52015JC0010

Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra /* JOIN/2015/0010 final - NLE /2015/0073 */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-proposta preżenti tikkonċerna l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika (FSS) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta' naħa waħda, u l-Kanada, tan-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim').

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jinnegozjaw Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra. In-negozjati tal-Ftehim bdew f’Settembru 2011.

L-UE u l-Kanada għandhom storja ta' kooperazzjoni politika u ekonomika estensiva, li formalment tmur lura sal-1976 meta l-UE ffirmat Ftehim Qafas mal-Kanada, l-ewwel ftehim tal-UE ma' pajjiż OECD. Dan il-Ftehim ilu żmien twil jikkostitwixxi l-qafas xieraq biex jissaħħu r-relazzjonijiet, tikber l-assoċjazzjoni politika u l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet.

Id-Dikjarazzjoni dwar Relazzjonijiet Transatlantiċi tal-1990 konkluża, fuq naħa mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra, aktar saħħet is-sħubija f’firxa ta’ oqsma bħal kooperazzjoni ekonomika, xjentifika u kulturali kemm fuq livell bilaterali u multilaterali.

Iktar minn hekk, id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn il-Kanada u l-UE tal-1996 ġew adottati sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-ilħuq ta’ għanijiet komuni u abbażi ta’ prinċipji profondi u kondiviżi.

Fl-2004, il-Partijiet ikkonkludew Aġenda ta' Sħubija bl-għan li tingħata spinta lis-sigurtà internazzjonali, lill-prosperità ekonomika globali, lill-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ Ġustizzja u Affarijiet Interni, jiġu indirizzati l-isfidi globali u reġjonali u jitrawwmu rabtiet eqreb bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-Kanada. L-Aġenda ta’ Sħubija stabbiliet djalogu intensifikat li ppermetta approċ aktar strateġiku, sostnut u koerenti għal kwistjonijiet li jaffettwaw il-Kanada u l-UE li jinvolvu firxa kulma jmur usa’ ta’ setturi.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada evolviet maż-żmien u issa tkopri firxa wiesgħa ta’ setturi inklużi l-ambjent, il-ġustizzja u s-sigurtà, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, is-sajd, l-edukazzjoni, il-kultura, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp tat-Tramuntana u kwistjonijiet indiġeni, skambji ta' żgħażagħ u s-sigurtà tat-trasport.

L-għan tal-Ftehim jinqasam fi tnejn: (i) sabiex jissaħħu r-rabtiet politiċi u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà billi r-relazzjoni tagħhom tittieħed fuq livell ta' sħubija strateġika u (ii) sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejniethom fuq numru kbir ta' oqsma politiċi lil hinn min-negozju u l-ekonomija.

Il-Ftehim jikkontribwixxi konsiderevolment għat-titjib tas-sħubija li hija bbażata fuq il-valuri komuni tal-UE u l-Kanada bħalma huma r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Wara l-Avviċinament komuni dwar l-użu ta’ klawżoli politiċi, f’ċerti każijiet speċifiċi ħafna ta’ ksur tal-elementi essenzjali tal-FSS (Ftehim ta' Sħubija Strateġika), l-SPA jista’ jkun sospiż jew miżuri xierqa oħra li jaffettwaw ir-relazzjoni bilaterali tagħna jistgħu jittieħdu. L-FSS jagħraf ukoll li f’tali sitwazzjonijiet estremi, parti waħda tista’ wkoll tibda l-proċedura biex jintemm il-Ftehim ta’ Kummerċ Ekonomiku Komprensiv UE-Kanada (CETA).

Dan il-FSS, flimkien mas-CETA, huwa mistenni li jipprovdi benefiċċji u opportunitajiet tanġibbli liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-Kanada.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti u kkonsultati fil-proċess ta’ negozjar.

L-Istati Membri ġew ikkonsultati wkoll matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat ta’ gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill. Fit- 18 ta’ Ġunju 2014 il-COREPER approva wkoll it-test tal-FSS, li fetaħ it-triq lejn l-inizjalar min-Negozjaturi Ewlenin fit-8 ta’ Settembru 2014.

Il-Parlament Ewropew ġie infurmat regolarment u fil-pront matul in-negozjati.

L-SEAE u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu ta’ negozjati ntlaħqu u li l-abbozz ta’ Ftehim jista' jiġi sottomess għall-firma.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi ġuridika għal dan il-Ftehim hija l-Artikolu 37 TUE u l-Artikolu 212 TFUE. Il-proposta konġunta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim.

Il-Ftehim jibni fuq struttura ta’ żewġ pilastri: kooperazzjoni politika dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà ta’ interess komuni (l-AQM, SALW, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, kooperazzjoni f’fora multilaterali) u firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni settorjali (l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli, il-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u t-tisħiħ tal-investiment, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, it-tassazzjoni, eċċ.). Kif inhu, il-Ftehim huwa magħmul minn dispożizzjonijiet dwar il-bażi għal kooperazzjoni (Titolu I), id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (Titolu II), il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u multilateraliżmu effettiv (it-Titolu III), l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli (Titolu IV), il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (Titolu V), id-djalogu politiku u l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni (Titolu VI), kif ukoll dispożizzjonijiet finali (Titolu VII).

Il-Ftehim se jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada dwar firxa ta’ kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali. Se jippermetti lill-partijiet biex jaġixxu flimkien biex jipproġettaw il-valuri komuni tagħhom ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

Il-Ftehim jipprovdi l-bażi tal-koperazzjoni li tinkludi l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rispett għal-liġi internazzjonali. Ikompli jinforza l-involviment tal-Partijiet fiż-żamma u l-avvanz tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali f’medda wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika bħall-iżvilupp sostenibbli, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Itenni l-impenn tal-Partijiet biex jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u jieħdu għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir.

Jipprovdi l-mekkaniżmu dwar kif għandu jitmexxa d-djalogu politiku billi jorganizza Summits annwali fil-livell ta' Mexxejja u konsultazzjonijiet f’livell ministerjali. Jistabbilixxi wkoll Kumitat Ministerjali Konġunt, li jissostitwixxi id-Djalogu Transatlantiku ta' qabel, u Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni bil-għan li jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet.

Il-Ftehim jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tiegħu f’każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali. Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu li każijiet bħal dawn jistgħu iservu wkoll bħala raġuni għat-terminazzjoni tas-CETA.

Id-dispożizzjonijiet finali jistipulaw kundizzjonijiet għall-applikazzjoni proviżorja ta’ ċerti partijiet tal-ftehim qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

2015/0073 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,[1]

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)       Fit-8 ta’ Diċembru 2010 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jiftħu negozjati mal-Kanada għal Ftehim Qafas li jieħu post id-Dikjarazzjoni tal-Politika Konġunta dwar ir-relazzjonijiet EU-Kanada tal-1996.

(2)       Meta titqies ir-relazzjoni storikament viċina u r-rabtiet li progressivament joqorbu iktar bejn il-Partijiet kif ukoll xewqthom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika ("il-Ftehim") ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim f'Ottawa fit-8 ta' Settembru 2014.

(3)       L-Artikolu 30 tal-Ftehim jistipula l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim qabel ma jidħol fis-seħħ.

(4)       Għalhekk, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea u jiġi applikat fuq bażi provviżorja skont l-Artikolu 30 tiegħu, sakemm jiġi konkluż iktar 'il quddiem.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta' dak il-Ftehim.

2.           It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ser jistabbilixxi l-istrumenti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni sħiħa għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, lill-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Ftehim.

Artikolu 3

1.           Sakemm jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 30 tal-Ftehim u suġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim jiġu applikati b'mod provviżorju bejn l-Unjoni u l-Kanada:

 -       Titolu I;

-        Titolu II;

-        Titolu III;

-        Titolu IV;

-        Titolu V, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 24;

-        Titolu VI u Titolu VII, sal-punt neċessarju għall-għan li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim;

2.           Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L […], […], p. […].

ANNESS

Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra

IL-PREAMBOLU

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

kif ukoll

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istati Membri"

                                                                            minn naħa waħda, u

IL-KANADA

                                                                            min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet”,

Ispirati mill-ħbiberija li ilha teżisti bejn il-poplu tal-Ewropa u l-Kanada permezz tar-rabtiet storiċi, kulturali, politiċi u ekonomiċi estensivi tagħhom,

Waqt li innutaw il-passi importanti meħuda sa mill-Ftehim Kwadru tal-1976 għall-Kooperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Kanada, id-Dikjarazzjoni tal-1990 dwar ir-Relazzjonijiet Transatlantiċi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Kanada, id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-1996 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Kanada, l-Aġenda ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Kanada tal-2004, u l-Ftehim tal-2005 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet ta’ immaniġjar tal-kriżijiet tal-Unjoni Ewropea,

Jaffermaw mill-ġdid ir-rabta b’saħħitha tagħhom mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

Jaqsmu l-istess fehma li l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva toħloq theddida kbira għas-sigurtà internazzjonali,

Jibnu fuq it-tradizzjoni twila tagħhom ta’ kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-prinċipji internazzjonali tal-paċi u s-sigurtà u l-istat tad-dritt,

Jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata permezz ta’ kanali bilaterali u multilaterali,

Jaqsmu flimkien impenn biex jitnaqqas il-faqar, jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku inklużiv, u jiġu megħjuna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom lejn ir-riformi politiċi u ekonomiċi,

Jirrikonoxxu x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

Kburin fil-firxa estensiva tagħhom ta’ rabtiet bejn il-persuni u l-impenn tagħhom għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,

Jirrikonoxxu r-rwol importanti li jista’ jkollhom organizzazzjonijiet multilaterali effettivi fl-avvanz 'il quddiem tal-kooperazzjoni u jinkisbu eżiti pożittivi dwar kwistjonijiet u sfidi globali,

Konxji mir-relazzjoni tagħhom tal-kummerċ dinamiku u l-investiment, li se tissaħħaħ aktar permezz tal-implimentazzjoni effettiva ta’ ftehim ekonomiku u kummerċjali komprensiv,

Jinnutaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti Tlieta, it-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma nnotifikawx b'mod konġunt lill-Kanada li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda jgħarrfu minnufih lill-Kanada b'kull bidla fil-pożizzjoni tagħhom, li f'dan il-każ jibqgħu marbutin bid-diżpozzjonijiet tal-ftehim bi dritt proprju tagħhom. L-istess jgħodd għad-Danimarka skont il-Protokoll mehmuż ma’ dawk it-Trattati dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka,

Jirrikonoxxu li l-bidliet istituzzjonali fl-Unjoni Ewropea sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona,

Jaffermaw l-istatus tagħhom bħala sħab strateġiċi, u d-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jsaħħu u jkabbru r-relazzjoni tagħhom u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom abbażi tar-rispett reċiproku u d-djalogu biex javvanzaw 'il quddiem l-interessi u l-valuri kondiviżi tagħhom,

Konvinti li din il-kooperazzjoni għandha tissawwar b'mod progressiv u pragmatiku, tul l-iżvilupp tal-politiki tagħhom,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

Artikolu 1 Il-Prinċipji Ġenerali

1.           Il-Partijiet jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-prinċipji komuni kif stabbilit fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.           Konxji tar-relazzjoni strateġika tagħhom, il-Partijiet jaħdmu sabiex titjieb il-koerenza fl-iżvilupp tal-koperazzjoni tagħhom fuq livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali.

3.           Il-Partijiet jimplimentaw dan il-Ftehim abbażi tal-valuri komuni, il-prinċipji tad-djalogu, ir-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali, il-multilateraliżmu, il-kunsens u r-rispett għal-liġi internazzjonali.

TITOLU II ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, IL-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI, ID-DEMOKRAZIJA U 

L-ISTAT TAD-DRITT

Artikolu 2 L-Appoġġ u l-Avvanz tal-Prinċipji Demokratiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u

l-Libertajiet Fundamentali

1.           Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fit-trattati internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legalment vinkolanti oħrajn, li għalihom l-UE jew l-Istati Membri u l-Kanada huma partijiet, jirrifletti l-politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw u jiddefendu dawn id-drittijiet u l-prinċipji fil-politiki tagħhom stess u jħeġġu lil Stati oħra sabiex jaderixxu ma’ dawn it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legalment vinkolanti u biex jimplimentaw l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom stess.

3.           Il-Partijiet huma impenjati li jmexxu 'l quddiem id-demokrazija, inkluż il-proċessi elettorali ħielsa u ġusti f’konformità mal-istandards internazzjonali. Kull Parti tgħarraf lill-oħra bil-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali rispettivi tagħha u l-Partijiet iħeġġu lil xulxin biex jipparteċipaw kif xieraq.

4.           Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-istat tad-dritt għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għall-funzjonament effettiv ta’ istituzzjonijiet ta’ governanza fi Stat demokratiku. Dan jinkludi l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, id-dritt għal proċess ġust u aċċess minn individwi għal rimedju legali effettiv.

TITOLU III IL-PAĊI U S-SIGURTÀ INTERNAZZJONALI U MULTILATERALIŻMU EFFETTIV

Artikolu 3 Armi ta' Qerda Massiva      

1.           Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM) u l-mezzi tal-konsenja tagħhom, kemm lejn atturi statali kif ukoll lejn dawk mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-akbar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali.

2.           Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw u li jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tal-konsenja tagħhom b’konformità sħiħa mal-obbligi u bl-implimentazzjoni tagħhom skont il-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Barra minn hekk, il-Partijiet ikomplu jikkooperaw, kif xieraq, b’appoġġ għall-isforzi ta’ nonproliferazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni fir-reġimi ta’ kontroll ta’ esportazzjoni li għalihom it-tnejn huma parti. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostittwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim.

3.           Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkoperaw u jikkontribwixxu sabiex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta’ konsenja tagħhom billi:

(a) kif xieraq, jieħdu l-passi biex jiffirmaw, jirratifikaw, jew jaderixxu, mat-trattati ta’ diżarm u nonproliferazzjoni kollha rilevanti u li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi kollha skont it-trattati li tagħhom jagħmlu parti u jħeġġu lil stati oħra sabiex jaderixxu ma’ dawk it-trattati;

(b) iżommu sistema effettiva ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni nazzjonali, jikkontrollaw l-esportazzjoni u jevitaw is-senserija illeċita u t-tranżitu tal-merkanzija relatata mal-AQM inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq it-teknoloġiji b’użu doppju u li jinkludu sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni;

(c) il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi u tossiċi. Il-Partijiet jaqblu li jikkollaboraw f’fora rilevanti biex imexxu 'l quddiem il-prospetti għal aderenza universali għal konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom), u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar il-Qerda tagħhom). 

4.           Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu laqgħat regolari f’livell għoli bejn l-UE u l-Kanada biex jiġu skambjati l-fehmiet dwar modi kif tiġi promossa l-kooperazzjoni fuq firxa ta’ kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni u diżarm.

Artikolu 4 Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir 

1.           Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illegali ta’ Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALWs), inkluż il-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux assigurati sewwa u l-firxa mhux ikkontrollata tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

2.           Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw l-impenji rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, fil-qafas tal-istrumenti internazzjonali rilevanti inkluż il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda ta’ Kummerċ Illeċitu tas-SALW fl-aspetti kollha tiegħu kif ukoll l-obbligi li joħorġu minn Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

3.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jittieħdu l-miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u jikkooperaw u jaħdmu għall-koordinazzjoni, il-komplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi komuni tagħhom biex jgħinu lil Stati oħra biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjon fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali kif xieraq.

Artikolu 5  Il-Qorti Kriminali Internazzjonali 

1.           Il-Partijiet jaffermaw li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali ma jistgħux ma jiġux puniti u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell nazzjonali u billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI).

2.           Il-Partijiet jikkondividu impenn komuni biex tiġi promossa r-ratifika universali tal-Istatut ta’ Ruma tal-QKI jew l-adeżjoni miegħu, u biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni domestika effettiva tagħha tal-Istatut fost l-Istati Partijiet għall-QKI.

Artikolu 6  Il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu

1.           Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità komuni u tenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titmexxa b’rispett għall-istat tad-dritt, il-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali u l-libertajiet fundamentali.

2.           Il-Partijiet iżommu konsultazzjonijiet ta’ livell għoli kontra t-terroriżmu u kuntatti ad hoc bil-ħsieb li jiġu promossi sforzi operazzjonali konġunti effettivi kontra t-terroriżmu u mekkaniżmi kollaborattivi fejn possibbli. Dan jinkludi skambji regolari dwar il-listi ta’ terroristi, il-ġlieda kontra strateġiji tal-estremiżmu vjolenti u approċċi għall-kwistjonijiet emerġenti relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.           Il-Partijiet għandhom impenn komuni għall-promozzjoni ta' metodu internazzjonali komprensiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom b’mod partikolari biex jikkooperaw sabiex jissaħħaħ il-kunsens internazzjonali f’dan il-qasam sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif xieraq.

4.           Il-Partijiet ikomplu jikkooperaw mill-qrib fil-qafas tal-Forum Globali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu.

5.           Il-Partijiet jiġu ggwidati mir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

6.           Il-Partijiet ikomplu jaħdmu flimkien kif xieraq biex tissaħħaħ il-kapaċità kontra t-terroriżmu ta’ Stati oħra biex jipprevjenu, jidentifikaw u jirrispondu għal attivitajiet terroristiċi.

Artikolu 7 Kooperazzjoni fil-Promozzjoni tal-Paċi u l-Istabilità Internazzjonali

Biex imexxu 'l quddiem l-interessi komuni tagħhom għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u ta' istituzzjonijiet multilaterali u politiki effikaċi, il-Partijiet:

(a)          ikomplu bl-isforzi tagħhom biex tissaħħaħ aktar is-sigurtà transatlantika, b’kunsiderazzjoni tar-rwol ċentrali tal-arkitettura tas-sigurtà transatlantika eżistenti bejn l-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq;

(b)          issaħħu l-isforzi konġunti tagħhom b’appoġġ għall-ġestjoni tal-kriżi u l-bini ta’ kapaċità, u jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, inkluż fl-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet bikrija u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-ippjanar, fejn jitqies xieraq mill-Partijiet.

Artikolu 8 Il-Kooperazzjoni f’Fora u Organizzazzjonijiet Multilaterali, Reġjonali u Internazzjonali

1.           Il-Partijiet qed jaqsmu l-impenn għall-multilateraliżmu u l-isforzi biex titjieb l-effettività ta’ fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), u fora multilaterali oħra.

2.           Il-Partijiet iżommu mekkaniżmi ta' konsultazzjoni effettivi dwar il-marġini ta’ fora multilaterali. Fin-NU, minbarra d-djalogi eżistenti tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-Partijiet jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni permanenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Uffiċċji tan-NU fi Vjenna u oħrajn kif xieraq u maqbul mill-Partijiet. 

3.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom ukoll biex jikkonsultaw dwar l-elezzjonijiet biex ikun hemm rappreżentanza effettiva f’organizzazzjonijiet multilaterali.

TITOLU IV ŻVILUPP EKONOMIKU U SOSTENIBBLI

Artikolu 9 Djalogu u Tmexxija Globali fi Kwistjonijiet Ekonomiċi

Filwaqt li jirrikonoxxu li globalizzazzjoni sostenibbli u prosperità akbar jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ ekonomija dinjija miftuħa, ibbażata fuq il-prinċipji tas-suq, regolamenti effettivi u istituzzjonijiet globali b’saħħithom, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex:

(a)          juru tmexxija fil-promozzjoni ta’ politiki ekonomiċi sodi u mmaniġġjar finanzjarju prudenti kemm lokalment kif ukoll permezz tal-involviment reġjonali u internazzjonali tagħhom;

(b)          ikollhom djalogu politiku regolari ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet makroekonomiċi, inklużi rappreżentanti tal-banek ċentrali kif xieraq, bl-għan ta’ kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ tħassib komuni;

(c)          jinkoraġġixxu, kif xieraq, djalogu fil-waqt u effettiv u kooperazzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi globali ta' interess komuni f'organizzazzjonijiet multilaterali u fora li fihom jipparteċipaw il-Partijiet, bħall-OECD, il-G-7, il-G-20, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni dinjija għall-Kummerċ (WTO).

Artikolu 10 Il-promozzjoni tal-Kummerċ Ħieles u t-Titjib tal-Investiment

1.           Il-Partijiet jikkoperaw biex jippromwovu żieda sostenibbli u żvilupp tal-kummerċ u l-investiment bejniethom għall-vantaġġ reċiproku tagħhom, kif previst fi ftehim ekonomiku u kummerċjali komprensiv.

2.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw biex isaħħu d-WTO bħala l-aktar qafas effettiv għal sistema kummerċjali globali bbażata fuq ir-regoli.

3.           Il-Partijiet ikomplu jimpenjaw ruħhom fil-kooperazzjoni doganali.

Artikolu 11 Kooperazzjoni fuq it-Tassazzjoni

Bil-ħsieb li jsaħħu u jiżviluppaw il-koperazzjoni ekonomika tagħhom, il-Partijiet isegwu, u japplikaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri, it-trasparenza, l-iskambju tal-informazzjoni u l-evitar ta’ prattiki fiskali dannużi fl-oqfsa tal-Forum tal-OECD dwar prattiki dannużi ta’ tassazzjoni u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar it-tassazzjoni tan-negozju, kif applikabbli. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jtejbu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fuq livell internazzjonali.

Artikolu 12 Żvilupp Sostenibbli

1.           Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jilħqu l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkompromettu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Huma jirrikonoxxu li biex ikun vijabbli fuq perjodu itwal ta’ żmien, it-tkabbir ekonomiku għandu jsegwi l-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli.

2.           Il-Partijiet ikomplu jippromwovu l-użu responsabbli u effiċjenti tar-riżorsi u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-ħsara ambjentali u l-impatt marbut magħha dwar il-benesseri tal-bniedem.

3.           Il-Partijiet ikomplu jinkoraġġixxu sforzi għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli permezz tad-djalogu, l-iskambju tal-aħjar prattiki, governanza tajba u ġestjoni finanzjarja soda.

4.           Il-Partijiet jikkondividu l-istess għan li jitnaqqas il-faqar u li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku inklużiv madwar id-dinja, u jagħmlu ħilithom biex jaħdmu flimkien kull meta jkun possibbli biex jintlaħaq dan l-għan.

5.           Għal dan l-għan, il-Partijiet jistabbilixxu djalogu politiku regolari dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politika dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni kif ukoll il-kwalità u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom, f’konformità ma’ prinċipji aċċettati internazzjonalment dwar l-effettività tal-għajnuna. Il-Partijiet jaħdmu flimkien biex isaħħu r-responsabbiltà u t-trasparenza b’enfasi fuq it-titjib tar-riżultati tal-iżvilupp, u jirrikonoxxu l-importanza li jiġu involuti għadd ta’ atturi, inkluż is-settur privat u s-soċjetà ċivili, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

6.           Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tal-enerġija għall-prosperità ekonomika u l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali. Huma jaqblu dwar il-ħtieġa li jtejbu u jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, jippromwovu l-innovazzjoni, u jżidu l-effiċjenza tal-enerġija sabiex tissaħħaħ l-opportunità tal-enerġija, is-sigurtà, u l-enerġija sostenibbli u affordabbli. Il-Partijiet iżommu djalogu ta’ livell għoli‑ dwar l-enerġija u jkomplu jikkollaboraw permezz ta’ mezzi bilaterali u multilaterali sabiex jappoġġjaw swieq miftuħa u kompetittivi, jaqsmu l-aħjar prattiki, jippromwovu regolamentazzjoni trasparenti, u jiddiskutu l-oqsma ta’ kooperazzjoni rigward kwistjonijiet tal-enerġija.

7.           Il-Partijiet jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent u jirrikonoxxu l-ħtieġa għal standards għolja ta’ ħarsien ambjentali sabiex jitħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

8.           Il-Partijiet jirrikonoxxu t-theddida globali tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni immedjata sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet bl-għan li jiġu stabbilizzati l-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta' serra fl-atmosfera, f’livell li tiġi evitata interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima. B’mod partikolari, jikkondividu ambizzjoni komuni biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi biex jimmitigaw u jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-Partijiet jirrikonoxxu n-natura globali tal-isfida u jkomplu jappoġġjaw l-isforzi internazzjonali lejn reġim ġust, effettiv, komprensiv, u ibbażat fuq ir-regoli skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li tapplika għall-Partijiet kollha tal-Konvenzjoni, u tinkludi ħidma flimkien fuq protokoll ġdid u ambizzjuż, strument legali jew eżitu maqbul li jkollu saħħa legali.

9.           Il-Partijiet ikomplu d-djalogi ta’ livell għoli dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima bl-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki u jippromwovu kooperazzjoni effettiva u inklużiva dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra marbutin mal-protezzjoni tal-ambjent.

10.         Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ djalogu u kooperazzjoni fuq livelli bilaterali jew multilaterali fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u xogħol deċenti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jiġu promossi l-koperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi rigward l-impjiegi u kwistjonijiet tax-xogħol. Il-Partijiet jikkonfermaw ukoll l-impenn tagħhom li jsegwu, jippromwovu u jwettqu l-istandards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment li huma impenjaw ruħhom għalihom, bħal dawk imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-segwitu tagħha.

Artikolu 13 Djalogu dwar Oqsma Oħra ta’ Interess Reċiproku

Waqt li jirrikonoxxu l-impenn komuni tagħhom biex issaħħu u jkabbru l-involviment fit-tul tagħhom kif ukoll jirrikonoxxu l-kooperazzjoni eżistenti, il-Partijiet jagħmlu ħilithom, f'fora multilateral u bilaterali xierqa, biex jinkoraġġixxu djalogu espert u skambji ta’ prattiki tajbin f’oqsma ta’ politika li huma ta’ interess reċiproku. Dawn jinkludu l-oqsma li ġejjin, iżda mhumiex limitati għalihom: l-agrikoltura, is-sajd, l-oċean internazzjonali u l-politika marittima, l-iżvilupp rurali, it-trasport internazzjonali, l-impjiegi u l-kwistjonijiet ċirkumpolari inklużi x-xjenza u t-teknoloġija. Fejn xieraq, dan jista’ jinkludi wkoll skambji dwar prattiki leġiżlattivi, regolatorji, u  amministrattivi, kif ukoll dwar proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Artikolu 14 Il-Benesseri taċ-Ċittadini

1.           Waqt li jirrikonoxxu l-importanza li jespandu u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar għadd kbir ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini tagħhom u lill-komunità globali akbar, il-Partijiet jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw djalogu, konsultazzjoni u fejn possibbli kooperazzjoni dwar kwistjonijiet eżistenti kif ukoll emerġenti ta’ interess reċiproku li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini.

2.           Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur u jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aqwa prattiki f’dan il-qasam.

3.           Il-Partijiet jinkoraġġixxu kooperazzjoni reċiproka u skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet globali ta’ saħħa, u dwar it-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika globali.

Artikolu 15 Kooperazzjoni fl-Għarfien, ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni

1.           Meta jqisu l-importanza ta’ għarfien ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, il-Partijiet ikomplu jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

2.           Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħala elementi ewlenin tal-ħajja moderna u l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw u jaqsmu opinjonijiet dwar il-politiki nazzjonali, reġjonali u internazzjonali f’dan il-qasam kif xieraq.

3.           Waqt li jirrikonoxxu li s-sigurtà u l-istabbiltà tal-internet b’rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali hija sfida globali, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’livelli bilaterali u multilaterali permezz tad-djalogu u l-iskambju ta’ għarfien espert.

4.           Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-użu ta’ sistemi spazjali huwa dejjem aktar importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika soċjoekonomika, ambjentali u internazzjonali tagħhom. Il-Partijiet ikomplu jkabbru l-kooperazzjoni tagħhom fl-iżvilupp u l-użu tal-assi spazjali biex jiġu appoġġjati ċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet governattivi.

5.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex ikomplu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-istatistika, b’attenzjoni partikolari fuq il-promozzjoni b’mod attiv tal-iskambju tal-aħjar prattiki u politiki.

Artikolu 16 Il-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ

 u l-Kuntatti bejn il-Persuni

1.           Il-Partijiet kburin bir-rabtiet kulturali, lingwistiċi u tradizzjonali, li ilhom jeżistu u li bnew pontijiet ta’ fehim bejniethom. Jeżistu rabtiet transatlantiċi fil-livelli kollha tal-gvern u s-soċjetà u l-impatt ta’ din ir-relazzjoni hija sinfikanti fis-soċjetajiet Kanadiżi u Ewropej. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jinkoraġġixxu dawn ir-rabtiet u biex isibu modi ġodda biex jitrawwmu r-relazzjonijiet permezz ta’ kuntatti bejn il-persuni. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jużaw skambji permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi ta’ riflessjoni‑ li jlaqqgħu flimkien liż-żgħażagħ u s-sħab ekonomiċi u soċjali oħrajn bl-għan li jkabbru u jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jarrikkixxu l-fluss tal-ideat għas-soluzzjoni ta’ sfidi komuni.

2.           Filwaqt li jirrikonoxxu r-relazzjonijiet estensivi akkademiċi u dawk marbutin mal-edukazzjoni, l-isport, il-kultura, it-turiżmu u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, li żviluppaw bejniethom matul is-snin, il-Partijiet japprovaw u jinkoraġġixxu kollaborazzjoni kontinwa fit-tkabbir ta’ dawn ir-rabtiet, kif xieraq.

3.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex irawwmu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, inkluż permezz tal-promozzjoni, kif xieraq, tal-prinċipji u l-objettivi tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

4.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom u l-professjonisti f’dan il-qasam kif xieraq.

Artikolu 17 Ir-Reżiljenza għad-Diżastri u l-Ġestjoni tal-Emerġenzi

Biex jitnaqqas l-impatt ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-infrastruttura, il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom biex jippromwovu l-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-rispons u l-miżuri ta' rkupru , inkluż permezz ta’ kooperazzjoni kif xieraq fil-livell bilaterali u multilaterali.

TITOLU V ĠUSTIZZJA, LIBERTÀ U SIGURTÀ

Artikolu 18 Il-Koperazzjoni Ġudizzjarja

1.           Rigward il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, il-Partijiet jippruvaw itejbu l-kooperazzjoni eżistenti fl-għajnuna legali reċiproka u l-estradizzjoni bbażata fuq ftehimiet internazzjonali rilevanti. Bis-setgħat u l-kompetenzi tagħhom, il-Partijiet jippruvaw ukoll li jsaħħu l-mekkaniżmi eżistenti u fejn xieraq jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ġodda biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Dan jinkludi, fejn xieraq, l-adeżjoni mal-istrumenti internazzjonali rilevanti u l-implimentazzjoni tagħhom u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Eurojust.

2.           Il-Partijiet jiżviluppaw, kif xieraq, kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, sa fejn jistgħu bil-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjati, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, inklużi l-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-kooperazzjoni legali internazzjonali u l-litigazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal.

Artikolu 19 Il-Kooperazzjoni kontra d-Drogi Illeċiti

1.           Permezz tas-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jikkoperaw biex jiżguraw approċċ ibbilanċjat u integrat fil-kwistjonijiet marbuta mad-drogi. Il-Partijiet jiffokaw l-isforzi tagħhom biex:

– isaħħu l-istrutturi għall-ġlieda kontra d-drogi illeċiti;

– inaqqsu l-provvista, it-traffikar u d-domanda għal drogi illeċiti;

– jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali u fuq is-saħħa mill-abbuż tad-drogi illeċiti; kif ukoll

– jimmassimizzaw l-effettività ta’ strutturi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-devjazzjoni ta’ prekursuri kimiċi li jintużaw għall-produzzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2.           Il-Partijiet jikkollaboraw biex jinkisbu dawn l-objetttivi, inkluż, fejn ikun possibbli, billi jikkoordinaw il-programmi tagħhom ta’ għajnuna teknika, u billi jħeġġu l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet internazzjonali esiżtenti dwar il-kontroll tad-drogi li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri u l-Kanada huma parti. Il-Partijiet jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom fuq prinċipji aċċettati b’mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar il-kontroll tad-drogi u jsegwu l-għanijiet globali tad-Dikjarazzjoni Politika tan-NU tal-2009 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali lejn Strateġija Integrata u Bbilanċjata fil-Ġlieda kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi.

Artikolu 20 Il-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni

1.           Il-Partijiet għandhom impenn komuni li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni, il-kuntrabandu u t-tranżazzjonijiet illegali, billi jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali reċiproki tagħhom f’dan il-qasam, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni effettiva fl-irkupru ta’ assi jew fondi li ġejjin minn atti ta’ korruzzjoni.

2.           Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jiżviluppaw il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni kontinwa mal-Europol.

3.           Barra minn hekk, il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jikkollaboraw, f’fora internazzjonali, biex jippromwovu kif xieraq l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha u l-Protokolli supplimentari tagħha li huma partijiet għalihom.

4.           Il-Partijiet jagħmlu ħilithom ukoll biex jippromwovu kif xieraq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, inkluż permezz tal-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ reviżjoni b’saħħitha, filwaqt li jqisu l-prinċipji ta’ trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

Artikolu 21 Il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu

1.           Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw sabiex jiġi evitat l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom biex isir ħasil tal-qligħ mill-attivitajiet kriminali kollha inkluż it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni testendi għat-telf ta’ assi jew fondi li jkunu ġejjin minn attività kriminali, fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom u mal-liġijiet.

2.           Il-Partijiet jaqsmu informazzjoni rilevanti kif xieraq fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom u l-liġijiet u jimplimentaw miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, skont ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u l-istandards adottati minn korpi internazzjonali rilevanti oħra attivi f’dan il-qasam.

Artikolu 22 Iċ-Ċiberkriminalità

1.           Il-Partijiet jirrikonoxxu li ċ-ċiberkriminalità hija problema globali li teħtieġ rispons globali. Għal dan l-għan, il-Partijiet isaħħu l-kooperazzjoni biex tiġi evitata u miġġielda ċ-ċiberkriminalità permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien prattiku, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom u mal-liġijiet. Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu flimkien biex fejn ikun jeħtieġ, jipprovdu assistenza u appoġġ lil Stati oħra fl-iżvilupp ta’ liġijiet, politiki u prattiki effettivi biex tiġi evitata u miġġielda ċ-ċiberkriminalità kull fejn isseħħ.

2.           Kif xieraq, fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom u mal-liġijiet, il-Partijiet jaqsmu l-informazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, it-twettiq tal-investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità u l-forensika diġitali.

Artikolu 23 Il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, l-Ażil u l-Fruntieri

1.           Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw u jaqsmu l-opinjonijiet fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom fl-oqsma tal-migrazzjoni (inkluż il-migrazzjoni legali, il-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, il-migrazzjoni u l-iżvilupp), l-ażil, l-integrazzjoni, il-ġestjoni tal-viżi u tal-fruntieri.

2.           Il-Partijiet għandhom objettiv komuni ta’ vvjaġġar mingħajr viża bejn l-Unjoni u l-Kanada għaċ-ċittadini kollha rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jaħdmu flimkien u jagħmlu kull sforz biex jiksbu, kemm jista’ jkun malajr, ivvjaġġar mingħajr viża bejn it-territorji tagħhom għaċ-ċittadini kollha b’passaport validu.

3.           Il-Partijiet jaqblu li jikkoperaw għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni irregolari. Għal dan l-għan:

(a)     Il-Kanada ddaħal mill-ġdid iċ-ċittadini tagħha preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bi ftehim speċifiku, mingħajr aktar formalitajiet;

(b)     Kull Stat Membru jdaħħal mill-ġdid iċ-ċittadini tiegħu preżenti illegalment fit-territorju tal-Kanada, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bi ftehim speċifiku, mingħajr aktar formalitajiet;

(c)     L-Istati Membri u l-Kanada jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa għal dan l-għan;

(d)     Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jidħlu f’negozjati ta’ ftehim speċifiku li jistabbilixxu obbligi dwar ir-riammissjoni, inkluża r-riammissjoni ta’ persuna nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi. 

Artikolu 24 Il-Protezzjoni Konsulari

1.           Il-Kanada tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jekk l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkollux rappreżentanza permanenti aċċessibbli fil-Kanada, huma jkollhom il-benefiċċji tal-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat Membru.

2.           L-Istati Membri jippermettu liċ-ċittadini Kanadiżi li jekk il-Kanada ma jkollhiex rappreżentanza permanenti aċċessibbli fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari, huma jkollhom il-benefiċċji fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru tal-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat ieħor maħtur mill-Kanada.

3.           Il-paragrafi 1 u 2 huma maħsuba biex ineħħu kull rekwiżit għal notifika u kunsens li b'mod ieħor ikunu jistgħu japplikaw bl-iskop li jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-Kanada li jkunu rappreżentati minn kull Stat għajr dak li tiegħu huma ċittadini.

4.           Il-Partijiet jirrevedu fuq bażi annwali l-funzjonament amministrattiv tal-paragrafi (1) u (2).

Artikolu 25 Il-Protezzjoni tad-Dejta Personali

1.           Il-Partijiet jagħrfu l-ħtieġa li tiġi protetta d-dejta personali u jagħmlu ħilithom biex jaħdmu flimkien biex jippromwovu standards internazzjonali għoljin.

2.           Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inkluż id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali. Għal dan l-għan, il-Partijiet qed jiftiehmu li, fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, isegwu l-impenji li ħadu marbutin ma’ dawn id-drittijiet, inkluż fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati oħra serji li huma ta’ natura transnazzjonali, inkluża l-kriminalità organizzata.

3.           Il-Partijiet ikomplu jikkooperaw fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom f’livelli bilaterali u multilaterali permezz ta’ djalogu u skambju ta’ kompetenzi kif meħtieġ fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali.

TITOLU VI DJALOGU POLITIKU U MEKKANIŻMI TA' KONSULTAZZJONI

Artikolu 26 Id-Djalogu Politiku

Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex isaħħu d-djalogu u l-konsultazzjoni tagħhom b’mod effettiv u pragmatiku biex jappoġġjaw ir-relazzjoni tagħhom li qed tikber, imexxu r-relazzjoni tagħhom, u jippromwovu l-interessi u l-valuri komuni permezz tal-involviment multilaterali tagħhom.

Artikolu 27 Mekkaniżmi ta’ Konsultazzjoni

1.           Il-Partijiet jinvolvu ruħhom fi djalogu permezz ta’ kuntatti, skambji u konsultazzjonijiet kontinwi, li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)     summits fil-livell tal-mexxejja fuq bażi annwali jew skont kif miftiehem b’mod reċiproku, li jsiru b’mod alternat fl-Unjoni u fil-Kanada;

(b)     laqgħat fil-livell tal-ministru tal-affarijiet barranin;

(c)     konsultazzjonijiet fil-livell ministerjali dwar kwistjonijiet ta’ politika li huma ta’ interess reċiproku;

(d)     konsultazzjonijiet ta’ uffiċjali għolja u livell ta’ ħidma dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku jew laqgħat ta’ informazzjoni u kooperazzjoni dwar l-iżviluppi kbar lokali jew internazzjonali;

(e)     promozzjoni ta’ skambji ta’ delegazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Kanada.

2.           Il-Kumitat Ministerjali Konġunt

(a)     Kumitat Ministerjali Konġunt (KMK) huwa b’dan stabbilit. 

(b)     Il-KMK:

(i)         jissostitwixxi d-Djalogu Transatlantiku;

(ii)        jiġi kkopresedut mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

(iii)       jiltaqa' fuq bażi annwali, jew kif miftiehem skont iċ-ċirkostanzi;

(iv)       jadotta l-aġenda, ir-regoli u l-proċeduri proprji tiegħu;

(v)        jieħu d-deċiżjonijiet bl-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet;

(vi)       jirċievi rapport annwali tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK) dwar l-istat tar-relazzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet relatati mal-ħidma tal-KKK inkluż fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni futura u r-riżoluzzjoni ta’ kull tilwim li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(vii)      huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.           Il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

(a)     Il-Partijiet jistabbilixxu Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK).

(b)     Il-Partijiet jiżguraw li l-KKK:

(i)         jirrakkomanda prijoritajiet rigward il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

(ii)        jissorvelja l-iżviluppi tar-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet;

(iii)       jaqsam l-opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwistjoniiet ta' interess komuni;

(iv)       jagħmel rakkomandazzjonijiet għal effiċjenzi, effettività akbar u sinerġiji bejn il-Partijiet;

(v)        jiżgura li dan il-Ftehim jaħdem sewwa;

(vi)       jipprovdi rapport annwali fuq il-KMK dwar l-istat tar-relazzjoni li l-Partijiet jippubblikaw, kif innutat fil-Paragrafu 2(b)(vi) ta’ dan l-Artikolu;

(vii)      jittratta b’mod xieraq kull kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Partijiet skont dan il-Ftehim;

(viii)     jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-tewettiq tad-dmirijiet tiegħu. Madankollu dawn is-sottokumitati ma għandhomx jidduplikaw korpi stabbiliti skont ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet;

(ix)       jikkunsidra sitwazzjonijiet fejn kull Parti tqis li l-interessi tagħha ġew jew setgħu ġew affettwati ħażin mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’oqsma ta’ kooperazzjoni li mhumiex irregolati minn ftehim speċifiku.

(c)     Il-Partijiet jiżguraw li l-KKK jiltaqa’ darba fis-sena fl-Unjoni u l-Kanada b’mod alternat; li jsiru laqgħat speċjali tal-KKK wara talba minn xi waħda mill-Partijiet; li l-KKK jiġi kkopresedut minn uffiċjal għoli wieħed mill-Kanada u minn uffiċjali għoli mill-Unjoni; u li jaqbel dwar it-termini ta’ referenza tiegħu stess, inkluż il-parteċipazzjoni tal-osservaturi.

(d)     Il-KKK ikun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet, b’attenzjoni dovuta biex tiġi promossa l-effiċjenza u l-ekonomija fl-istabbiliment tal-livelli ta’ parteċipazzjoni.

(e)     Il-Partijiet jaqblu li l-KKK jista’ jitlob kumitati u korpi simili stabbiliti skont ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Partijiet biex jipprovdu aġġornamenti regolari lill-KKK dwar l-attivitajiet tagħhom bħala parti minn ħarsa ġenerali kontinwa u komprensiva tar-relazzjoni bejn il-Partijiet.

Artikolu 28 It-Twettiq tal-Obbligi

1.           Fl-ispirtu ta’ rispett reċiproku u kooperazzjoni li huma inkorporati b’dan il-Ftehim, il-Partijiet jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.

2.           Fil-każ li jinqalgħu xi mistoqsijiet jew differenzi mill-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet isaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jikkooperaw sabiex isolvu l-kwistjonijiet fil-ħin u b’mod ta' ħbiberija. Wara talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-mistoqsijiet jew id-differenzi jiġu riferuti lill-KKK għal aktar diskussjoni u studju. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu wkoll b’mod konġunt li jirreferu dawn il-kwistjonijiet għal rapportar speċjali ta’ sottokumitati lill-KKK. Il-Partijiet jiżguraw li l-KKK jew is-sottokumitat maħtur jiltaqa’ fi żmien raġonevoli biex ifittex soluzzjoni għal kull differenza fl-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ komunikazzjoni bikrija, eżami bir-reqqa tal-fatti inkluż pariri ta’ esperti u evidenza xjentifika kif xieraq, u djalogu effettiv.

3.           Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenn qawwi komuni tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u n-nonproliferazzjoni, il-Partijiet iqisu li ksur partikolarment serju u vjolazzjoni sostanzjali tal-obbligi deskritti fl-Artikoli 2 (1) u 3 (2) jistgħu jiġu indirizzati bħala każ ta’ urġenza speċjali. Il-Partijiet jikkunsidraw li, biex sitwazzjoni tikkostitwixxi “ksur partikolarment serju u sostanzjali” tal-Artikolu 2(1), il-gravità u n-natura tagħha jridu jkunu ta’ tip eċċezzjonali bħal kolp ta’ stat jew delitti gravi li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-benesseri tal-komunità internazzjonali.

4.           F’każijiet fejn sitwazzjoni li sseħħ f’pajjiż terz tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti fil-gravità u n-natura għal każ ta’ urġenza speċjali, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex iwettqu konsultazzjonijiet urġenti, fwara talba ta’ waħda mill-Partijiet, jaqsmu l-fehmiet dwar is-sitwazzjoni u jikkunsidraw ir-reazzjonijiet possibbli.

5.           Fil-każ mhux mistenni u mhux probabbli li tinqala' urġenza speċjali fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet, kull Parti tista’ tirreferi l-kwistjoni lil KMK. Il-KMK jista' jitlob lil KKK biex jorganizza konsultazzjonijiet urġenti fi żmien 15-il jum. Il-Partijiet jipprovdu l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa u riżoluzzjoni f’waqtha u effettiva tas-sitwazzjoni. Jekk il-KKK ma jkunx jista’ jirranġa s-sitwazzjoni, jista’ jressaq il-każ lill-KMK għal kunsiderazzjoni urġenti.

6.           (a)      F’każ ta’ urġenza speċjali fejn il-KMK ma jkunx jista’ jirranġa s-sitwazzjoni, kull Parti tista’ tiddeċiedi li tissospendi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Fl-Unjoni, id-deċiżjoni li tissospendi tkun teħtieġ unanimità. Fil-Kanada, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tittieħed mill-Gvern tal-Kanada skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha. Il-Parti tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra, bil-miktub, bid-deċiżjoni u tapplika d-deċiżjoni għall-perjodu minimu ta’ żmien meħtieġ biex tiġi riżolta l-kwistjoni b’mod aċċettabbli għall-Partijiet.

(b)     Il-partijiet iżommu taħt reviżjoni kostanti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni li ħoloq din id-deċiżjoni u li jista' jservi bħala bażi għal miżuri oħra xierqa meħuda barra mill-qafas ta’ dan il-Ftehim. Il-Parti li tinvoka s-sospensjoni jew miżuri oħra tirtirahom hekk kif jiġu ggarantiti.

7.           Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu li ksur partikolarment serju u sostanzjali tad-drittijiet tal-bniedem jew tan-nonproliferazzjoni, kif definit fil-paragrafu 3 jista’ jservi wkoll bħala raġuni għat-terminazzjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tal-UE u l-Kanada (CETA) skont l-Artikolu X.08 ta' dan il-Ftehim.

8.           Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Ftehim ma jissostitwixxix jew jaffettwa b’xi mod id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

TITOLU VII ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29 Is-Sigurtà u d-Divulgazzjoni tal-Informazzjoni

1.           Dan il-Ftehim ma jitqiesx li jippreġudika lill-Unjoni, l-Istati Membri jew il-liġijiet u r-regolamenti Kanadiżi dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.

2.           Dan il-Ftehim ma jitqiesx li jitlob lil xi Parti li tipprovdi xi informazzjoni jekk din il-parti tqis li tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha li tiżvela dik l-informazzjoni.

Artikolu 30 Dħul fis-seħħ u Terminazzjoni

1.           Il-Partijiet jgħarrfu lil xulxin meta jkunu lestew il-proċeduri interni meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data tal-aħħar notifika. 

2.           Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u l-Kanada japplikaw partijiet ta’ dan il-Ftehim fuq bażi provviżorja, kif stipulat f’dan il-paragrafu, sakemm jidħol fis-seħħ u skont il-proċeduri interni u l-leġiżlazzjoni rispettivi, kif applikabbli.

L-applikazzjoni provviżorja tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Unjoni u l-Kanada jkunu nnotifikaw lil xulxin b'dan li ġej:

(a)     Għall-Unjoni, it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop, li tindika l-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b'mod provviżorju; kif ukoll

(b)     Għall-Kanada, it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop, li tikkonferma l-qbil mal-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b'mod provviżorju.

3.           Kull Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja tidħol fis-seħħ sitt xhur wara n-notifika.

Artikolu 31 Emenda

Il-Partijiet jistgħu jemendaw dan il-Ftehim bi ftehim bil-miktub. L-emenda tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data tal-aħħar notifika li biha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa kollha għad-dħul fis-seħħ tal-emenda tlestew.

Artikolu 32 Notifiki

Il-Partijiet jissottomettu n-notifiki kollha li saru skont l-Artikoli 30 u 31 lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin , il-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Kanada jew lis-suċċessuri rispettivi tagħhom.

Artikolu 33 Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawn it-Trattati, u min-naħa l-oħra, għall-Kanada.

Artikolu 34 Definizzjoni tal-Partijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu "il-Partijiet" ifisser l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’żewġ kopji fi                                  , nhar il-                 , fis-sena 20     bil-Bulgaru,bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, l-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Kroat, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bl-Ungeriż, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bil-Finlandiż, bl-Iżvediż, kull test huwa ugwalment awtentiku.