10.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/43


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni –Il-futur tal-Patt tas-Sindki

(2016/C 051/09)

Relatur:

Is-Sinjura Kata TÜTTŐ (HU/PSE), Membru tal-Kunsill tat-12-il distrett ta’ Budapest

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

It-tisħiħ tal-Patt tas-Sindki u d-definizzjoni ta’ għanijiet ġodda

1.

ilu jappoġġja l-Patt tas-Sindki minn mindu tnieda fl-2008. Il-Patt tas-Sindki huwa moviment Ewropew bil-għan li, permezz tal-għanijiet fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli li ġew stabbiliti, jilħaq u, u fejn possibbli, josboq l-għan deċiż mill-Unjoni Ewropea ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2020. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet lokali parteċipanti impenjaw ruħhom li jilħqu l-miri marbutin mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli. Illum il-ġurnata, il-Patt tas-Sindki huwa preżenti fl-Istati Membri kollha, għajr għal pajjiż wieħed, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali firmatarji, li jgħoddu ’l fuq minn 6 000, jirrappreżentaw terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Il-firmatarji tal-Patt impenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tagħhom b’medja ta’ 28 %;

2.

b’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (1), il-KtR jirrikonoxxi li, sa mill-ħolqien tiegħu, il-Patt tas-Sindki kiseb suċċess bla preċedent kemm fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali favur il-klima u l-enerġija, kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza f’diversi livelli;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea nediet u qed tiffinanzja din l-inizjattiva li, permezz ta’ miżuri tal-iffrankar tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija nadifa, bħalissa tgħin iktar minn 6 400 belt u reġjun madwar id-dinja biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom. Abbażi tal-impenji li daħlu għalihom b’mod liberu l-membri tal-Patt, huwa previst tnaqqis ta’ 28 % sal-2020;

4.

dejjem saħaq fuq il-bżonn li jiġi adottat approċċ komprensiv sabiex it-tibdil fil-klima jiġi miġġieled u l-konsegwenzi inevitabbli tiegħu jiġu adattati; għalhekk jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jingħaqdu l-Patt u l-inizjattivi “Mayors Adapt” u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex totalment tesplora s-sinerġiji li dan jippermetti; jirrakkomanda li jiġi segwit approċċ simili fir-rigward tal-inizjattiva tal-Patt tal-Gżejjer;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-kuntest tat-tilħiq tal-għanijiet stabbiliti, l-enfasi qiegħda qabel kollox fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini pubbliku, il-modernizzazzjoni tad-dawl fit-toroq pubbliċi u l-iżvilupp tat-trasport urban. L-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 jikkonċerna madwar 44 % tal-ġestjoni tal-enerġija tal-bini. Barra minn hekk, il-konsum tal-enerġija għandu jitnaqqas b’20 % sal-2020 permezz tal-investiment fil-bini u t-trasport;

6.

se jkompli jagħti l-appoġġ istituzzjonali tiegħu għall-Patt tas-Sindki permezz ta’ strumenti speċifiċi u se jkompli jħeġġeġ ukoll, permezz tal-membri tiegħu, is-sħubija u l-impenn li huma marbuta mat-tilħiq tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea u li jinqabżu l-valuri mmirati;

7.

japprova u jappoġġja l-estensjoni u l-aġġornament tal-għanijiet tal-Patt tas-Sindki skont il-programm qafas tal-2030 tal-UE għall-klima u l-enerġija, jiġifieri t-tnaqqis ta’ aktar minn 40 % (2) fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbel mal-livell tal-1990 (3); jirrakkomanda li fost l-għanijiet il-ġodda jkun hemm effikaċja ikbar fl-enerġija u l-użu sostenibbli tar-riżorsi;

8.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Patt tas-Sindki jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tiegħu anke wara l-2020 u biex jintlaħaq dan l-għan, għandha tiżgura baġit amministrattiv awtonomu għall-Patt tas-Sindki li jkun adegwat għall-ambizzjonijiet politiċi li dejjem qiegħdin jiżdiedu ta’ dan il-proġett, sabiex tiġi żgurata l-perspettiva fit-tul tiegħu. Minħabba li l-2020 dalwaqt magħna u l-qafas tal-UE dwar il-klima u l-enerġija jestendi sal-2030, l-2030 għandha tiġi kkunsidrata bħala perspettiva fuq perjodu medju ta’ żmien u l-2050 bħala l-perspettiva fit-tul, simili għal dak li kien deċiż għall-istrateġija dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050;

9.

fuq perjodu medju ta’ żmien, jipproponi li jiġi emendat l-għan għall-2030 fuq il-bażi tar-rapporti xjentifiċi tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) (4) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030 (5), jiġifieri li fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jiġi stabbilit l-għan ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % meta mqabbel mal-livell tal-1990. Il-Kumitat jinnota madankollu li l-qafas regolatorju tal-UE li qed jiġi żviluppat bħalissa jistabbilixxi bħala għan Ewropew it-tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

10.

fuq perjodu twil ta’ żmien, jissuġġerixxi li l-firmatarji jistabbilixxu bħala l-għan tagħhom tnaqqis ta’ mill-inqas 95 % sal-2050. Abbażi tar-rapporti xjentifiċi ppubblikati mill-IPCC, l-UE hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha bi 80-95 % meta mqabbel mal-livell tal-1990. Fid-dawl tal-evidenza xjentifika ġdida ppubblikata regolarment dwar il-miżuri ta’ intervent u l-isforzi addizzjonali li għandhom jiġu pprovduti b’reazzjoni għad-deterjorament tal-klima, il-KtR jipproponi li l-Patt tas-Sindki jistabbilixxi bħala l-għan ta’ tnaqqis tiegħu l-ogħla livell ta’ din il-firxa, jiġifieri 95 %;

11.

madankollu jopponi li l-adeżjoni fil-Patt tas-Sindki ssir aktar diffiċli. L-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 irid jiżdied, anke jekk kemxejn, peress li wieħed mill-elementi li jagħmluh attraenti huwa s-sempliċità tiegħu. Il-KtR madankollu jirrakkomanda li, b’mod partikolari fil-każ tal-aktar firmatarji ambizzjużi, tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni ta’ sistema interna mmirata f’diversi livelli u ta’ sistema ta’ rikonoxximent assoċjata magħha, l-iżjed għall-kwistjonijiet iżjed bażiċi bħad-disinn tal-bini, it-trasport, eċċ.;

12.

jirrakkomanda li ssir enfasi akbar fuq il-bliet żgħar u l-muniċipalitajiet, peress li 56 % tal-muniċipalitajiet tal-UE għandhom bejn 5 000 u 100 000 abitant. Il-miżuri meħuda mill-bliet kbar u l-bliet żgħar u ta’ daqs medju għandhom effett kumulattiv konsiderevoli fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-iżvilupp urban sostenibbli. Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati miżuri li jissemplifikaw u jimmodernizzaw il-pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli (SEAPs), inklużi tabelli finanzjarji semplifikati u s-sistema ta’ monitoraġġ sabiex jitqiesu d-daqs ta’ konurbazzjonijiet, u li l-formalitajiet amministrattivi li attwalment huma meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-Patt tas-Sindki huma wisq kumplessi għal xi awtoritajiet b’popolazzjoni iktar baxxa;

Il-globalizzazzjoni tal-Patt tas-Sindki

13.

jinnota b’sodisfazzjon li l-Patt tas-Sindki diġà qasam il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Sal-lum il-ġurnata, l-awtoritajiet lokali ta’ aktar minn 50 pajjiż fid-dinja diġà ngħaqdu fl-inizjattiva u impenjaw ruħhom b’mod liberu biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom;

14.

jappoġġja l-esportazzjoni globali tal-mudell tal-Patt tas-Sindki u jinsab lest li jgħin fit-tixrid tiegħu permezz tas-sħubijiet tiegħu ma’ bliet u reġjuni f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk fil-viċinat tal-UE u li magħhom diġà jeżistu strutturi ta’ kooperazzjoni permezz tal-pjattaformi ARLEM u l-CORLEAP jew permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma, u b’hekk jgħin lill-bliet u r-reġjuni tad-dinja jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima;

15.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi barra mill-UE wkoll il-prinċipji li għamlu suċċess u l-prattiki tajba tal-Patt tas-Sindki u, fir-rigward tal-għanijiet dwar il-klima, tippromovi t-tixrid tal-mudell ta’ governanza f’diversi livelli (6), sabiex titwitta t-triq għal kooperazzjoni deċentralizzata ġdida;

Inżidu l-għadd ta’ firmatarji u nippromovu l-moviment fl-Istati Membri tal-UE

16.

jinnota b’sodisfazzjon li bosta membri tal-KtR huma rappreżentanti tal-kunsilli muniċipali li diġà ssieħbu fil-Patt tas-Sindki u barra minn hekk iħeġġeġ lill-membri tal-Kumitat biex fil-bliet u r-reġjuni tagħhom jippromovu l-inizjattiva tal-Patt u jiggarantixxu l-kontinwità politika għall-promozzjoni tal-għanijiet tiegħu;

17.

iqis li s-simplifikazzjoni tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli u l-proċess ta’ rappurtar jistgħu jkunu strumentali biex jiġu attirati firmatarji ġodda. F’dan ir-rigward, ikun ukoll utli ferm li jittejbu l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli u jitqassar iż-żmien massimu għall-evalwazzjoni tagħhom; għandu jittieħed kont tal-fatt li, fil-preżent, il-bliet iż-żgħar u l-muniċipalitajiet rurali m’għandhomx aċċess għar-riżorsi u l-fondi biex jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli;

18.

iqis li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali li diġà għandhom esperjenza f’dan il-qasam jistgħu jaqdu rwol ta’ gwida u b’hekk jikkontribwixxu biex awtoritajiet ġodda jissieħbu fl-inizjattiva, kif ukoll għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli, u l-iskambju ta’ eżempji ta’ prattiki tajbin;

19.

jissuġġerixxi li f’kull Stat Membru jinħatar “Ambaxxatur tal-Patt tas-Sindki”, sabiex b’dan il-mod tinġibed l-attenzjoni tal-bliet u r-reġjuni lejn din l-inizjattiva, inkluża l-attenzjoni tal-bliet u r-reġjuni li, wara bidla fid-direzzjoni politika, mhux bilfors xtaqu jkomplu jipparteċipaw fil-Patt tas-Sindki. Dawn l-“ambaxxaturi” jistgħu jintgħażlu, fuq bażi volontarja, minn fost il-membri tal-Patt tas-Sindki u jibbenefikaw mill-appoġġ tal-KtR, il-ministeri nazzjonali kompetenti u, permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin, dawn se jkunu responsabbli b’mod ġenerali għar-rappurtar dwar l-objettivi f’kull pajjiż;

20.

jirrakkomanda li nkomplu nibnu fuq is-sħubijiet lokali u reġjonali eżistenti u b’mod partikolari fuq il-ġemellaġġi, sabiex inkomplu nippromovu l-Patt tas-Sindki u l-għanijiet tiegħu kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha, u b’hekk nikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ moviment globali;

Ir-rwol tar-reġjuni fil-Patt tas-Sindki

21.

ifakkar li l-għan tal-Patt tas-Sindki huwa l-istabbiliment ta’ struttura ta’ governanza li tiżgura koordinazzjoni bejn il-livelli kollha ta’ gvern b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli, sabiex l-aktar livell ambizzjuż ikun jista’ jieħu miżuri kosteffettivi. Wieħed mill-prerekwiżiti huwa li dawn il-miżuri jitnedew minn livell baxx. Il-mobilizzazzjoni tal-popolazzjoni u l-awtoritajiet lokali hija kruċjali. Il-livell tal-awtoritajiet lokali huwa l-aktar adatt biex ifassal u jimplimenta pjani ta’ azzjoni, u biex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tagħhom. Ir-reġjuni għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lill-bliet b’riżorsi limitati fil-qafas tat-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw ukoll il-koordinazzjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u Ewropej, filwaqt li fil-livell Ewropew għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-qafas regolatorju, il-fondi u l-programmi ta’ assistenza teknika;

22.

jenfasizza l-importanza, sabiex jintlaħqu l-aqwa riżultati, li l-livelli kollha ta’ gvern iwettqu l-missjoni u jissodisfaw ir-rwol allokat lilhom fil-qafas tal-Patt tas-Sindki u, barra minn hekk, jisħaq li ladarba l-Patt ikun ilu jopera għal għadd ta’ snin, l-impenji minimi possibbli għandhom jinżammu;

23.

jinnota li r-reġjuni jew il-makroreġjuni (livell NUTS 4) jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jappoġġjaw il-bliet firmatarji tal-Patt tas-SInki fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli, l-implimentazzjoni u l-iskambju ta’ ideat dwar prattika tajba sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, kif ukoll biex bosta bliet żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-inizjattiva; dan ir-rwol essenzjali tar-reġjuni ta’ kwalunkwe daqs huwa rikonoxxut formalment billi jissieħbu fil-Patt tas-Sindki bħala koordinaturi territorjali;

24.

ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-importanza li jiġi rikonoxxut u jissaħħaħ ir-rwol ta’ koordinazzjoni li jiżvolġu r-reġjuni fil-kuntest tal-Patt tas-Sindki. Dan ir-rwol huwa essenzjali sabiex jiġu integrati l-miżuri u l-proġetti tal-iżgħar awtoritajiet lokali, għalkemm ma jirċievu l-ebda kumpens għall-ispejjeż li jġarrbu;

Rakkomandazzjonijiet dwar inizjattivi simili

25.

jirrikonoxxi, madankollu, li l-Patt tas-Sindki m’għandu l-ebda monopolju u mhuwiex l-unika “triq li għandha tiġi segwita” fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fl-Istati Membri, l-istess bħal fil-Kunsill tal-Ewropa, jeżistu inizjattivi simili u jeħtieġ li jiġu żviluppati sinerġiji bejniethom. L-inizjattivi nazzjonali u reġjonali huma importanti biex jingħata appoġġ iżjed operazzjonali, l-iżjed fil-każ ta’ muniċipalitajiet iżgħar. Ir-rappurtar u l-impenji fi ħdan il-Patt tas-Sindki għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid bil-għan li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ma’ inizjattivi internazzjonali oħra sabiex tingħata viżibbiltà ikbar lil-livell lokali u reġjonali fil-kuntest tan-negozjati tan-NU dwar il-klima, pereżempju l-Compact of Mayors, carbonn (carbonn Climate Registry) u NAZCA;

26.

itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu favur l-integrazzjoni tal-Patt tas-Sindki u l-inizjattiva “Mayors Adapt” li diġà esprima fl-Opinjoni tiegħu dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (7), u fl-istess ħin jirrakkomanda wkoll l-inizjattiva tal-Patt tal-Gżejjer;

27.

jiġbed l-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki u tal-Kummissjoni Ewropea għall-benefiċċji tas-sinerġiji li jistgħu jirriżultaw mit-tlaqqigħ bejn, minn naħa, l-impenji politiċi marbuta mas-sħubija fil-Patt tas-Sindki u l-“Mayors Adapt” u, min-naħa l-oħra, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi li jipproponu l-“bliet intelliġenti”;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-konfużjoni li tista’ tinħoloq minħabba l-inizjattivi differenti fid-dawl tad-diversità tal-proċeduri ta’ sħubija u l-mekkaniżmi ta’ kontroll tagħhom, kif ukoll tad-duplikazzjoni parzjali tal-għanijiet tagħhom; għaldaqstant jitlob li dawn l-elementi differenti jiġi kkoordinati fuq l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki, u strutturati aħjar, billi tingħata attenzjoni partikolari lit-trasparenza, iċ-ċarezza fil-komunikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv; jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jitwaqqaf punt uniku ta’ kuntatt minn fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni siewja dwar id-diversi inizjattivi;

29.

jinnota li l-aċċess għall-fondi jew il-finanzjament għadu ostaklu kbir għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ muniċipalitajiet iżgħar jew ta’ pajjiżi fejn ġie implimentat tnaqqis baġitarju kbir;

30.

jenfasizza li, minbarra l-appoġġ istituzzjonali b’saħħtu, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu wkoll ambjent legali, finanzjarju, metodoloġiku u promozzjonali propizju għall-iżvilupp ta’ netwerks u li jiffaċilita t-tilħiq tal-għanijiet (8);

31.

jopponi kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-awtoritajiet li ma ssiħbux fil-Patt tas-Sindki;

Kwistjonijiet ta’ finanzjament

32.

josserva bi tħassib li l-bliet żgħar u ta’ daqs medju jsibuha diffiċli ħafna biex jaċċessaw ir-riżorsi tal-UE, xi wħud għaliex ma jkunux infurmati dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament li jistgħu jibbenefikaw minnhom, filwaqt li fil-każ ta’ oħrajn huwa għaliex ma jkollhomx il-kapaċitajiet meħtieġa għat-tfassil ta’ proposti fil-livell tal-proġetti li jistgħu jiġu ffinanzjati; għaldaqstant iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Patt tas-Sindki biex jinfurmawhom dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament li huma disponibbli għalihom sabiex jikkonkretizzaw l-impenji tagħhom (9). B’mod aktar ġenerali, jirrakkomanda li jiġu stabbiliti skemi ta’ finanzjament dedikati għall-muniċipalitajiet iż-żgħar u ta’ daqs medju;

33.

jixtieq ifakkar li, minkejja li l-pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli approvati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-UE huma kunċetti eċċellenti għall-iffrankar tal-enerġija urbana, xorta waħda jeħtieġ li jattiraw finanzjament bankarju jew kapital privat biex jinbidlu fi proġetti. Ħafna drabi dan jiġri minħabba li l-kapaċitajiet neċessarji għal dan il-għan ma jkunux eżistenti fil-livell tal-awtoritajiet lokali. Il-programm ELENA ġestit mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista’ jgħin f’dan ir-rigward, iżda jikkonċerna kważi b’mod esklużiv il-proġetti l-kbar. Sabiex ikun jista’ jitwettaq l-akbar numru possibbli ta’ pjani, jeħtieġ li jiġu stabbiliti programmi nazzjonali jew reġjonali, li jkunu mudellati fuq il-programm ELENA, li jipprovdu wkoll opportunitajiet ta’ finanzjament għal proġetti iżgħar, speċjalment fil-muniċipalitajiet iż-żgħar u ta’ daqs medju;

34.

jissuġġerixxi li l-firmatarji jkomplu jirċievu assistenza teknika (studji ta’ fattibilità, inġinerija teknika u finanzjarja, proċeduri ta’ akkwist, eċċ.) sabiex, abbażi tal-miżuri adottati fil-qafas tal-pjan ta’ azzjoni tagħhom għall-enerġija sostenibbli, iħejju proġetti li jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati, u biex jiġu implimentati skemi ta’ finanzjament fit-tul biex jiġi mobilizzat l-investiment neċessarju. L-istrument ELENA tal-BEI għen lill-firmatarji jimplimentaw il-mudelli ta’ finanzjament fuq skala kbira u fit-tul, iżda huwa esiġenti ħafna fir-rigward tad-daqs tal-proġett u l-effett ta’ lieva, u dan immedjatament jeskludi lill-firmatarji ż-żgħar u ta’ daqs medju. Jinħtieġ iżjed appoġġ mill-UE sabiex tiġi pprovduta għajnuna għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni għall-enerġija sostenibbli ta’ daqsijiet differenti. Jeħtieġ li jiġu razzjonalizzati d-diversi sorsi ta’ finanzjament, inklużi l-faċilitajiet tal-BEI (FEIS, EIAH, ELENA), il-Fondi SIE (Fi-Compass), l-Orizzont 2020, l-EEEF, il-JESSICA l-inizjattiva futura “Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti”, eċċ.;

35.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki jkun jista’ jappoġġja, possibbilment permezz ta’ pjattaforma onlajn, l-interkonnessjoni tal-proġetti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikollhom aċċess għas-servizz propost mill-programm ELENA ġestit mill-BEI; jitlob ukoll lill-Kummissjoni testendi l-aċċess għall-assistenza teknika u dik dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-benefiċċju tal-firmatarji;

36.

jitlob minnufih li l-informazzjoni kollha dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tinġabar f’fuljett miktub b’mod ċar bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u li jiġi aġġornat kull sena, u li dan il-fuljett jintbagħat lill-partijiet interessati u b’mod partikolari lill-KtR u l-membri tiegħu;

Il-kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Patt tas-Sindki

37.

ifakkar li l-KtR, bħala l-istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta leħen il-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa u li sservi bħala punt ta’ konnessjoni għal ħafna netwerks lokali, għandu jaqdi rwol ċentrali fis-sistema ta’ governanza f’diversi livelli. U jkompli jappoġġja b’mod kontinwu l-ħidma f’sistemi ta’ governanza f’diversi livelli li qed titwettaq minn aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali tal-Ewropa u n-netwerks tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Patt tas-Sindki. Dan jiżgura li l-leġislazzjoni tal-UE tkun aktar adattata għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-bliet u l-muniċipalitajiet;

38.

ikun lest li jiżviluppa azzjonijiet sabiex iżid il-viżibbiltà tal-Patt tas-Sindki fost il-membri u jinkoraġġixxi dawk li għadhom ma ssieħbux biex f’isem l-awtoritajiet lokali u reġjonali rispettivi tagħhom isiru membri tal-Patt; għal dan l-għan, ser jesplora l-ħolqien ta’ grupp ad hoc ta’ “ħbieb tal-Patt tas-Sindki” fost dawk il-membri tiegħu li diġà huma firmatarji tal-Patt, u li jistgħu jirċievu appoġġ fil-promozzjoni tal-Patt fl-istrutturi rilevanti kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-KtR;

39.

jirrimarka li l-kriżi preżenti tar-refuġjati, prinċipalment minħabba l-gwerra u d-diffikultajiet ekonomiċi, tista’ fil-futur issir aktar serja jekk it-tibdil fil-klima ma jkunx miġġieled b’suċċess u l-konsegwenzi tiegħu jkomplu jheddu s-sopravivenza ta’ aktar u aktar nies;

40.

iżid jgħid, biex jikkonkludi, li l-Patt tas-Sindki huwa wieħed mill-istrumenti li jista’ jgħin biex l-UE toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha. Intweriet il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li, fuq bażi volontarja, imorru lil hinn mill-għanijiet stabbiliti mill-UE. Jistgħu jinkisbu riżultati saħansitra aħjar biss jekk l-unitajiet domestiċi nnifishom, possibbilment permezz ta’ inizjattivi mnedija mill-awtoritajiet lokali, jirnexxilhom jistabbilixxu l-għanijiet tagħhom stess għal konsum anqas ta’ enerġija, konsum ta’ enerġija aktar nadifa u aktar sostenibbli, fl-interess tagħhom stess u f’dak tal-pjaneta inġenerali.

Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  CdR 1536/2015; CdR 1535/2015; CdR 4084/2014; CdR 2691/2014; CdR 6902/2013; CdR 5810/2013; CdR 140/2011; CdR 408/2010; CdR 164/2010; CdR 241/2008.

(2)  B’konformità mal-għan stabbilit fil-qafas ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030: tnaqqis ta’ 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbel mal-livell tal-1990. Il-firmatarji tal-Patt tas-Sindki impenjaw ruħhom biex imorru lil hinn mill-għanijiet fil-leġislazzjoni tal-UE.

(3)  L-għan tal-fundaturi tal-Patt tas-Sindki għall-2020 kien li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’aktar minn 20 % meta mqabbel mal-livell tal-1990.

(4)  http://www.ipcc.ch/publications_and_data/publications_and_data_reports.shtml

(5)  CdR 2691/2014.

(6)  CdR 89/2009.

(7)  CdR 3752/2013.

(8)  http://urban-intergroup.eu/wp-content/files_mf/position_paper_smart_cities_public_consultation_2011_en.pdf

(9)  CdR 283/2011.