52015PC0076

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni f'dak li jirrigwarda l-emenda tal-Anness III għall-Ftehim imsemmi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali /* COM/2015/076 final - 2015/0040 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-1999, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkonkludew flimkien mal-Iżvizzera, Ftehim bilaterali dwar il-moviment liberu tal-persuni (ara l-ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6). Dan il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. B'segwitu ta' dan, ġie konkluż protokoll sabiex jestendi l-Ftehim għall-għaxar Stat Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 (ara l-ĠU L 89, 28.3.2006, p. 30). It-tieni protokoll ġie konkluż sabiex jestendi l-Fethim għall-Bulgarija u r-Rumanija (ara l-ĠU L 124, 20.5.2009, p. 53). Għall-ewwel, il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta' seba' snin, li skada fil-31 ta' Mejju 2009. Wara r-referendum Żvizzeru tat-8 ta' Frar 2009, il-Ftehim iġġedded għal perjodu indefinit. Minkejja r-riżultati tar-referendum Żvizzeru tad-9 ta' Frar 2014 dwar l-immigrazzjoni tal-massa, il-Ftehim għadu fis-seħħ.

L-Artikolu 9 u l-Anness III tal-Ftehim jirrigwardaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. L-Anness III jelenka l-atti adottati mill-UE f'dan il-qasam, li huma ta' rilevanza għar-relazzjonijiet mal-Iżvizzera. L-Artikolu 18 tal-Ftehim jippreċiża li kwalunkwe emenda li ssir fl-Anness III trid tiġi adottata b'deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera li twaqqaf permezz tal-Artikolu 14 tal-istess Ftehim.

L-Anness III ġie emendat fl-aħħar minuta bid-Deċiżjoni Nru 2/2011 tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera (ara l-ĠU L 277, 22.10.2011, p. 20). B'mod partikolari, din l-emenda kellha l-għan li tallinja l-Ftehim mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ara l-ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

L-Annessi għal din id-Direttiva ġew emendati huma stess diversi drabi minn meta ġiet adottata d-Deċiżjoni Nru 2/2011. Għaldaqstant, l-Anness III irid jiġi aġġornat biex jirrifletti dawn l-emendi. B'mod speċifiku, l-Anness III għall-Ftehim irid jiġi emendat biex jinkorpora l-elementi li ġejjin:

– l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 623/2012 li jemenda l-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE (ara l-ĠU L 180, 12.7.2012, p. 9);

– in-notifika mir-Renju Unit, tal-emendi li jikkonċernaw l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet professjonali elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2005/36/KE. Dawn l-emendi huma indikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ġġib l-isem Notifika dwar l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 3(2) elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2005/36/KE (ara l-ĠU C 182, 23.6.2011, p. 1);

– il-ħames Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li jaġġornaw l-Anness V għall-Ftehim biex jikkunsidra l-kwalifiki professjonali addizzjonali jew l-emendi li saru għall-kwalifiki eżistenti, kif ukoll il-bidliet fir-rigward tal-kwalifiki edukattivi aċċettati u/jew tal-awtoritajiet li joħorġu dawn il-kwalifiki, skont kif notifikat mill-Istati Membri. Dawn il-Komunikazzjonijiet ġew ippubblikati fl-24 ta' Ġunju 2011 (ĠU C 183, p. 1), fis-16 ta' Diċembru 2011 (ĠU C 367, p. 5), fl-14 ta' Awwissu 2012 (ĠU C 244, p. 1), fil-21 ta' Diċembru 2012 (ĠU C 396, p. 1) u fit-28 ta' Ġunju 2013 (ĠU C 183, p. 4);

– l-iżviluppi riċenti li seħħew fl-Iżvizzera f'dak li jirrigwarda l-kwalifiki professjonali meħtieġa għal ċerti professjonijiet fl-oqsma tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa. L-Iżvizzera talbet li jsiru diversi żidiet u emendi fl-Anness III għall-Ftehim. Dawn iż-żidiet u l-emendi jikkonċernaw l-oqsma tal-onkoloġija medika, il-ġenetika medika u l-mediċina interna, kif ukoll il-professjonijiet tal-infirmiera u l-qwiebel.

Tajjeb li jiġi nnutat li l-emendi msemmija hawnhekk, li ġew inkorporati kollha kemm huma fir-reviżjoni abbozzata tal-Anness III mehmuża, iridu jsiru sabiex jirriflettu l-adattamenti tekniċi li qed jaffettwaw is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri (il-partijiet kontraenti). Dawn ma jikkostitwixxux inizjattivi ġodda.

2.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jinkludi tliet Artikoli.

L-Artikolu 1 jistipula li l-Anness III għall-Ftehim għandu jiġi adattat f'konformità mal-Anness mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2 jistipula li d-Deċiżjoni se tkun awtentika indaqs fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-dipożizzjonijiet rigward id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

Anness: l-Anness III rivedut.

3.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni.

2015/0040 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni f'dak li jirrigwarda l-emenda tal-Anness III għall-Ftehim imsemmi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu, flimkien mal-Artikoli 46, 53 u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni[1] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-21 ta' Ġunju 1999 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002.

(2)       L-Artikolu 14 tal-Ftehim iwaqqaf il-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera. F'konformità mal-Artikolu 18 tal-Ftehim, l-emendi tal-Anness III (ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali) iridu jkunu adottati permezz ta' deċiżjoni ta' dan il-Kumitat Konġunt.

(3)       Sabiex tkompli tiġi żgurata applikazzjoni koerenti u korretta tal-atti leġiżlattivi tal-UE filwaqt li jiġu evitati diffikultajiet amministrattivi u possibbilment ġuridiċi, jaqbel li l-Anness III għall-Ftehim jiġi emendat biex jinkorpora l-atti leġiżlattivi l-ġodda tal-Unjoni li l-Ftehim għadu ma jagħmilx referenza għalihom.

(4)       Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera trid tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni hawn mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera mwaqqaf mill-Artikolu 14 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni f'dak li jirrigwarda l-emenda tal-Anness III (ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali), tissejjes fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera, mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Bidliet minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu aċċettati mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

ANNESS abbozz ta' DEĊIŻJONI NRU 2/2014 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ŻVIZZERA mwaqqaf mill-Artikolu 14 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal-21 ta' Ġunju 1999, li temenda l-Anness III għal dan il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u 18 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

(2) L-Anness III (ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali) tal-Ftehim ġie emendat fl-aħħar minuta bid-Deċiżjoni Nru 2/2011 tal-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera[1] u għandu jiġi aġġornat biex iqis l-atti ġuridiċi l-ġodda tal-Unjoni Ewropea u tal-Iżvizzera li ġew adottati minn dak iż-żmien 'l hawn.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness III (ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifki professjonali) għall-Ftehim huwa emendat f'konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Svediża u Ungeriża, u t-testi b’kull waħda minn dawn il-lingwi huma ugwalment awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha mill-Kumitat Konġunt UE-Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

ANNESS

L-Anness III għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni huwa emendat kif ġej:

1. Taħt it-titolu "TAQSIMA A: ATTI LI SSIR REFERENZA GĦALIHOM", l-inċiżi li ġejjin iridu jiżdiedu mal-punt 1a:

-      ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 623/2012 tal-11 ta’ Lulju 2012 li jemenda l-Anness II tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 180, 12.07.2012, p. 9);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika dwar l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 3(2) elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/36/KE (ĠU C 182, 23.6.2011, p. 1);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 183, 24.6.2011, p. 1);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 367, 16.12.2011, p. 5);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 244, 14.8.2012, p. 1);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 396, 21.12.2012, p. 1);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 183, 28.6.2013, p. 4);

-      il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Notifika tal-prova tal-kwalifiki formali — id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (l-Anness V) (ĠU C 301, is-17 ta' Ottubru 2013, p. 1).

2. L-intestaturi mediċi segwenti għandhom jiżdiedu mal-punt 1g:

Pajjiż || Isem

Onkoloġija medika Perjodu minimu ta' taħriġ: 5 snin

L-Iżvizzera || Medizinische Onkologie Oncologie médicale Oncologia medica

Pajjiż || Isem

Ġenetika medika Perjodu minimu ta' taħriġ: 4 snin

L-Iżvizzera || Medizinische Genetik Génétique médicale Genetica medica

3. Fil-punt 1g, l-isem relatat mal-intestatura medika "Mediċina interna" jiġi sostitwit bit-test segwenti:

Pajjiż || Isem

Mediċina interna Perjodu minimu ta' taħriġ: 5 snin

L-Iżvizzera || Allgemeine Innere Medizin Médecine interne générale Medicina interna generale

4. Fil-punt 1i, jiżdied il-perkors ta' taħriġ segwenti:

Pajjiż || Prova ta’ kwalifika formali || Korp li joħroġ il-kwalifika || Titlu professjonali || Data ta’ referenza

L-Iżvizzera || 3. Diplomierte Pflegefachfrau HF, diplomierter Pflegefachmann HF || Höhere Fachschulen, die staatlich anerkannte Bildungsgänge durchführen || Pflegefachfrau, Pflegefachmann || L-1 ta’ Ġunju 2002

|| Infirmière diplômée ES, infirmier diplômé ES || Ecoles supérieures qui proposent des filières de formation reconnues par l’ État || Infirmière, infirmier ||

|| Infermiera diplomata SSS, infermiere diplomato SSS || Scuole specializzate superiori che propongono dei cicli di formazione riconosciuti dallo Stato || Infermiera, infermiere ||

5. It-tabella fil-punt 1m, tiġi sostitwita bit-test li ġej:

Pajjiż || Prova ta’ kwalifika formali || Korp li joħroġ il-kwalifika || Titlu professjonali || Data ta’ referenza

L-Iżvizzera || 1. Diplomierte Hebamme || Schulen, die staatlich anerkannte Bildungsgänge durchführen || Hebamme || L-1 ta’ Ġunju 2002

|| Sage-femme diplômée || Écoles qui proposent des filières de formation reconnues par l'État || Sage-femme ||

|| Levatrice diplomata || Scuole che propongono dei cicli di formazione riconosciuti dallo Stato || Levatrice ||

|| 2. [Bachelor of Science [Name of the UAS] in Midwifery] « Bachelor of Science HES-SO de Sage-femme » (Bachelor of Science HES-SO in Midwifery) « Bachelor of Science BFH Hebamme » (Bachelor of Science BFH in Midwifery) « Bachelor of Science ZFH Hebamme » (Bachelor of Science ZHAW in Midwifery) || Schulen, die staatlich anerkannte Bildungsgänge durchführen Scuole che propongono dei cicli di formazione riconosciuti dallo Stato || Hebamme Sage-femme Levatrice || L-1 ta’ Ġunju 2002

[1]               ĠU L 277, 22.10.2011, p. 20.