52015PC0041

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2015/104 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-ispnott /* COM/2015/041 final - 2015/0025 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/104 jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2015 għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Normalment, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati diversi drabi waqt il-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-emendi proposti jiimmiraw li jimmodifikaw ir-Regolament 2015/104 kif deskritt hawn taħt.

Fil-proposta tagħha għar-Regolament (UE) Nru 2015/104 (COM (2014) 670), il-Kummissjoni inkludiet miżuri għall-protezzjoni tal-istokk tal-ispnott (Dicentrarchus labrax)Dicentrarchus labrax) fl-Atlantiku tal-Grigal. F’Ġunju 2014, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ħareġ parir xjentifiku dwar dan l-istokk, li ilu juri tnaqqis rapidu sa mill-2012. Barra minn hekk, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) kien tal-fehma li, b’mod ġenerali, il-miżuri nazzjonali attwali għall-protezzjoni tal-ispnott urew li mhumiex effettivi. L-ispnott huwa speċi li tikber bil-mod u timmatura tard. Bħalissa, il-mortalità mis-sajd ta' dan l-istokk hija erba’ darbiet ogħla mil-livell li jista' jiżgura r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

Il-proposta tal-Kummissjoni kienet tinkludi limitu fuq il-qabdiet minn sajjieda dilettanti, l-hekk imsejjaħ "bag limit" , u sett ta’ miżuri li jindirizzaw is-sajd kummerċjali għal din l-ispeċi. Dawn il-miżuri ma nżammux mill-Kunsill u għalhekk ma jinsabux fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/104.

Il-Kummissjoni issa qiegħda fil-proċess li tadotta miżuri mmirati li jnaqqsu b'mod urġenti l-mortalità mis-sajd tal-ispnott fl-Atlantiku tal-Grigal, abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd ("ir-Regolament bażiku tal-PKS"). Dawn il-miżuri huma mmirati lejn is-sajd kummerċjali għall-ispnott. Billi s-sajd rikreattiv jikkontribwixxi għall-mortalità mis-sajd ta’ din l-ispeċi, jinħtieġ li jiġi introdott limitu fuq il-qabdiet għas-sajjieda dilettanti fir-Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2015.

2015/0025 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2015/104 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd għall-ispnott

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/104[1] ma fihx opportunitajiet tas-sajd għall-istokk tal-ispnott (Dicentrarchus labrax) fl-Atlantiku tal-Grigal.

(2)       F’Ġunju tal-2014, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ħareġ parir xjentifiku dwar l-istokk tal-ispnott fl-Atlantiku tal-Grigal u kkonferma li dan l-istokk ilu juri tnaqqis rapidu sa mill-2012.  Barra minn hekk, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta l-protezzjoni tal-ispnott bil-miżuri nazzjonali fis-seħħ u, b’mod ġenerali, qies li dawn mhumiex effettivi. L-ispnott huwa speċi li tikber bil-mod u timmatura tard. Bħalissa, il-mortalità mis-sajd tal-ispnott fl-Atlantiku tal-Grigal hija erba’ darbiet ogħla mil-livell li jista' jiżgura r-rendiment massimu sostenibbli (MSY).

(3)       Il-Kummissjoni adottat miżuri urġenti abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] sabiex titnaqqas il-mortalità mis-sajd, ikkawżata minn ċertu sajd kummerċjali għall-ispnott.

(4)       Anki s-sajd rikreattiv jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mortalità mis-sajd ta' dak l-istokk. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd fil-forma ta’ limitu ta’ kuljum fuq l-għadd ta’ ħut li jista’ jinżamm mis-sajjieda rikreattivi. Is-sajd rikreattiv jinkludi diversi forom, bħal sajd minn bastiment rikreattiv jew is-sajd mill-kosta.

(5)       Billi limitu ta’ kuljum ta' dan it-tip jikkomplementa l-miżuri urġenti li adottat il-Kummissjoni għal ċertu sajd kummerċjali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(6)       Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/104 għandu jiġi emendat kif xieraq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/104 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti li ġejjin:

(a)        il-bastimenti tal-Unjoni;

(b)        il-bastimenti ta’ pajjiżi terzi fl-ilmijiet tal-Unjoni.

2. Għall-finijiet tal-Artikolu 11a,  dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sajd rikreattiv."

(2) Fl-Artikolu 3 jiżdied il-punt (m) li ġej:

"(m) "Sajd rikreattiv" tfisser attivitajiet ta’ sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw riżorsi akkwatiċi ħajjin għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport; 

(3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

"Artikolu 11a

Sajd rikreattiv għall-ispnott fl-Atlantiku tal-Grigal

Fis-sajd rikreattiv fiż-żoni tal-ICES IVb, IVc, VIIa, VIId, VIIe, VIIf, VIIg, VIIh, VIIj u VIIk ma jistgħux jinżammu aktar minn tliet kampjuni ta' spnott għal kull persuna kuljum."

(4) L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 2015/104 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 2015/104 tad-19 ta' Jannar 2015 li jiffissa għall-2015 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 43/2014 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 779/2014

[2]               IR-REGOLAMENT (UE) Nru 1380/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE.

ANNESS

għall-proposta għal Regolament tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2015/104 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2015/104 huwa emendat kif ġej:

1. L-entrata li ġejja tiddaħħal fl-ewwel tabella (tabella li tqabbel l-ismijiet bil-Latin mal-ismijiet komuni) wara l-entrata ta’ Deania calcea:

"Dicentrarchus labrax Seabass || BSS || Spnott"

2. L-entrata li ġejja tiddaħħal fit-tieni tabella (li tqabbel l-ismijiet komuni mal-ismijiet bil-Latin) wara l-entrata tar-raja rotonda:

Spnott || BSS || Dicentrarchus labrax"