċiżjoni Nru .../2015 tal-Kumitat Konġunt
UE-EFTA dwar it-tranżitu komuni fejn tidħol l-istedina
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi
għall-Konvenzjoni dwar proċedura ta' tranżitu komuni IL-KUMITAT KONĠUNT, Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni
tal-20 ta' Mejju 1987 dwar proċedura ta' tranżitu
komuni[1]
("il-Konvenzjoni"), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3)(a)
tagħha, Billi: (1) Il-promozzjoni tal-kummerċ
mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja se teħfief permezz ta'
proċedura ta' tranżitu komuni għall-merkanzija trasportata bejn
l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika
tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera
u r-Repubblika tat-Turkija. (2) Sabiex tinkiseb din
il-proċedura, jixraq li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tkun
mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu
1 F'konformità mal-Artikolu 15a
tal-Konvenzjoni, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha
tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni
mill-1 ta' Ġunju 2015. Artikolu
2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi 2015, Għall-Kumitat Konġunt Il-President ANNESS 2 Abbozz
tal-proposta għal Deċiżjoni
Nru .../2015 tal-Kumitat Konġunt UE-EFTA dwar is-simplifikazzjoni
tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-merkanzija fejn tidħol l-istedina
lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex taderixxi
għall-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija IL-KUMITAT KONĠUNT, Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni
tal-20 ta' Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet
fil-kummerċ tal-merkanzija[2]
("il-Konvenzjoni"), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3)
tagħha, Billi: (1) L-iskambju tal-merkanzija
mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja se jeħfief
bis-simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jaffettwaw il-kummerċ
tal-merkanzija trasportata bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u
l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja,
il-Konfederazzjoni Żvizzera u r-Repubblika tat-Turkija. (2) Sabiex jeħfief dan l-iskambju,
jixraq li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tkun mistiedna
taderixxi għall-Konvenzjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu
1 F'konformità mal-Artikolu 11a
tal-Konvenzjoni, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha
tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni
mill-1 ta' Ġunju 2015. Artikolu
2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.[ Magħmul fi, 2015, Għall-Kumitat Konġunt Il-President [1] ĠU L 226, 13.08.1987, p. 2. [2] ĠU L 134, 22.5.1987, p. 2.