52015PC0026

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, f'dak li għandu x'jaqsam mas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2015/026 final - 2015/0018 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] ("il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-UE u l-Palestina[2] ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fit-18 ta’ Settembru 2013 rispettivament.

L-UE u l-Palestina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta’ aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fis-27 ta' Mejju 2014, rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-UE u kif ukoll fil-Palestina u fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Lulju 2014 rispettivament.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra[3], għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ "prodotti oriġinarji" u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, fejn għandu x'jaqsam mar-regoli ta’ oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Istati Membri tal-UE ġew infurmati dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati l-aħħar waqt il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tat-22 u t-23 ta' Ottubru 2014.

Ma kienx hemm bżonn ta' għarfien espert estern. Barra minn hekk, ma kienx hemm bżonn li ssir valutazzjoni tal-impatt billi l-adattamenti proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsab fis-seħħ bħalissa.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

2015/0018 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, f'dak li għandu x'jaqsam mas-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva bi protokoll ġdid li, f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       l-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (OLP) li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra[4] ("il-Ftehim") jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, (“il-Protokoll 3”).

(2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[5] ("il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

(3)       L-Unjoni u l-Palestina[6] ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fit-18 ta' Settembru 2013 rispettivament.

(4)       L-Unjoni u l-Palestina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u s-27 ta' Mejju 2014 rispettivament. Minħabba f'hekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni u kif ukoll il-Palestina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Lulju 2014 rispettivament.

(5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dak il-għan, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi Protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

(6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni li jinsab mehmuż.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt maħluq mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, meta l-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, li jitratta d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, jinbidel bi protokoll ġdid li fir-rigward tar-regoli tal-oriġini jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness ma' din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar tibdil minuri fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4

[2]               Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

[3]               ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3

[4]               ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3

[5]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4

[6]               Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

Abbozz DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-UE-PALESTINA

ta'

li tisosstitwixxi l-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (OLP) li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Il-Kumitat Konġunt tal-UE-Palestina,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar Kummerċ u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsdirat il-Protokoll Nru 3 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (OLP) li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-Istrixxa ta' Gaża, fuq in-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1) L-Artikolu 25 tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jirreferi għall-Protokoll 3 għall-Ftehim (“il-Protokoll 3”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal akkumulazzjoni ta’ oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Palestina u Partijiet Kontraenti oħrajn għall-Konvenzjoni.

(2) L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jistipula li l-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 63 tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll.

(3) Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2] (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li b'att legali wieħed, tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja.

(4) L-Unjoni Ewropea u l-Palestina[3] ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011 u fit-18 ta' Settembru 2013 rispettivament.

(5) L-Unjoni Ewropea u l-Palestina ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fis-27 ta' Mejju 2014 rispettivament. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward ta' kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Palestina fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Lulju 2014 rispettivament, b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni.

(6) Il-Protokoll 3 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 3 għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Organizzazjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi tal-kooperazzjoni amministrattiva jiġi sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni:

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Tibda tapplika minn …

Magħmul fi

                                                                       Għall-Kumitat Konġunt

                                                                       Il-President

Anness

Protokoll 3

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Ir-regoli ta’ oriġini applikabbli

1.         Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, minn hawn’ il quddiem[4] (il-Konvenzjoni), japplikaw.

2.         Ir-referenzi kollha għal “ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini Pan-Ewro-Mediterranji jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.         Meta b'rabta mal-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala' xi tilwim li ma jkunx jista' jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta' din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kumitat Konġunt.

2.         Fil-każijiet kollha s-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni għandhom jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż imsemmi.

Artikolu 3

Emendi għall-Protokoll

Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 4

L-irtirar mill-Konvenzjoni

1.         Jekk jingħata avviż bil-miktub jew mill-Unjoni Ewropea[5] jew mill-Palestina lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u l-Palestina immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.         Dawn ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta’ rtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim sakemm ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati. Ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, madankollu, mill-mument tal-irtirar, għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Palestina biss.

[1]               ĠU L 187, 16.7.1997, p. 3

[2]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4

[3]               Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

[4]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4

[5]               Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.