52015PC0086

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni ta' kompetizzjonijiet sportivi fejn jidħlu kwistjonijiet relatati mal-liġi kriminali sostantiva u l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali /* COM/2015/086 final - 2015/0043 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Waħda mill-akbar theddidiet għall-isport fi żmienna hi l-irranġar tal-logħob; u dan qed idgħajjef il-valuri tal-isport bħalma huma l-integrità, il-kompetizzjoni ġusta, u r-rispett lejn l-oħrajn. Dan l-irranġar jista' jtellef l-interess tal-partitarji fl-isport organizzat. Barra minn hekk, l-irranġar tal-logħob jinvolvi xibka ta' kriminalità organizzata mifruxa fuq livell dinji. Issa din il-problema saret prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-moviment sportiv u għall-aġenziji li jinfurzaw il-liġijiet madwar id-dinja. Sabiex jindirizza dawn l-isfidi, matul is-sajf tal-2012 il-Kunsill tal-Ewropa stieden lill-partijiet għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea biex jibdew negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport. In-negozjati bdew f'Ottubru 2012 meta tlaqqa' għall-ewwel darba l-grupp tal-abbozzar tal-Kunsill tal-Ewropa.

Fit-13 ta' Novembru 2012 il-Kummissjoni adottat "rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport"[1]. U fil-15 ta' Novembru 2012, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport. Wara diskussjonijiet fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill, il-Kunsill qasam l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill f'żewġ deċiżjonijiet għax żied bażijiet ġuridiċi sostantivi, fosthom bażi ġuridika li toħroġ minn Parti 3, Titolu V tat-TFUE[2]. Fl-10 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill adotta waħda mid-deċiżjonijiet li għandha x'taqsam ma' kwistjonijiet ta' mħatri u sport[3]. U d-deċiżjoni l-oħra li għandha x'taqsam ma' kwistjonijiet relatati mal-koperazzjoni f'materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, il-Kunsill adottaha fit-23 ta' Settembru 2013[4].

F'konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni ħadet sehem f'negozjati sussegwenti sakemm fid-9 ta' Lulju 2014 id-Deputati tal-Ministru adottaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi[5]. Imbagħad fit-18 ta' Settembru 2014, il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar waqt il-Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli mill-Isport. Skont l-Artikolu 32(3), il-Konvenzjoni hi miftuħa għall-firma tal-Unjoni Ewropea. Minn dak iż-żmien 'l hawn bosta partijiet iffirmaw il-Konvenzjoni, fosthom xi Stati Membri.

Minħabba d-dimensjoni internazzjonali tal-irranġar tal-logħob, il-Konvenzjoni hi miftuħa wkoll għal pajjiżi li mhumiex Ewropej. Dan l-aspett huwa kruċjali għax il-koperazzjoni dinjija, l-aktar mal-pajjiżi fejn l-imħatri fuq l-isport huma tassew mifruxin, bħall-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja, hija meqjusa bħala element essenzjali biex b'mod effettiv jingħelbu x-xbieki transnazzjonali ta' kriminalità organizzata li huma involuti fl-irranġar tal-logħob u li jaħdmu f'kontinenti differenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Konvenzjoni tista' tkun strument effettiv fil-ġlieda kontra l-irranġar tal-logħob.

L-Artikolu 165 tat-TFUE jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata biex tiżviluppa d-dimensjoni Ewropea fl-isport billi fost l-oħrajn tippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport. Barra minn hekk, l-Artikolu 165 tat-TFUE jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-koperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-isport, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa. Azzjoni tal-UE tista' tgħin biex jingħelbu l-isfidi transnazzjonali li jsib l-isport fl-Ewropa bħalma huma l-irranġar tal-logħob, fejn hemm bżonn sforzi konġunti u approċċ koordinat mill-qrib.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni hu li tippromwovi l-koperazzjoni nazzjonali u internazzjonali; fil-fatt il-Kapitolu III jistabbilixxi għadd ta' dispożizzjonijiet biex jeħfief l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha. Il-ġlieda kontra l-irranġar tal-logħob teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn movimenti sportivi, il-gvernijiet, operaturi tal-imħatri, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn il-bosta partijiet interessati għandhom l-isfidi tagħhom stess; l-UE tista' tgħin biex jitqarrbu lejn xulxin u jkun żgurat approċċ koordinat.

Fejn tidħol il-ġlieda kontra l-irranġar tal-logħob, l-Istati Membri waslu fi stadji differenti. Minħabba n-natura transnazzjonali tal-irranġar tal-logħob, il-ħidma se ssir fost Stati Membri li mhux ilkoll għandhom l-istess livell ta' esperjenza, u għalhekk hemm bżonn jixterdu l-prattiċi t-tajbin u jitjiebu l-kompetenzi. Hawnhekk, l-UE għandha rwol importanti x’taqdi biex tissawwar il-kapaċità, titħeġġeġ il-koperazzjoni u, fuq kollox tagħti daqqa t'id biex titwettaq il-Konvenzjoni.

Wieħed mill-isforzi li qed tagħmel il-Kummissjoni biex titħabat kontra l-irranġar tal-logħob hu l-iffirmar ta' din il-Konvenzjoni, u dan jingħaqad ma' għodod oħra bħalma huma l-inizjattiva tal-Kummissjoni l-ġdida dwar l-irranġar tal-logħob fejn jidħlu l-imħatri, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 dwar il-logħob tal-azzard onlajn,[6] u l-ħidma tal-Grupp ta' Esperti tal-UE dwar il-logħob miftiehem, u Azzjonijiet ta' Tħejjija u proġetti dedikati għall-irranġar tal-logħob[7].

Skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-ftuħ ta' negozjati, qabel l-adeżjoni tal-Unjoni għandha ssir analiżi tal-kompetenza, li tiddikjara li "in-natura legali tal-Konvenzjoni u d-distribuzzjoni tas-setgħat bejn l-Istati Membri u l-Unjoni se jiġu determinati separatament fi tmiem in-negozjati abbażi ta' analiżi tal-kamp ta' applikazzjoni preċiż tal-kopertura tad-dispożizzjonijiet individwali".

Din l-analiżi tal-kompetenzi hi stabbilita kif ġej:

In-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, din għandha l-għan li "titħabat kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bil-għan li tipproteġi l-integrità tal-isport u l-etika sportiva skont il-prinċipju tal-awtonomija tal-isport". Għal dan l-għan, l-għan aħħari tal-Konvenzjoni hu "li tipproteġi l-integrità tal-isport u l-etika sportiva". U dan tagħmlu billi tieħu għadd ta' miżuri bil-għan li tevita, tikxef u tissanzjona l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Fid-dawl ta' dan il-għan, il-Konvenzjoni tippromwovi wkoll il-koperazzjoni internazzjonali u twaqqaf mekkaniżmu ta' monitoraġġ biex tiżgura li jiġu segwiti d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni.

B'hekk il-Konvenzjoni tiġbor approċċ multidimensjonali biex tindirizza l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Il-miżuri li jridu jiġu adottati għandhom natura differenti u jolqtu oqsma differenti tal-liġi, iżda lkoll iħaddmu l-aspett tal-prevenzjoni[8]. Fost l-oqsma legali l-oħra li huma kkonċernati hemm il-liġi kriminali sostantiva, il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, il-protezzjoni tad-dejta, kif ukoll ir-regolamentazzjoni tal-imħatri.

Il-prevenzjoni (Kapitoli II-III, l-Artikoli 4-14

Ħafna mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni fil-Konvenzjoni jista' jkoprihom l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) tat-TFUE dwar miżuri ta' sostenn fil-qasam tal-isport[9]. Iżda din it-tip ta' kompetenza hi limitata fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha għax teskludi kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri. L-Artikolu 165 tat-TFUE jsemmi l-miżuri ta' "promozzjoni", "koperazzjoni" jew "inċentiv". Minħabba f'hekk, f'dan il-qasam, il-kompetenza tal-Unjoni ma tiħux post il-kompetenza tal-Istati Membri[10].

Min-naħa l-oħra, miżuri relatati ma' servizzi tal-imħatri jaf jirfsu l-libertajiet tas-suq intern fejn jidħlu d-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, sal-punt li l-operaturi tal-logħob tal-imħatri jkunu qed jeżerċitaw attività ekonomika. Dwar l-Artikoli 3(5)(a) u 11, b'mod partikolari, id-definizzjoni ta' "l-imħatri illegali" jirreferi għal kull imħatra fuq l-isport li t-tip jew l-operatur tagħha ma jkunx permess bis-saħħa tal-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-Parti, fejn ikun jinsab il-ġugatur. It-terminu "liġi applikabbli" jinkludi l-liġi tal-UE. Għalhekk ifisser li kull dritt li tagħti l-liġi tal-UE jkun jgħodd ukoll u li l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri trid tkun konformi mal-liġi tal-UE, l-aktar fejn jidħlu r-regoli tas-suq intern.

L-Artikoli 9 sa 11 jipprevedu miżuri li jistgħu jwasslu għal ċertu grad ta' approssimazzjoni tal-liġijiet. Pereżempju, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni jipproponi lista indikattiva ta' miżuri li tista' tapplikahom l-awtorità tal-imħatri regolatorja rispettiva "meta jkun xieraq" biex titħabat kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi b'rabta mal-imħatri fuq l-isport. L-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni jiddikjara li "kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-ħtieġa biex tevita l-kunflitti ta' interess u l-użu ħażin ta' informazzjoni privileġġata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fil-provvista ta' prodotti tal-imħatri fuq l-isport (...)" (enfasi miżjuda). L-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi obbligi tar-rappurtar billi tiddikjara: "Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-ħtieġa biex tobbliga lill-operaturi tal-imħatri fuq l-isport biex jirrappurtaw imħatri irregolari jew suspettużi mingħajr dewmien lill-awtorità regolatorja tal-imħatri (...)" (enfasi miżjuda). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar l-imħatri illegali fuq l-isport jagħti ferm aktar flessibbiltà lill-Partijiet. Dan jipprovdi: "kull Parti għandha tagħżel l-aktar mezz xieraq biex titħabat kontra l-operaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport u għandha tqis li tadotta miżuri skont il-liġi applikabbli tal-ġuriżdizzjoni rilevanti, bħal (…)".

Dan juri li l-Artikoli 9, 10(1) u 10(3) tal-Konvenzjoni joħolqu bażi għal armonizzazzjoni possibbli skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, sal-punt li l-operaturi tal-imħatri jkunu qed jeżerċitaw attività ekonomika. L-Artikolu 11, li jagħti ferm aktar flessibbiltà, għadu jinvolvi ċertu grad ta' approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jaf ikun ikoprihom ukoll l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni jaf jolqot ukoll servizzi li jipprovdi pajjiż terz. Il-miżuri inkwistjoni, li jikkonċernaw direttament "l-aċċess" ta' servizzi bħal dawn, tkoprihom il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni skont l-Artikolu 207 tat-TFUE.

L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta hu fil-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 16 tat-TFUE.

L-infurzar tal-liġi (il-Kapitoli IV-VI; l-Artikoli 15-25)

Il-Kapitolu IV hu dwar il-liġi kriminali u l-koperazzjoni fejn jidħol l-infurzar (l-Artikoli 15 sa 18). L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ma jimponix l-inkrimazzjoni ġenerali tal-kondotta tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, iżda ċertu forom biss (meta dawn ikunu jinvolvu korruzzjoni, koerċizzjoni jew frodi). Dan jista' jkoprih l-Artikolu 83(1) tat-TFUE meta jsir minn kriminalità organizzata jew bi prattiċi korrotti[11]. Iżda l-Artikolu 15 mhux limitat għall-kriminalità organizzata u jinkludi wkoll koerċizzjoni u frodi mingħajr xi mġiba ta' korruzzjoni. F'dan il-kuntest, il-liġi tal-UE hi limitata.

L-Artikolu 16 jikkonċerna l-ħasil tal-flus. Fil-livell tal-Unjoni, dan jirregolawh id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI[12] u d-Direttiva 2014/42/UE[13]. L-Artikolu 16(3) tal-Konvenzjoni hu fil-kompetenza tal-UE u l-Artikolu 114 tat-TFUE; id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hi bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE[14]. Peress li d-Direttiva ma tkoprix speċifikament il-kompetizzjonijiet sportivi, din ma tirfirx l-Artikolu 16(3) tal-Konvenzjoni li għandu x'jaqsam biss mal-"operaturi tal-imħatri fuq l-isport". Il-kompetenza fuq l-Artikoli 17, 18, 22 u 23 (fil-Kapitoli IV u VI) hi marbuta mal-kompetenza skont l-Artikoli 15 u 16 tal-Konvenzjoni.

Il-Kapitolu V dwar il-ġuriżdizzjoni, il-proċedura kriminali u l-miżuri ta' infurzar, u l-Kapitolu VI dwar sanzjonijiet u miżuri, fihom dispożizzjonijiet li jakkumpanjaw lid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali sostantiva li hemm fl-Artikoli 15 sa 18 tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni (il-ġuriżdizzjoni) hu dispożizzjoni aċċessorja biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet kriminali. L-Artikoli 20, 21 u 25 tal-Konvenzjoni (miżuri investigattivi, miżuri ta' protezzjoni, sekwestru u konfiska) huma miżuri ta' proċedura kriminali li jista' jkoprihom l-Artikolu 82(2) tat-TFUE (il-punti (a) u (b)).

Il-koperazzjoni internazzjonali (il-Kapitolu VII; l-Artikoli 26-28)

Il-Kapitolu VII jikkonċerna l-koperazzjoni internazzjonali f'materji ġudizzjarji u materji oħrajn. Importanti li jingħaraf li l-Konvenzjoni ma fiha l-ebda reġim legali li jista' jieħu post ir-regoli eżistenti, u għalhekk din hi mingħajr preġudizzju għall-istrumenti li diġà jeżistu fil-qasam tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet ta' kriminalità u estradizzjoni[15]. F'dan il-kuntest, fil-livell Ewropew hemm sett komprensiv ta' strumenti biex teħfief il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li jkunu japplikaw għall-modi operandi differenti tal-irranġar tal-logħob jew fuq il-kriminalizzazzjoni tal-irranġar tal-logħob bħala reat ġdid fis-sistema ġuridika interna tal-Istati Membri[16]. Dan ikopri l- Artikolu 26 tal-Konvenzjoni.

L-Artikoli 27 u 28 tal-Konvenzjoni huma dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-koperazzjoni li jkoprihom l-Artikolu 165 tat-TFUE.

Konklużjonijiet

Bħalissa, ċertu reati ma jkoprihomx l-Artikolu 83(1) tat-TFUE. L-Unjoni għandha kompetenza fuq il-bqija, iżda din hi esklużiva biss fuq żewġ dispożizzjonijiet — l-Artikolu 11 (sa fejn din tkun tapplika għal servizzi minn u lejn pajjiżi terzi) u l-Artikolu 14 dwar il-protezzjoni tad-dejta (parzjalment)[17]. Il-bqija hi kompetenza komuni jew "ta' sostenn".

2.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sa fejn hi kkonċernata l-bażi ġuridika, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għażla tal-bażi ġuridika għal miżura tal-Unjoni trid tissejjes fuq fatturi oġġettivi li huma soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja; dawn jinkludu l-għan u l-kontenut tal-miżura[18]. Jekk l-eżami ta' miżura tal-Unjoni Ewropea joħroġ fid-dieher li din għandha żewġ għanijiet jew li għandha żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn jingħaraf bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, il-miżura trid tissejjes fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri dik li jeħtieġ l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti. Bħala eċċezzjoni, jekk jinstab li l-miżura issegwi bosta għanijiet li huma marbutin flimkien b'mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor, din il-miżura għandha tissejjes fuq il-bosta bażijiet ġuridiċi korrispondenti[19].

Il-bażijiet ġuridiċi li jaf għandhom rilevanza hawnhekk huma: l-Artikolu 16 tat-TFUE (il-protezzjoni tad-dejta), l-Artikolu 82(1) u 82(2) tat-TFUE (il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali), l-Artikolu 83(1) tat-TFUE (il-liġi kriminali sostantiva), l-Artikolu 114 tat-TFUE (l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern), l-Artikolu 165 tat-TFUE (l-isport) u l-Artikolu 207 tat-TFUE (il-politika kummerċjali komuni).

B'mod sħiħ, l-għan li ssir ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fih elementi ta' prevenzjoni u koperazzjoni li prinċipalment ikoprihom l-Artikolu 165 tat-TFUE u elementi ta' koperazzjoni u approssimazzjoni li jkopruhom l-Artikolu 114 (għal dispożizzjonijiet mhux kriminali), l-Artikolu 207 tat-TFUE (sa fejn dawk id-dispożizzjonijiet ikollhom x'jaqsmu mal-aċċess minn operaturi tal-imħatri ta' pajjiżi terzi) u l-Artikoli 82(1) u 83 tat-TFUE (għal kwistjonijiet kriminali).

Sa fejn għandhom x'jaqsmu s-servizzi tal-imħatri, l-Artikoli 114 u 207 tat-TFUE jaf ikunu rilevanti, skont jekk dawn is-servizzi ikunux "intra UE" jew le. Jidher li l-aspett tas-suq intern hu prominenti aktar f'din il-Konvenzjoni kollha kemm hi, filwaqt li l-aspett tal-politika kummerċjali komuni jidher li jinsab biss fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni. Madankollu, anke jekk l-Artikolu 207 tat-TFUE ma jissemmiex u jitqies anċillari għal aspetti tas-suq intern, l-Istati Membri mhumiex kompetenti fl-aspetti rilevanti li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni.

Fejn tidħol il-protezzjoni tad-dejta, din mhix l-għan ewlieni tal-Konvenzjoni, u d-dispożizzjonijiet tagħha hu biss aċċidentali. Daż-żmien, bosta Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa ifakkru li trid titħares il-protezzjoni tad-dejta, anki jekk dawn l-obbligi jaf joħorġu minn Konvenzjonijiet oħra wkoll (bħall-Konvenzjoni Nru 108 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ dejta personali), sa fejn il-Partijiet għal kull Konvenzjoni ma jkunux l-istess.

Minħabba f'hekk, biex l-UE teżerċita l-kompetenzi tagħha fuq il-Konvenzjoni kollha (ħlief l-elementi li ma m'għandhiex kompetenza fuqhom), il-bażijiet ġuridiċi ewlenin huma l-Artikoli 82(1), 83(1), 114 u 165 tat-TFUE.

Minħabba n-natura interkonnessa tal-Konvenzjoni u l-fatt li din tinvolvi kompetenzi li jaf ikunu esklużivi tal-UE u kompetenzi li mhumiex tal-UE, l-Unjoni jew l-Istati Membri ma jistgħux jikkonkludu l-Konvenzjoni waħedhom.

2015/0043 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni ta' kompetizzjonijiet sportivi fejn jidħlu kwistjonijiet relatati mal-liġi kriminali sostantiva u l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 82(1) u 83(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fl-10 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex f'isem l-UE tieħu sehem fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġġieled kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni") ħlief kwistjonijiet relatati mal-koperazzjoni f'materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija.

(2)       Fit-23 ta' Settembru 2013, il-Kunsill adotta t-tieni awtorizzazzjoni għall-Kummissjoni biex f'isem l-UE tieħu sehem fin-negozjati għal Konvenzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-koperazzjoni f'materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija. [20]

(3)       In-negozjati ntemmu b'suċċess bl-adozzjoni tal-Konvenzjoni mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fid-9 ta' Lulju 2014.

(4)       L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ma jimponix l-inkrimazzjoni ġenerali tal-kondotta tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, iżda ċertu forom biss (meta dawn ikunu jinvolvu korruzzjoni, koerċizzjoni jew frodi). L-imġiba li tikkostitwixxi manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi hi koperta parzjalment biss mill-oqsma tal-kriminalità msemmija espliċitament fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, meta din tkun tinvolvi kriminalità organizzata jew frodi[21].

(5)       L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni jeżiġi li l-Partijiet jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali lil imġiba li tinvolvi l-ħasil tal-flus meta r-reat predikat qed jagħti qligħ lil waħda minn dawk imsemmija fl-Artikoli 15 u 17 tal-Konvenzjoni "u f'kull eventwalità, fil-każ ta' estorsjoni, korruzzjoni u frodi". "Il-ħasil tal-flus" jissemma fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Fil-livell tal-Unjoni, il-ħasil tal-flus tirregolah id-Direttiva Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI[22].

(6)       Il-kompetenza fuq l-Artikoli 17, 18, 22 u 23 (fil-Kapitoli IV u VI) tal-Konvenzjoni hi marbuta mal-kompetenza skont l-Artikoli 15 u 16 tal-Konvenzjoni.

(7)       Il-Kapitolu V dwar il-ġuriżdizzjoni, il-proċedura kriminali u l-miżuri ta' infurzar, u l-Kapitolu VI dwar sanzjonijiet u miżuri, fihom dispożizzjonijiet li jakkumpanjaw lid-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali sostantiva li hemm fl-Artikoli 15 sa 18 tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni (il-ġuriżdizzjoni) hu dispożizzjoni aċċessorja biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet kriminali.

(8)       Il-Kapitolu VII jikkonċerna l-koperazzjoni internazzjonali f'materji ġudizzjarji u materji oħrajn. Importanti li jingħaraf li l-Konvenzjoni ma fiha l-ebda reġim legali li jista' jieħu post ir-regoli eżistenti, u għalhekk din hi mingħajr preġudizzju għall-istrumenti li diġà jeżistu fil-qasam tal-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet ta' kriminalità u estradizzjoni[23]. F'dan il-kuntest, fil-livell Ewropew hemm sett komprensiv ta' strumenti biex teħfief il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li jkunu japplikaw għall-modi operandi differenti tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi jew fuq il-kriminalizzazzjoni tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bħala reat ġdid fl-ordni ġuridika nazzjonali tal-Istati Membri[24].

(9)       L-Unjoni Ewropea qed tippromwovi l-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, bħala kontribut għall-isforz tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi bil-għan li titħares l-integrità tal-isport u l-etika sportiva skont il-prinċipju tal-awtonomija tal-isport.

(10)     Għaldaqstant, il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġetta għall-konklużjoni tagħha f'data aktar tard.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi hu b’dan approvat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni msemmija.

It-test tal-Konvenzjoni li se jiġi ffirmat hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Konvenzjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha, għall-persuna indikata min-negozjatur tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi  jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]       COM(2012) 655 finali.

[2]       Dwar il-minuti tal-Kunsill, il-Kummissjoni ħarġet tiddikjara li ma taqbilx maż-żieda tal-bażi ġuridika sostantiva, ara d-dokument tal-Kunsill Nru 10509/13.

[3]       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/304/UE tal-10 ta' Ġunju 2013 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea li tipparteċipa, f'isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-koperazzjoni f'materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, ĠU L 170, 22.6.2013, p. 62.

[4]       Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea li tipparteċipa, f'isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-koperazzjoni f’materji kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, dokument tal-Kunsill Nru 10180/13.

[5]       Malta vvotat kontra l-Konvenzjoni, u fil-11 ta' Lulju 2014 ressqet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għal opinjoni dwar il-Konvenzjoni skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE (Opinjoni 1/14).

[6]       http://ec.europa.eu/internal_market/gambling/communication/index_en.htm

[7]       Bħala eżempju riċenti: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/financing/fundings/security-and-safeguarding-liberties/other-programmes/cooperation-between-public-private/index_en.htm

[8]       Il-prevenzjoni jindirizzawha l-Kapitoli II u III u anki l-Artikoli 27 u 28 tal-Konvenzjoni.

[9]       B'mod partikolari l-Artikoli 4, 5(1), 6, u 7 tal-Konvenzjoni fuq l-inkoraġġiment ta' ċertu azzjonijiet minn organizzazzjonijiet sportivi u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, kif ukoll ċertu aspetti tal-Artikoli 9, 10(2), 12 u 13 tal-Konvenzjoni.

[10]      Ara l-Artikolu 2(5) tat-TFUE: "F'ċertu oqsma u skont il-kundizzjonijiet previsti fit-Trattati, l-Unjoni għandu jkollha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, madankollu mingħajr ma tissostitwihom fil-kompetenza tagħhom f'dawn l-oqsma."

[11]      Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat, ĠU L 192, 31.07.2003, p. 54.

[12]      Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità, ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

[13]      Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea.

[14]      Id-Direttiva tistabbilixxi l-qafas imfassal biex jipproteġi s-saħħa, l-integrità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji u l-kunfidenza fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi, kontra r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

[15]      §21 tar-rapport ta' spjegazzjoni.

[16]      L-Att tal-Kunsill tad-29.5.2000 li jistabbilixxi l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002, p. 20; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza, ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45; Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' ordnijiet ta' konfiska; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI dwar il-Mandat Ewropew għal Provi, ĠU L 350, 30.12.2008; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42; id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali, ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1; id-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.

[17]      Atti leġiżlattivi rilevanti jista' jkunu jinkludu d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31), ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.01.2001, p. 1) u d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

[18]      C-377/12, il-Kummissjoni v il-Kunsill, il-paragrafu 34.

[19]      Ibid, fil-paragrafu 34 tas-sentenza.

[20]             Id-dokument tal-Kunsill Nru 10180/13.

[21]             Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat, ĠU L 192, 31.7.2003, p. 54.

[22]             ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1; Ara wkoll id-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

[23]             §21 tar-rapport ta' spjegazzjoni.

[24]             L-Att tal-Kunsill tad-29.5.2000 li jistabbilixxi l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002, p. 20; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza, ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45; Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' ordnijiet ta' konfiska; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI dwar il-Mandat Ewropew għal Provi, ĠU L 350, 30.12.2008; id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42; id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea f'materji kriminali, ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1; id-Direttiva 2014/42/UE dwar l-iffriżar u l-konfiska ta' mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39.

                                                                       

Sensiela ta' Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 215

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa

dwar il-Manipulazzjoni

tal-Kompetizzjonijiet Sportivi

Magglingen/Macolin, 18.IX.2014

              Daħla

              L-Istati Membri fil-Kunsill tal-Ewropa u l-firmatarji l-oħra ta' din il-Konvenzjoni,

              Wara li kkunsidraw li l-Kunsill tal-Ewropa għandu l-għan li jżid l-għaqda fost il-Membri tiegħu;

              Wara li kkunsidraw li l-Pjan ta' Azzjoni tat-Tielet Laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Kunsill tal-Ewropa li saret f'Varsavja fis-16 u s-17 ta' Mejju 2005, jirrakkomanda li jissoktaw l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa li jservu bħala referenzi fil-qasam sportiv;

              Wara li kkunsidraw il-ħtieġa li jibqa' għaddej l-iżvilupp ta' qafas Ewropew u globali komuni għall-iżvilupp fl-isport, ibbażat fuq il-kunċett tad-demokrazija pluralista, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-etika sportiva;

              Filwaqt li konxji li potenzjalment kull pajjiż u kull tip ta' sport fid-dinja jistgħu jġarrbu xi manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi u jisħqu li dan il-fenomenu, bħala theddida globali għall-integrità tal-isport, jeħtieġ rispons globali li għandu jitwieżen ukoll minn Stati li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa;

              Filwaqt li jesprimu tħassib fuq l-involviment ta' attivitajiet kriminali, u b'mod partikolari tal-kriminalità organizzata fil-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi u fuq in-natura transnazzjonali tagħha;

              Filwaqt li jfakkru l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (1950, ETS Nru 5) u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Vjolenza u l-Imġiba Ħażina tal-Ispettaturi f'Avvenimenti Sportivi u b'mod partikolari waqt il-Logħbiet tal-Futbol (1985, ETS Nru 120), il-Konvenzjoni Kontra d-Doping (1989, ETS Nru 135), il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni (1999, ETS Nru 173) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska ta' Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (2005, CETS Nru 198);

              Filwaqt li jfakkru l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (2000) u l-Protokolli tagħha;

              Filwaqt li jfakkru wkoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (2003);

              Filwaqt li jfakkru l-importanza li r-reati fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom jiġu investigati mingħajr dewmien żejjed;

              Filwaqt li jfakkru r-rwol ewlieni li għandha l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (l-Interpol) biex teħfief il-koperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, apparti l-koperazzjoni ġudizzjarja;

              Waqt li jisħqu li l-organizzazzjonijiet sportivi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà biex isibu u jissanzjonaw il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi li jagħmlu persuni taħt l-awtorità tagħhom;

              Filwaqt li jagħrfu r-riżultati li diġà nkisbu fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi;

              Filwaqt li konvinti li ġlieda effettiva kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi teħtieġ aktar koperazzjoni nazzjonali u internazzjonali, u li din tkun malajr, sostenibbli u taħdem tajjeb;

              Wara li kkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri Rec(92)13rev fuq il-Karta Ewropea dwar l-Isport; CM/Rec(2010)9 dwar il-Kodiċi rivedut tal-Etika Sportiva; Rec(2005)8 dwar il-prinċipji ta' governanza tajba fl-isport u CM/Rec(2011)10 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, speċjalment l-irranġar tal-logħob;

              Fid-dawl tal-ħidma u l-konklużjonijiet ta' dawn il-konferenzi:

              –     il-11-il Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli għall-Isport li saret f'Ateni fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2008;

              –     it-18-il Konferenza Informali tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli għall-Isport li saret f'Baku fit-22 ta' Settembru 2010 dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati (l-irranġar tal-logħob);

              –     it-12-il Konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ministri responsabbli għall-Isport li saret f'Belgrad, fil-15 ta' Marzu 2012, l-aktar fejn jidħol l-abbozzar ta' strument legali internazzjonali ġdid kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi;

              –     il-5 Konferenza Internazzjonali tal-UNESCO għall-Ministri u l-Uffiċjali Anzjani Responsabbli għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (MINEPS V);

              Filwaqt li konvinti li biex jinstab rispons komuni għall-isfidi li toħloq il-problema tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi hemm bżonn djalogu u koperazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet sportivi, l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet, u l-operaturi tal-imħatri sportivi fuq livell nazzjonali u internazzjonali, li jkunu jistrieħu fuq ir-rispett u l-fiduċja reċiproċi;

              Filwaqt li jagħrfu li l-isport, ibbażat fuq kompetizzjoni ġusta u ugwali, għandu natura imprevedibbli, u fl-isport, il-prattiki u l-imġiba inetiċi jeħtieġ jingħelbu b'mod effettiv u bil-qawwa;

              Filwaqt li jisħqu t-twemmin tagħhom tat-tħaddim konsistenti tal-prinċipji ta' governanza tajba u l-etika fl-isport hu fattur sinifikanti li jgħin biex tinqered il-korruzzjoni, il-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi u tipi oħra ta' prattiċi ħżiena fl-isport;

              Filwaqt li jagħrfu li skont il-prinċipju tal-awtonomija sportiva, l-organizzazzjonijiet sportivi huma responsabbli għall-isport u għandhom responsabbiltajiet awtoregolatorji u dixxiplinarji fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, iżda huma l-awtoritajiet pubbliċi li jħarsu l-integrità tal-isport meta jkun xieraq;

              Filwaqt li jagħrfu li l-iżvilupp tal-imħatri fuq l-isport, l-aktar dawn ta' natura illegali, iżidu r-riskji ta' manipulazzjoni bħal din;

              Filwaqt li jqisu li l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi jista' jkollha jew ma jkollhiex x'taqsam ma' mħatri fuq l-isports u jista' jkollha jew ma jkollhiex x'taqsam ma' reati kriminali, iżda jkun xi jkun il-każ, din għandha tiġi trattata dejjem;

              Filwaqt li jinnotaw li fil-qafas tal-liġi applikabbli, l-Istati għandhom marġni ta' diskrezzjoni meta jiddeċiedu fuq il-politiki dwar l-imħatri fuq l-isports,

              FTIEHMU KIF ĠEJ:

              Kapitolu I – Il-fini, il-prinċipji gwida u d-definizzjonijiet

              Artikolu 1 – Il-fini u l-għanijiet ewlenin

       1      Din il-Konvenzjoni għandha l-fini li titħabat kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi ħalli tipproteġi l-integrità tal-isports u l-etika sportiva skont il-prinċipju tal-awtonomija sportiva.

       2      Għaldaqtant l-għanijiet ewlenin ta' din il-Konvenzjoni huma li:

              a      tevita, tidentifika u tissanzjona l-manipulazzjoni nazzjonali jew transnazzjonali tal-kompetizzjonijiet sportivi nazzjonali u internazzjonali;

              b      tippromwovi l-koperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fost l-awtoritajiet pubbliċi konċernati kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, u anki ma' organizzazzjonijiet involuti fl-isport u l-imħatri fuq l-isport.

              Artikolu 2 – Il-prinċipji gwida

       1      Fost l-oħrajn, il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi għandha tiżgura li jiġu rrispettati dawn il-prinċipji:

              a      id-drittijiet tal-bniedem;

              b      il-legalità;

              c      il-proporzjonalità;

              d      il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali.

              Artikolu 3 – Id-definizzjonijiet

              Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni:

       1      “Kompetizzjoni sportiva” tfisser avveniment sportiv organizzat skont ir-regoli stabbiliti minn organizzazzjoni sportiva msemmija mill-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 31.2, u rikonoxxuta minn organizzazzjoni sportiva internazzjonali jew, meta jkun xieraq, organizzazzjoni sportiva kompetenti oħra.

 

       2      “Organizzazzjoni sportiva” tfisser organizzazzjoni li tirregola l-isport jew sport wieħed partikolari, u li tkun imniżżla fil-lista adottata mill-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 31.2, inklużi l-organizzazzjonijiet affiljati nazzjonali u kontinentali tagħha, jekk ikun meħtieġ.

       3      “Organizzatur tal-kompetizzjonijiet” tfisser kull organizzazzjoni sportiva jew xi persuni oħrajn, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, li jorganizzaw kompetizzjonijiet sportivi.

       4      “Manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi” tfisser arranġament, att jew ommissjoni volontarji maħsuba biex ibiddlu b'qerq ir-riżultat jew l-iżvolġiment ta' kompetizzjoni sportiva sabiex ixejnu n-natura imprevedibbli tal-kompetizzjoni msemmija hawn fuq jew xi parti minnha bil-ħsieb li jingħata vantaġġ mhux mistħoqq lill-persuna kkonċernata stess jew lil ħaddieħor.

       5      “Imħatri fuq l-isport” tfisser imħatra b'valur monetarju u bl-istennija ta' premju ta' valur monetarju, soġġetta għal okkorrenza futura u inċerta relatata ma' kompetizzjoni sportiva. B'mod partikolari:

              a      “imħatri illegali fuq l-isport” tfisser attività ta' mħatri fuq l-isport li t-tip jew l-operatur tagħha ma jkunx permess skont il-liġi applikabbli tal-ġuriżdizzjoni fejn ikun jinsab il-konsumatur;

              b      “imħatri irregolari fuq l-isport” tfisser kull attività ta' mħatri fuq l-isport li ma tkunx konsistenti max-xejriet tas-soltu jew mistennija tas-suq inkwistjoni jew relatata ma' mħatri fuq kompetizzjoni sportiva li l-andament tagħha jkollu karatteristiċi mhux tas-soltu;

              c      “imħatri suspettużi fuq l-isport” tfisser kull attività ta' mħatri fuq l-isport li, skont evidenza affidabbli u konsistenti, tkun tidher relatata ma' manipulazzjoni tal-kompetizzjoni sportiva li fuqhom tkun offruta.

       6      “Parti ikkonċernata fil-kompetizzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tappartjeni għal waħda minn dawn il-kategoriji:

              a      “atleta” tfisser persuna jew grupp ta' persuni li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet sportivi;

              b      “persunal li jappoġġja lill-atleti” tfisser kowċ, ħarrieġ, meniġer, aġent, persunal tat-tim, uffiċjal tat-tim, persunal mediku jew paramediku li jaħdem jew jittratta lill-atleti li jkunu qed jieħdu sehem jew jitħejjew għal kompetizzjonijiet sportivi, u kull persuna oħra li taħdem mal-atleti;

              c      “uffiċjal” tfisser persuna li hija s-sid, azzjonista, diriġenti eżekuttiv jew membru tal-persunal tal-entitajiet li jorganizzaw u jippromwovu kompetizzjonijiet sportivi, kif ukoll referis, membri tal-ġurija u persuni akkreditati oħrajn. It-terminu jkopri wkoll lid-diriġenti eżekuttivi u lill-persunal tal-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali, jew meta jkun xieraq, ta' organizzazzjonijiet sportivi kompetenti oħrajn li jagħrfu l-kompetizzjoni.

 

       7      “Informazzjoni privileġġata” tfisser informazzjoni dwar xi kompetizzjoni li persuna jkollha minħabba l-pożizzjoni tagħha u li tkun dwar xi sport jew kompetizzjoni, ħlief informazzjoni li diġà tkun ġiet ippubblikata jew li tkun għarfien komuni, aċċessibbli faċilment għal membri interessati tal-pubbliku jew żvelata skont ir-regoli u r-regolamenti li jirregolaw il-kompetizzjoni rilevanti.

Kapitolu II – Il-prevenzjoni, il-koperazzjoni u miżuri oħra

              Artikolu 4 – Il-koordinazzjoni nazzjonali

       1      Kull Parti għandha tikkoordina l-politiki u l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi kollha konċernati mal-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

       2      Kull Parti fil-ġuriżdizzjoni għandha tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi, lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet u lill-operaturi tal-imħatri fuq l-isport biex jaħdmu id f'id kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, u meta jkun xieraq, tafdahom bit-twettiq tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din il-Konvenzjoni.

              Artikolu 5 – Il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji

       1      Meta jkun xieraq, id f'id mal-organizzazzjonijiet sportivi, l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet, l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport u organizzazzjonijiet rilevanti oġrajn, kull parti għandha tidentifika, tanalizza u tevalwa r-riskji assoċjati mal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

       2      Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi, lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet, lill-operaturi tal-imħatri sportivi u kull organizzazzjoni rilevanti oħra biex jistabbilixxu proċeduri u regoli ħalli jitħabtu kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, u meta jkun xieraq għandha tadotta miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra li jkunu meħtieġa għal dan il-għan.

              Artikolu 6 – L-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni

       1      Kull Parti għandha tħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

              Artikolu 7 – L-organizzazzjonijiet sportivi u l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet

       1      Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet biex jadottaw u jimplimentaw regoli ħalli jitħabtu kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, u anki prinċipji ta' governanza tajba relatati, bħal:

              a      il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess, fosthom:

                     –     il-projbizzjoni li l-partijiet konċernati tal-kompetizzjonijiet jieħdu sehem fi mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li jkunu involuti fihom;

                     –     il-projbizzjoni li informazzjoni privileġġata tintuża ħażin jew tixtered;

              b      il-konformità tal-organizzazzjonijiet sportivi u l-membri affiljati tagħhom ma' kull obbligu kuntrattwali jew obbligu ieħor tagħhom;

              c      ir-rekwiżit għall-partijiet konċernati tal-kompetizzjoni biex jirrappurtaw minnufih kull attività suspettuża, inċident, inċentiv jew approċċ li jista' jitqies bħala ksur tar-regoli kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

       2      Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jadottaw u jimplimentaw il-miżuri xierqa ħalli jiżguraw:

              a      li jsir monitoraġġ aħjar u effettiv tal-andament tal-kompetizzjonijiet sportivi esposti għar-riskji tal-manipulazzjoni;

              b      arranġamenti għar-rappurtar mingħajr dewmien ta' każijiet ta' attività suspettuża relatata mal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi lill-awtoritajiet pubbliċi jew lill-pjattaforma nazzjonali rilevanti;

              c      mekkaniżmi effettivi biex ikun faċli li tiġi żvelata kull informazzjoni dwar każijiet potenzjali jew reali ta' manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, inkluża protezzjoni xierqa għall-informaturi;

              d      is-sensibilizzazzjoni fost il-partijiet konċernati tal-kompetizzjonijiet, fosthom l-atleti żgħażagħ, tar-riskju tal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi u tal-isforzi li qed isiru kontriha permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid tal-informazzjoni;

              e      li l-ħatra tal-uffiċjali rilevanti għall-kompetizzjonijiet sportivi, l-aktar il-ġurija u r-referis, issir fl-aħħar ħin possibbli.

       3      Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi tagħha, u permezz tagħhom, lill-organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali biex japplikaw sanzjonijiet dixxiplinarji u miżuri speċifiċi, effettivi, proporzjonati u dissważivi meta jinkisru r-regoli interni tagħhom kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, l-aktar dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u biex jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar tas-sanzjonijiet imposti minn organizzazzjonijiet sportivi oħra, notevolment f'pajjiżi oħra.

       4      Ir-responsabbiltà dixxiplinarja stabbilita mill-organizzazzjonijiet sportivi ma għandhiex tħalli barra r-responsabbiltà kriminali, ċivili jew amministrattiva.

              Artikolu 8 – Miżuri dwar il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet sportivi

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa biex tiżgura t-trasparenza xierqa fejn jidħol il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet sportivi li jkunu appoġġati finanzjarjament minn din il-Parti.

       2      Kull Parti għandha tqis il-possibilità li tgħin lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jitħabtu kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, anki b'mekkaniżmi xierqa ta' finanzjament.

       3      Meta jkun meħtieġ, kull Parti għandha tqis li twaqqaf l-appoġġ finazjarju jew tistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi biex iwaqqfu l-appoġġ finanzjarju lill-partijiet konċernati tal-kompetizzjonijiet li jkunu ssanzjonati għal manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, għal kemm ittul is-sanzjoni.

       4      Meta jkun xieraq, kull Parti għandha tieħu passi biex twaqqaf parti jew kull appoġġ finanzjarju jew xi appoġġ ieħor relatat mal-isport lil organizzazzjonijiet sportivi li ma jkunux japplikaw effettivament ir-regolamenti li jiġġieldu kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

              Artikolu 9 –  Miżuri regolatorji dwar l-awtoritajiet regolatorji tal-imħatri jew awtoritajiet responsabbli oħrajn

       1      Kull Parti għandha tidentifika awtorità responsabbli, waħda jew ħafna, li fl-ordni legali ta' dik il-Parti tkun fdata bit-twettiq tar-regolamentazzjonijiet tal-imħatri fuq l-isport u bl-applikazzjoni ta' miżuri rilevanti li jitħabtu kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi b'rabta mal-imħatri fuq l-isports, fosthom, meta xieraq:

              a      l-iskambju tal-informazzjoni f'waqtha ma' awtoritajiet rilevanti oħrajn jew ma' pjattaforma nazzjonali għal imħatri illegali, irregolari jew suspettużi fuq l-isport u meta jinkisru r-regolamenti msemmija jew stabbiliti skont din il-Konvenzjoni;

              b      il-limitu tal-provvista tal-imħatri fuq l-isport, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali u mal-operaturi tal-imħatri fuq l-isport, iżda mhux għal kompetizzjonijiet sportivi:

                     –     maħsuba għal dawk taħt it-18-il sena; jew

                     –     meta l-kundizzjonijiet organizzattivi u/jew riżultati f'termini sportivi jkunu inadegwati;

              c      l-għoti ta' informazzjoni minn qabel dwar it-tipi u l-oġġetti ta' prodotti tal-imħatri fuq l-isport lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet b'appoġġ għall-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jmexxu r-riskji ta' manipulazzjoni fil-kompetizzjonijiet sportivi tagħhom;

              d      l-użu sistematiku fl-imħatri fuq l-isport ta' mezzi ta' ħlas li jippermettu t-traċċabbiltà ta' flussi finanzjarji li jaqbżu ċertu limitu definit minn kull Parti, b'mod partikolari dawk li jibgħatu u jirċievu l-flus, u l-ammonti;

              e      f'koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sportivi u fosthom u meta xieraq l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport, mekkaniżmi li jżommu lura lill-partijiet konċernati tal-kompetizzjoni milli jagħmlu mħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi li jkunu jiksru r-regoli tal-isport jew il-liġi applikabbli;

              f      f'konformità mal-liġi nazzjonali, is-sospensjoni ta' mħatri fuq kompetizzjonijiet li għalihom tkun inħarġet twissija xierqa.

       2      Kull Parti għandha tgħaddi l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet identifikati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

              Artikolu 10 – L-operaturi tal-imħatri fuq l-isport

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-ħtieġa biex tevita l-kunflitti ta' interess u l-użu ħażin ta' informazzjoni privileġġata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fil-provvista ta' prodotti tal-imħatri fuq l-isport, b'mod partikolari b'restrizzjonijiet fuq:

              a      il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fil-provvista ta' prodotti tal-imħatri fuq l-isport li jagħmlu mħatri fuq il-prodotti tagħhom stess;

              b      l-abbuż minn pożizzjoni bħala finanzjatur jew ko-proprjetarju ta' organizzazzjoni sportiva meta jiġu faċilitati l-manipulazzjoni ta' kompetizzjoni sportiva jew l-użu ħażin ta' informazzjoni privileġġata;

              c      il-partijiet konċernati tal-kompetizzjoni involuti fil-proċess tar-riżultati tal-imħatri għall-kompetizzjoni li jkunu involuta fiha huma stess;

              d      kull operatur tal-imħatri fuq l-isports li jikkontrolla lil xi organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew lil xi parti konċernata tal-kompetizzjoni, kif ukoll kull operatur tal-imħatri fuq l-isports li jiġi kontrollat minn xi organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew xi parti konċernata tal-kompetizzjoni li tipproponi mħatri fuq il-kompetizzjoni li jkun involut fiha l-organizzatur tal-kompetizzjoni jew il-parti konċernatatal-kompetizzjoni.

       2      Kull Parti għandha tħeġġeġ lill-operaturi tal-imħatri fuq l-isport tagħha, u permezz tagħhom, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-operaturi tal-imħatri fuq l-isport, biex iqajmu kuxjenza fost is-sidien u l-impjegati tagħhom dwar il-konsegwenzi u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u tixrid tal-informazzjoni.

       3      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra skont il-ħtieġa biex tobbliga lill-operaturi tal-imħatri fuq l-isport biex jirrappurtaw imħatri irregolari jew suspettużi mingħajr dewmien lill-awtorità regolatorja tal-imħatri, lill-awtoritajiet responsabbli l-oħrajn jew lill-pjattaforma nazzjonali.

              Artikolu 11 – Il-ġlieda kontra l-imħatri illegali fuq l-isport

       1      Sabiex issir ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi, kull Parti għandha tagħżel l-aktar mezz xieraq biex titħabat kontra l-operaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport u għandha tqis li tadotta miżuri skont il-liġi applikabbli tal-ġuriżdizzjoni rilevanti, bħal:

              a      l-għeluq jew restrizzjoni diretta u indiretta tal-aċċess għal operaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport mill-bogħod, u l-għeluq ta' operaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport ibbażati fuq l-art tal-ġuriżdizzjoni tal-Parti;

              b      it-twaqqif tal-flussi finanzjarji fost l-operaturi u l-konsumaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport;

              c      il-projbizzjoni tar-reklamar ta' operaturi tal-imħatri illegali fuq l-isport;

              d      is-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi tar-riskji assoċjati mal-imħatri illegali fuq l-isport.

Kapitolu III – L-iskambju tal-informazzjoni

              Artikolu 12 –   L-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-organizzazzjonijiet sportivi u l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport

       1      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, fil-livelli nazzjonali u internazzjonali u skont il-liġi nazzjonali tagħha, kull Parti għandha tiffaċilita l-iskambji tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, l-organizzazzjonijiet sportivi, l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet sportivi, l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport u l-pjattaformi nazzjonali. B'mod partikolari, kull Parti għandha tieħu ħsieb tistabbilixxi mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni rilevanti meta din l-informazzjoni tista' tgħin waqt il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 5 u l-aktar għall-għoti avvanzat ta' informazzjoni dwar it-tipi u l-oġġett ta' prodotti tal-imħatri lill-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet, u biex tibda jew twettaq investigazzjonijiet jew proċedimenti dwar il-manipulazzjoni ta' kompetizzjonijiet sportivi.

       2      Meta jintalab, f'konformità mal-liġi nazzjonali u mingħajr dewmien, min jirċievi din l-informazzjoni għandu jgħarraf lill-organizzazzjoni jew lill-awtorità li qed taqsam din l-informazzjoni dwar is-segwitu li sar ta' din il-komunikazzjoni.

       3      Kull parti għandha tgħarrex għal mezzi possibbli biex jiġu żviluppati jew jitjiebu l-koperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-imħatri illegali fuq l-isport kif jistipula l-Artikolu 11 ta' din il-Konvenzjoni.

              Artikolu 13 – Il-pjattaforma nazzjonali

       1      Kull Parti għandha tidentifika pjattaforma nazzjonali li tindirizza l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi. Fost l-oħrajn, f'konformità mal-liġi nazzjonali, il-pjattaforma nazzjonali:

              a      għandha sservi bħala ċentru tal-informazzjoni, tiġbor u xxerred informazzjoni li tkun rilevanti għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fost l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet rilevanti;

              b      tikkoordina l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi;

              c      tirċievi, tiċċentralizza u tanalizza l-informazzjoni dwar imħatri irregolari u suspettużi li jsiru fuq kompetizzjonijiet sportivi u fit-territorju tal-Parti, imbagħad toħroġ twissijiet skont il-ħtieġa;

              d      lill-awtoritajiet pubbliċi jew lill-organizzazzjonijiet sportivi u/jew l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport, għandha tgħaddilhom informazzjoni dwar ksur possibbli tal-liġijiet jew tar-regolamenti dwar l-isport li jissemmew fil-Konvenzjoni;

              e      tikkopera ma' kull organizzazzjoni u awtorità rilevanti fil-livell nazzjonali u internazzjonali, inklużi l-pjattaformi nazzjonali ta' Stati oħrajn.

       2      Lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kull Parti għandha tgħaddilu l-isem u l-indirizz tal-pjattaforma nazzjonali.

              Artikolu 14 – Il-protezzjoni tad-dejta personali

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa biex tiżgura li kull azzjoni kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi tkun konformi mal-liġijiet u l-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, l-aktar meta titqassam l-informazzjoni msemmija f'din il-Konvenzjoni.

       2      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra li jkunu meħtieġa biex tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta tinġabar, tinħadem u titqassam id-dejta personali, irrispettivament min-natura ta' dawn l-iskambji, tingħata attenzjoni xierqa lill-prinċipji tal-legalità, l-adegwatezza, ir-rilevanza u l-eżattezza, u anki lis-sigurtà tad-dejta u d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta.

       3      Fil-liġijiet tagħha, kull Parti għandha tipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni jiżguraw li l-iskambju tad-dejta għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni ma jmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba tal-iskambju.

       4      Kull Parti għandha tistieden lill-bosta awtoritajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni biex jagħtu l-mezzi tekniċi mitluba biex jiżguraw is-sigurtà tad-dejta skambjata u jiggarantixxu l-affidabbiltà u l-integrità tagħhom, kif ukoll id-disponibbiltà u l-integrità tas-sistemi tal-iskambju tad-dejta u l-identifikazzjoni tal-utenti tagħhom.

Kapitolu IV – Il-liġi kriminali sostantiva u l-koperazzjoni fejn jidħol l-infurzar

              Artikolu 15 – Reati kriminali relatati mal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi

       1      Kull Parti għandha tiżgura li l-liġijiet nazzjonali tagħha jippermettu li manipulazzjoni ta' kompetizzjoni sportiva tkun tista' tiġi ssanzjonata kriminalment, meta din tkun tinvolvi prattiċi ta' koerċizzjoni, frodi jew korruzzjoni, kif tiddefinixxi l-liġi nazzjonali tagħha.

              Artikolu 16 –   Il-ħasil tar-rikavati minn reati kriminali relatati mal-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa sabiex attività kif deskritta fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tfittxija, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavati mill-Kriminalità u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (2005, CETS Nru 198), fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (2000) jew fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (2003), skont il-kundizzjonijiet imsemmija hemmhekk, tiġi stabbilita bħala reat kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħha, meta dan ir-reat predikat iwassal għal xi wieħed mil-livelli ta' qligħ imsemmijin fl-Artikoli 15 u 17 ta’ din il-Konvenzjoni u dejjem fil-każ ta' estorsjoni, korruzzjoni u frodi.

       2      Waqt id-deċiżjoni dwar il-firxa ta' reati li għandhom jitqiesu bħala reati predikati msemmija fil-paragrafu 1, kull Parti tista' tiddeċiedi skont il-liġi nazzjonali tagħha kif se tiddefinixxi dawn ir-reati u n-natura ta' xi elementi partikolari li jagħmluhom gravi.

       3      Kull Parti għandha tikkunsidra li tinkludi l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fil-qafas tagħha għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus tagħha billi teżiġi li l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport ikunu tassew diliġenti mal-klijenti, iżommu r-rekords u jimxu mar-rekwiżiti tar-rappurtar.

              Artikolu 17 – Għajnuna u kompliċità

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa biex meta jitwettqu b'intenzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità fl-għemil ta' xi reati kriminali msemmijin fl-Artikolu 15 ta' din il-Konvenzjoni, dawn jitqiesu bħala reati kriminali skont il-liġijiet nazzjonali tagħha.

              Artikolu 18 – Ir-responsabbiltà korporattiva

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa sabiex tiżgura li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni, li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn xi persuna fiżika, li tkun aġixxiet waħedha jew bħala membru ta' organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

              a      is-setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

              b      l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

              c      l-awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

       2      Soġġetta għall-prinċipji ġuridiċi tal-Parti, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista' tkun kriminali, ċivili jew amministrattiva.

       3      Apparti l-każijiet diġà previsti fil-paragrafu 1, kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li persuna ġuridika tinżamm responsabbli meta minħabba nuqqas ta' sorveljanza jew kontroll minn persuna fiżika msemmija fil-paragrafu 1 tkun ingħatat għajnuna fl-għemil ta' reat imsemmi fl-Artikoli 15 sa 17 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna fiżika fl-awtorità tagħħa.

       4      Din ir-responsabbiltà għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kriminali tal-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reat.

Kapitolu V – Il-ġuriżdizzjoni, il-proċedura kriminali u l-miżuri ta' infurzar

              Artikolu 19 – Il-ġuriżdizzjoni

       1      Kull Parti għandha tadotta dawk il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jkunu meħtieġa biex tistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni meta dak ir-reat ikun twettaq:

              a      fit-territorju tagħha; jew

              b      abbord vapur li jtajjar il-bandiera tagħha; jew

              c      abbord inġenju tal-ajru rreġistrat skont il-liġi tagħha; jew

              d      minn ċittadin tagħha jew minn persuna abitwalment residenti fit-territorju tagħha.

       2      Permezz ta' dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, meta jiffirmaw jew jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddikjaraw li qed jirriżervaw id-dritt li ma japplikawx ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1(d) ta' dan l-Artikolu, jew li japplikawhom biss f'każijiet jew f'kundizzjonijiet speċifiċi.

       3      Kull Parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex tistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni meta l-allegat trasgressur ikun fit-territorju tagħha u ma jkunx jista' jiġi estradit lejn Parti oħra abbażi tan-nazzjonalità tiegħu.

       4      Meta aktar minn Parti waħda titlob ġuriżdizzjoni fuq ir-reat allegat imsemmi fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni, meta jkun xieraq il-Partijiet involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jidentifikaw l-aktar ġuriżdizzjoni xierqa għall-finijiet ta' prosekuzzjoni.

       5      Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali, din il-Konvenzjoni ma teskludix li xi Parti teżerċita ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

              Artikolu 20 – Miżuri li jiżguraw evidenza elettronika

       1      Meta tinvestiga reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni, kull Parti għandha tadotta miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra biex tiżgura evidenza elettronika, fost l-oħrajn bil-priżervazzjoni mħaffa tad-dejta maħżuna fil-kompjuter, il-priżervazzjoni u l-iżvelar imħaffin tad-dejta dwar it-traffiku, ordnijiet ta' produzzjoni, tiftix u sekwestu tad-dejta maħżuna fil-kompjuter, ġbir f'ħin reali tad-dejta dwar it-traffiku u l-interċettazzjoni tad-dejta dwar il-kontenut, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

              Artikolu 21 – Miżuri ta' protezzjoni

       1      Kull Parti għandha tqis li tadotta miżuri legali bħal dawn skont il-ħtieġa biex tagħti protezzjoni effettiva lil:

              a      persuni li in bona fide u fuq bażi raġonevoli, jagħtu informazzjoni dwar reati imsemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni jew inkella li jikkoperaw mal-awtoritajiet investigattivi jew tal-prosekuzzjoni;

              b      xhieda li jixhdu dwar dawn ir-reati;

              c      membri tal-familja ta' persuni msemmija fis-subparagrafi a u b, meta dan ikun meħtieġ.

Kapitolu VI – Sanzjonijiet u miżuri

              Artikolu 22 – Sanzjonijiet kriminali kontra persuni fiżiċi

       1      Kull Parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex tiżgura li meta r-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni twettaqhom persuna fiżika, dawn ikunu punibbli b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż b'sanzjonijiet monetarji skont il-gravità tar-reati. Dawn is-sanzjonijiet għandhom jinkludu pieni li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà li tista' tagħti lok għal estradizzjoni, kif tiddefinixxi l-liġi nazzjonali.

              Artikolu 23 – Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi

       1      Kull Parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex tiżgura li l-persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 18, ikunu soġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi sanzjonijiet monetarji u mnejn miżuri oħra bħal:

              a      l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali;

              bit-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

              c      ordni ġudizzjarja ta' stralċ.

              Artikolu 24 – Sanzjonijiet amministrattivi

       1      Meta xieraq, kull Parti għandha tadotta tali miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra fir-rigward ta' atti li huma punibbli skont il-liġi nazzjonali tagħha kif meħtieġ, biex tikkastiga ksur stabbilit skont din il-Konvenzjoni b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi u miżuri wara proċedimenti li jkunu nbdew mill-awtoritajiet amministrattivi, u meta d-deċiżjoni tista' tagħti lok għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġuriżdizzjoni.

       2      Kull Parti għandha tiżgura li jiġu applikati miżuri amministrattivi. Dan jista' jsir mill-awtorità regolatorja tal-imħatri jew minn awtoritajiet responsabbli oħrajn, skont il-liġi nazzjonali tagħha.

              Artikolu 25 – Sekwestru u konfiska

       1      Kull Parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali biex tippermetti s-sekwestru u l-konfiska ta':

              a      l-oġġetti, id-dokumenti u l-istrumenti l-oħra li ntużaw jew li kienu maħsuba biex jintużaw biex jitwettqu r-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni;

              bir-rikavat ta' dawk ir-reati, jew proprjetà b'valur korrispondenti għal dawk ir-rikavati.

Kapitolu VII – Il-koperazzjoni internazzjonali f'materji ġudizzjarji u f'materji oħrajn.

       Artikolu 26 – Miżuri għal koperazzjoni internazzjonali f'materji kriminali

       1      F'konformità mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u r-regoli applikabbli u rilevanti ta' strumenti u arranġamenti internazzjonali u reġjonali maqbula skont leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka u f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkoperaw flimkien, kemm jista' jkun possibbli, għall-finijiet ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji fejn jidħlu r-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni, inklużi s-sekwestru u l-konfiska.

       2      F'konformità mat-trattati internazzjonali, reġjonali u bilaterali applikabbli rilevanti dwar l-estradizzjoni u l-assistenza reċiproka f'materji kriminali u f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkoperaw flimkien, kemm jista' jkun possibbli, fejn jidħlu r-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni.

       3      F'materji ta' koperazzjoni internazzjonali, kull meta l-kriminalità doppja titqies bħala rekwiżit, irrispettivament minn jekk il-liġijiet tal-Istat mitlub iqigħedx ir-reat fl-istess kategorija ta' reat jew jużax l-istess terminu biex jiddefinixxi r-reat bħall-Istat li jagħmel it-talba, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li ġie ssodisfat meta l-imġiba sottostanti tar-reat li għaliha tintalab assistenza reċiproka legali jew estradizzjoni tkun reat kriminali skont il-liġi taż-żewġ Partijiet.

       4      Fejn jidħlu r-reati msemmija fl-Artikoli 15 sa 17 ta' din il-Konvenzjoni, meta Parti, li l-estradizzjoni jew l-assistenza legali reċiproka f'materji kriminali tagħmilha bil-patt u l-kundizzjoni li jkun jeżisti trattat, tirċievi talba għal estradizzjoni jew assistenza legali f'materji kriminali mingħand Parti li magħha m'għandhiex dan it-trattat, din, filwaqt li taġixxi f'konformità sħiħa mal-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali u skont il-kundizzjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali tagħha, tista' tqis din il-Konvenzjoni bħala l-bażi ġuridika għall-estradizzjoni jew l-assistenza legali reċiproka f'materji kriminali.

              Artikolu 27 – Miżuri oħra għal koperazzjoni internazzjonali fejn tidħol il-prevenzjoni

       1      Kull Parti għandha tistinka biex meta xieraq tintegra l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi fil-programmi ta' assistenza għall-ġid ta' Stati terzi.

              Artikolu 28 – Il-koperazzjoni internazzjonali ma' organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali

       1      Skont il-liġi nazzjonali tagħha, kull Parti għandha tikkopera ma' organizzazzjonijiet sportivi internazzjonali fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-kompetizzjonijiet sportivi.

Kapitolu VIII – Is-segwitu

              Artikolu 29 – L-għoti tal-informazzjoni

       1      Lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kull Parti għandha tibgħatlu l-informazzjoni kollha rilevanti f'waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li tkun ħadet għall-finijiet biex tikkonforma mat-termini ta' din il-Konvenzjoni.

              Artikolu 30 – Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni

       1      Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, b'din qed jiġi stabbilit il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni.

       2      Fil-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni, kull Parti jistgħu jirrappreżentawha delegat wieħed jew aktar, fosthom rappreżentanti minn awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-isport, l-infurzar tal-liġi jew ir-regolamentazzjoni tal-imħatri. Kull Parti għandu jkollha dritt għal vot.

       3      Kemm l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll kumitati intergovenattivi oħrajn tal-Kunsill tal-Ewropa għandhom jaħtru rappreżentant kull wieħed fil-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni biex jikkontribwixxi għal approċċ multidixxiplinari u multisettorjali. Jekk ikun meħtieġ u b'deċiżjoni unanima, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni jista' jistieden lil xi Stati li ma jkunux Parti fil-Konvenzjoni, organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali biex fil-laqgħat tiegħu jkunu rappreżentati minn osservatur. Ir-rappreżentanti maħtura skont dan il-paragrafu għandhom jieħdu sehem fil-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni mingħajr id-dritt għal vot.

       4      Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni għandu jitlaqqa' mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan għandu jiltaqa' għall-ewwel darba malajr kemm jista' jkun, u f'kull każ fi żmien sena minn meta tidħol fis-seħħ din il-Konvenzjoni. Imbagħad għandu jerġa' jiltaqa' kull meta mill-inqas terz tal-Partijiet jew meta s-Segretarju Ġenerali jitolbu dan.

       5      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni għandu jħejji u jadotta b'konsensus ir-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

       6      Is-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jassisti lill-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

              Artikolu 31 – Il-funzjonijiet tal-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni

       1      Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni hu responsabbli biex isegwi l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

       2      Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni għandu jadotta u jibdel il-lista tal-organizzazzjonijiet sportivi msemmija fl-Artikolu 3.2, filwaqt li jiżgura li din tiġi ppubblikata b'mod xieraq.

       3      B'mod partikolari, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni jista':

              a      jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-aktar fejn tidħol il-koperazzjoni internazzjonali;

              bwara li tiġi ppubblikata dokumentazzjoni ta' spjegazzjoni u wara li jkun diġà kkonsulta ma' rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet sportivi u operaturi tal-imħatri fuq l-isport, meta xieraq, jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet b'mod partikolari:

                     –     dwar il-kriterji li jridu jilħqu l-organizzazzjonijiet sportivi u l-operaturi tal-imħatri fuq l-isport biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskambju tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 12.1 ta' din il-Konvenzjoni;

                     –     dwar modi oħrajn maħsuba biex titjieb il-koperazzjoni operattiva bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, l-organizzazzjonijiet sportivi u l-operaturi tal-imħatri, kif imsemmija f'din il-Konvenzjoni;

              c      biex l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u l-pubbliku jinżammu infurmati dwar l-attivitajiet li qed jagħmel skont il-qafas ta' din il-Konvenzjoni;

              d      biex iħejji opinjoni lill-Kumitat tal-Ministri meta jitolbu xi Stat li mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa biex jiġi mistieden mill-Kumitat tal-Ministri ħalli jiffirma l-Konvenzjoni skont l-Artikolu 32.2.

       4      Sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni jista' jorganizza laqgħat tal-esperti fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

       5      Bi ftehim bil-quddiem mal-Partijiet konċernati, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni għandu jorganizza żjarat lill-Partijiet.

Kapitolu IX – Id-dispożizzjonijiet finali

              Artikolu 32 – L-iffirmar u d-dħul fis-seħħ

       1      Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati l-oħrajn li huma Partijiet fil-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, l-Unjoni Ewropea u l-Istati li mhumiex Membri li ħadu sehem fl-elborazzjoni tagħha jew bi status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa.

       2      Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar ta' kull Stat ieħor li mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa wara stedina mill-Kumitat tal-Ministri. Id-deċiżjoni biex jiġi mistieden Stat li mhux membru biex jiffirma l-Konvenzjoni għandha tittieħed bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa u b'unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Kontraenti intitolati għal siġġu fil-Kumitat tal-Ministri, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni ladarba jiġi stabbilit.

       3      Din il-Konvenzjoni hi soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

       4      Din l-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur minn wara d-data meta ħames firmatarji, inklużi mill-anqas tliet Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, ikunu ddikjaraw il-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3.

       5      Għal kull Stat firmatarju jew l-Unjoni Ewropea li wara jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni, din għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur mid-data meta l-firmatarji jkunu esprimew il-kunsens tagħhom biex jintrabtu bil-Konvenzjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3.

       6      Parti Kontraenti li ma tkunx membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni skont il-mod li jkun iddeċieda l-Kumitat tal-Ministri wara konsultazzjoni ma' dik il-Parti.

              Artikolu 33 – L-effetti tal-Konvenzjoni u r-relazzjoni ma' strumenti internazzjonali oħrajn

       1      Din il-Konvenzjoni m'għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet li joħorġu minn konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali dwar suġġetti speċifiċi. B'mod partikolari, din il-Konvenzjoni ma tbiddilx id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li joħorġu minn ftehimiet oħra li ġew konklużi qabel fejn tidħol il-ġlieda kontra d-doping u li huma konsistenti mas-suġġett u l-għan ta' din il-Konvenzjoni.

       2      Meta xieraq u b'mod partikolari, din il-Konvenzjoni tissupplimenta lil trattati multilaterali u bilaterali applikabbli bejn il-Partijiet, inklużi d-dispożizzjonijiet ta':

              a      il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (1957, ETS Nru 24);

              bil-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali (1959, ETS Nru 30);

              c      il-Konvenzjoni dwar il-Laundering, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali (1990, ETS Nru 141);

              d      il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attività Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (2005, CETS Nru 198),

       3      Il-Partijiet fil-Konvenzjoni jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejniethom dwar kwistjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni, bil-għan li jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha jew li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tħaddan.

       4      Jekk żewġ Partijiet jew aktar ikunu diġà kkonkludew trattat dwar kwistjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni jew inkella jkunu bnew relazzjonijiet fejn jidħlu kwistjonijiet bħal dawn, dawn għandhom ikunu intitolati wkoll li japplikaw dak it-trattat jew li jirregolaw dawk ir-relazzjonijiet kif meħtieġ. Madankollu, meta l-Partijiet jistabbilixxu relazzjonijiet fejn jidħlu l-kwistjonijiet imsemmija f'din il-Konvenzjoni, apparti dawk previsti fiha, dawn għandhom jagħmlu dan b'mod li ma jmurx kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Konvenzjoni.

       5      Din il-Konvenzjoni m'għandha xejn li jaffettwa lil drittijiet, restrizzjonijiet, obbligi u responsabbiltajiet oħra tal-Partijiet.

              Artikolu 34 – Kundizzjonijiet u salvagwardji

       1      Kull Parti għandha tiżgura li l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat u l-proċeduri previsti fil-Kapitoli II sa VII jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet u salvagwardji previsti skont il-liġi nazzjonali tagħha, li għandha tagħti protezzjoni adegwata lid-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet li joħorġu skont l-obbligi li ntrabtet bihom permezz tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, u għandha ddaħħal il-prinċipju tal-proporzjonalità fil-liġi nazzjonali tagħha.

       2      Kif jixraq, fid-dawl tan-natura tal-proċedura jew tas-setgħa, dawn il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, superviżjoni indipendenti ġudizzjarja jew oħra, raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, u limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' din is-setgħa jew proċedura.

       3      Sakemm dan ikun konsistenti mal-interess pubbliku, b'mod partikolari l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kull Parti għandha tikkunsidra l-impatt tas-setgħat u l-proċeduri f'dawn il-Kapitoli fuq id-drittijiet, ir-responsabbiltajiet u l-interessi leġittimi ta' partijiet terzi.

              Artikolu 35 – L-applikazzjoni territorjali

       1      Waqt l-iffirmar jew meta jiddepożita l-istrument tiegħu ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jispeċifikaw it-territorji li għalihom għandha tapplika din il-Konvenzjoni.

       2      Kull waqt aktar tard u b'dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kull Parti tista testendi l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni għal territorji oħrajn speċifikati fid-dikjarazzjoni, u li tkun responsabbli mir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jew li tkun awtorizzata biex timpenja ruħha f'isimhom. Fejn jidħlu dawn it-territorji, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xhar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur mid-data meta tasal id-dikjarazzjoni għand is-Segretarju Ġenerali.

       3      Fejn jidħol it-territorju speċifikat fiha, kull dikjarazzjoni li ssir skont iż-żewġ paragrafi preċedenti tista' tiġi rtirata b'notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tliet xhur mid-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika.

              Artikolu 36 – Il-klawsola federali

       1      Stat Federali jista' jżomm id-dritt li jwettaq l-obbligi skont il-Kapitoli II, IV, V u VI ta' din il-Konvenzjoni b'konsistenza mal-prinċipji fundamentali tiegħu li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-gvern ċentrali u l-Istati kostitwenti, jew entitajiet territorjali oħra simili diment li dan ikun kapaċi jikkopera skont il-Kapitoli III u VII.

       2      Meta jagħmel xi riċerka skont il-paragrafu 1, Stat Federali jista' ma japplikax it-termini ta' din ir-riżerva ħalli jeskludi jew inaqqas ġmielu l-obbligi tiegħu li jipprevedi l-miżuri stipulati fil-Kapitoli III u VII. B'mod ġenerali, fejn jidħlu dawn il-miżuri, dan għandu jipprevedi kapaċità tal-infurzar wiesgħa u effettiva.

       3      Fejn jidħlu d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, li l-applikazzjoni tagħhom taqa' fil-ġuriżdizzjoni ta' kull Stat kostitwent jew ta' entitajiet territorjali oħra simili li mhumiex obbligati mis-sistema kostituzzjonali tal-federazzjoni li jieħdu miżuri leġiżlattivi, il-gvern federali għandu jwassal l-opinjoni favorevoli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti ta' dawn l-Istati ta' dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija u jħeġġiġhom jieħdu azzjoni xierqa biex dan jitwettaq.

              Artikolu 37 – Riżervi

       1      B'notifika bil-miktub indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, meta jiffirmaw jew jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, kull Stat jew l-Unjoni Ewropea jistgħu jiddikjaraw li se jużaw ir-riżervi previsti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 u fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 36. Ma tista ssir l-ebda riżerva oħra.

       2      Parti li tkun għamlet riżerva skont il-paragrafu 1, tista tirtiraha kollha jew parzjalment permezz ta' notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta n-notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali. Jekk in-notifika tindika li l-irtirar ta' riżerva għandu jidħol fis-seħħ f'data speċifikata fiha, u din id-data tkun aktar tard mid-data meta n-notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali, l-irtirar għandu jseħħ f'dik id-data li tiġi wara.

       3      Parti li tkun għamlet riżerva għandha tirtiraha kollha jew parzjalment meta ċ-ċirkostanzi jkunu jippermettu dan.

       4      Minn żmien għal żmien, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jista' jitlob lill-partijiet li jkunu għamlu riżerva waħda jew aktar biex jgħaddulu dettalji dwar il-prospetti tal-irtirar ta' dawn ir-riżervi.

              Artikolu 38 – Emendi

       1      Kull Parti, il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni jew il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jistgħu jipproponu emendi fl-Artikoli ta' din il-Konvenzjoni.

       2      Mill-anqas xahrejn qabel il-laqgħa meta tkun se titqies, kull proposta għal emenda għandha tintbagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u hu għandu jibgħatha lill-Partijiet, l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati li mhumiex membri u li ħadu sehem fl-elaborazzjoni ta' din il-Konvenzjoni jew bi status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea, kull Stat li ġie mistieden jiffirma din il-Konvenzjoni u l-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni. Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni għandu jressaq l-opinjoni tiegħu dwar l-emenda proposta lill-Kumitat tal-Ministri.

       3      Il-Kumitat tal-Ministri għandu jqis l-emenda proposta u kull opinjoni li ressaq il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni u jista' jadotta l-emenda bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa.

       4      It-test ta' kull emenda adottata mill-Kumitat tal-Ministri skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jintbagħat lill-Partijiet għall-aċċettazzjoni.

       5      Kull emenda adottata skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' xahar wara li l-Partijiet kollha jkunu infurmaw lis-Segretarju Ġenerali li għamlu l-proċeduri interni rispettivi tagħhom u aċċettawha.

       6      Jekk il-Kumitat tal-Ministri approva xi emenda iżda din tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ skont il-paragrafu 5, Stat jew l-Unjoni Ewropea ma jistgħux jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Konvenzjoni mingħajr ma jaċċettaw din l-emenda fl-istess waqt.

              Artikolu 39 – Soluzzjoni tat-tilwim

       1      Il-Kumitat ta' Segwitu tal-Konvenzjoni, id f'id mill-qrib mal-kumitati intergovernattivi rilevanti tal-Kunsill tal-Kunsill tal-Ewropa, għandu jinżamm infurmat b'kull diffikultà fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.

       2      Jekk tinqala' tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, dawn għandhom isibu soluzzjoni tat-tilwima permezz ta' negozjati, konċiljazzjoni jew arbitraġġ, jew b'xi mezz paċifiku ieħor li jagħżlu.

       3      Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista' jistabbilixxi proċeduri ta' soluzzjoni biex ikunu jistgħu jintużaw mil-Partijiet meta tinqala' tilwima, soġġetti għall-kunsens tagħhom.

              Artikolu 40 – Denunzja

       1      Kull Parti tista' tiddenunzja din il-Konvenzjoni f'kull waqt permezz ta' notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

       2      Denunzja bħal din għandu jkollha effett fl-ewwel jum tax-xhar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tliet xhur mid-data meta n-notifika tasal għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

              Artikolu 41 - Notifika

       1      F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Partijiet, l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Istati l-oħrajn Partijiet għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, l-Istati li mhumiex membri u li ħadu sehem fl-elaborazzjoni ta' din il-Konvenzjoni jew bi status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea, kull Stat li ġie mistieden jiffirma din il-Konvenzjoni, bi:

              a      kull iffirmar;

              bid-depożitar ta' xi strument ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni;

              c      id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni skont l-Artikolu 32;

              d      kull riżerva u kull irtirar ta' riżerva li jkunu saru skont l-Artikolu 37;

              e      kull dikjarazzjoni li tkun saret skont l-Artikoli 9 u 13;

              f      kull att, notifika jew komunikazzjoni relatata ma' din il-Konvenzjoni.

              B'xhieda ta' dan, aħna hawn taħt sottoskritti, debitament awtorizzati biex nagħmlu dan, iffirmajna din il-Konvenzjoni.

              Magħmul f'Magglingen/Macolin, fit-18-il jum ta' Settembru 2014, bl-Ingliż u bil-Franċiż, iż-żewġ testi huma awtentiċi indaqs, f'kopja unika li għandha tiġi depożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jibgħat kopja attestata lil kull Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati li mhumiex membri u li ħadu sehem fl-elaborazzjoni ta' din il-Konvenzjoni jew bi status ta' osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa, lill-Unjoni Ewropea, lil kull Stat li ġie mistieden jiffirma din il-Konvenzjoni.