1.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/9


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Passi konkreti għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE

(2016/C 240/03)

Relatur:

is-Sinjura Hella DUNGER-LÖPER (DE/PSE), Segretarja tal-Istat, Rappreżentanta tal-Land ta’ Berlin għall-Gvern Federali responsabbli għall-Affarijiet Ewropej

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

L-aġenda urbana hija proġett Ewropew ta’ importanza ewlenija: ser jiġi żviluppat metodu ta’ ħidma ġdid, li bis-saħħa ta’ qafas operazzjonali u strumenti effettivi għandu jistabbilixxi l-koerenza tal-politiki kollha, li jaffettwaw il-bliet, u jolqtu l-ispazji funzjonali ta’ madwarhom. B’madwar żewġ terzi tal-politiki settorjali kollha tal-UE li għandhom impatt fuq iż-żoni urbani tal-Ewropa, il-bliet għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom. L-għan huwa li jsir titjib fil-kwalità tal-ħajja fil-bliet u l-iżvilupp ta’ governanza “urbana” ġdida, permezz ta’ approċċ prattiku u konkret, li jikkoordina fuq livelli differenti, u jifformola u jimplimenta l-għanijiet f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal- proporzjonalità. Din il-paradigma urbana ġdida tiftaħ opportunitajiet kbar: tista’ tagħmel lin-nies lokali konxji tal-valur Ewropew biex jintlaħqu l-isfidi soċjali u demografiċi, tista’ – meta relatata mill-qrib mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni tal-UE – ittejjeb il-kwalità tal-politiki Ewropej permezz ta’ rabta b’mod reċiproku ma’ strateġiji nazzjonali, reġjonali u lokali u għalhekk tmur lil hinn sew mill-kooperazzjoni preċendenti. Il-KtR jenfasizza li l-aġenda urbana għandha tkun parti minn viżjoni territorjali aktar olistika li tikkunsidra iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali (1).

Tista’ tagħti wkoll kontribut rilevanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-UE, inkluż b’mod partikolari dawk tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2).

B’approċċ “minn isfel għal fuq” u governanza f’diversi livelli, hemm tliet kriterji ewlenin sabiex dan il-proċess jirnexxi:

Trasparenza

Parteċipazzjoni

Responsabilità.

2.

Il-KtR ifakkar fl-isforzi li saru sa mill-1989 u fil-Proġetti Pilota Urbani sabiex il-bliet jitqiesu iktar u jiġu inkludi b’mod aktar prominenti fil-proċess tat-tfassil tal-politika fuq livell Ewropew u għalhekk taw il-kontribut tagħhom għat-tfassil ta’ aġenda urbana fuq livell Ewropew:

F’dan il-kuntest, jenfasizza b’mod partikolari l-kontribut tal-opinjoni tal-KtR “Lejn Aġenda Urbana Ewropea intergata” tal-2014 (3);

huwa jenfasizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fil-kontribuzzjoni tal-kwistjonijiet urbani u fl-applikazzjoni tagħhom fir-Regolament ġenerali dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment u fl-implimentazzjoni ta’ impulsi importanti għat-tfassil ta’ aġenda urbana permezz tar-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE;

huwa għandu kliem ta’ tifħir għall-Kummissjoni Ewropea, li permezz ta’ avvenimenti regolari u permezz tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għall-aġenda urbana bejn it-18 ta’ Lulju u s-26 ta’ Settembru 2014, saħħet il-kuxjenza dwar ir-rwol tal-bliet;

huwa jirreferi għad-Dikjarazzjoni ta’ Riga taħt il-Presidenza Latvjana, fejn għal darba oħra, fil-livell tal-Kunsill, ġiet rikonoxxuta d-dimensjoni urbana;

b’mod partikolari jirrikonoxxi l-impetu qawwi mill-Presidenza Netherlandiża, li għamlet l-aġenda urbana tema prinċipali tal-presidenza tagħha, speċjalment bit-tħejjija tal-Patt ta’ Amsterdam li se jagħmel l-implimentazzjoni tal-aġenda urbana waħda vinkolanti, u li b’hekk stabbilixxiet il-bażi biex l-intenzjonijiet ikunu segwiti minn azzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiġi finalment indirizzata;

huwa jinnota l-importanza tat-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki, leġislazzjoni u programmi ta’ finanzjament Ewropej.

Pożizzjonijiet bażiċi tal-aġenda urbana

3.

L-importanza tal-bliet: it-tendenza osservata b’mod globali dwar il-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni fil-bliet, li dejjem qiegħda tikber, għandha tiġi osservata fl-Ewropa wkoll: l-Ewropa hija kontinent, fejn madwar 70 % tal-popolazzjoni llum tgħix fil-bliet jew fl-agglomerazzjonijiet urbani. Dawn huma l-mutur tal-iżvilupp ekonomiku (waħdehom jipproduċu iktar minn 75 % tal-PDG), tal-inklużjoni soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, il-bliet huma wkoll karatterizzati minn interazzjoni diretta ta’ kuntrarji soċjali, faqar u ġid, potenzjal tax-xogħol u qgħad fit-tul, domanda u nuqqas ta’ ħaddiema, differenzi kbar fis-settur tal-edukazzjoni u sfidi ambjentali speċifiċi, biex insemmu biss ftit affarijiet. Bħala “katalisti tal-integrazzjoni”, ser jaqdu wkoll parti prinċipali biex jindirizzaw il-flussi attwali ta’ refuġjati kif ukoll il-migrazzjoni fi ħdan l-UE. L-ebda waħda mill-politiki tal-Unjoni Ewropea mhi ser tkun vijabbli mingħajr ma tqis id-dimensjoni urbana.

4.

Approċċi integrati u multidixxiplinarji: il-Karta ta’ Leipzig tal-2007 diġà kienet enfasizzat li l-approċċi integrati fil-bliet biss jistgħu jkunu ta’ suċċess u li l-governanza f’diversi livelli hija l-qofol għas-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi fil-bliet. Fost l-approċċi ta’ suċċess hemm dak li jingħeleb il-“ħsieb tal-amministrazzjoni pubblika f’Silos”, jiġifieri approċċ interdixxiplinari sabiex jiġu solvuti l-problemi, l-interazzjoni ta’ ġerarkiji klassiċi, il-governanza f’diversi livelli u l-inklużjoni ta’ partijiet interessati differenti, b’kunsiderazzjoni tad-differenzi fost l-awtroritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, hawnhekk qegħdin jiġu deskritti partijiet li jikkorrispondu mill-qrib mal-ideat tal-Kummissjoni Ewropea tar-“Regolamentazzjoni aħjar”, tal-“Finanzjament aħjar” u tal-“Koordinazzjoni aħjar”. Madankollu, l-approċċi integrati jeħtieġu livell għoli ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni u fuq il-livelli kollha, kemm dak lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.

5.

Il-belt u l-pajjiż bħala żoni li jiffunzjonaw b’mod kumplementari: Fid-diskussjoni dwar l-aġenda urbana kemm-il darba ssemma l-biża’ li jkun hemm enfasi ikbar fuq il-kwistjonijiet urbani għad-detriment tal-appoġġ taż-żoni rurali. Madankollu, il-KtR jenfasizza l-importanza tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali u r-rwol li jaqdu ż-żoni rurali, li jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi. Il-politiki tal-UE m’għandhomx iħeġġu relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet sal-punt li dawn jiġu integrati ġeografikament, amministrattivament u f’termini ta’ politiki funzjonali u tematiċi. Għalhekk l-objettiv huwa li tiġi promossal-kumplementarjetà taż-żewġ dimensjonijiet u li jsir possibbli l-ittestjar ta’ forom ġodda ta’ governanza bejniethom u b’mod partikolari permezz ta’ aċċess usa’ għas-servizzi u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali. Huwa biss meta t-tnejn li huma jkunu b’saħħithom li jista’ jinkiseb l-għan ġenerali: Ewropa ekoloġikament, ekonomikament u soċjalment b’saħħitha u koeżjoni territorjali akbar. Fil-qalba tal-politika urbana Ewropea nsibu l-bliet u l-ispazji funzjonali ta’ madwarhom kollha: mhux biss l-bliet ewlenin u kbar, iżda wkoll l-bliet medji u żgħar, li huma ta’ importanza kbira għar-reġjoni ta’ madwarhom.

6.

L-aġenda urbana tal-UE għandha tipprovdi wkoll gwida għal pożizzjonijiet ta’ negozjar tal-UE bi tħejjija għall-konferenza Habitat III li għandha ssir f’Quito mis-17 sal-20 ta’ Ottubru 2016. Barra minn hekk u b’konformità mal-objettiv tal-UE li tkun attur globali aktar b’saħħtu kif ukoll il-ħtieġa li tiżdied il-konsistenza bejn il-politiki esterni u interni tal-UE, l-UE għandha ssaħħaħ u tħeġġeġ il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iskambju bejn l-awtoritajiet urbani.

7.

L-aġenda urbana għandha tiddependi wkoll fuq approċċ integrat bejn il-governanza urbana u reġjonali li tinkludi l-kuntesti istituzzjonali u amministrattivi sabiex tiġi implimentata b’suċċess.

8.

Għalhekk, għal aġenda urbana Ewropea li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-parteċipazzoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’approċċ minn isfel għal fuq, huma imperattivi fatturi bħall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi nazzjonali u Ewropej tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà tagħhom fit-tfassil ta’ programmi operattivi u fl-implimentazzjoni u fil-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu rispettati r-rwoli istituzzjonali tagħhom.

Il-proċess dwar l-implimentazzjoni ta’ passi konkreti għall-aġenda urbana: il-Patt ta’ Amsterdam

9.

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet tħejji l-Patt ta’ Amsterdam flimkien mal-Presidenza Netherlandiża u bl-involviment ta’ diversi partijiet interessati. L-għan tal-Patt huwa, fil-qasam tat-tnax-il sħubija tematika, li jiżviluppa u jimplimenta pjani ta’ azzjoni matul il-perjodu ta’ tliet snin, għall-politiki integrati għall-problemi urbani ċentrali.

Dawn huma maħsuba bħala strument ewlieni ta’ twettiq fi ħdan l-Aġenda Urbana. Dawn ser jiġbru flimkien għadd dejjem jiżdied ta’ politiki settorjali li għandhom impatt fuq iż-żoni urbani tal-UE. Huwa wkoll kruċjali għas-suċċess tas-sħubijiet u tal-Bord tal-Aġenda Urbana tal-UE, li se jissorveljaw il-proċess, li jimxu ‘l quddiem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet urbani, lokali u reġjonali, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej (inkluż il-KtR), u l-partijiet interessati lokali rilevanti.

Il-KtR huwa favur li jkun hemm konċentrazzjoni fuq numru limitat ta’ oqsma ta’ politika importanti li jagħmluha possibbli li jinkisbu riżultati viżibbli u juru l-valur miżjud tal-Aġenda Urbana tal-UE. It-tnax-il tema prinċipali definita ma tibni ebda lista finali. Xorta waħda għandhom jiġu ffurmati sħubiji għal suġġetti oħrajn, li jeħtieġu approċċi integrati għall-politiki, bħal pereżempju li titqies id-dimensjoni kulturali u turistika fl-iżvilupp urban, forom inklużivi ġodda ta’ parteċipazzjoni, innovazzjoni u “Bliet Intelliġenti”. Valutazzjoni komprensiva tal-prijoritajiet tematiċi ser tkun possibbli għall-ewwel darba, meta jitfasslu s-sħubijiet, peress li din tindika jekk u kif l-Unjoni Ewropea tħaddanx temi ċentrali, bħall-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-KtR jilqa’ bi pjaċir il-fatt li erba’ Sħubijiet Pilota (“il-kwalità tal-arja”, “il-bini tad-djar”, “il-faqar fil-bliet” u “il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tar-refuġjati”) diġà bdew iwettqu xogħolhom. Għall-bqija tal-proċess tas-sħubijiet huwa ta’ importanza kbira li sa mill-bidu nett jintlaħaq qbil fuq livell għoli ta’ responsabbiltà, pereżempju fil-forma ta’ rappurtar kull sitt xhur lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-KtR. Il-KtR jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li s-sħubijiet tematiċi jikkontribwixxu għat-tfassil tal-leġislazzjoni futura tal-UE u għar-rieżami ta’ dik attwali. Fir-rigward tal-finanzjament tal-parteċipazzjoni f’dawn l-isħubijiet tematiċi li ser tinkludi madwar 15-il sieħeb u meta jitqies il-fatt li n-Netherlands diġà pprovdew EUR 50 000 bħala appoġġ għal kull sħubija, il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltà ta’ assistenza teknika finanzjarja sabiex tappoġġja dawk l-awtoritajiet lokali li jixtiequ jsiru sħab.

10.

L-iżvilupp u l-finanzjament tal-pjanijiet ta’ azzjoni urbana, skont il-qafas tal-Patt ta’ Amsterdam jew programmi Ewropej oħrajn (eż. URBACT), jistgħu jkunu s-suġġetti ta’ programmi operazzjonali fil-perjodu ta’ programmazzjoni ġejjieni.

11.

Barra minhekk, huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tieħu rwol b’saħħtu u awtorevoli fil-koordinazzjoni. Dan jinkludi l-ħatra tal-ewwel Viċi President bħala koordinatur tal-Aġenda urbana tal-UE, li permezz tal-funzjoni tiegħu tiġi ggarantita rabta mill-qrib mal-aġenda għal Regolamentazzjoni aħjar. Barra minhekk din il-koordinazzjoni tneħħi l-osservazzjoni frammentata tal-bliet, li tirriżulta mill-perspettivi tekniċi rispettivi tad-Direttorati Ġenerali individwali. “Bliet intelliġenti” u, fil-każ taż-żoni rurali, “reġjuni intelliġenti” ma jkunux biss “bliet intelliġenti teknoloġikament”, iżda wkoll soċjalment intelliġenti, Hemm ukoll il-ħtieġa għal politika integrata fi ħdan l-Aġenda Urbana tal-UE, is-semplifikazzjoni tal-Bliet Intelliġenti u tal-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3). Huwa essenzjali approċċ olistiku, b’mod partikolari fid-dawl tal-isfidi, bħall-mewġa ta’ refuġjati u l-ħtiġiet korrispondenti ta’ integrazzjoni. Barra minhekk, l-inklużjoni tal-aġenda urbana fil-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta element importanti ieħor. Dan l-element iservi wkoll għat-trasparenza u għall-impenn fil-proċess.

12.

Il-KtR jinsisti li aktar progress għadu jrid isir sabiex jiġu involuti aħjar l-awtoritajiet lokali u reġjonali inklużi netwerks urbani u reġjonali u partijiet interessati oħrajn, fit-tħejjija kif ukoll l-evalwazzjoni tal-politika tal-UE b’impatt u/jew enfasi fuq l-awtoritajiet responsabbli għal żoni urbani.

13.

Estensjoni tal-valutazzjoni tal-impatt għad-dimensjoni urbana: fuq inizjattiva tal-KtR u tal-Proġett Pilota mibdi mill-Kummissjoni Ewropea għall-evalwazzjoni tal-impatt territorjali bl-eżempju tal-effiċjenza enerġetika fil-bini, intwera li hemm strumenti adatti fis-seħħ sabiex itejbu l-valutazzjoni tal-impatt tal-eżaminazzjoni tad-dimensjoni territorjali. L-aħħar u mhux lanqas, il-proġett pilota wera l-interess kbir, ir-rieda u l-kapaċità tal-bliet u tar-reġjuni, sabiex jipparteċipaw b’mod attiv f’miżuri xierqa u li dawn il-miżuri xierqa jipprovduhom bil-kontribut meħtieġ.

14.

Huwa neċessarju li tiġi implimentata l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-kooperazzjoni bejn il-bliet sabiex jiġi promoss l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aħjar prattika bejn il-bliet u l-awtoritajiet lokali billi jiġu minimizzati l-piżijiet amministrattivi kemm jista’ jkun. Il-ġbir ta’ data dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp urban għandu jiġi kkunsidrat biss f’każijiet ta’ eċċezzjoni u limitat għal meta jkun assolutament essenzjali.

15.

Il-KtR ikompli jappella għal reviżjoni sistematika tal-opportunitajiet, sabiex jitjieb l-eliġibbiltà għall-ibliet u l-ispazji funzjonali tagħhom. Jistgħu jitqiesu:

Iż-żieda tal-iskambju tal-għarfien dwar il-koordinazzjoni u l-aċċess għal strumenti eżistenti u sorsi ta’ finanzjament għall-bliet fil-livell tal-UE u dak, reġjonali u lokali.

Jitħeġġu b’mod partikolari l-Istati Membri biex iżidu l-użu ta’ strumenti eżistenti għad-dimensjoni urbana fil-politika ta’ koeżjoni, pereżempju, tal-Investiment Territorjali Integrat (ITI). Dawn għandhom ikunu simili għall-istrateġiji għal żvilupp urban sostenibbli, inklużi miżuri biex jissolvu problemi li jaffettwaw iż-żona urbana funzjonali sħiħa, u li jirrikjedu l-kooperazzjoni tal-imsieħba kollha f’din iż-żona. Bi tħejjija għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll possibbiltajiet f’kuntest usa’ u lil hinn mill-Fondi Strutturali, sabiex tiġi żviluppata skema ta’ finanzjament speċifika tal-UE għall-iżvilupp urban integrat, li sservi wkoll bħala rabta aħjar bejn il-programmi differenti tal-UE.

L-inklużjoni tal-awtoritajiet urbani fit-tfassil u fl-implimentazzjoni u l-ittestjar ta’ approċċi sperimentali bħall-Azzjonijiet Urbani Innovattivi.

Il-valur miżjud Ewropew tal-viżibbiltà speċifika tal-appoġġ tal-UE fil-bliet u f’żoni urbani għandu jiġi appoġġjat billi jkun hemm attenzjoni ffukata fuq il-bażi ta’ approċċ integrat dwar l-aħjar prattika u politika ta’ appoġġ ibbażata fuq ir-riżultati għall-bliet u l-ispazji funzjonali ta’ madwarhom, inkluż b’rabta mal-ġestjoni tal-fondi tal-UE u l-implimentazzjoni.

Il-flessibbiltà tal-finanzjament għall-bliet u ż-żoni urbani għandha tiġi ppreservata sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-isfidi u għar-rekwiżiti mhux mistennija.

L-użu taċ-ċentru ta’ konsulenza għall-investiment stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment, sabiex l-istrumenti tal-finanzjament fi ħdan il-BEI, jintużaw ukoll b’mod sistematiku għall-ibliet.

Titjib tar-rabta bejn il-finanzjament tal-UE u l-parteċipazzjoni privata, akkwist ta’ fondi u l-użu ta’ strumenti finanzjarji għal żoni urbani. Il-finanzjament ta’ proġetti urbani għandu jkun innovativ u għandu jinkludi l-possibbiltà ta’ esperimentazzjoni. Il-parteċipazzjoni finanzjarja privata għandha tiġi aċċettata bħala kofinanzjament.

Il-ġbir ta’ kontributi u/jew informazzjoni tal-bliet bil-għan li jiġu ssemplifikati l-Fondi SIE.

L-inklużjoni mill-aktar kmieni possibbli tal-bliet fir-reviżjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-azzjonijiet urbani għandhom jiġu riveduti u aġġornati, mhux biss f’termini tal-kwalità tal-effettività tal-azzjonijiet u l-proġetti individwali, iżda li jinkludi punti ta’ riferiment effettivi biex jitkejjel u jiġi evalwat l-impatt reali ta’ dawn il-politiki fuq il-kwalità ta’ trasformazzjonijiet territorjali.

Żvilupp ulterjuri ta’ għodod ħfief li jinċentivaw bħall-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali.

16.

Minħabba l-importanza li qiegħda dejjem tikber tas-Semestru Ewropew bħala strument tal-koordinazzjoni tal-politika, il-KtR jitlob li fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jiġu kkunsidrati wkoll b’mod xieraq aspetti urbani u rurali. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ involviment f’waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija annwali tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri. B’hekk, ir-rappreżentant maħtur tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istat Membru rispettiv ikun jista’ jaqdi rwol importanti għas-Semestru Ewropew.

17.

Il-KtR jenfasizza wkoll id-dinamika u l-kapaċitajiet ta’ netwerks urbani li jagħtu kontribut biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal-Patt tas-Sindki, li jgħaqqad 6 000 awtorità lokali u reġjonali li impenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju iktar mill-miri tal-klima tal-UE għall-2020, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa r-rwol tal-Patt tas-Sindki bil-għan li l-attivitajiet tiegħu jiġu estiżi wara l-2020 u jsir mezz għall-kontributi konkreti li l-bliet jistgħu jagħmlu sabiex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima fi ħdan qafas usa’ tal-UE (4).

18.

Il-Patt ta’ Amsterdam għandu jwassal għal qbil li jorbot legalment dwar il-proċess tal-implimentazzjoni tal-aġenda urbana. It-tmien sħubijiet li għadhom ma nbdewx għandhom jiġu mnedija immedjatament. Wara dan għandha tiġi pprovduta reviżjoni tal-lista tematika, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-realtà urbana hijiex l-element essenzjali fl-isħubiji. Il-KtR jilqa’ l-proposta fl-abbozz tal-Patt ta’ Amsterdam mill-Presidenza Netherlandiża, li suġġetti trasversali, fosthom governanza urbana, governanza lil hinn mill-fruntieri amministrattivi, inkluż belt-pajjiż- kif ukoll kooperazzjoni transfruntiera, u l-għoti ta’ servizzi pubbliċi ta’ interess ġenerali, għandhom jiġu indirizzati fl-isħubiji kollha. L-aħħar aspett huwa li jiġi żgurat li l-Aġenda Urabana tal-UE skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tirrispetta l-awtonomija lokali u reġjonali u d-diskrezzjonijiet relatati magħha fi ħdan il-liġi primarja tal-UE u b’mod partikolari tintegra s-servizzi ta’ interess ġenerali muniċipali tematikament.

19.

Minbarra l-korpi u l-obbligi ta’ rappurtar previsti fil-Patt tas-Sindki, għandu jkun hemm rappurtar regolari lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-KtR, sabiex tiġi żgurata proċedura trasparenti u aċċessibbli b’mod wiesa’, li tkun tista’ tiġi segwita mhux biss minn dawk li huma involuti direttament, iżda wkoll mill-pubbliku interessat (5).

20.

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ responsabilità għall-Presidenzi futuri, il-Patt ta’ Amsterdam għandu jiġi inkorporat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġenerali f’Ġunju 2016, wara l-adozzjoni tiegħu fit-30 ta’ Mejju 2016 fil-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Iżvilupp Urban. Dan għandu jsir flimkien ma’ talba lill-Presidenzi tal-Kunsill futuri, sabiex jinkorporaw l-aġenda urbana fil-programmi ta’ ħidma rispettivi.

Il-Presidenza tal-Kunsill Slovakka għandha tfassal l-ewwel rapport sal-aħħar tal-2016 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tas-sħubijiet.

21.

Sabiex jiġi stabbilit l-obbligu għal aktar żvilupp tal-politika u sostenibbiltà fi ħdan l-aġenda urbana, għandha tiġi ppreżentata White Paper, li tevalwa u tissistematizza r-riżultati tas-sħubijiet u li tiddeskrivi u li tagħmel trasferibbli l-elementi ta’ governanza aħjar: B’hekk, minn naħa waħda, ser jinkiseb l-obbligu u min-naħa l-oħra ser tinkiseb ukoll żieda fit-trasparenza. Madanakollu, il-White Paper ma għandhiex titħejja wara t-tmiem tal-perjodu tat-tliet snin tas-sħubijiet: minflok, fl-2017 wara evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, għandha tiġbor fil-qosor u tissistematizza l-esperjenzi akkumulati, li għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-perjodu futur ta’ programmar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej mill-2021 u għall-perjodu ta’ wara l-Istrateġija Ewropa 2020.

Brussell, is-7 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Opinjoni tal-KtR dwar Viżjoni Territorjali: x’inhu l-ġejjieni? CDR 4285/2015

(2)  Studju tal-KtR dwar “Il-potenzjal ta’ tkabbir ta’ Aġenda Urbana integrata tal-UE”, ir-rapport finali, 8 ta’ Jannar 2016.

(3)  ĠU C 271, 19.8.2014, p. 11.

(4)   Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-futur tal-Patt tas-Sindki, 4 ta’ Diċembru 2015, ĠU C 51, 10.2.2016, p. 43.

(5)  Għat-tħejjija tal-opinjoni tal-Kumitat, ir-relatur wettqet stħarriġ mhux rappreżentattiv dwar l-aġenda urbana tal-UE u dwar it-tħejjija tal-Patt ta’ Amsterdam, li jagħti wkoll xi indikazzjonijiet li għandhom jiġu inklużi fil-ħidma ulterjuri. L-aspetti li ġejjin jistgħu jkunu derivati:

Jidher li l-proċess tal-aġenda urbana, jekk xejn, għandu jitwettaq u jiġi nnegozjat mill-bliet il-kbar biss.

Ser jiġi ddikjarat nuqqas ta’ parteċipazzjoni wiesgħa u ta’ trasparenza. Il-“mogħdijiet” tal-komunikazzjoni huma tista’ tgħid magħrufin b’mod universali. Madanakollu hemm nuqqas ta’ aċċess dirett u assistenza fi kwistjonijiet u tħassib speċifiċi.

’Il bogħod mill-konsultazzjoni, lura lejn il-kooperazzjoni.

It-tnax-il tema tas-sħubija, bl-ebda mod ma huma magħrufin b’mod ugwali u mhumiex ser jiġu kklassifikati b’mod globali – huwa rakkomandat li ssir reviżjoni, tnaqqis fil-kontenut, aġġornament u/jew aġġustament.