Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta' Dominika dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir /* COM/2015/097 final - 2015/0050 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. SFOND POLITIKU U LEGALI Ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[1]
jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom
għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu
l-fruntieri esterni ta' Stati Membri u dawk li ċ-ċittadini
tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit. Ir-Regolament (KE)
Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha,
bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u r-Renju Unit. Ir-Regolament (UE)
Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2]
emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jittrasferixxi 19-il
pajjiż għall-Anness II, li jelenka l-pajjiżi terzi li
ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’
viża. Dawn id-19-il pajjiżi huma: Il-Kolombja, Dominika, Grenada,
Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw,
il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer
Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab
Magħquda u l-Vanwatu. Ir-referenza għal kull wieħed minn dawn
il-pajjiżi fl-Anness II hija akkumpanjata b'nota f'qiegħ
il-paġna li tispeċifika li "l-eżenzjoni
mill-ħtieġa ta' viża għandha tapplika mid-data
tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni
mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea". Ir-Regolment (KE)
Nru 509/2014 ġie adottat fl-20 ta’ Mejju 2014, u daħal
fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2014. Fl-Lulju 2014, il-Kummissjoni
ppreżentat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizzaha biex tibda
negozjati dwar ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ kull wieħed
mis-17-il pajjiż li ġejjin: Dominika, Grenada, Kiribati,
il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, Santa
Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon,
Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab
Magħquda u l-Vanwatu[3].
Fid- 9 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill ħareġ direttivi ta’ negozjati
lill-Kummissjoni. Il-Kolombja u
l-Perù huma, skont il-premessa 5 tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 u
d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fi żmien l-adozzjoni,
suġġetti għal proċedura speċifika li teħtieġ
valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq minnhom tal-kriterji rilevanti, qabel ma
l-Kummissjoni tkun tista’ tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet
għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ ta' negozjati
dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża ma’ dawn
iż-żewġ pajjiżi. Għalhekk, ma kinux inklużi
fir-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq lill-Kunsill. In-negozjati dwar il-ftehim dwar
l-eżenzjoni mill-viża ma’ Dominika bdew fit-12 ta’ Novembru 2014 fi
Brussell. Matul din il-laqgħa, l-abbozz tat-test kollu seta’ jiġi
rivedut u ntlaħaq qbil dwar ħafna aspetti tiegħu.
Ir-rappreżentanti mill-pajjiżi tal-Karibew insistew madankollu li
jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet fl-Artikoli
6(2)(c), 8(1) u 8(4). Wara numru ta’ skambji informali sussegwenti, ġew
aċċettati modifiki żgħar għal dawk l-Artikoli
mill-Kummissjoni. Il-Ftehim ġie inizjalat min-negozjaturi ewlenin fil-11
ta’ Diċembru 2014. L-Istati Membri ġew mgħarrfa waqt
il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża tal-Kunsill li saret
fil-21 ta’ Novembru 2014. Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali
għall-Ftehim hu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218
tiegħu. [...] ffirmat
il-Ftehim fil-[...] f’isem l-Unjoni. Konformi mal-paragrafu (a) tat-tieni
subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, l-approvazzjoni tal-Parlament
Ewropew għall-konklużjoni tal-Ftehim ingħata fil-[...]. 2. IR-RIŻULTAT
TAN-NEGOZJATI Il-Kummissjoni
tikkunsidra li nkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’
negozjati tiegħu u li l-abbozz ta’ ftehim għall-eżenzjoni
mill-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni. Il-kontenut finali
tiegħu jista’ jitqassar kif ġej: Għan Il-ftehim jipprovdi għal
vjaġġar mingħajr il-viża għaċ-ċittadini
tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini ta' Dominika meta
jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra
għall-perjodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Sabiex jitħares it-trattament ugwali
taċ-ċittadini kollha tal-UE, ġiet inkluża
dispożizzjoni fil-ftehim li tiddikjara li Dominika tista’ tissospendi jew
ittemm il-ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u
li l-Unjoni tistà wkoll tissospendi jew ittemm il-ftehim fir-rigward tal-Istati
Membri tagħha. Is-sitwazzjoni
speċifika tar-Renju Unit u tal-Irlanda hija riflessa fil-preambolu. Kamp ta’ applikazzjoni L-eżenzjoni mill-viża tkopri
l-kategoriji kollha ta’ persuni (dawk li għandhom passaport ordinarju,
diplomatiku, tas-servizz/uffiċjali jew speċjali) li
jivvjaġġaw għal għanijiet differenti,
bl-eċċezzjoni tal-għan tat-twettiq ta attività bi ħlas.
Għal din il-kategorija tal-aħħar, kull Stat Membru u wkoll
Dominka jibqgħu ħielsa milli jimponu l-ħtieġa tal-viża
fuq iċ-ċittadini tal-Parti l-oħra skont il-liġi tal-Unjoni
jew nazzjonali applikabbli. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni
armonizzata, dikjarazzjoni konġunta hi mehmuża mal-ftehim dwar
l-interpretazzjoni tal-kategorija ta' persuni li jivvjaġġaw
bl-għan li jwettqu attività bi ħlas. Perjodu ta’ żmien
tas-soġġorn Il-ftehim jipprovdi għal vjaġġar
mingħajr il-viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u
għaċ-ċittadini ta' Dominika meta jivvjaġġaw lejn
it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta'
90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dikjarazzjoni konġunta dwar
l-interpretazzjoni ta’ dan il-perjodu ta’ 90 jum huwa mehmuż ma’ dan
il-ftehim. Il-ftehim jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-Istati
Membri li għadhom ma applikawx l-acquis ta' Schengen b’mod
sħiħ. Sakemm huma mhux parti miż-żona Schengen
mingħajr fruntiera interna, l-eżenzjoni mill-viża tagħti
dritt liċ-ċittadini ta' Dominika biex jibqgħu għall-perjodu
massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’
kull wieħed minn dawk l-Istati Membri (il-Bulgarija, il-Kroazja,
Ċipru u r-Rumanija), irrispettivament mill-perjodu kkalkulat
għaż-żona Schengen kollha. Applikazzjoni territorjali Il-ftehim għandu dispożizzjonijiet
relatati mal-applikazzjoni territorrjali tiegħu: fil-każ ta’ Franza u
n-Netherlands, l-eżenzjoni mill-viża tintitola
liċ-ċittadini ta' Dominika biex jibqgħu biss f’dawk
it-territorji Ewropej tal-Istati Membri. Dikjarazzjonijiet Dikjarazzjonijiet
konġunti oħra huma mehmuża mal-ftehim: - dwar it-tixrid
totali tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-ftehim dwar
l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati,
bħal-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju, u - dwar
l-assoċjazzjoni tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u
l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. 3. KONKLUŻJONIJIET Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq,
il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill japprova, wara li jikseb il-kunsens
tal-Parlament Ewropew, il-Ftehim mehmuż bejn l-Unjoni Ewropea u Dominika
dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir. 2015/0050 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn
l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta' Dominika dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal perjodu qasir IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a)
tal-Artikolu 77(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6),
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta
mill-Kummissjoni Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew, Billi: (1) Il-Kummissjoni nnegozjat
Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea mal-Istat Indipendenti ta' Dominika (minn hawn
'il quddiem 'Dominika') dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu
qasir (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim'). (2) Dan il-Ftehim ġie
iffirmat, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-… 2015, u japplika b'mod
proviżorju, suġġett għall-konklużjoni possibbli
tiegħu aktar tard, skont id-Deċiżjoni …../…/KE tal-Kunsill
tal-[….]. (3) Il-Ftehim għandu
jiġi approvat. (4) Il-Ftehim jistabbilixxi
Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim, li għandu
jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Ikun xieraq li titfassal
proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni
tal-Unjoni f'dan il-każ. (5) F’konformità mal-Protokoll
dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta’
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u
filwaqt li jikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma
japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea Ewropea u
Dominika dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir huwa
għalhekk approvat f’isem l-Unjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jagħmel in-notifika li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 8(1) tal-Ftehim[4]. Artikolu 3 Il-Kummissjoni, assistita minn esperti
mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt
ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Ftehim. Artikolu 4 Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan
il-Kumitat Konġunt ta’ esperti dwar l-adozzjoni tar-regoli
tal-proċedura tiegħu skont l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim għandha
tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali
maħtur mill-Kunsill. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001
tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li
ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess
tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini
tag]hom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit, ĠU L 81,
21.03.2001, p. 1 [2] Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta
jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżenti
minn dik il-ħtieġa, ĠU L 149, 20.05.2014, p.67 [3] COM (2014) 467, 17.7.2014 [4] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. ANNESS tal- Proposta għal Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta' Dominika dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal perjodu qasir FTEHIM bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta' Dominika
dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem
imsejħa "l-Unjoni", u Il-COMMONWEALTH TA' DOMINIKA, minn hawn ’il
quddiem imsejħa “Dominika”, Minn hawn ’il quddiem magħrufa flimkien
bħala l-“Partijiet Kontraenti”, BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati
ulterjorment relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-partijiet Kontraenti u
bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi
żgurat dħul u soġġorn għal perjodu qasir mingħajr
viża għaċ-ċittadini tagħhom, WARA LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014, li
jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka
l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom
viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini
tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa billi, fost
l-oħrajn, jittrasferixxu 19-il-pajjiżi terzi, inkluż Dominika,
għal fuq il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini
tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit ta' viża għal
soġġorni qosra fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1
tar-Regolament (UE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawn
id-19-il-pajjiż, l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta' viża
tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni
mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea, FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares
il-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE, WARA LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni li
jivvjaġġaw b'fini ta’ attività bi ħlas matul
is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b’dan il-Ftehim u
għalhekk għal din il-kategorija r-regoli relevanti tal-liġi
tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi
nazzjonali ta’ Dominika dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u
dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw, WARA LI JIKKUNSIDRAW il-Protokoll dwar
il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta'
libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta'
Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar
l-Unjoni Ewropa u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u
b’konferma li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx
għar-Renju Unit u l-Irlanda, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Fini Dan il-Ftehim jipprevedi li
ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini ta’ Dominika
jivvjaġġaw mingħajr viża meta jivvjaġġaw lejn
it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perjodu massimu ta'
90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-fini ta' dan il-Ftehim: (a) "Stat Membru" tfisser kull Stat
Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda; (b) "ċittadin tal-Unjoni
Ewropea" tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt
fil-punt (a); (c) "ċittadin ta’ Dominika"
tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Dominika; (d) "żona Schengen" tfisser
iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji
tal-Istati Membri kif stipulat fil-punt (a) li japplikaw l-acquis
ta’ Schengen b’mod sħiħ; Artikolu 3 Kamp ta' applikazzjoni 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali
jew speċjali li hu validu u maħruġ minn Stat Membru,
jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju
ta’ Dominika għall-perjodu tas-soġġorn kif definit
fl-Artikolu 4(1). Iċ-ċittadini ta’ Dominika li
għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew
speċjali li hu validu u maħruġ minn Dominika jistgħu
jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati
Membri għall-perjodu tas-soġġorn kif definit
fl-Artikolu 4(2). 2. Il-paragrafu 1 ma japplikax
għall-persuni li jivvjaġġaw għall-finijiet ta’ attivitajiet
bi ħlas. Għal din il-kategorija ta’ persuni, kull
Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod individwali li jimponi
l-ħtieġa ta' viża fuq iċ-ċittadini ta’ Dominika jew li
jirtirah konformi mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 539/2001. Għal din il-kategorija ta’ persuni,
Dominika jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta' viża
jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ kull Stat
Membru b’mod individwali konformi mal-liġi nazzjonali tiegħu. 3. L-eżenzjoni mill-viża pprovduta
b’dan il-Ftehim tapplika bla ħsara għal-liġijiet tal-Partijiet
Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir.
L-Istati Membri u Dominika jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul
u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew
aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma jintlaħqux. 4. L-eżenzjoni mill-viża tapplika
irrespettivament mill-metodu ta’ trasport użat biex tinqasam il-fruntiera
tal-Partijiet Kontraenti. 5. Kwistjonijiet mhux koperti minn dan
il-Ftehim ikunu koperti bil-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali
tal-Istati Membri u l-liġi nazzjonali ta' Dominika. Artikolu 4 Tul ta’ żmien tas-soġġorn 1. Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
jistgħu jibqgħu fit-territorju ta’ Dominika għal perjodu massimu
ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. 2. Iċ-ċittadini ta’ Dominika
jistgħu joqogħdu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw
bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perjodu massimu ta’
90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Dan il-perjodu jkun
ikkalkulat b’mod indipendenti minn kull soġġorn fi Stat Membru li
għadu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. Iċ-ċittadini ta' Dominika
jistgħu jibqgħu għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kalunkwe
perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ kull Stat Membru li għadu ma
japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ, irrispettivament
mill-perjodu tas-soġġorn kkalkulat għat-territorju ta’ Stat
Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ. 3. Dan il-Ftehim ma jaffetwax il-possibbiltà
għal Dominika u għall-Istati Membri biex jestendu l-perjodu ta'
soġġorn għal aktar minn 90 jum konformi mal-liġi
nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni. Artikolu 5 Applikazzjoni territorjali 1. Fir-rigward tar-Repubblika
Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss
għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża. 2. Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands,
id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim japplikaw biss għat-territorju
Ewropew u tar-Renju tan-Netherlands. Artikolu 6 Kumitat Konġunt għall-amministrazzjoni
tal-Ftehim 1. Il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu
Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ
“il-Kumitat”), kompost minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u minn
rappreżentanti ta’ Dominika. L-Unjoni tkun irrappreżentata
mill-Kummissjoni Ewropea. 2. Il-Kumitat ikollu, fost l-oħrajn, dawn
il-kompiti: (a) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan
il-Ftehim; (b) jissuġġerixxi emendi jew
żidiet għal dan il-Ftehim; (c) jagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex
jissolvew tilwimiet li jitqanqlu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni
tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat jiltaqa' kull meta jkun
meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti. 4. Il-Kumitat jistabbilixxi r-regoli
tal-proċedura tiegħu stess. Artikolu 7 Ir-relazzjoni bejn dan il-Ftehim u ftehimiet
bilaterali eżistenti għall-eżenzjoni mill-viża bejn
l-Istati Membri u Dominika Dan il-Ftehim jingħata preċedenza
fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali
konkluż bejn l-Istati Membri individwali u Dominika, sa fejn
id-dispożizzjonijiet tagħhom ikopru kwistjonijiet li jaqgħu
fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 8 Dispożizzjonijiet finali 1. Dan il-Ftehim jiġi ratifikat jew
approvat mill-Partijiet Kontraenti konformi mal-proċeduri interni
rispettivi tagħhom u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni
xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ
notifiki li permezz tagħha l-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin
li l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu tlestew. 2. Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż
għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jiġix
itterminat b'mod konformi mal-paragrafu 5. 3. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim
bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi jidħlu fis-seħħ
wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq
tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal
dan il-fini. 4. Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi
l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari, għal raġunijiet
ta’ politika pubblika, protezzjoni ta’ sikurezza nazzjonali jew protezzjoni ta’
saħħa pubblika, immigrazzjoni illegali jew introduzzjoni
mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti.
Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tkun notifikata lill-Parti
Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul
fis-seħħ tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet
l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti
l-oħra hekk kif ir-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux
japplikaw aktar u tneħħi s-sospensjoni. 5. Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan
il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma
jibqax jiffunzjona 90 jum mid-data ta’ dan l-avviż. 6. Dominika jistgħu jissospendu jew
itemmu dan il-Ftehim fir-rigward biss tal-Istati Membri kollha. 7. L-Unjoni tista' tissospendi jew ittemm dan
il-Ftehim biss fir-rigward tal-Istati Membri kollha tagħha. Magħmul fi Brussell b’żewġ
kopji bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż,
Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan,
Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk,
Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż u Żvediż, b'kull wieħed
minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD
TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw
ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja,
l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari
bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u
tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn
il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis
ta’ Schengen. F’ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq
li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u
l-Liechtenstein, minn naħa, u Dominika, min-naħa l-oħra,
jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni
mill-viża għal soġġorn qasir f’termini simili għal dan
il-Ftehim. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA’ PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW B'FINI
TA’ ATTIVITÀ BI ĦLAS SKONT L-ARTIKOLU 3(2) TA’ DAN IL-FTEHIM Filwaqt li tkun issodisfata x-xewqa li tkun
żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li,
għal dan il-fini, il-kategorija ta’ persuni li jkunu se jagħmlu
attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'fini li jkollhom
mestier/attività bi qligħ b’remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti
Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta’ servizz. Din il-kategorija ma għandhiex tkopri: — persuni tan-negozju, jiġifieri persuni
li jivvjaġġaw b'fini ta’ deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma
jkunu mpjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra), — persuni tal-isports u artisti li
jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc, — ġurnalisti mibgħuta mill-midja ta’
pajjiż ta’ residenza tagħhom, u — apprendisti intrakorporattivi. L-implimentazzjoni ta’ din id-Dikjarazzjoni
tiġi ssorveljata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà
tiegħu skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Ftehim, li fuq il-bażi
tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti jista’ jipproponi modifiki meta
jikkunsidrah neċessarju. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERJODU TA’ 90 JUM FI KWALUNKWE PERJODU TA'
180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA’ DAN IL-FTEHIM Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li perjodu
massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum kif ipprovdut
fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew
bosta soġġorni konsekuttivi li t-tul ta’ żmien tagħhom ma
jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum b’kollox. Il-kunċett ta’ “kwalunkwe” jimplika
l-applikazzjoni ta’ perjodu ta’ referenza mobbli ta' 180 jum, billi
wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn
fl-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk
ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum
għadux jiġi ssodisfat. Fost l-oħrajn, dan ifisser li assenza
għal perjodu mhux interrott ta’ 90 jum tippermetti li jkun hemm
soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR
L-INFORMAZZJONI TAĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM TAL-EŻENZJONI
MILL-VIŻA Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza
tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ta'
Dominika, il-Partijiet Kontraenti jiftehmu li jiżguraw it-tixrid totali
ta’ informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-eżenzjoni
mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet
għad-dħul fil-pajjiż.