17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn ftehim dinji dwar il-klima f'Pariġi

(2015/C 423/10)

Relatur:

Is-Sinjura Annabelle Jaeger (FR/PSE), Kunsilliera Reġjonali tal-Provence-Alpes Côte d’Azur

Dokument ta' referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima wara l-2020

COM(2015) 81 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Ftit xhur qabel il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) u fl-ispirtu tar-rapporti preċedenti tagħha (1):

jappoġġja bil-qawwi l-Unjoni Ewropea (UE) biex din taqdi r-rwol sħiħ tagħha bħala mexxejja fin-negozjati internazzjonali,

iħeġġiġha biex tħaffef l-isforzi tagħha qabel l-2020 u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim il-ġdid dwar il-klima, b’mod partikolari dwar l-effiċjenza fl-enerġija, is-sinjal permezz tal-prezzijiet tas-CO2 fl-Ewropa u l-mobilizzazzjoni ta’ finanzjamenti internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil- klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

iħeġġiġha, qabel Pariġi u mhux aktar tard mill-2016, tgħolli l-livell tagħha ta’ “kontribut determinat fil-livell nazzjonali (INDC – “Intended Nationally Determined Contribution”), u jqis li l-ftehim ta’ Pariġi għandu jkun dinamiku u sostenibbli, li jinkludi mekkaniżmu biex jiġu evalwati u mtejba b’mod regolari (kull ħames snin) il-kontributi tal-Istati Membri,

jinkoraġġiha biex turi kif se żżomm is-sehem tal-impenji finanzjarji tagħha meħuda f’Kopenħagen fl-2009, u biex tiddefendi approċċ ġust fir-rigward tal-finanzjament u d-divrenzjar li jkun jippermetti s-sostenn tat-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza tal-ifqar territorji jew dawk l-aktar vulnerabbli fid-dinja,

itenni x-xewqa tiegħu għal governanza klimatika dinjija ġdida bbażata fuq il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli, fejn l-azzjoni tal-atturi mhux statali tkun rikonoxxuta bis-sħiħ u fejn kull livell ta’ gvern jista’ jimmassimizza l-azzjoni tiegħu dwar il-klima.

Ir-rwol determinanti tal-Unjoni Ewropea favur ftehim ambizzjuż f’Pariġi,

1.

Fid-dawl tal-5 Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-rapport ta’ sinteżi tiegħu, il-KtR jinsab imħasseb ħafna li d-dinja mhijiex fit-triq it-tajba sabiex iż-żieda fit-temperatura tinżamm taħt iż-2 oC. Huwa jagħraf il-ħtieġa urġenti li jiġu aċċellerati l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u li jseħħ l-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u li jiġi adottat ftehim f’Pariġi li jippermetti li nibqgħu taħt dan il-limitu.

2.

Għaldaqstant, il-KtR jagħmel appell lill-UE biex b’mod attiv tappoġġja għan dinji fit-tul li jikkorrispondi max-xenarji l-aktar siguri tal-IPCC. Dan huwa l-għan li nimmiraw lejn livell ta' karbonju żero sal-2050. Din il-mira komuni tibgħat sinjal qawwi lill-pajjiżi u lill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari lill-investituri, sabiex l-ekonomija dinjija tiġi ddirezzjonata 'l bogħod mill-enerġiji fossili.

Il-KtR ifakkar f’dan ir-rigward li l-UE ssettjat mira fit-tul ta’ - 80 sa - 95 % tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra mill-preżent sal-2050.

3.

Il-KtR iqis li l-ewwel l-impenji tal-UE fi ħdan il-qafas tal-INDC sejrin fid-direzzjoni t-tajba; madankollu, il-KtR iħeġġiġha tmur lil hinn billi tieħu deċiżjoni dwar reviżjoni biex iżżid l-impenji tagħha stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2014. Il-KtR huwa tal-opinjoni (2) li tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Ewropa ikun kemm realistiku kif ukoll ta’ benefiċċju għall-Ewropa. Huwa wkoll possibbli u mixtieq li jintlaħqu mill-inqas 40 % tal-enerġiji rinnovabbli u 40 % tal-effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, il-KtR jqis li l-UE għandha tappoġġja l-inklużjoni ta’ perjodi ta’ impenn, u ta' ċikli ta’ reviżjoni ta' ħames snin li jibdew fl-2025 fil-ftehim ta’ Pariġi, sabiex jiġi evitat li ninqabdu f’livell ta’ ambizzjoni aktar baxx fuq perjodu twil ta’ żmien, u biex b’mod regolari jitqiesu l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija.

4.

Il-KtR jitlob lill-pajjiżi żviluppati, dawk membri tal-UE u dawk li mhumiex, biex iħabbru “pakkett finanzjarju” minn issa sal-COP21 bħala appoġġ għall-isforzi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-KtR jistenna mill-UE pjan direzzjonali biex iżżid il-finanzjamenti tagħha, li għandhom ikunu prevedibbli, trasparenti, ġodda u addizzjonali. F’dan id-dokument, l-UE għandha tindika kif beħsiebha tirrispetta l-impenn tagħha li timmobilizza sehemha mill-impenn li jammonta għal USD 100 biljun kull sena sal-2020. L-UE għandha tappoġġja wkoll fil-ftehim ta’ Pariġi, il-prinċipju ta’ impenji finanzjarji ġodda għall-perjodu wara l-2020, stabbiliti kull ħames snin u b’miri separati għall-adattament, li kien il-verżjoni inferjuri tal-finanzjamenti għall-klima;

5.

Il-KtR jilqa' wkoll il-pożizzjoni tal-KE li l-ftehim u d-deċiżjonijiet li jakkumpanjawh jeħtieġu jipprovdu qafas għal sett b'saħħtu ta' regoli dwar it-trasparenza u sistema magħquda komuni għall-kejl, ir-rappurtar u l-verifika regolari tal-prestazzjoni ta' kull Partit dwar il-miri tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tagħhom. Tali qafas se jkun pedament essenzjali għal kooperazzjoni globali sinifikanti dwar il-klima u huwa meħtieġ li jiġu promossi l-fiduċja u l-kunfidenza li dawn l-impenji jiġu sodisfatti. Se jkun ukoll importanti li wieħed jifhem il-livell ta' mitigazzjoni miksub u jħeġġeġ l-ambizzjoni u għaldaqstant ikun fl-interess ta' kulħadd;

6.

Il-KtR jilqa’ l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) li beħsiebha tinkludi l-adattament bħala pilastru tal-ftehim (flimkien mat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-finanzjamenti). Huwa essenzjali li wieħed jagħraf ir-rabta ċara bejn iż-żieda fit-temperatura u ż-żieda fil-ħtiġijiet għal adattament.

Il-KtR jinsab sodisfatt ukoll li l-Fond Ekoloġiku għall-Klima ddeċieda li jipprovdi finanzjament ugwali bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Huwa jirrakkomanda lill-KE biex tuża l-inizjattiva “Mayors Adapt”, li tnediet fl-2014 bħala parti mill-Istrateġija Ewropea dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, bħala prattika tajba u eżempju possibbli li għandu jiġi segwit mill-imsieħba internazzjonali biex titjieb ir-reżiljenza tat-territorji.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer żgħar, huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima: il-ftehim il-ġdid dwar il-klima jrid jikkunsidra l-ħtiġijiet tagħhom għall-adattament.

7.

Il-KtR jirrakkomanda wkoll lill-Unjoni Ewropea biex minn issa żżid l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (mingħajr ma tistenna d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ Pariġi fl-2020) billi:

issaħħaħ b’mod sinifikanti l-prezz tal-karbonju fl-Ewropa, sakemm jilħaq livell kredibbli biex jagħti direzzjoni mill-ġdid lill-investiment pubbliku u privat. Wara l-adozzjoni tar-Riżerva tal-Istabbiltà dwar l-EU ETS (3), ir-riforma strutturali għal wara l-2020 ta’ din l-għodda għandha tillimita b’mod sostenibbli l-kwoti li jifdal tas-CO2 u żżid ir-rendiment mill-bejgħ tal-kwoti għal Istati.

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja l-allokazzjoni tad-dħul kollu tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għat-tranżizzjoni tal-enerġija u għall-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima, li minnhom mill-inqas 50 % għall-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

wara li jirrikorru għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kbira; u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

tnaqqas malajr l-appoġġ pubbliku u s-sussidji għall-karburanti fossili, li huma l-kawżi prinċipali għat-tibdil fil-klima (kemm jekk għall-esplorazzjoni ta’ riżervi ġodda, kif ukoll għall-produzzjoni u jew il-konsum);

tappoġġja l-azzjoni konkreta territorjali u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha.

tħeġġeġ ix-Xiri u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (CCPV) tal-prodotti u s-servizzi li huma aktar effiċjenti fl-enerġija.

Ir-reġjuni u l-bliet, lievi ta’ suċċess tal-għanijiet tal-klima

8.

Ir-reġjuni u l-bliet għandhom rwol ewlieni fil-kisba u t-tisħiħ tal-objettivi klimatiċi tal-pajjiż. Peress li huma dawn li jaġixxu fuq il-mobbiltà u t-trasport, l-ippjanar tal-iżvilupp urban u l-ambjent mibni, fuq l-enerġija u l-infrastruttura ekoloġika, dawn huma l-atturi ewlenin involuti fl-isforzi dinjija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

9.

Il-KtR jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-iskema l-ġdida dwar il-klima twiegħed li tpoġġi aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-impenji li saru skont il-Protokoll ta’ Pariġi. Ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni tressaq 'il quddiem mill-KE u minn bosta atturi oħra fin-negozjati tan-NU (4) dwar il-klima. Dawn jaqblu li l-ftehim il-ġdid għandu jirrikonoxxi l-azzjoni tal-bliet u r-reġjuni, li mingħajrha l-Istati ma jkunux kapaċi jwettqu l-impenji tagħhom. Il-kredibbiltà tal-impenji li ttieħdu mill-partijiet ser tiddependi minn impenn qawwi u reali tal-bliet u r-reġjuni, kif ukoll tal-industrija jew l-investituri.

10.

Enfasi aktar qawwija mill-Patt tas-Sindki, kif ukoll estensjoni sal-2030 u 2050, huma meħtieġa sabiex tissaħħaħ id-dinamika tas-6  500 belt u reġjun Ewropej firmatarji li impenjaw ruħhom li jmorru lil hinn mill-miri Ewropej għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020.

Il-KtR jappoġġja l-estensjoni tal-Patt tas-Sindki fil-livell dinji u jistieden lill-KE biex tipprovdi l-mezzi meħtieġa għal tali approċċ, adatti għar-realtajiet territorjali. Din l-estensjoni għandha ssir f’koordinazzjoni u b'konformità mal-inizjattivi internazzjonali u nazzjonali l-oħra mwettqa permezz tan-netwerks ta’ awtoritajiet lokali bħal dak tal-“Compact of Mayors”. B’mod parallel, din tfisser ukoll li ma jiġux marġinalizzati l-bliet li ddeċidew li jaġġixxu fir-rigward tal-klima mingħajr ma jagħmlu parti mill-Konvenzjoni.

11.

Il-KtR jistieden lill-KE biex, fil-kuntest tal-ftehim il-ġdid, tieħu inkunsiderazzjoni l-isforzi kwantifikabbli u li jistgħu jitkejlu tal-bliet u r-reġjuni fil-kontributi nazzjonali (għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra, l-ekonomiji tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli). Il-KE tista’ tibni b'mod speċifiku fuq il-ħidma tal-inizjattiva Compact of States and Regions, il-Patt tas-Sindki u l-inizjattiva Compact of Mayors, li lkoll fihom impenji ċari, speċifiċi u trasparenti ta’ bliet u reġjuni fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Il-KtR iqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet adegwati – regolamentazzjoni u mekkaniżmi finanzjarji – sabiex jippermettu azzjoni ottimizzata għall-bliet u r-reġjuni.

12.

Il-KtR itenni l-bżonn għal politika ta' investiment volontarja u innovattiva mmirata lejn it-territorji fil-proġetti sostenibbli – b'mod partikolari fil-qafas tal-enerġija u l-adattament – li tinkludi l-bliet u r-reġjuni fil-proċess ta’ allokazzjoni ta’ fondi u l-kunsiderazzjoni ta’ proġetti fuq skala iżgħar taħt il-Pjan Juncker. Huwa jirrakkomanda li tiġi esplorata l-idea li l-investiment tal-klima jitnaqqas fil-kalkolu tad-dejn ta’ Maastricht.

13.

Il-KtR jirrakkomanda aċċess faċilitat għall-bliet u r-reġjuni għall-Fondi globali prinċipali għall-klima: il-Fond Ekoloġiku għall-Klima, il-Fond għall-Ambjent Dinji u l-Fond ta' Adattament.

B’mod partikolari, aċċess dirett lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-aktar vulnerabbli għall-fondi dinjija tal-klima, b’mod partikolari aċċess għall-Fond Ekoloġiku, jippermetti azzjoni aċċellerata mill-partijiet interessati f’approċċ komuni dwar il-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

14.

Il-KtR jipproponi governanza dinjija fuq il-klima li tifformalizza l-ħidma tal-bliet u r-reġjuni, ibbażata fuq il-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli:

huwa jfakkar ir-rieda tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li fit-test tal-ftehim jiġi inkluż paragrafu dwar ir-rwol ewlieni tagħhom biex jindirizzaw l-isfida tal-klima u li r-rwol tagħhom jiġi formalizzat fil-proċess tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), sabiex ikunu jistgħu jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom għal azzjoni fir-rigward tal-klima,

b’mod partikolari, huwa jitlob li matul il-COP għandhom jiġu organizzati b’mod sistematiku ġurnata ddedikata lill-awtoritajiet lokali, kif ukoll spazju ddedikat għal gvernijiet lokali mis-Segretarjat tal-UNFCCC u l-pajjiż ospitanti, kif kien il-każ din is-sena għal COP 21,

huwa jitlob, barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ djalogu strutturat matul iċ-ċiklu tan-negozjati u mhux biss matul il-konferenzi internazzjonali ta’ tmiem is-sena. Il-KE tista’ tagħti eżempju billi tistabbilixxi djalogu mal-KtR diversi drabi fis-sena, qabel u matul il-konferenzi organizzati mill-UNFCCC (COP u konferenzi preparatorji f'Bonn, il-Ġermanja).

15.

Il-KtR jilqa’ b'sodisfazzjoni l-organizzazzjoni tas-Summit Dinji dwar il-Klima u t-Territorji f’Lyon fl-1 u t-2 ta’ Lulju li ġej, kif ukoll is-Summit Dinji tal-gvernijiet lokali dwar il-klima f’Pariġi fl-4 u s-7 ta’ Diċembru, u beħsiebu jipparteċipa fihom. Dawn l-avvenimenti huma opportunità għall-atturi mhux statali kollha biex jaħdmu flimkien qabel u matul il-COP21, u biex itennu r-rwol essenzjali tagħhom billi jħabbru impenji sinifikanti biex jikkatalizzaw l-azzjoni dinjija dwar il-klima, b'mod speċjali dik tal-Istati.

16.

Il-KtR fl-aħħar nett jirrakkomanda lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-COP li tistabbilixxi programm ta’ ħidma dwar l-azzjoni tal-bliet u r-reġjuni għall-klima, li tiddefinixxi modus operandi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq naħa, u l-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Bħala eżempju tista' tittieħed il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li fl-2010 adottat “Pjan ta’ Azzjoni għall-bliet u r-reġjuni” (5). Dan il-pjan ser ikun applikazzjoni flessibbli tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fil-livell internazzjonali.

L-impenn tal-atturi kollha, is-suċċess meħtieġ tal-COP21 ,u l-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima

17.

L-IPCC u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent jgħidulna b’mod ċar li sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal taħt iż-2 oC sal-aħħar tas-seklu jeħtieġ li l-atturi kollha jsaħħu u jħaffu l-isforzi tagħhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn issa stess, ibda mill-pajjiżi li huma prinċipalment responsabbli għat-tibdil fil-klima.

Il-politika l-ġdida dwar il-klima għandha tkun ibbażata fuq adeżjoni wiesgħa mill-partijiet interessati kollha u tiġi implimentata permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq. F'dan ir-rigward, il-bliet u r-reġjuni jaqdu rwol essenzjali bħala sors ta' informazzjoni, edukazzjoni u unifikazzjoni tal-inizjattivi tal-atturi.

18.

Filwaqt li jitqiesu d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar “l-Aġenda tal-azzjoni” proposta mill-kopresidenza Franċiża u Peruvjana tal-COP sabiex tissaħħaħ l-azzjoni klimatika tal-atturi kollha, il-KtR itenni x-xewqa tiegħu li jara l-bliet u r-reġjuni jipparteċipaw f’din l-aġenda. Il-KtR:

jistieden lir-reġjuni u l-bliet Ewropej ikomplu u jespandu l-impenji tagħhom dwar l-għanijiet kwantifikabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, it-trasport nadif, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija sabiex isaħħu d-dinamika madwar il-ftehim ta’ Pariġi. Huwa jistidinhom biex jingħaqdu fil-Patt tas-Sindki, l-inizjattivi “Compact of Mayors u Compact of States and Regions”, u li jieħdu sehem fl-avvenimenti l-kbar f’Lyon u Pariġi biex jagħtu xhieda u juru d-determinazzjoni tagħhom,

Jistieden lir-reġjuni u lill-ibliet biex ikomplu jikkondividu l-aħjar prattiki intra-Ewropej tagħhom, iżda wkoll bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, b’mod partikolari permezz tal-pjattaforma, NAZCA (6), il-“Compact of Mayors”, u l-“Compact of States and Regions”,

huwa konxju li l-kredibilità tal-impenji meħuda tiddependi mill-kriterji tal-għażla tal-proġetti u l-inizjattivi, it-trasparenza tagħhom, u r-rigorożità tal-metodi u s-serjetà tal-evalwazzjoni tagħhom. Il-Patt tas-Sindki huwa referenza f’dan il-qasam u jista' jispira lill-inizjattivi l-oħra li għaddejjin bħalissa u dawk futuri biex jiżguraw sistema robusta tal-MRV (7) (Monitoring, reporting and review). F’dan il-kuntest, il-KtR jitlob li l-UE jkollha r-rwol li tiżgura koerenza u armonizzazzjoni ta’ dawn fil-livell tal-UE, jekk mhux lil hinn,

jistieden ukoll lill-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa biex jużaw l-influwenza tagħhom ta’ kooperazzjoni internazzjonali deċentralizzata biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija u r-reżiljenza fil-pajjiżi terzi, u b’mod partikolari l-pajjiżi foqra u vulnerabbli. Dawn ir-relazzjonijiet privileġġati bejn ir-reġjuni u l-bliet tad-dinja kollha jistgħu jintużaw għal diplomazija fil-qasam tal-klima fil-livelli kollha.

19.

F’dan l-ispirtu ta’ mobilizzazzjoni kollettiva, il-KtR beħsiebu jwassal messaġġi konverġenti, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jindikaw li r-reġjuni u l-bliet huma mobilizzati għall-COP21 flimkien mas-soċjetà ċivili u l-intrapriżi.

20.

It-tisħin globali huwa waħda mill-ikbar sfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-umanità fl-iżvilupp sostenibbli, is-saħħa u l-ekonomija dinjija. Il-Konferenza ta’ Pariġi mhijiex għan fiha nnifisha iżda t-tnedija ta' proċess dinamiku u li jevolvi li ser jippermetti lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa sabiex terġa' lura fil-perkors biex iż-żieda fit-temperatura tibqa’ taħt iż-2 oC. Ftehim dinji ġdid f’Pariġi dwar il-klima huwa indispensabbli; huwa daqstant ieħor importanti li niffaċilitaw u nsaħħu d-dinamika tal-atturi biex jiġi żgurat rispons kollettiv għall-isfidi.

Brussell, l-14 ta' Ottubru 2015.

Il-Presidenttal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Opinjoni CdR 2691/2014 dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030”, Annabelle Jaeger (FR/PSE); Opinjoni CdR 5810/2013 dwar "Green Paper – Qafas għall-Politiki dwar il-Klima u l-Enerġija sal-2030, Sirpa Hertell (FI/PPE); Riżoluzzjoni CdR 5883/2013 dwar “UNFCCC COP 19 – Nimxu 'l Quddiem fl-Aġenda Internazzjonali Dwar it-Tibdil fil-Klima”; Opinjoni CdR 3752/2013 dwar “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”, Neil Swannick (UK/PSE).

(2)  Opinjoni CdR 2691/2014 dwar “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030, Annabelle Jaeger (FR/PSE).

(3)  L-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (European Union Emission Trading Scheme – EU ETS).

(4)  L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)  Deċiżjoni CBD COP10: X/22 “Il-pjan ta' azzjoni dwar il-gvernijiet sottonazzjonali, il-bliet u awtoritajiet lokali oħra għall-bijodiversità” https://www.cbd.int/decision/cop/default.shtml?id=12288

(6)  Pjattaforma tal-atturi mhux statali għall-azzjoni klimatika (Non-State Actor Zone for Climate Action – NAZCA).

(7)  Il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Monitoring, reporting and review – MRV).