Strasburgu, 28.4.2015

JOIN(2015) 17 final

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp -
L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet


KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp -
L-għoti tas-setgħa lis-sħab sabiex jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet

1.Introduzzjoni

Avvenimenti fl-Afrika, fil-viċinat tal-Ewropa u lil hinn, qed jesponu sitwazzjoni tas-sigurtà globali drammatika u li qed tiddeterjora, b’aktar minn 1,5 biljun ruħ li qed jgħixu f’reġjuni fraġli u affetwati minn kunflitti madwar id-dinja. Skont it-tendenzi attwali, dan in-numru huwa previst li jikber għal żewġ biljuni sal-2030. Pajjiżi f’qagħda fraġli ma laħqux l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (Millennium Development Goals - MDGs), u għalhekk il-kunflitti vjolenti u l-governanza dgħajfa huma sfida kruċjali u kontinwa għall-iżvilupp. Il-fraġilità u l-vjolenza ġew ukoll xprunati minn theddid ġdid bħat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata 1 .

L-azzjoni esterna kkoordinata li tagħmel użu mill-għodda diplomatika, umanitarja, għas-sigurtà u għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (UE) hija essenzjali sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi sħab ikunu mgħammra ħalli jiffaċċjaw l-isfidi. L-Istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE għandhom rwoli differenti u kumplementari. Ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija prinċipju sottostanti ewlieni tal-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni 2 kif ukoll tikkumplimenta l-politiki tas-sigurtà interna, tas-sigurtà marittima u oħrajn. Madankollu, l-approċċ komprensiv tal-UE jeħtieġ li jiġi msaħħaħ sabiex ikopri l-lakuni fir-rispons attwali tal-UE. Pereżempju dan jista’ jkun il-każ meta t-taħriġ ġie pprovdut mill-missjonijiet skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), iżda s-sostenibbiltà u l-effettività tagħhom ġew ostakolati minn nuqqas ta’ tagħmir bażiku tal-pajjiżi sħab.

Barra minn hekk, ta' min jinnota li f’dan il-kuntest hemm għadd ta’ oqfsa politiċi sinifikanti rilevanti kemm għas-sigurtà kif ukoll għall-iżvilupp, li xi wħud minnhom qed jiġu rieżaminati. Dawn jinkludu pereżempju, il-Politika Ewropea tal-Viċinat 3 , il-qafas għall-iżvilupp ta' wara l-2015, ir-Reviżjoni Strateġika dwar il-Politika Barranija iżda wkoll l-Istrateġija għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

Abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013 4 u tad-Dikjarazzjoni tas-Samit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA) ta' April 2014 5 , din il-Komunikazzjoni Konġunta tidentifika n-nuqqasijiet u tipproponi miżuri ta’ rimedju. Filwaqt li tindirizza l-kwistjoni ta’ tagħmir biex tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà tal-pajjiżi sħab, din ma tindirizzax il-forniment ta’ armi letali. L-UE mhux se tipprovdi tagħmir bħal dan.

2.Ir-rabta bejn is-sigurtà u l-żvilupp fil-politiki tal-UE

Kif iddikjarat fit-Trattati, l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE huma inter alia "biex iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali [...]" kif ukoll "biex trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bl-għan primarju li jinqered il-faqar". 6 It-Trattati jistabbilixxu wkoll rekwiżit ta’ konsistenza bejn l-oqsma differenti ta’ politika skont dawn l-objettivi. 7

L-objettiv primarju tal-politika għall-iżvilupp tal-UE huwa t-tnaqqis tal-faqar, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar 8 , iżda l-politika tal-iżvilupp tindirizza wkoll l-iżvilupp sostenibbli, l-inugwaljanzi, l-inġustizzja soċjali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa essenzjali sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tan-nuqqas ta’ sigurtà u tal-kunflitti. Fl-istess ħin, l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp iridu jiġu kkunsidrati f’politiki oħra tal-UE li x’aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. B'appoġġ għal dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 dwar "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla" 9 u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tal-2012 10 , fakkru fil-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà, tal-fraġilità u tat-tranżizzjoni bħala kwistjonijiet ta’ prijorità.

L-UE hija wkoll responsabbli għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), inkluż it-tfassil progressiv tal-politika ta’ difiża komuni. Il-PSDK, li tifforma parti integrali mill-PESK, tipprovdi lill-UE b’kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni operazzjonali. L-UE tista’ tuża l-mezzi tal-PSDK għall-missjonijiet barra mit-territorju tagħha għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-konflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti 11 u għaldaqstant twettaq firxa wiesgħa ta’ kompiti 12 .

Hija ċara l-ħtieġa li l-interventi fl-oqsma tas-sigurtà u tal-iżvilupp jsaħħu lil xulxin. L-UE saħqet b’mod konsistenti li "s-sigurtà hija prekondizzjoni għall-iżvilupp" 13 u li "mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar ma jkunx hemm paċi sostenibbli" 14 . Il-ħolqien u t-trawwim ta' kundizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi għall-istabbiltà huma essenzjali għas-sigurtà ta' pajjiż kif ukoll prerekwiżit għall-iżvilupp tiegħu. Din ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija ċentrali sabiex tiġi sfruttata għall-aħħar l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE.

Sabiex kull pajjiż ikollu s-sigurtà u jkun jista' jiżviluppa, irid ikollu jew jakkwista l-kapaċitajiet adegwati fis-setturi kritiċi kollha, inklużi s-sigurtà u d-difiża. Dan mhux biss jistabbilizza lil dan il-pajjiż, iżda wkoll jippermettilu jikkontribwixxi b’mod kostruttiv għall-paċi, għall-istabbiltà u għall-prevenzjoni tal-kriżijiet fir-reġjun tiegħu.

2.1    L-isforzi attwali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet

L-isforzi attwali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà fil-pajjiżi sħab jinfirxu fuq għadd ta’ oqsma ta’ politiki. Dawn jużaw strumenti differenti u jiffokaw fuq il-bini ta’ istituzzjonijiet effettivi, leġittimi u sostenibbli, inklużi setturi effikaċi tal-ġustizzja u tas-sigurtà, il-kontroll fuq il-fruntieri u l-gwardji tal-kosta. L-attivitajiet tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet jinkludu, inter alia, l-aċċess għal strumenti internazzjonali, id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni teknika (inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni konġunti), it-taħriġ (it-trasferiment tal-għarfien 15 u l-iżvilupp tal-ħiliet 16 ) u l-forniment ta’ tagħmir u ta' materjal essenzjali. It-taħriġ fis-settur tas-sigurtà għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità ta’ sieħeb sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà u l-protezzjoni taċ-ċittadini. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ taħriġ ta’ qabel is-servizz; jista’ jiġi integrat ukoll fil-fażijiet operattivi permezz ta’ konsulenza jew taħriġ intern u appoġġ. It-tagħmir ipprovdut lis-sħab jista' jvarja minn apparat ta' komunikazzjoni, ta' sostenn għall-ħajja u kumditajiet prattiċi, apparat mediku, trasport u tipi oħra, sa tagħmir għall-protezzjoni tal-forzi.

L-appoġġ tal-UE għar-rabta bejn is-sigurtà u l-żvilupp espanda b’mod gradwali matul is-snin, b’interventi f'politiki u strumenti tal-UE differenti.

Il-mandati ta' ħafna mill-34 missjoni u operazzjoni tal-PSDK li saru sa issa inkludew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-paċi u s-sigurtà ta’ atturi f’pajjiżi sħab. Pereżempju, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet huwa fil-qalba tal-mandat ta’ tliet missjonijiet tal-PSDK imnedija mill-UE fl-2014. Il-missjoni ta’ konsulenza tal-UE għar-riforma fis-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) tipprovdi appoġġ strateġiku, pariri u konsulenza. Il-missjoni ta’ konsulenza militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) tappoġġja lill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż fit-tħejjija għar-riforma fis-settur tas-sigurtà li ġejja. Dan tagħmlu billi tgħin lill-militar nazzjonali jsaħħaħ il-kapaċitajiet, jgħolli l-istandards u jersaq lejn l-għan li jagħmel lill-forzi armati moderni, effettivi u responsabbli. Il-missjoni ċivili tal-PSDK tal-UE fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) tappoġġja r-ristrutturar tal-forzi tas-sigurtà domestiċi tal-Mali (jiġifieri l-pulizija, il-"gendarmerie" u l-"garde nationale"). L-għan huwa li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet tal-Mali sabiex jiżguraw li jkun hemm ordni kostituzzjonali u demokratiku kif ukoll il-kundizzjonijiet għal paċi dejjiema. Il-missjoni tgħaqqad flimkien attivitajiet ta’ taħriġ u pariri strateġiċi.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE żiedet b’mod sostanzjali l-finanzjament u l-impenn tagħha biex tappoġġja s-setturi tal-ġustizzja u tas-sigurtà fil-pajjiżi sħab, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti fid-dinja kollha.

L-azzjonijiet ta' paċi u sigurtà huma attwalment ffinanzjati mill-baġit tal-UE, inter alia permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 17 (IcSP) u tal-prekursur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà 18 (IfS). Pereżempju l-IcSP jipprovdi, bħala parti minn proġett akbar għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, tagħmir lill-pulizija tal-Kamerun sabiex jappoġġahom fil-ġlieda kontra Boko Haram (peress li dan tal-aħħar huwa fattur destabbilizzanti fl-Afrika tal-Punent u b’hekk iqiegħed f’riskju l-UE u l-iżvilupp u l-istabbità tal-pajjiżi sħab).

Bħala parti minn approċċ usa’ tal-UE għas-Saħel, proġett komprensiv tal-IfS, pprovda tagħmir bażiku u appoġġ (it-taħriġ u l-konsulenza) sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-forzi tal-pulizija fin-Niġer li jippermettulhom jiffunzjonaw b’mod indipendenti. Dan kien parti minn programm ta’ appoġġ komprensiv, inkluż it-trawwim ta' inizjattivi għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni, it-tneħħija tal-mini u r-riintegrazzjoni soċjoekonomika.

Fi ħdan il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 19 (FEŻ), il-Fond għall-Paċi fl-Afrika 20 (FPA) jipprovdi appoġġ lill-Unjoni Afrikana u l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali sabiex jipprevjenu u jekk ikun meħtieġ jiġġestixxu l-kriżijiet. Il-finanzjament ikopri, inter alia, l-ispejjeż operattivi għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tal-Afrika (bl-esklużjoni tas-salarji), il-finanzjament tat-taħriġ u l-eżerċizzji, sistemi ta’ kmand, ta' kontroll u ta' komunikazzjoni, jew il-missjonijiet għall-ġbir tal-informazzjoni. Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2003, il-FPA qassam aktar minn EUR 1,2 biljun għall-isforzi tat-tisħiħ tal-paċi fl-Afrika.

Eżempji reċenti ta’ appoġġ finanzjarju għall-operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija mill-Afrikani jinkludu l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja 21 (AMISOM). AMISOM ġiet appoġġjata b’madwar EUR 800 miljun sa mill- 2007. Hija taqdi rwol kritiku billi tipprovdi kundizzjonijiet minimi ta’ sigurtà għall-proċess politiku fis-Somalja u sabiex tingħata għajnuna umanitarja mill-protagonisti fil-ħidma umanitarja. Tgħin ukoll fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għar-rikostruzzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiż.

Fl-aħħar nett, l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità u l-funzjonament effettiv tal-APSA kif ukoll jtejjeb il-kooperazzjoni sabiex il-kunflitti fl-Afrika jiġu evitati, u jekk ikun meħtieġ jiġu ġestiti u solvuti wkoll 22 . 

Dawn l-eżempji juru li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà jista' jiġi ffukat fuq il-forzi ċivili u/jew tal-pulizija, iżda wkoll fuq il-militar. Il-funzjonijiet relatati mas-sigurtà jistgħu jsegwu strutturi organizzattivi differenti f’pajjiżi differenti. Pereżempju, il-protezzjoni ċivili, il-kontroll tal-fruntieri u l-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta jistgħu jkunu militari, ċivili jew ta’ natura ibrida.

2.2    L-isfidi għat-twassil effettiv ta' fuq il-post: il-każijiet pilota

F'dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi militari, ġew identifikati każijiet pilota fil-Mali u fis-Somalja sabiex jiġu esplorati l-isfidi attwali. Is-sejbiet tal-bidu jindikaw li hemm bżonn ta' taħriġ u tagħmir kif ukoll il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni aħjar, kemm fuq livell operattiv kif ukoll dak strateġiku 23 . 

Il-każ pilota tal-Mali

L-objettiv tal-Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE fil-Mali 24 (EUTM Mali), iffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u mill-mekkaniżmu ATHENA 25 , huwa li s-suldati tal-Mali jitħarrġu sabiex ikunu jistgħu jiffurmaw forzi armati nazzjonali effettivi u demokratikament responsabbli li jistgħu jgħinu biex il-pajjiż jistabbilizza ruħu. Il-konsulenza militari u dwar it-taħriġ tiffoka fuq it-taħriġ operattiv, il-kmand u l-kontroll, il-ktajjen loġistiċi u r-riżorsi umani. Hemm ukoll taħriġ fuq id-dritt umanitarju internazzjonali, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u d-drittijiet tal-bniedem. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet huwa mogħti lill-forzi armati tal-Mali li joperaw taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi fin-Nofsinhar. Ġaladarba jitħarrġu, il-battaljuni jintbagħtu fit-Tramuntana tal-pajjiż għal mill-inqas sitt xhur.

Madankollu, l-unitajiet mħarrġa għandhom nuqqas ta' tagħmir għall-komunikazzjoni, u dan ifixkel il-kmand u kontroll. Is-suldati ma għandhomx tagħmir protettiv kontra l-mini u l-bombi. Ħtiġijiet u rekwiżiti oħra jinkludu ambulanzi, tankijiet tal-ilma u trakkijiet tal-fjuwil, sabiex jiġu żgurati l-awtonomija u l-kapaċità ta' operat indipendenti. Hemm nieqsa wkoll komoditajiet bażiċi, inklużi l-akkomodazzjoni, l-ikel u l-appoġġ mediku. L-assistenza sabiex jiġi pprovdut appoġġ u dan it-tagħmir hija meħtieġa ħalli jiġi żgurat li battaljuni mħarrġin ma jkollhomx għalfejn jistrieħu fuq l-appoġġ tal-popolazzjoni lokali.

F’xi każijiet, instabu xi soluzzjonijiet ad hoc, bħal ngħidu aħna l-forniment ta’ vetturi minn donaturi oħra fil-Mali, iżda dan ma kienx konsistenti, u lanqas ma huwa soluzzjoni sostenibbli fuq terminu twil. Meta dan il-finanzjament ad hoc ma kienx possibbli, l-ebda sors alternattiv ta’ finanzjament ieħor li jista' jimla l-vojt ma ġie identifikat.

Il-każ pilota tas-Somalja

Fis-Somalja, l-UE hija involuta permezz ta' diversi strumenti. Permezz tal-FPA, l-UE hija l-kontributur finanzjarju ewlieni għall-operazzjoni tal-AMISOM, li hija mmexxija mill-Unjoni Afrikana. Barra minn hekk, l-UE topera tliet missjonijiet tal-PSDK fis-Somalja u fir-reġjun kollu, li jiffukaw fuq it-taħriġ militari, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet marittimi u kontra l-piraterija.

L-EUTM tas-Somalja – il-Missjoni tal-PSDK li tiffoka fuq it-taħriġ militari fis-Somalja – ġiet imnedija f’April 2010 biex tappoġġa u tiżviluppa s-settur tas-sigurtà Somalu billi ssaħħaħ il-Forzi Armati tas-Somalja permezz tal-għoti ta’ taħriġ militari apposta 26 . Fl-2014, l-EUTM ittrasferiti l-attivitajiet ta’ pariri, konsulenza, u taħriġ tagħha għal Mogadishu, fejn it-taħriġ jitwettaq fil-Kamp tat-Taħriġ ta' Jazeera (JTC), mmexxi minn AMISOM.

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-faċilitajiet tat-tagħlim fil-kamp għal żmien twil ma kinux adegwati. It-titjib tagħhom, inkluż ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ħadu ammont konsiderevoli ta’ żmien, filwaqt li kien nieqes l-appoġġ bażiku (pereż. l-ilma, l-ikel, is-sodod, is-saqqijiet u l-kutri). Dawn nuqqasijiet kellhom impatt negattiv fuq l-effettività tat-taħriġ u swew għar-reputazzjoni tal-UE.

Bħala operazzjoni militari tal-PSDK, l-EUTM hija ffinanzjata u mogħtija l-persunal mill-Istati Membri kontribwenti, u kkumplimentata mill-mekkaniżmu ATHENA f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispejjeż komuni 27 . Il-JTC huwa kkunsidrat bħala faċilità tal-AMISOM għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà Somali, f’konformità mal-mandat tal-AMISOM. Dan għaliex il-FPA jiffoka b'mod esklussiv fuq ir-reġjun, mingħajr ebda possibilità li jipprovdi appoġġ f'livell nazzjonali. Is-suppożizzjoni hija, li kieku l-fondi kienu disponibbli direttament, kienet tingħata prijorità ogħla sabiex jintlaħqu standards aċċettabbli fil-kamp tat-taħriġ, u l-progress kien isir qabel.

Dawn il-każijiet pilota juru biss xi wħud mill-isfidi li hemm bżonn jingħelbu: in-nuqqas ta’ finanzjament disponibbli, il-limitazzjonijiet dwar liema finanzjament jaqa' b’mod partikolari taħt il-FPA, u d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw minn taħlita ta’ strumenti differenti użati fl-istess kuntest.

3.It-titjib fit-twettiq tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp

3.1    Il-qafas

Mill-aspett tal-liġi primarja, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati żewġ prinċipji fundamentali.

L-istess azzjoni ma tistax tiġi ffinanzjata kemm minn miżura tal-PESK kif ukoll minn strument ibbażat fuq l-Artikoli 209/212 TFUE. Bħala eżempju, dan ifisser li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà taħt strument potenzjali ġdid jista' jitwettaq fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, jekk l-għan u l-kontenut tiegħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika tal-iżvilupp.

It-Trattati jeskludu l-possibilità li jintuża l-baġit tal-UE għal spejjeż li joriġinaw minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew għad-difiża (ara l-Artikolu 41(2) TUE). Għalhekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Fond għall-Paċi fl-Afrika, bħala strumenti 'l barrra mill-baġit tal-UE, huma partikolarment rilevanti fl-isforzi attwali sabiex “jitnaqqas” id-distakk bejn il-PSDK u d-diversi strumenti għall-iżvilupp meta jsiru sforzi sabiex jiġu indirizzati b’mod komprensiv kwistjonijiet dwar ir-rabta bejn is-sigurtà u l-żvilupp. Barra minn hekk, il-finanzjament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà skont l-Artikoli 209 u 212 TFUE mhuwiex per se eskluż, irrispettivament jekk in-natura tal-benefiċjarju hijiex ċivili jew militari, iżda jeħtieġ evalwazzjoni skont il-każ.

Lil hinn mil-liġi primarja, il-qafas li japplika għall-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà huwa l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u l-bażi legali tal-istrumenti għall-finanzjament estern. L-istrumenti rilevanti fil-baġit tal-UE jinkludu:

-L-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 28 (ICsP);

-L-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni 29 (IPA);

-L-Istrument Ewropew tal-Viċinat 30 (ENI);

-L-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 31 (DCI) kif ukoll

-L-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem 32 (EIDHR) kif ukoll

-Il-baġit tal-Politika Estera u tas-Sigurtà Komuni (PESK).

Fl-aħħar nett, id-definizzjoni ta’ Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp 33 (ODA) potenzjalment tillimita l-infiq fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà, peress li l-kriterji tal-ODA ġeneralment jeskludu l-ispejjeż militari. Din ir-restrizzjoni hija partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-QFP, fejn l-UE għandha timmira biex tiżgura li matul il-perijodu 2014-2020, mill-anqas 90 % tal-għajnuna esterna kollha tagħha tingħadd bħala ODA 34 . Barra minn hekk, id-DCI fih miri speċifiċi tal-ODA 35 , u restrizzjoni fuq l-akkwist ta’ armi, munizzjon, jew operazzjonijiet li jkollhom skopijiet militari jew ta’ difiża 36 . Il-FEŻ jipprevedi li l-programmar ikun mfassal b'tali mod li sakemm ikun possibbli, jissodisfa l-kriterji tal-ODA 37 . Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jiddikjaraw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-FEŻ f’konformità mal-kriterji tal-ODA.

3.2    L-isfruttar tal-istrumenti attwali tagħna

L-istrumenti eżistenti fil-baġit tal-UE

Parti sinifikanti tal-programmi għall-għajnuna esterna ffinanzjati mill-istrumenti għall-kooperazzjoni teknika u għall-iżvilupp tal-UE diġà tindirizza l-isfidi ta’ sigurtà u żvilupp 38 . Fil-QFP attwali, disa' programmi nazzjonali u tmienja reġjonali jew tematiċi għandhom l-għan li jappoġġaw il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti kif ukoll attivitajiet ta' paċi u dawk relatati mas-sigurtà. Barra minn hekk, f'45 pajjiżi qed jiġu żviluppati programmi li jiffukkaw b'mod usa' fuq il-governanza u l-istat tad-dritt, inkluż il-possibilità ta' appoġġ għat-tranżizzjoni minn missjonijiet u operazzjonijiet taħt il-PSDK għal strumenti oħra.

Madankollu, taħt l-IcSP, l-IPA, l-ENI, id-DCI u l-EIDHR, l-appoġġ finanzjarju favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà huwa suġġett għal diversi limitazzjonijiet, kif spjegat hawn fuq. Bħala konsegwenza, attwalment ma hemm l-ebda strument fil-baġit tal-UE maħsub sabiex jipprovdi finanzjament komprensiv għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà fil-pajjiżi sħab, b’mod partikolari l-komponent militari tagħhom.

Dan kien il-każ għal dawn l-aħħar għaxar snin. Meta fl-2004 il-Kummissjoni inizjalment ipproponiet Strument għall-Istabbiltà 39 , kienet ipproponiet li testendi l-bażi legali għall-iffinanzjar tal-appoġġ fuq terminu twil, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-operazzjonijiet militari ta' appoġġ għall-paċi. Madankollu, it-test finali ma kienx fih referenzi għal operazzjonijiet militari jew ta’ appoġġ għall-paċi, għax il-koleġiżlaturi opponewh. Is-soċjetà ċivili ukoll kienet esprimiet l-oppożizzjoni tagħha.

L-istrumenti eżistenti 'l barra mill-baġit tal-UE

'Il barra mill-baġit tal-Unjoni, il-FEŻ jipprovdi aktar riżorsi operattivi sabiex tiġi implimentata l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), skont il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou 40 .

Il-FPA ġie stabbilit fl-2003 taħt il-FEŻ u sa llum huwa l-aktar strument estensiv li jindirizza r-rabta ta' bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, kif ukoll jipprovdi appoġġ għall-attivitajiet militari.

Madankollu, il-FPA jibqa’ strument eċċezzjonali u temporanju. L-Istati Membri ripetutament qajmu l-kwistjoni dwar is-sostenibbiltà tiegħu u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati għażliet għall-iffinanzjar alternattivi għall-FEŻ 41 . Barra minn hekk, fil-Programm ta’ Azzjoni Pluriennali 2014-2016 tal-FPA 42 , il-finanzjament ta’ "munizzjon, armi u tagħmir militari speċifiku, parts tal-bdil, salarji għas-suldati u taħriġ għas-suldati” huwa eskluż. Limitazzjonijiet addizzjonali jinkludu r-rekwiżit legali sabiex il-11-il FEŻ jiġi rrappurtat bħala ODA "sakemm jista’ jkun possibbli" 43 . Fl-aħħar nett, il-FPA għand fokus reġjonali u ġeografiku esklussiv (l-Unjoni Afrikana u l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali); għaldaqstant mhux possibbli li jiġi ffinanzjat l-appoġġ, f'livell nazzjonali jew 'l barra mill-Afrika, mill-FPA. Madankollu, l-UE u l-pajjiżi sħab kif ukoll ir-reġjuni identifikaw l-paċi u s-sigurtà, jew ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, bħala settur ta’ prijorità f’diversi programmi indikattivi reġjonali u nazzjonali taħt il-FEŻ.

Filwaqt li l-finanzjament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà, inkluż il-militar, huwa possibbli taħt l-FPA, huwa suġġett għal għadd ta’ limitazzjonijiet oħrajn li jistgħu jipprevjenu l-użu effettiv ta’ din il-Faċilità biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet kollha li magħhom tħabbat wiċċha l-UE.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, ir-riżorsi għall-operazzjonijiet militari tal-UE huma wkoll allokati minn barra l-baġit tal-UE, mill-Istati Membri, kemm direttament minn dawk li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-PESK/PSDK, jew permezz tal-mekkaniżmu ATHENA. ATHENA jieħu ħsieb il-finanzjament tal-ispejjeż komuni marbutin mal-operazzjonijiet militari tal-UE taħt il-PSDK. Dawn l-ispejjeż jirrigwardaw, inter alia, l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni u ta' tħaddim tal-Kwartieri Ġenerali, l-infrastruttura, il-loġistika u l-appoġġ għall-missjonijiet. Attwalment, ATHENA ma jkoprix l-ispejjeż li jkollu pajjiż sieħeb li jkun appoġġjat permezz ta' missjoni jew operazzjoni. Reċentement, il-Kunsill adotta rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ATHENA li fost l-oħrajn tippermetti lill-mekkaniżmu ATHENA biex jimplimenta l-fondi baġitarji tal-UE, skont ir-regoli u l-proċeduri eżistenti 44 . 

Il-koordinazzjoni u l-koerenza

Minkejja l-limitazzjonijiet deskritti hawn fuq, hemm aktar x’jista’ jinkiseb mill-qafas eżistenti permezz tal-applikazzjoni ta’ approċċ aktar koerenti u aktar ikkoordinat.

L-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà jeħtieġ li jkun imsaħħaħ mill-prinċipji tal-azzjoni esterna tal-UE. Dawn jinkludu: (i) is-sjieda mill-pajjiż sieħeb u l-allinjament mal-istrateġiji tal-iżvilupp tal-pajjiż sieħeb fuq terminu twil; (ii) rispett għad-drittijiet tal-bniedem u aderenza mad-dritt umanitarju internazzjonali; u (iii) koerenza ma’ azzjonijiet oħra tal-UE bħala parti minn approċċ komprensiv tal-UE usa' marbut mal-konflitti u l-kriżijiet esterni 45 . Barra minn hekk, huwa importanti li tintuża l-analiżi tal-kuntest sabiex jiġi evitat l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jkun misjuq mill-offerti, tiġi żviluppata metodoloġija għall-immaniġġjar tar-riskju u jiġi żgurat appoġġ wiesa’ mill-komunità internazzjonali kif ukoll koordinazzjoni ma’ atturi oħra fuq il-post.

Filwaqt li jiġu rrispettati l-oqfsa legali u istituzzjonali eżistenti, il-miżuri prattiċi li ġejjin jistgħu jtejbu l-koordinazzjoni fl-UE, inkluż mal-Istati Membri u bejniethom f’livelli strateġiċi u operattivi:

i)    It-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni tal-attivitajiet ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li għaddejjin bħalissa u dawk ippjanati f'żoni usa' ta’ ġestjoni għall-prevenzjoni tal-kriżijiet (inkluż l-appoġġ fis-setturi tal-ġustizzja u tas-sigurtà), li jseħħ permezz tal-kooperazzjoni bilaterali tal-Istati Membri, l-istrumenti tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni teknika, u l-attivitajiet tal-PSDK.

ii)    Il-ftuħ tal-iskambju tal-informazzjoni għas-sħab multilaterali tal-Unjoni (inklużi n-NU, in-NATO u l-OSKE, eċċ) u pajjiżi terzi oħra, kif ukoll għas-sħab strateġiċi li magħhom l-UE taqsam proijoritajiet konverġenti u kumplimentari.

iii)    L-aħjar użu mill-introduzzjoni tal-proċess marbut ma' Qafas Politiku għal Approċċ għall-Kriżi sabiex jiġu intensifikati r-rabtiet bejn is-servizzi li jittrattaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u kwistjonijiet dwar il-politika tas-sigurtà. Dan se jrawwem analiżi komprensiva tal-involviment tal-UE f’kuntest partikolari qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar azzjonijiet għall-PSDK l-ġdida jew inkella mhux għaliha.

iv)    L-azzjonijiet tal-PSDK għandhom jagħmlu użu aħjar tal-kompetenzi għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Bl-istess mod, il-programmi għall-iżvilupp jistgħu jibbenefikaw minn kompetenza fil-PSDK u tal-Istati Membri. Dan jinkludi l-iżgurar ta' koerenza, inkluż fil-ħidma ta' bejn il-kumitati ta’ ġestjoni speċifiċi għall-istrumenti u l-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-PSDK.

v)    L-organizzazzjoni ta' aktar interazzjonijiet regolari u sistematiċi bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-missjoni tal-PSDK u/jew l-operazzjonijiet fil-livell ta' pajjiżi sħab. Jiġi stabbilit rappurtar konġunt għall-ktajjen rispettivi ta’ ġestjoni fil-kwartieri ġenerali. Jiġi standardizzat l-issekondar tal-uffiċjali ta' kollegament għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet tal-PSDK mad-delegazzjonijiet tal-UE, u dan jinkluduh mal-persunal u fit-talbiet għall-kontribuzzjonijiet għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK.

Sabiex jiġu appoġġjati u implimentati dawn l-impenji, l-inizjattivi li ġejjin għandhom jiġu żviluppati aktar permezz ta' proposti rilevanti mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli):

i)    Qafas strateġiku għall-UE kollha, kondiviż mill-PSDK u mill-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà. Qafas ta' politika komuni għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà għandu jirrispetta r-restrizzjonijiet regolatorji tal-istrumenti eżistenti. Dan il-qafas jista’ b'mod utli juża t-tagħlimiet miksuba minn programmi/missjonijiet/operazzjonijiet fil-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Kongo u l-Afganistan f'dak li għandu x'jaqsam mat-tranżizzjoni tal-PSDK għal strumenti oħra.

ii)    Qafas għall-evalwazzjoni kondiviża, il-monitoraġġ u r-riżultati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà u għal attivitajiet relatati mar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, irrispettivament mill-qafas tal-politika li taħthom dawn jitwettqu.

iii)    Metodoloġija speċifika għall-immaniġjar tar-riskji marbuta mal-appoġġ tal-UE għas-settur tas-sigurtà tal-pajjiżi sħab jew ta' organizzazzjonijiet. Din tista’ tkun ibbażata, pereżempju, fuq il-Politika dwar id-Diliġenza Dovuta għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 46 żviluppata sabiex tiggwida l-impenn tan-NU hija u tappoġġja s-settur tas-sigurtà, u fuq il-qafas għall-ġestjoni tar-riskju żviluppat għall-operazzjonijiet ta’ Appoġġ Baġitarju tal-UE 47 .

4.It-triq 'il quddiem: impenn ġdid ma' sħabna għall-miġja tal-paċi u tal-istabbiltà

L-UE tibqa’ impenjata favur l-għan li jkollha rwol ewlieni għall-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà internazzjonali u fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli globali.

Waħda mill-għodod l-aktar importanti f'dan l-impenn hija dik li tippermetti lill-pajjiżi sħab u lill-organizzazzjonijiet reġjonali jkunu kapaċi dejjem aktar jipprevjenu u jiġġestixxu l-kriżijiet huma stess, permezz tal-appoġġ effikaċi tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sigurtà tagħhom.

Issa huwa l-waqt li nżidu l-isforzi tagħna, u nkomplu nibnu fuq l-esperjenza li għandna. Aħna nistennew li l-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2015 jipprovdi aktar impenn politiku u gwida dwar kif tiġi indirizzata aħjar ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli huma impenjati li jimplimentaw il-miżuri dwar il-koordinazzjoni u l-koerenza tal-istrumenti eżistenti deskritti f’din il-Komunikazzjoni Konġunta. Skont l-approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni, dawn ikunu totalment effikaċi jekk ikunu akkumpanjati biss minn sforzi korrispondenti mal-Istati Membri u bejniethom, f'livell strateġiku u operattiv bl-istrumenti tagħhom stess. Hija meħtieġa "unità ta’ sforz" sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità kollettiva tal-UE tkun tista' timpenja ruħha fiż-żmien propizju u bil-mekkaniżmi u riżorsi adegwati, f'kuntest speċifiku f’pajjiż sieħeb, jew ma’ organizzazzjoni reġjonali.

Minħabba n-natura wiesgħa tal-isfida, il-limitazzjonijiet eżistenti ma għandhomx ikunu indirizzati biss permezz ta’ arranġamenti ad hoc. Minflok, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli huma tal-opinjoni li għandha tiġi kkunsidrata l-fattibilità prattika tat-tliet azzjonijiet li ġejjin:

i)    Proposta biex jiġi aġġustat il-Fond għall-Paċi fl-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tiegħu;

ii)    Il-ħolqien ta’ faċilità li tgħaqqad il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp taħt il-qafas ta' strument eżistenti jew ta' diversi strumenti eżistenti;

iii)    Strument speċifiku għal dan l-għan.

Kull proposta trid tkun suġġetta a priori għal valutazzjonijiet tal-impatt li għandhom janalizzaw, inter alia, il-konsegwenzi potenzjali politiċi, reputazzjonali u baġitarji, kif ukoll l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali. L-impenn politiku tal-Kummissjoni li tipproponi li tibbaġitja għall-ħtiġijiet tal-FEŻ għandu jittieħed inkonsiderazzjoni għal dan id-dibattitu.

L-Istati Membri huma wkoll mistiedna jikkunsidraw li jestendu l-mekkaniżmu ATHENA sabiex ikun jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'pajjiżi sħab.

Huwa importanti li s-segwitu għal din il-Komunikazzjoni Konġunta jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati mill-oqsma tal-politika barranija, tad-difiża, tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli jistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jappoġġjaw l-approċċ stabbilit f’din il-Komunikazzjoni Konġunta u sabiex jimpenjaw ruħhom bi sħiħ fil-mixja lejn impenn aktar koerenti u effettiv tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, sabiex jitwieżnu s-sigurtà u l-iżvilupp.

(1)

Il-Bank Dinji (2011) Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp Dinji: Il-Kunflitti, is-Sigurtà u l-Iżvilupp, Washington D.C.

(2)

JOIN (2013) 30 finali, Komunikazzjoni Konġunta, "L-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni", il-11.12.2013; Il-Kunsill 9644/14, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ komprensiv tal-UE, it-12.05.2014; Dokument Konġunt tal-Ħidma tal-Persunal SWD(2015) 85 finali l-10.05.2015

(3)

JOIN (2015) 6 finali, id-Dokument ta' Konsultazzjoni Konġunt, Lejn Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida, l-04.03.2015

(4)

EUCO 217/13, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, id-19/l-20 ta’ Diċembru 2013, l-20.12.2013

(5)

Il-Kunsill 8370/14, Anness 1, ir-Raba’ Dikjarazzjoni tas-Samit bejn l-UE u l-Afrika, it-2/it-3 ta’ April 2014, it-02.04.2014

(6)

L-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

(7)

L-Artikolu 21(3) TUE; l-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(8)

Artikolu 208 TFUE

(9)

COM(2011) 637 finali, "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla", it-13.10.2011

(10)

Il-Kunsill 9369/12, il-konklużjonijiet tal-Kunsill, "Inżidu l-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla", l-14.05.2012

(11)

L-Artikolu 42 TUE

(12)

L-Artikolu 43 TUE

(13)

Il-Kunsill 15895/03, Strateġija Ewropea ta' Sigurtà, it-08.12.2003

(14)

Il-Kunsill 15097/07, is-Sigurtà u l-Iżvilupp - il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, l-20.11.2007. Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew (A8-0039/2015) dwar ir-Rapport Annwali mingħand ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew (2014/2219(INI)), it-03.03.2015

(15)

Inkluż ukoll dak li għandu x'jaqsam mal-prosekuzzjoni, l-assistenza legali reċiproka, l-appoġġ lill-vittmi u l-proċess ġust.

(16)

Inkluż dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni u l-governanza.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77, 15.03.2014

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbilità, ĠU L 327, 24.11.2006

(19)

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, ĠU L 58, 03.03.2015.

(20)

L-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou dwar "Il-politiki li jsaħħu l-paċi, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti" u l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill jipprovdu l-bażi legali tal-FPA; Id-Deċiżjoni Nru 3/2003 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal-11 ta’ Diċembru 2003 dwar l-użu ta’ riżorsi mill-pakkett għall-iżvilupp fuq terminu twil tad-9 FEŻ sabiex jinħoloq Fond għall-Paċi fl-Afrika, ĠU L 345, 31.12.2003

(21)

Ingħata wkoll appoġġ finanzjarju għall-Missjoni Internazzjonali ta’ Appoġġ għall-Mali taħt tmexxija Afrikana (AFISMA) jew għall-Missjoni Internazzjonali ta’ Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt Tmexxija Afrikana (MISCA).

(22)

Dan jinvolvi li jiġu appoġġjati l-istrutturi u l-inizjattivi ta' medjazzjoni Afrikana; jiġu appoġġjati l-Grupp tal-Għorrief, il-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà, is-Sistema Kontinentali ta’ Twissija Bikrija, u l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront; u jiġu msaħħa l-kapaċitajiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali Afrikani fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja għall-operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi, l-ippjanar, ir-riżorsi umani, il-qsim u l-analiżi tal-informazzjoni.

(23)

L-oqfsa għall-analiżi tal-lakuni u għall-immaniġjar tar-riskju għadhom fis-seħħ u jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ għażliet għal titjib konkret, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas legali u istituzzjonali attwali.

(24)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) ĠU L 14, 18.01.2013

(25)

L-Artikolu 41 TUE jistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw il-finanzjament ta’ operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġjar ta' kriżijiet ċivili u militari. L-operazzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet għad-difiża jew militari ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. L-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet bħal dawn attwalment jiġu koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (ATHENA) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK, ĠU L 84, 28.03.2015. Attwalment, l-Istati Membri kollha ħlief għad-Danimarka jikkontribwixxu għal ATHENA.

(26)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, ĠU L 44, 19.02.2010. F’Jannar 2013, il-mandat tal-EUTM ġie estiż għat-tielet darba, sa Marzu 2015, u twessa' biex jinkludu pariri strateġiċi u konsulenza. Sa mill-2010, l-EUTM ħarrġet madwar 4000 persunal tal-armata tas-Somalja. Bħala persunal attwalment għandha (ħarrieġa u persunal relatat)125 ruħ (ipprovdut minn 10 Stati Membri u s-Serbja).

(27)

Il-baġit tal-missjoni għall-ispejjeż komuni sa Awwissu 2011 kien ta’ EUR 4,8 miljun; Minn Awwissu 2011 sa Diċembru 2012 kien ta’ EUR 4,8 miljun; il-finanzjament komuni għall-perjodu minn Frar 2013 sa Marzu 2015 se jammonta għal EUR 11,6-il miljun. Iż-żieda fl-ispejjeż hija l-aktar minħabba t-trażlok għal Mogadishu, inklużi l-ispejjeż għall-istabiliment u għall-protezzjoni tal-forzi.

(28)

Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi, ĠU L 77, 15.03.2014

(29)

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), ĠU L 77, 15.03.2014

(30)

 Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat, ĠU L 77, 15.03.2014

(31)

Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ĠU L 77, 15.03.2014

(32)

Ir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument finanzjarju għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, ĠU L 77, 15.03.2014

(33)

Il-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huwa forum għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-għajnuna. Huwa stabbilixxa d-definizzjoni ta’ ODA, li hemm qbil internazzjonali dwarha. Dan jippermetti lid-donaturi sabiex jiddistingwu bejn tranżazzjonijiet uffiċjali magħmula bħala ODA u flussi uffiċjali oħra. Jinsabu għaddejjin diskussjonijiet dwar reviżjoni potenzjali fid-definizzjonijiet ta' ODA .

(34)

EUCO 37/13, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, is-7/it-8 ta’ Frar 2013, it-08.02.2013

(35)

L-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(36)

L-Artikolu 3(13) tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(37)

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/322 jistipula li l-ipprogrammar jitfassal sabiex jissodisfa kemm jista' jkun possibbli l-kriterji tal-ODA, filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-għan tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li fil-perijodu 2014-2020, mill-inqas 90 % tal-assistenza esterna kollha tkun meqjusa bħala ODA.

(38)

Matul il-perjodu 2001-2009, aktar minn EUR 1 biljun intefqu sabiex jiġu appoġġati programmi ta' riforma għas-setturi tal-ġustizzja u s-sigurtà. Fl-2013, aktar minn nofs it-total tal-għajnuna għall-iżvilupp bilaterali tal-UE ġiet żborżata f’pajjiżi fraġli u milquta mill-kunflitti, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu fil-kontinent Afrikan.

(39)

Abbażi tal-Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li nbidel bl-Artikolu 352 TFUE bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

(40)

"Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha", iffirmat f’Cotonou fit-23.06.2000

(41)

Il-Kunsill 10342/11, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-tiġdid tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika għall-perjodu 2011-2013, it-13.05.2011; Il-Kunsill 13935/12, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tiġdid tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika għall-perjodu 2012-2013, l-24.09.2012; Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/322 (l-Artikolu 15 jiddikjara li fi tmiem l-ewwel programm ta’ azzjoni pluriennali, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jirrieżaminaw r-riżultati u l-proċeduri tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika u se jiddiskutu l-għażliet dwar possibbiltajiet futuri ta’ finanzjament. F’dan il-kuntest, u sabiex il-Fond għall-Paċi fl-Afrika jkollu sisien aktar sodi, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser ikollhom diskussjonijiet biex tiġi indirizzata kemm il-kwistjoni tal-fondi għall-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi, inklużi dawk iffinanzjati mill-FEŻ, kif ukoll dik ta’ appoġġ sostenibbli tal-UE għall-Operazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Paċi mmexxija mill-Afrikani wara l-2020).

(42)

Il-Kunsill 8269/14, "Programm ta’ Azzjoni fuq Tliet Snin għall-Fond għall-Paċi fl-Afrika 2014-2016", it-28.03.2014

(43)

Ara n-nota 37 ta' qiegħ il-paġna

(44)

Ara n-nota 25 ta' qiegħ il-paġna

(45)

Filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni t-tmien oqsma identifikati mill-Komunikazzjoni Konġunta ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni: (i) tiġi żviluppata analiżi kondiviża; (ii) tiġi definita viżjoni strateġika komuni; (iii) jkun hemm iffukar fuq il-prevenzjoni; (iv) jiġu mmobilizzati ħiliet u kapaċitajiet differenti tal-UE; (v) jkun hemm impenn fuq terminu twil; (vi) jkun hemm rabta bejn il-politiki u l-azzjoni interna u esterna; (vii) jkun hemm użu aħjar tad-Delegazzjonijiet tal-UE; (viii) jkun hemm sħubijiet.

(46)

In-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tas-Sigurtà, A/67/775–S/2013/110, il-5 ta' Marzu 2013

(47)

Il-linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju, EuropeAid, Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp , il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, Settembru 2012