17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/1


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

(2015/C 423/01)

Relatur:

Luc VAN DEN BRANDE (BE/PPE), President tal-Uffiċċju ta' Kooperazzjoni Fjamminga-Ewropea

Dokument ta' referenza:

Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

COM(2015) 145 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva Ewropea

1.

ifakkar li ċ-ċittadini huma fil-qalba tal-proġett Ewropew. Id-demokrazija parteċipattiva Ewropea għandha titqies bħala d-dritt taċ-ċittadini Ewropej li jkunu involuti fil-politika Ewropea u jfasslu l-ġejjieni tal-Ewropa. It-Trattat (Art. 10(3)) jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

2.

jinnota li skont l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-istituzzjonijiet tal-UE huma meħtieġa jinformaw liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, u jagħtuhom l-opportunità li jwasslu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni. L-istess artikolu jinkludi mandat espliċitu biex il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti;

3.

jinnota li d-dispożizzjonijiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma iktar speċifiċi minn dak li hu stipulat fl-Artikolu 11(1-3). L-Artikolu 11(4) dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ma jittrattax “l-istabbiliment tal-aġenda” iżda għandu l-prospettiva ta’ “att legali”; Għandu jiġi rikonoxxut li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħal strumenti demokratiċi diretti oħra f'livelli differenti, għandha toffri l-possibbiltà wkoll li ċ-ċittadini jinfluwenzaw l-aġenda ta' politika għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi tal-UE;

4.

ifakkar li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija dritt taċ-ċittadini Ewropej. Dan għandu jintuża bħala attentat sabiex tinstab risposta għad-defiċit demokratiku Ewropew u biex tiġi pprovduta għodda għaċ-ċittadini Ewropej biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-politika Ewropea. Minħabba l-kriżi ekonomika u ta' fiduċja fl-UE, huwa kruċjali li jintużaw l-opportunitajiet kollha għal djalogu miftuħ maċ-ċittadini u biex jiġi evitat li jsiru dejjem iżjed diżillużi bil-kunċett ta' integrazzjoni Ewropea. Dan huwa wkoll okkażjoni biex terġa’ tinkiseb u tinbena aktar il-fiduċja taż-żgħażagħ Ewropej li setgħu tilfu l-fiduċja fil-kunċett ta' integrazzjoni Ewropea. Demokrazija parteċipattiva msaħħa hija l-uniku mod kif tinżamm il-perspettiva tad-destin tal-UE u biex jingħata l-ġenb id-defiċit demokratiku; jinnota li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha l-għan li tinvolvi liċ-ċittadini aktar direttament fl-aġenda politika Ewropea u b’hekk tagħtihom id-dritt għal inizjattiva leġislattiva. Barra minn hekk, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala strument transnazzjonali, għandha l-aspirazzjoni li jiġi stimulat dibattitu madwar l-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ tħassib għaċ-ċittadini Ewropej;

5.

jenfasizza li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej trid tiġi apprezzata fi ħdan kuntest realistiku b'ambizzjoni ċara u ffokata u gwida koerenti dwar il-passi li permezz tagħhom dawn jistgħu jingħataw:: mhijiex sostituta għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li wassal biex isir progress fl-approfondiment tal-Unjoni u jrid ikompli; l-ECI tikkompleta d-diversifikazzjoni tad-dinamika leġislattiva u tagħti dimensjoni transnazzjonali; hija kanal addizzjonali għal fehim reċiproku fen il-Kummissjoni Ewropea stess għandha l-vantaġġ; għandha l-potenzjal li tkun eżempju tajjeb ħafna ta' “demokrazija fl-azzjoni”;

6.

mingħajr ħsara għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, jisħaq li hu importanti li jitħeġġu fil-livell reġjonali u lokali l-inizjattivi kollha li jistimolaw it-trasparenza, il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Ewropej fil-politiki pubbliċi, f’konformità mal-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva. Barra minn hekk l-involviment meħtieġ tal-gvernijiet reġjonali u lokali huwa ispirat mill-fatt li l-ECI ħafna drabi tinvolvi oqsma ta’ politika li għalihom huma kompletament jew parzjalment kompetenti;

7.

huwa tal-opinjoni li għandna nsaħħu l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni legali u politiċi tagħna sabiex naslu għal arkitettura ta’ governanza mġedda abbażi tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli. Il-governanza f’diversi livelli hija essenzjalment imsejsa fuq diversi kanali (“multi-channelled”) u għalhekk tippermetti għal ċittadinanza Ewropea aktar “attiva”. L-isfida hija li tipprovdi għal sistema ta’ rappreżentazzjoni tal-interessi innovattivi fejn in-nies iħossuhom rappreżentati fuq bażi ugwali fl-identitajiet differenti tagħhom;

8.

jenfasizza li spazju pubbliku Ewropew għal dibattitu bejn iċ-ċittadini u ma' dawk li għandhom il-poter huwa importanti għal-leġittimità u r-responsabbiltà tal-UE. Id-defiċit demokratiku jista’ jiġi eliminat biss jekk tinħoloq sfera pubblika Ewropea li fiha huwa inkorporat il-proċess demokratiku;

9.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu importanza partikolari lid-demokrazija parteċipattiva għax b’hekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jkunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jwettqu r-rwol tagħhom;

10.

huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tiġi kkunsidrata bħala wieħed mill-istrumenti biex jinkisbu l-għanijiet ta’ demokrazija parteċipattiva, iżda m’għandux ikun mistenni li, b’din l-inizjattiva, l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet isir b’mod awtomatiku;

11.

jinnota li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-espressjoni tad-demokrazija parteċipattiva li tikkomplementa l-idea ta' demokrazija rappreżentattiva; hija ssaħħaħ l-għadd ta' drittijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-dibattitu pubbliku dwar il-politika Ewropea; għandha ssaħħaħ is-sjieda tal-Unjoni taċ-ċittadini u l-identifikazzjoni tagħhom magħha;

12.

jinnota li mezzi oħra ta’ demokrazija parteċipattiva, pereżempju tipi oħra ta' djalogu maċ-ċittadini u l-involviment ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, m’għandhomx jiġu traskurati, minħabba li l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jiffukaw fuq kwistjoni waħda ta’ politika speċifika u jitolbu miżuri kkoordinati u riżorsi finanzjarji sostanzjali;

13.

f’dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproduċi rapport dwar kif id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma implimentati u b’hekk jiġi ċċarat il-mod kif il-Kummissjoni tpoġġi fil-prattika d-demokrazija parteċipattiva;

14.

jaħseb jekk – meta wieħed iqis l-ammont limitat ta' inizjattivi li rnexxew – l-objettivi inizjali, kif stabbiliti fir-Regolament, ntlaħqux jew le, jiġifieri li kull ċittadin jingħata d-dritt li jipparteċipa fid-demokrazija Ewropea; iċ-ċittadini jingħataw l-opportunità biex ikellmu b'mod dirett lill-Kummissjoni; proċeduri ċari, sempliċi u faċli jintużaw;

15.

jinnota li l-Kummissjoni għamlet l-almu tagħha biex tamministra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, iżda li min-naħa l-oħra kien hemm ħtieġa urġenti li jiġu riveduti ċerti aspetti tal-approċċ tagħha, u biex jittieħdu passi biex jiġu identifikati u rimedjati dawk il-miżuri li kienu legalistiċi u restrittivi żżejjed;

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea

16.

jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li jwettaq l-Artikolu 22 tar-Regolament, li skontu l-Kummissjoni hija meħtieġa tirrapporta kull tliet snin;

17.

jinnota li r-rapport jirrikonoxxi xi problemi u nuqqasijiet, iżda huwa prinċipalment rapport fattwali u tekniku, li janalizza s-sitwazzjoni wara tliet snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Ir-rapport jonqos milli jagħti tweġiba għan-nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għat-tmiem ta’ din l-inizjattiva: “rivoluzzjoni demokratika li qatt ma seħħet”;

18.

jinnota li hemm sentiment komuni li l-Kummissjoni hija pjuttost kawta u restrittiva fl-approċċ u l-valutazzjoni tagħha u li din hija xi ħaġa li għandha tiġi mmonitorjata u kkritikata regolarment sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni;

19.

jiddikjara, abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni, li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha potenzjal kbir – fi tliet snin 51 inizjattiva ġew proposti lill-Kummissjoni. Dawn l-inizjattivi ffukaw fuq diversi oqsma ta’ politika bħall-politika soċjali, l-ambjent, il-benessri tal-annimali, u l-edukazzjoni;

20.

jinnota min-naħa l-oħra li r-reġistrazzjoni ta' 20 (39 %) minn dawn il-51 inizjattiva kienet ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, u ma għaddewx mit-test ta' ammissibbiltà, prinċipalment 'il għaliex dawn l-inizjattivi “manifestament waqgħu barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni bil-għan li jiġu implimentati t-Trattati”. Is-sitt organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej iddeċidew li jikkontestaw dawn ir-rifjuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

21.

jinnota li huma biss tliet inizjattivi s’issa li laħqu l-mira ta’ miljun firma. Il-mod li bih il-Kummissjoni se tagħti segwitu għal dawn l-inizjattivi ta’ suċċess ser jiddetermina primarjament jekk iċ-ċittadini Ewropej hux xorta se jagħtu importanza lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini bħala mudell parteċipattiv;

22.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-għadd ta’ inizjattivi ppreżentati qed jonqos sistematikament (23 fl-2012, 17 fl-2013 u 10 fl-2014) u li l-għadd ta’ ċaħdiet qiegħed jiżdied (30 % fl-2012 u 50 % fl-2014); għaldaqstant jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tissemplifika l-kundizzjonijiet;

23.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej teħtieġ titjib sostanzjali u li għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu użu aktar effiċjenti ta’ dan l-istrument;

24.

jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ aktar politiku lejn l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u biex tagħti aktar spazju għal dibattitu, tkun aktar miftuħa u ma tillimitax il-kwistjoni għall-aspetti legali. Id-demokrazija, speċjalment f’ambjent istituzzjonali f’diversi livelli, timplika l-parteċipazzjoni attiva u l-iskrutinju min-naħa taċ-ċittadini, u tinvolvi responsabbiltà għall-istituzzjonijiet biex jistimolaw din il-parteċipazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess fil-futur

a)   Kummenti ġenerali

25.

jinnota li kien ikun xieraq li ssir referenza għad-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini u għall-prinċipju tas-sussidjarjetà għall-kriterji tal-eliġibbiltà;

26.

huwa tal-opinjoni li l-kunflitt ta' interess attwali tal-Kummissjoni li fl-istess ħin għandha tkun fornitur tal-informazzjoni ewlieni u struttura ta' appoġġ għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, hija d-'destinatarju' prinċipali għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, u taġixxi wkoll bħala 'imħallef' għad-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni u l-ammissibbiltà tal-inizjattivi, huwa ta' ħsara serja għall-effettività tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fit-trawwim tal-parteċipazzjoni u l-fiduċja taċ-ċittadini;

27.

jenfasizza li dan il-kunflitt ta’ interess tal-Kummissjoni għandu jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra jaqdu r-rwol tagħhom fil-proċedura tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (il-Kunsill, il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew);

28.

jissuġġerixxi li jista’ jkun aktar xieraq li jinħatar “kumitat ta’ għorrief” imparzjali u ad hoc, li jiġbor flimkien lil xi esperti, studjużi u/jew ġuristi, sabiex jivverifikaw l-ammissibbiltà, filwaqt li jiġi evitat li l-Kummissjoni tkun kemm l-imħallef kif ukoll il-ġurija;

29.

huwa tal-fehma li speċjalment il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol ċentrali fit-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċeduri tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u fis-segwitu politiku, notevolment billi tittejjeb l-inklużività tas-seduti organizzati, u billi ssir pressjoni politika, fejn xieraq, fuq il-Kummissjoni Ewropea, biex tirrispondi b'mod f'waqtu u kostruttiv għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirnexxu;

30.

jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-Istat tad-Dritt Ewropew fejn kwalunkwe evalwazzjoni arbitrarja ta’ eliġibbiltà għandha tiġi evitata. Barra minn hekk, hija kwistjoni ta’ “Governanza tajba” u mhux biss ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-“responsabbiltà” f’konformità ma’ u r-rispett tat-Trattati;

31.

huwa favur valutazzjoni ex ante mtejba sabiex jiġu evitati d-diżappunti fl-aħħar. Fis-sitwazzjoni attwali sseħħ biss valutazzjoni ex post wara r-reġistrazzjoni u wara l-ġbir tal-firem;

32.

jissuġġerixxi li jiġi estiż il-perijodu ta’ ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal 18-il xahar;

33.

jappoġġja t-talba komuni tal-partijiet interessati u l-organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex jippermettu lil dawn tal-aħħar jagħżlu b'mod liberu d-data għall-bidu tal-ġbir tal-firem b'limitu ta' ħin definit b'mod ċar wara r-reġistrazzjoni; jissuġġerixxi li l-organizzaturi ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jingħataw perijodu addizzjonali ta' xahrejn bejn ir-reġistrazzjoni u l-bidu tal-ġbir tal-firem, sabiex ikollhom l-opportunità li jinformaw aħjar liċ-ċittadini Ewropej u biex jiġi organizzat il-ġbir tal-firem;

34.

jappoġġja l-istabbiliment ta’ status legali għal kumitati taċ-ċittadini sabiex jittaffa r-riskju ta’ responsabbiltà personali għall-membri individwali tagħhom u biex tiġi ffaċilitata t-tmexxija tal-kampanji;

35.

jenfasizza li l-Kummissjoni m 'għandhiex tiddeċiedi b'mod arbitrarju li tirrifjuta l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u għandha tressaq proposta leġislattiva fi żmien sena jekk taqbel ma' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess, kif inhi l-proċedura fir-rigward ta' inizjattivi parlamentari. F’dan il-perijodu ta’ sena, il-Kummissjoni tista’ tagħti l-implimentazzjoni gradwali għall-eżitu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li twassal finalment għal proposta leġislattiva. Jekk le, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tiskadi;

36.

huwa tal-opinjoni li reviżjoni tar-Regolament hija essenzjali sabiex l-ostakli identifikati jkunu jistgħu jingħelbu. Reviżjoni ma tistax tkun kmieni wisq peress li dan huwa “esperiment” uniku b’eżiti li huma diffiċli li jitbassru. Huma meħtieġa interventi antiċipattivi u f’waqthom u b’mod li jiġi evitat l-iskoraġġiment ta’ organizzaturi potenzjali ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej;

37.

huwa lest li jkompli jaħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll mal-imsieħba interessati kollha fil-proċess li jeżamina l-operat tar-Regolament sa issa u li jikkontribwixxi għar-reviżjoni tiegħu, sabiex il-potenzjal ta' din l-għodda jkun jista' jiġi sfruttat bis-sħiħ;

38.

għaldaqstant jissuġġerixxi li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' bidla fir-regolament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej sabiex tkun tista' ssir ammissibbli wkoll proposta ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej bl-għan ta' bidliet konkreti tat-Trattati tal-UE skont l-Artikolu 48 tat-TUE;

39.

jiddikjara li l-problemi li ma jeħtiġux tibdil fir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej innifsu għandhom jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun. Proċeduri sempliċi u trasparenti se jiddeterminaw is-suċċess futur tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

b)   Modifiki u titjib għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien

40.

jinnota li l-kummenti dwar il-proċeduri attwali u s-suġġerimenti għal titjib, magħmula minn diversi partijiet interessati u mill-organizzaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini, huma simili ħafna u li għalhekk għandu jkun possibbli li jsiru aġġustamenti u titjib mingħajr aktar dewmien;

41.

jirrimarka li huma estremament ftit iċ-ċittadini li jafu dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Indikazzjoni ta' dan in-nuqqas ġenerali ta' familjarità huwa referenzjat fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru (1) dwar il-perċezzjonijiet pubbliċi tal-UE f'sitt Stati Membri (l-Italja, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Portugall, il-Finlandja u l-Polonja) mal-kunċett tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li jirreġistraw biss fi kwalunkwe livell sinifikanti fuq ir-radar tal-konvenuti Ġermaniżi. Il-KtR għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni konġunta mill-istituzzjonijiet tal-UE u livelli oħra ta' gvern biex in-nies isiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jipproponu u jappoġġaw Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Għandhom jitniedu kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE, li jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali, liema kampanji għandu jkollhom fil-mira diretta tagħhom iż-żgħażagħ, sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji ta' dan id-dritt;

42.

jappella b'mod ġenerali għal sforzi ta' komunikazzjoni aktar effettivi dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jenfasizza r-rwol tal-komunikazzjoni deċentralizzata f'dan il-kuntest. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tiswir u ż-żamma tal-komunikazzjoni bejn il-popolazzjoni inġenerali u l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha tal-UE, u jistgħu jaqdu rwol kruċjali fil-wiri tar-rilevanza tal-mistoqsijiet politiċi fil-livell tal-UE liċ-ċittadini u fl-ispjegazzjoni dwar kif l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tista' tkun strument li tinfluwenza l-politika tal-UE. Jappoġġja l-idea biex jintużaw l-uffiċċji nazzjonali ta' rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea biex jinbnew netwerks tal-informazzjoni aktar b'saħħithom dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn in-netwerks. Jekk l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tiddependi ħafna fuq teknoloġiji ġodda biex jinġabru l-firem fiż-żmien stipulat, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol essenzjali fit-tixrid tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ta' kwistjonijiet minn u lejn iċ-ċittadini;

43.

itenni l-proposta tiegħu biex jiġi stabbilit punt ta' informazzjoni interistituzzjonali, li l-għan tiegħu għandu jkun li jiżdied l-għarfien ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala strument, jippromovi l-użu tagħha, jipprovdi viżibilità minima għal inizjattivi taċ-ċittadini għaddejjin u ta' suċċess, u jwieġeb xi mistoqsijiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

44.

huwa favur l-istabbiliment ta' helpdesk tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jipprovdi għarfien tekniku u pariri dwar kif għandha tiġi organizzata u mmexxija kampanja ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE. Helpdesk bħal dan għandu jkun distint minn kwalunkwe waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE minħabba li n-newtralità hija element ewlieni tas-suċċess ta' din l-inizjattiva u jista' jgħin biex titrawwem il-fiduċja f'isem individwi li qed jikkunsidraw li jibdew inizjattiva taċ-ċittadini;

45.

huwa impenjat li jkompli l-kooperazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-organizzazzjoni ta' avveniment regolari “Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej”, li jistudja l-progress fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolament, irawwem diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzaturi tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-isfidi ffaċċjati minn dawn tal-aħħar u jinkoraġġixxi d-djalogu bejn iċ-ċittadini u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet dwar l-inizjattivi li qed jiġu żviluppati;

46.

jinnota li l-prattika tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej turi li t-taħriġ dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej forsi huwa importanti daqs l-Inizjattiva nnifisha. Huwa ovvju li l-Inizjattivi jeħtieġu l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (persunal, mezzi finanzjarji) biex ikunu ta’ suċċess. Il-ġestjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej minn ċittadini indiviwali, mingħajr appoġġ professjonali u finanzjarju estern, hija estremament diffiċli;

47.

jenfasizza li għad hemm wisq rekwiżiti u piżijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-għanijiet tal-UE biex iċ-ċittadini jersqu iktar fil-qrib tal-UE u r-rieda taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE; l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej għandha tkun xprun biex jiġu stimulati aktar nies sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika tal-UE u jitnaqqas il-fehim ħażin li jirriżulta f'xettiċiżmu;

48.

jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa wkoll forom xierqa ta' rispons lil dawk l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jirċievu appoġġ sinifikanti, iżda ma jissodisfawx il-kriterji formali kollha jew ma jilħqux il-miljun firma kollha, sabiex kwalunkwe messaġġ politiku sostanzjali ta' tali Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-mobilizzazzjoni li ħolqu, ma jiġux injorati kompletament;

49.

jinnota li ċ-ċittadini jixtiequ jipparteċipaw fil-politika pubblika, iżda ser jagħmlu dan biss jekk tkun sempliċi u effettivament tagħmel differenza. Iċ-ċittadini jridu jkunu jafu x’jiġri mill-inizjattivi li jappoġġjaw. Il-faċilitar ta' djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sostenituri ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huwa kruċjali għas-suċċess tal-Inizjattiva;

50.

jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-proċess li jqum ħafna flus tal-iżvilupp transnazzjonali organizzattiv (mill-Kumitat taċ-Ċittadini rilevanti) ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jikkonformaw ma' qasam politiku tal-kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll juru żieda fl-opinjoni ta' appoġġ popolari (jiġifieri jilħaq il-limitu ta' pass stabbilit, fi żmien stipulat, qabel il-marka tal-miljun firma li teħtieġ li ssir proposta leġislattiva). Dan għandu jgħin biex jinżamm il-fokus meħtieġ ibbażat fuq iċ-ċittadin għall-attivitajiet u biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-finanzjament tal-ambizzjonijiet;

51.

jissuġġerixxi li fejn tali Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jistgħu jirrigwardaw proposti b'impatt dimostrabbli u pożittiv biżżejjed fuq il-governanza lokali u reġjonali, fuq id-dimensjoni territorjali jew fuq is-sussidjarjetà biex jiksbu l-appoġġ minn qabel tal-Bureau tal-KtR, li l-KtR għandu jingħata l-kompitu li jissorvelja t-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' finanzjament imsemmi hawn fuq kif ukoll li jipprovdi aktar għajnuna għall-isforzi promozzjonali;

52.

jenfasizza li r-rekwiżiti attwali definiti nazzjonalment għall-ġbir tad-dejta jikkostitwixxu ostakolu serju għall-ġbir ta' suċċess ta' firem u għaldaqstant jistieden b'mod urġenti lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissemplifikaw ir-rekwiżiti tad-data personali tagħhom u biex jarmonizzaw ir-rekwiżiti fl-UE kollha mill-aktar fis possibbli;

53.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura t-trasparenza sħiħa fil-proċess deċiżjonali u b'mod partikolari, jistieden lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jekk din għandha titqies li tkun 'manifestament barra mis-setgħat tal-Kummissjoni' u fl-istess ħin biex tinforma lill-organizzaturi dwar il-kunsiderazzjonijiet legali rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk għandhomx jirrevedu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tagħhom u jerġgħu jressquha f'forma modifikata;

54.

jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega l-għażliet politiċi tagħha lill-pubbliku b’mod dettaljat u trasparenti fit-tweġiba formali tagħha lil Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li kisbet iktar minn miljun firma. Għandu jiġi żgurat segwitu politiku b'saħħtu;

c)   Il-kontribuzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali

55.

itenni l-offerta tiegħu li jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk l-inizjattivi humiex konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew kif dawn jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u l-kooperazzjoni transkonfinali;

56.

jenfasizza li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej toffri lill-Ewropej strument li jippermettilhom li jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika Ewropea; għaldaqstant dawn l-inizjattivi m'għandhomx jiġu inizjati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, jirrikonoxxi r-rwol u r-responsabilitajiet tiegħu stess u jfakkar f’dan il-kuntest id-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu (2) dwar l-involviment tal-KtR fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej. Itenni l-impenn tiegħu biex jappoġġja lill-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jaqgħu taħt il-kompetenza politika tal-KtR u li huma meqjusa bħala politikament rilevanti, billi pereżempju: jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iskrinjar tagħha ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej proposti mill-perspettiva tar-rilevanza lokali/reġjonali tagħhom u s-sussidjarjetà; l-ospitar ta' avvenimenti relatati mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, appoġġ għal azzjoni ta' komunikazzjoni deċentralizzata dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; fejn xieraq, opinjonijiet fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej; parteċipazzjoni attiva fis-seduti tal-PE u s-segwitu politiku; appoġġ tal-implimentazzjoni ta' Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta' suċċess u fejn xieraq il-leġiżlazzjoni bi tweġiba għalihom.

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ewrobarometru, Settembru 2014.

(2)  Il-144 laqgħa tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, 10 ta’ April 2013, punt 8 – CDR1335-2013_11_00_TRA_NB-punt 8.