12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/10


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – L-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011

(2015/C 195/02)

Relatur

:

Is-Sur Spyridon (EL/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Poros

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA  (1)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

It-Trasport huwa fattur bażiku fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

1.

jenfasizza li l-mobbiltà tal-persuni u tal-oġġetti hija prekundizzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet fundamentali tal-UE ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u t-tlestija tas-suq uniku. It-trasport jikkontribwixxi għall-kompetittività tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha u l-UE hija pijunier globali f’dan il-qasam;

2.

jinnota li l-prezz proporzjonalment għoli tat-trasport għal oġġetti u għad-djar: it-trasport jirrappreżenta 13,2 % tal-baġit tad-djar u sa 15 % tal-prezz ta' prodotti. It-trasport, sadanittant, għadu 96 % dipendenti fuq iż-żejt, li ħafna minnu huwa prodott f’reġjuni instabbli tad-dinja;

3.

jinnota li l-fatt li ma ġewx stabbiliti miri intermedji jagħmilha diffiċli biex jiġi evalwat il-progress li sar. Madankollu, il-ħatra tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid u r-reviżjoni li jmiss tal-implimentazzjoni tal-White Paper, li t-tnejn waslu fi żmien ta’ bidliet rapidi fl-ambjent (il-kriżi ekonomika, l-iżviluppi ġeopolitiċi usa’ li jaffettwaw it-trasport), wittew it-triq għal valutazzjoni parzjali tal-progress li sar s’issa;

4.

jirrimarka li l-miri ambizzjużi tal-White Paper jixprunaw il-progress. Il-Kumitat jinnota wkoll l-interdipendenza bejn il-politiki tat-trasport u l-politiki għall-ambjent, l-innovazzjoni u l-politika soċjali, kif ukoll il-politiki ekonomiċi. Jirrakkomanda li dawn l-objettivi jkunu marbuta ma’ miri għat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, it-trażżin tal-istorbju, u t-tniġġis tal-arja, tal-ispejjeż għoljin u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kkawżat mill-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

5.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, fir-reviżjoni ta’ nofs it-term u l-aġġornament possibbli tal-għanijiet, tikkunsidra sfidi ġodda bħal żviluppi ġeopolitiċi, il-bidla fil-flussi tat-trasport, kompetituri ġodda, żviluppi teknoloġiċi ġodda, id-dumping soċjali u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru u reġjun. Għandha tistabbilixxi wkoll miri intermedjarji għal wara l-2020;

6.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għall-mod għaqli kif ipprevediet is-sitwazzjoni bl-adozzjoni ta' sensiela ta’ proposti leġislattivi u inizjattivi fir-rigward ta' pakkett ta' miżuri għat-trasport bil-ferrovija u bl-ajru u l-politika tal-portijiet, u jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex iħaffu l-proċeduri, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni rapida tagħhom. Tali miżuri tal-UE għandhom jiġu żviluppati f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u livell minimu ta’ burokrazija;

7.

madankollu, il-Kumitat jitlob li jsir sforz minn tal-inqas ekwivalenti fuq it-trasport pubbliku urban, li huwa komponent essenzjali fis-sistema tat-trasport pubbliku u li jista’ jkollu l-aktar impatt immedjat qawwi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-ikbar numru ta’ abitanti, fir-reġjuni bl-akbar densità tal-popolazzjoni tal-UE,

8.

jinnota li sabiex tittejjeb il-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport u l-loġistika fid-dawl tal-kompetizzjoni minn partijiet oħra tad-dinja, jeħtieġ li qabel kollox jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u l-prodotti fi ħdan is-suq intern tal-UE.

Il-kompetittività ta’ reġjuni hija affettwata minn, u tiddetermina, il-kwalità tat-trasport

9.

jenfasizza r-rwol usa' tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-mobilità tat-trasport urban u reġjonali u l-importanza deċiżiva tagħhom fir-rigward tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies u l-kompetittività reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-ippjanar u l-manutenzjoni tan-netwerk, il-parkeġġ u l-aċċessibbiltà, u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ standards ambjentali, u għalhekk għandhom ikunu involuti abbażi tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli. Il-KtR jitlob għalhekk lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu iktar attivi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

10.

jinnota li hemm konnessjoni diretta bejn l-ippjanar tat-trasport f’ċentri urbani u l-ippjanar urban u spazjali. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal darb’oħra għall-Kunċett ta’ Ppjanar ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (inkluż il-prezz), fejn ir-rwol tal-UE għandu jkun li tiffavorixxi l-armonizzazzjoni mingħajr ma din tkun vinkolanti;

11.

itenni li, sabiex jiġi żgurat trasport ta’ kwalità għolja fil-livell Ewropew, huwa neċessarju li jkun żgurat li l-postijiet ta’ tluq u ta' tmiem il-fluss tat-traffiku, b'mod partikolari l-bliet, jirċievu l-istess attenzjoni u appoġġ bħan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport. Huwa xieraq li jiġi pprovdut appoġġ sħiħ għal dawn il-punti ta’ tluq u ta’ wasla, u biex jiġu ġestiti l-modi u t-tipi kollha ta’ trasport;

12.

jinnota li minkejja li l-White Paper tindika li għall-prosperità futura jeħtieġ li jkun żgurat trasport effiċjenti fir-reġjuni kollha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda dejjem iktar tqis is-settur tat-trasport bħala segment kwalunkwe tas-suq ħieles, u mhux biss meta tkun qed tiġi vvalutata l-għajnuna pubblika. Il-provvedituri tas-servizz tat-trasport pubbliku (jew dawk li jappartjenu għal korp pubbliku) spiss iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni diffiċli minħabba li l-operaturi privati jassumu r-responsabbiltà għat-trasport u r-rotot li jagħmlu profitt (xi drabi bi prezzijiet li jwasslu għal dumping sabiex tinħoloq sitwazzjoni futura ta’ monopolju) filwaqt li l-korpi pubbliċi u xi operaturi tat-trasport (inklużi l-entitajiet miżmuma minn atturi pubbliċi) isibu ruħhom joperaw biss linji u rotot li jagħmlu inqas profitt. Jekk inqisu li l-White Paper tanalizza t-trasport mhux biss bħala settur kummerċjali, iżda wkoll bħala strument biex jiġu promossi l-kompetittività u l-prosperità tal-UE u tar-reġjuni varji tagħha, huwa neċessarju li jinbidel b'mod radikali l-approċċ fir-rigward tal-operaturi pubbliċi (jew l-ekwivalenti tagħhom), meta mqabbla ma’ operaturi privati. Loġikament, l-operaturi privati jqisu t-trasport biss bħala sors potenzjali ta’ qligħ kummerċjali, mingħajr ma jittieħed kont tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetittività tar-reġjuni u tal-UE kollha kemm hi;

13.

jappoġġja l-promozzjoni ta’ mezzi mhux motorizzati ta’ trasport (ċikliżmu, mixi) għal distanzi qosra, peress li dawn joffru alternattivi aktar ekoloġiċi u orħos u ħafna drabi aktar mgħaġġla. Netwerks tat-trasport adatti u miżuri biex tinbidel il-mentalità tan-nies, speċjalment fir-rigward tal-promozzjoni u l-użu ta' dan il-mezz ta' trasport, se jgħinu biex dan il-għan jintlaħaq;

14.

Fil-kuntest ta’ distanzi itwal tat-trasport tal- merkanzija, huwa favur li titħeġġeġ l-intermodalità bejn trasport sostenibbli u bidla modali mit-trasport bit-triq għal trasport sostenibbli (jiġifieri t-trasport ferrovjarju, marittimu u tax-xmajjar);

15.

jenfasizza l-importanza ta’ netwerks u mezzi tat-trasport adegwati u b'finanzjament suffiċjenti għal żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u demografiċi bħal dawk b'popolazzjoni mifruxa ħafna kif ukoll għar-reġjuni tal-gżejjer, ultraperiferiċi, transkonfinali u fil-muntanji bħala fattur bażiku sabiex tinkiseb il-koeżjoni territorjali. Il-ħtiġijiet ta’ dawn ir-reġjuni mhumiex rikonoxxuti biżżejjed fil-politiki u l-programmi tal-UE li jaffettwaw it-trasport. Il-Kumitat jisħaq li l-ippjanar bir-reqqa huwa meħtieġ sabiex jiġu kkombinati rekwiżiti ambjentali ma’ dawk tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti tariffi raġonevoli għall-utenti;

16.

jenfasizza li, hekk kif l-Istati Membri l-ġodda għad m'għandhomx konnessjonijiet ta' trasport bażiċi u ta' kwalità, u dan mhux biss fil-qasam tan-netwerks tat-TEN-T, iżda speċjalment fil-livell tal-konnessjonijiet reġjonali u lokali bażiċi (rotot madwar il-muniċipalitajiet, netwerks ta' toroq reġjonali u lokali aġġornati li fuqhom tiddependi l-mobbiltà tal-ħaddiema, eċċ.) li huma fattur ewlieni tal-kompetittività ta’ dawn ir-reġjuni, huwa neċessarju biex jiġu indirizzati l-problemi tat-trasport u jħeġġu lis-settur fl-Istati Membri l-ġodda, biex jadotta approċċ differenti ħafna minn dak implementat fl-Istati Membri antiki, fejn dawn l-infrastrutturi diġà jeżistu,

17.

jenfasizza li l-konnessjonijiet tat-trasport transkonfinali fil-livell lokali u reġjonali huma essenzjali għall-koeżjoni reġjonali transkonfinali u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali lil hinn mill-fruntieri, u jenfasizza li sfortunatament ma tteħidx kont biżżejjed tagħhom fit-tfassil tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali għall-perjodu 2014-2020;

18.

jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li jiġi pprovdut standard għoli ta’ trasport għal gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni kif ukoll fir-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi;

19.

jenfasizza r-rabta fundamentali bejn sistema tat-trasport affidabbli, flessibbli u ta' kwalità u l-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu;

20.

jinsab diżappuntat li s’issa ftit sar progress fir-rigward tal-biljetti intermodali, b’mod speċjali għat-trasport multimodali minn naħa għal oħra tal-fruntieri reġjonali jew nazzjonali; jinstenna progress sinifikanti f’dan il-qasam sal-2020;

21.

jinnota li ftit li xejn sar progress fil-qasam tal-informazzjoni pan-Ewropea dwar it-trasport multimodali u s-servizzi relatati mal-biljetti. u li, fil-preżent, il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE għad m’għandhomx sistema nazzjonali ta’ ħinijiet tat-trasport fissi, li tiġbor flimkien il-ħinijiet kollha użati fil-pajjiż u li tippermetti t-tiftix u r-reżervazzjoni ta' rotot tat-trasport pubbliku fi ħdan pajjiż partikolari. It-tagħrif dwar it-trasport multimodali huwa wieħed mill-istrumenti li jistgħu jsaħħu b’mod sinifikanti l-interess tal-passiġġieri fl-użu tat-trasport pubbliku. Jemmen ukoll li, meta jkunu qed jiġu stabbiliti s-sistemi ta' informazzjoni u l-interkonnessjoni tagħhom, jeħtieġ li dawn isiru mhux biss abbażi tal-informazzjoni statika li turi l-ħinijiet fissi, iżda wkoll tal-possibbiltajiet vasti li toffri l-informazzjoni li wieħed jista' jikseb permezz tas-sistemi GNSS, inkluża s-sistema Ewropea ta' navigazzjoni Galileo;

22.

jilqa’ l-progress li sar fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri. Il-Kumitat jinnota, madankollu, li l-informazzjoni dwar dawn id-drittijiet u d-drittijiet nfushom hija frammentata, u tiddependi mill-mezz ta’ trasport, u jitlob għal aktar konsistenza għall-benefiċċju tal-utenti, jitlob ukoll li d-drittijiet mogħtija mill-Unjoni Ewropea jiġu applikati b'mod aktar wiesa' minn dawk l-Istati Membri li attwalment qed jużaw id-derogi kollha possibbli biex jillimitaw l-applikazzjoni tagħhom;

23.

jenfasizza li l-aktar fażi kkumplikata f'termini ta' informazzjoni ta' vjaġġar u forniment tal-biljett tat-trasport hija dik ta' “l-ewwel u l-aħħar kilometru”, jiġifieri l-parti tal-vjaġġ li b'mod ġenerali taqa' taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-implimentazzjoni kif ukoll fir-reviżjoni tas-soluzzonijiet individwali sabiex jiżguraw li s-sistema kollha taħdem sew;

24.

jiddispjaċih li erba' Stati Membri biss qed japplikaw b’mod sħiħ ir-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji u jitlob bil-qawwa lill-Istati Membri l-oħra kollha biex jirtiraw l-eżenzjonijiet prevalenti;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ standards armonizzati fost l-Istati Membri jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u potenzjalment jiddevja t-traffiku, b’konsegwenzi ambjentali, għall-komunikazzjonijiet u amministrattivi;

26.

l-istabbiliment ta’ infrastruttura tat-trasport tajba u livelli tajbin ta’ aċċess għaliha jagħmel lir-reġjuni kollha aktar b’saħħithom ekonomikament u aktar attraenti għal investiment dirett, u b’hekk isaħħu kemm il-kompetittività tagħhom stess kif ukoll il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE kollha kemm hi;

27.

jikkunsidra li jeħtieġ li jiġu ċċarati l-kompetenzi tal-korpi ta’ infurzar nazzjonali tad-drittijiet tal-passiġġieri għal vjaġġi transkonfinali.

Ħidma lejn sistema integrata, affidabbli, nadifa u sikura tas-sistema tat-trasport Ewropew

28.

jinnota l-iżvilupp mhux ugwali u l-frammentazzjoni tan-netwerk tat-trasport bejn ir-reġjuni Ewropej, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ferroviji u t-toroq; netwerk tat-trasport ta' kwalità għolja, flimkien ma' strumenti finanzjarji flessibbli, huma meħtieġa biex tissaħħaħ il-kompetittività. għal dawn huwa meqjus essenzjali l-iżvilupp tan-netwerk TEN-T, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u ta' netwerk ta’ ajruporti reġjonali;

29.

huwa favur l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (spejjeż soċjali u ambjentali, inklużi l-inċidenti, it-tniġġiż tal-arja, l-istorbju u l-konġestjoni) u l-prinċipju ta' min juża jħallas, u min iniġġes iħallas, sabiex l-għażliet tas-suq jiġu allinjati mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà. F'dan il-kuntest għandu jiġi eżaminat, jekk permezz ta' iktar miżuri, tistax tintlaħaq l-introduzzjoni gradwali ta’ sistema armonizzata mandatorja ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż għall-vetturi kummerċjali fin-netwerk interurban sħiħ, u b'hekk tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni attwali fejn it-trasportaturi internazzjonali jeħtieġu l-Eurovignette, ħames vignettes nazzjonali u tmien kuntratti differenti ta’ mmarkar u nollijiet biex isuqu bla xkiel fit-toroq bin-noll tal-Ewropa.

30.

jinnota l-progress miksub fil-qasam tas-sigurtà fit-trasport bit-triq, iżda wkoll id-differenzi fil-leġislazzjoni u l-istandards tal-Istati Membri, rigward it-trasport ta’ prodotti perikolużi, pereżempju. Il-Kumitat itenni l-appell tiegħu għal mudell xjentifiku tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż, speċjalment għal inċidenti fit-toroq;

31.

jinnota li għat-trasport tal-passiġġieri, b’mod partikolari t-trasport bl-ajru, is-sigurtà tal-passiġġieri tiddependi mhux biss fuq il-kwalità teknika, iżda wkoll fuq evalwazzjoni regolari tal-ekwipaġġi u titjib kontinwu fl-istandards tas-sikurezza, u jistieden lill-korpi kompetenti biex jieħdu azzjoni immedjata f’dawn l-oqsma speċifiċi;

32.

jilqa’ l-inizjattiva Shift 2Rail u l-promozzjoni tal-proġett “Blue Belt”, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ma kienx hemm biżżejjed progress biex jaqilbu għal trasport bil-ferrovija u fuq passaġġi fuq l-ilma, jew għal trasport marittimu, minkejja l-konġestjoni fit-toroq u fl-ajru. Ferroviji u vapuri jistgħu jkomplu jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll ta' inċidenti. Għalhekk għandhom jitħeġġu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tan-netwerk TEN-T, l-unifikazzjoni tal-kriterji u l-istandards bejn id-diversi amministrazzjonijiet ferrovjarji u l-aċċess faċli ta' operaturi ġodda fil-qasam tal-kompetizzjoni ħielsa;

33.

jilqa' l-implimentazzjoni konkreta tal-programm “Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” iżda huwa mħasseb minħabba li l-pjan Juncker ser jixrob EUR 2,7 biljun meta tqis li l-baġit għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa diġà mhuwiex biżżejjed biex jinħoloq in-netwerk trans-Ewropew għat-trasport; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li hemm nuqqas ta' investiment ovvju tal-Unjoni Ewropea f'sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli u fit-tranżizzjoni ekoloġika;

34.

wara l-aħħar rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jiġu eliminati punti ta’ konġestjoni fit-trasport f’passaġġi fuq l-ilma (relatati ma’ pontijiet, serraturi u l-wisa’ tax-xmara, eċċ.), jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom, idaħħlu proġetti infrastrutturali biex jitlestew, u jimplimentaw l-pjani ta’ manutenzjoni;

35.

jinnota n-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għal trasport integrat marittimu jew fuq passaġġi tal-ilma interni u t-trasport bl-ajru, jew għall-iżvilupp ta’ idroplani, u jitlob biex dawn jiġu inklużi fl-ippjanar tat-trasport;

36.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta sistema trasparenti ta’ allokazzjoni ta' slots sabiex jitjieb l-użu ta’ ajruporti, fl-interess tal-kompetizzjoni. Il-Kumitat jinnota d-dewmien osservat matul it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplani, li huwa fattur li joħloq spejjeż ogħla, u jitlob għal eżami tal-impatt ambjentali possibbli ta’ żieda fl-altitudnijiet tat-titjiriet, minħabba l-emissjonijiet tat-tniġġis fit-troposfera;

37.

jappella għal azzjoni kkoordinata bil-għan li jissaħħaħ it-trasport multimodali, fuq kollox bil-ħolqien tar-rabtiet meħtieġa mal-punti nodali (bħall-ajruporti, il-portijiet u ċ-ċentri intermodali tat-trasport), u jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni fil-fruntieri tal-Istati Membri, li tista’ tiġi provduta mir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

38.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fir-rigward ta’ tiftix għal sorsi u metodi alternattivi ta’ finanzjament ta’ proġetti ewlenin tat-trasport, li jirrikjedu ppjanar u finanzjament fit-tul. Il-Kumitat, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għad-differenza fl-approċċ adottat biex jippromovi sorsi alternattivi u għan-nuqqas ta’ żieda ta’ għajnuna li tkun marbuta mal-livell ta’ “indafa” tal-mod ta’ propulsjoni alternattiv inkwistjoni. Jirrakkomanda, għalhekk, li jiġi pprovdut appoġġ aktar effettiv għal modi ta’ propulsjoni li ma jipproduċux emissjonijiet jew li jipproduċu ammont minimu u li għalihom l-infrastruttura diġà teżisti u taħdem b’mod affidabbli (li hu, pereżempju, il-każ ta’ trammijiet u trolleybuses);

39.

jenfasizza li l-iżviluppi teknoloġiċi u leġislattivi fis-settur tat-trasport kollu ser jirrikjedu ħiliet ġodda min-naħa tal-utenti. Il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu kont tal-ħtieġa għal miżuri ta’ taħriġ kontinwu u jqisu l-ispejjeż tagħhom fl-istadju tad-disinn u tal-ippjanar sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod sħiħ;

40.

jenfasizza l-bidliet mgħaġġla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport u jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jarmonizzaw l-istandards u d-drittijiet soċjali, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiġi skoraġġuta l-kompetizzjoni inġusta;

41.

jenfasizza li trasport aktar nadif jitlob miżuri paralleli sabiex jiġi promoss l-ivvjaġġar permezz tat-trasport pubbliku, kif ukoll ir-riċerka f'karburanti aktar nodfa u f’magni aktar effiċjenti. Għal dan huwa essenzjali li jiġu implimentati politiki li jsaħħu l-użu ta’ vetturi ibridi u tat-trasport ferrovjarju bi trazzjoni elettrika;

42.

jenfasizza l-importanza ta’ innovazzjoni teknoloġika xprunata minn karburanti alternattivi u infrastruttura mġedda għal ekonomija sostenibbli, favur l-ambjent u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju sabiex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jespandu l-esportazzjonijiet, jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi;

L-Ewropa għandha tesporta l-mudell tat-trasport tagħha li rnexxa

43.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Unjoni fil-livell internazzjonali biex tesporta l-mudelli tat-trasport tagħha permezz ta’ parteċipazzjoni attiva f’fora internazzjonali;

44.

il-kwalità u s-sikurezza tan-netwerks tat-trasport Ewropej, li huma bbażati fuq standards għoljin, huma eżempju għal pajjiżi terzi u fl-istess ħin jikkontribwixxu għas-sikurezza pubblika u l-kwalità tal-ħajja Ewropea. L-esportazzjoni ta’ standards Ewropej u l-ftuħ tas-swieq internazzjonali fl-istess ħin isaħħu l-kompetittività tal-industrija Ewropea;

45.

jinnota li s-settur tat-trasport huwa estremament kumpless, u jinkludi oqsma bħalma huma l-infrastruttura, it-teknoloġiji tal-informazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi u l-imġiba tal-utent, biex insemmu biss xi ftit. Il-KtR jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu l-attenzjoni li hemm bżonn lill-koordinazzjoni b'suċċess ta' dawn l-oqsma differenti, b’livell minimu ta’ burokrazija u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati.

Brussell, 16 ta' April 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Jekk jogħġbok ħu nota li skont l-Artikolu 55(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-KtR, “L-opinjonijiet tal-Kumitat dwar proposti għal atti leġislattivi [...] għandhom jesprimu fehma dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.”