24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/2


P8_TA(2015)0422

Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-istħarriġ fuq inizjattiva proprja dwar il-Frontex

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-istħarriġ fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ dwar il-Frontex (2014/2215(INI))

(2017/C 399/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew tas-7 ta' Novembru 2013 dwar l-istħarriġ fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ dwar il-Frontex,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 67(1), 72, 228(1) (it-tieni subparagrafu) u 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 41 (id-dritt għal amministrazzjoni tajba) u l-Artikolu 47 (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(7) tagħha,

wara li kkunsidra r-Rizoluzzjoni 1932(2013) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar “Il-Frontex: ir-responsabbiltajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem”,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament dwar il-Frontex),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn” (COM(2015)0453),

wara li kkunsidra l-kodiċi ta' kondotta tal-Frontex għall-operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ikkoordinati mill-Frontex,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2015, b'mod partikolari l-punt 2(n) tagħhom,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (Konvenzjoni ta' Ġinevra) u l-Protokoll ta' New York tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0343/2015),

A.

billi r-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament dwar il-Frontex”) jirrikjedi li l-Aġenzija tiżgura r-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u għad-drittijiet tal-migranti, tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil;

B.

billi l-Frontex, bħal kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-UE, jeħtiġilha tikkonforma fl-attivitajiet tagħha mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u billi dan l-obbligu huwa minqux fl-Artikolu 263 tat-TFUE, skont liema artikolu “atti li jistabbilixxu korpi u organi tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet u arranġamenti partikolari dwar rikorsi mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti ta' dawn il-korpi jew organi maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħhom”;

C.

billi anki llum l-attività ta' koordinazzjoni tal-Frontex ma tistax fil-prattika tiġi mifruda mill-attività tal-Istati Membri mwettqa taħt il-koordinazzjoni tagħha, b'tali mod li l-Frontex (u b'hekk l-UE permezz tagħha) jista' jkollha wkoll impatt dirett jew indirett fuq id-drittijiet tal-individwi u, tal-inqas, tagħti lok għar-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja T-341/07, Sison III); billi tali responsabbiltà ma tistax tiġi evitata sempliċement minħabba l-eżistenza ta' arranġamenti amministrattivi mal-Istati Membri involuti f'operazzjoni kkoordinata mill-Frontex meta tali arranġamenti għandhom impatt fuq id-drittijiet fundamentali;

D.

billi l-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa;

E.

billi l-Artikolu 26a tar-Regolament dwar il-Frontex jipprevedi Strateġija għad-Drittijiet Fundamentali u jirrikjedi li l-Aġenzija tfassal u tkompli tiżviluppau timplimenta tali strateġija, tistabbilixxi Forum Konsultattiv u taħtar Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali;

F.

billi l-Artikolu 5(a) tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Persuni Kollha li Jipparteċipaw fl-Attivitajiet tal-Frontex jenfasizza li l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Frontex għandhom, inter alia, jippromwovu l-għoti ta' informazzjoni dwar id-drittijiet u l-proċeduri lill-persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali;

G.

billi l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 863/2007 jipprovdi li l-membri tat-timijiet responsabbli għat-twettiq tal-attivitajiet ta' monitoraġġ u sorveljanza fil-fruntieri esterni jeħtiġilhom ikunu konformi mad-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti;

H.

billi fl-2012 l-Ombudsman Ewropew beda stħarriġ fuq inizjattiva propjra dwar l-implimentazzjoni mill-Frontex tal-obbligi tagħha fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;

I.

billi l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew jinkludu l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-ilmenti individwali;

J.

billi l-Ombudsman Ewropew ħarġet ukoll Rapport Speċjali, li fih ġiet enfasizzata l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-ilmenti individwali;

K.

billi, skont l-Artikolu 220(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, l-Ombudsman Ewropew huwa obbligat li jinforma lill-Parlament dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, u billi l-kumitat responsabbli jista' jfassal rapport dwar tali każijiet;

L.

billi l-Frontex tingħata l-kompitu li tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tar-regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, permezz ta' koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri, u billi dawn l-attivitajiet għandhom b'mod ċar implikazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li ma ġewx ittrattati adegwatament mill-Frontex u mill-UE;

M.

billi l-Frontex tibni wkoll kooperazzjoni operazzjonali ma' pajjiżi barra l-UE bħala parti integrali mill-missjoni tagħha, f'oqsma ewlenin bħalma huma l-iskambju tal-informazzjoni, l-analiżi tar-riskju, it-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-operazzjonijiet konġunti (inklużi operazzjonijiet konġunti ta' ritorn) u l-proġetti pilota;

N.

billi, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament dwar il-Frontex, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw man-normi u l-istandards li jkunu tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anke meta l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sseħħ fit-territorju ta' dawk il-pajjiżi;

O.

billi l-kooperazzjoni operazzjonali tal-Frontex mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi sħab hija mmexxija permezz ta' arranġamenti ta' ħidma li mhumiex legalment vinkolanti u jaqgħu barra l-ambitu tad-dritt internazzjonali, u l-implimentazzjoni prattika tagħhom ma tistax titqies bħala t-twettiq ta' obbligi internazzjonali mill-Frontex u mill-UE; billi din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi element ta' inċertezza tad-dritt li tista' titqies bħala kontradittorja fil-konfront tal-obbligi tal-Frontex fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

P.

billi l-Frontex u l-Istati Membri għandhom responsabbiltajiet kondiviżi iżda distinti rigward l-azzjonijiet tal-uffiċjali skjerati matul l-operazzjonijiet u l-proġetti pilota tal-Frontex;

Q.

billi fid-dawl taż-żieda tal-kompetenzi tal-Frontex mill-ħolqien tagħha, l-Aġenzija għandha tinżamm responsabbli bħala parti interessata primarja fil-proċess tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż meta jkunu involuti allegazzjonijiet marbutin mad-drittijiet fundamentali;

R.

billi l-biċċa l-kbira tal-parteċipanti fl-operazzjonijiet tal-Frontex huma uffiċjali mistiedna mibgħuta mill-Istati Membri minbarra l-Istat ospitanti tal-operazzjoni tal-Frontex, b'appoġġ għal dik l-operazzjoni;

S.

billi skont l-Artikolu 2a tar-Regolament dwar il--Frontex, il-Kodiċi ta' Kondotta huwa applikabbli għall-persuni kollha li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Aġenzija;

T.

billi skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar il-Frontex, l-uffiċjali mistiedna li jieħdu sehem fil-missjonijiet tal-Frontex jistgħu jwettqu biss kompiti u jeżerċitaw setgħat taħt l-istruzzjonijiet u, bħala regola ġenerali, fil-preżenza tal-gwardji tal-fruntiera tal-Istat Membru ospitanti;

U.

billi l-użu ta' uniformijiet differenti flimkien mal-emblema tal-Frontex matul l-operazzjonijiet tal-Frontex jagħmilha diffiċli għall-individwi biex jidentifikaw taħt liema awtorità jaqa' uffiċjal u, finalment, fejn għandhom iressqu l-ilment – jekk hux lill-Frontex jew direttament lill-Istat Membru kkonċernat;

V.

billi, skont l-Artikolu 3(1a) tar-Regolament dwar il-Frontex, l-Aġenzija ma għandhiex setgħat eżekuttivi fl-Istati Membri u ma għandha l-ebda awtorità li tissanzjona lill-Istati Membri jew lill-uffiċjali tagħhom;

W.

billi l-pjanijiet operazzjonali ta' operazzjonijiet konġunti tal-Frontex huma legalment vinkolanti u, skont l-Artikolu 3a(1) tar-Regolament dwar il-Frontex, jeħtieġ li jkun hemm qbil dwarhom bejn id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex u l-Istat Membru ospitanti, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti;

X.

billi l-Frontex diġà stabbiliet sistema ta' rappurtar ta' inċidenti li tinvolvi d-diviżjoni tal-operazzjonijiet tal-Frontex, l-unità legali tal-Frontex u l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Frontex, fejn id-deċiżjoni aħħarija tittieħed mid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex; billi din is-sistema tinvolvi lmenti interni rċevuti mill-persunal u mill-mistiedna uffiċjali tal-Frontex, u konsegwentement ma tgħoddx għal ilmenti diretti minn individwi li jallegaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

Y.

billi mekkaniżmi għall-ilmenti individwali diġà jeżistu fil-livell Ewropew fi ħdan l-istrutturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi għandu jiġi nnotat li l-Frontex hija aġenzija operazzjonali li fin-natura tagħha tvarja mill-organizzazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

Z.

billi l-Kummissjoni ħadet l-impenn li tirrevedi l-Frontex fil-ġejjieni qarib;

Għaliex il-Frontex għandha tistabbilixxi mekkaniżmu għall-ilmenti individwali

1.

Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fil-qafas tal-istħarriġ fuq inizjattiva proprja dwar il-Frontex; jappoġġa l-isforzi tal-Frontex fl-adozzjoni ta' 12 mit-13-il rakkomandazzjoni tal-Ombudsman; jirrikonoxxi l-isforzi attwali tal-Frontex fit-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-forma tal-istabbiliment ta' sistema ta' rappurtar ta' inċidenti, kif ukoll it-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta, il-ħolqien ta' Forum Konsultattiv dwar id-drittijiet fundamentali u l-ħolqien ta' Uffiċċju għad-Drittijiet Fundamentali, fost l-oħrajn;

2.

Jappoġġa r-rakkomandazzjoni mill-Ombudsman Ewropew li l-Frontex għandha tittratta l-ilmenti individwali dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali matul l-operazzjonijiet tagħha u għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv adegwat għal dak il-għan; jistieden lill-Frontex tistabbilixxi mekkaniżmu xieraq għall-ilmenti, inkluż fi ħdan il-qafas ta' arranġamenti ta' ħidma tagħha konklużi mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi;

3.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-vojt ġuridiku li jeżisti fil-konfront tal-iskjerament ta' uffiċjali ta' pajjiżi terzi matul operazzjonijiet konġunti ta' ritorn, kif indikat fir-rapport tal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll rigward in-nuqqas ta' responsabbiltà li, minħabba dan, jispiċċa jiddomina f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu uffiċjali ta' pajjiżi terzi;

4.

Jemmen li fid-dawl tal-isfidi umanitarji u ġuridiċi dejjem jikbru fil-fruntieri esterni tal-UE u t-tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-Frontex, hemm bżonn mekkaniżmu li jkun kapaċi jipproċessa lmenti individwali dwar allegat ksur tad-drittijiet fundamentali li jseħħ waqt l-operazzjonijiet tal-Frontex jew f'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, biex b'hekk issir korp tal-prim'istanza għall-ilmenti;

5.

Iqis li l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti individwali joffri lill-individwi l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effikaċi f'każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom; jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta' tali mekkaniżmu għall-ilmenti jżid it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali anke fil-kuntest tal-arranġamenti ta' ħidma tal-Frontex, billi l-Frontex u l-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar konxji minn każijiet ta' ksur potenzjali ta' drittijiet fundamentali li altrimenti jistgħu jibqgħu mistura, mhux rappurtati u mhux solvuti; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' trasparenza japplika b'mod partikolari fil-każ tal-arranġamenti ta' ħidma tal-Frontex, li fuqhom il-Parlament ma jistax jeżerċita l-iskrutinju demokratiku, peress li m'hemm l-ebda obbligu li jiġi kkonsultat qabel l-istabbiliment ta' tali arranġamenti u li l-Parlament lanqas biss jiġi infurmat dwar kif dawn jiġu implimentati fil-prattika;

6.

Jinnota li skont ir-Regolament dwar il-Frontex ma jidher li hemm l-ebda ostaklu ġuridiku għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu għall-ilmenti individwali u li tali mekkaniżmu saħansitra jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 26a(3) tar-Regolament dwar il-Frontex, skont liema artikolu l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu jikkontribwixxi għall-mekkaniżmu ta' sorveljanza tad-drittijiet fundamentali; jinnota li tali mekkaniżmu jkun konformi mad-dritt tal-UE u mal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u jirrinforza l-implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija tal-Aġenzija dwar id-drittijiet fundamentali; jemmen li l-kapaċità tal-Frontex li tittratta ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali għandha tissaħħaħ fil-kuntest tal-espansjoni tar-rwol tal-Aġenzija skont id-dritt tal-UE, partikolarment il-parteċipazzjoni tagħha fit-Timijiet ta' Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni li jaħdmu f'żoni “hotspot” u l-kooperazzjoni operazzjonali tagħha mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi sħab permezz ta' arrangamenti ta' ħidma;

7.

Jemmen li r-rwol ta' koordinazzjoni tal-Frontex m'għandux jillimita r-responsabbiltà tagħha skont id-dritt internazzjonali u dak tal-UE, b'mod partikolari fl-iżgurar li d-drittijiet fundamentali tal-migranti u ta' dawk li jfittxu asil huma rispettati u mħarsa; ifakkar li l-aġenziji kollha tal-Unjoni, kif ukoll l-Istati Membri kollha, huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huma u jimplimentaw id-dritt tal-UE;

Struttura tal-mekkaniżmu għall-ilmenti individwali

8.

Huwa tal-fehma li hija aspettattiva leġittima li dak li jkun jemmen li l-azzjonijiet ta' dawk involuti fl-operazzjonijiet tal-Frontex huma attribwibbli għall-Frontex u b'mod aktar ġenerali għall-UE; jenfasizza li r-relazzjonijiet ġuridiċi u r-responsabbiltajiet distinti iżda kondiviżi bejn il-Frontex u l-Istati Membri ma għandhomx jimminaw il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u r-rispett għal tali drittijiet f'operazzjonijiet konġunti; ifakkar li l-Frontex m'għandha l-ebda awtorità li tissanzjona lill-Istati Membri jew lill-uffiċjali tagħhom; jemmen li, għalhekk, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għall-kwistjoni tal-kompetenzi tal-Frontex u dawk tal-Istati Membri tal-UE;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' struttura ċentrali uffiċjali fi ħdan il-Frontex għall-ipproċessar tal-ilmenti individwali; jirrakkomanda li l-uffiċċju tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Frontex jkollu rwol kruċjali fl-immaniġġjar tal-ilmenti; iqis, b'mod partikolari, li l-uffiċċju għandu jivverifika l-ammissibbiltà tal-ilmenti, jiffiltrahom, jgħaddihom lill-awtoritajiet responsabbli u jsegwihom bir-reqqa;

10.

Jilqa' l-fatt li l-Frontex diġà stabbiliet proċedura dettaljata għall-immaniġġjar ta' rapporti interni mill-persunal u mistiedna uffiċjali tal-Frontex dwar ksur serju tad-drittijiet fundamentali; jirrimarka li din il-proċedura diġà tintuża għall-immaniġġjar ta' lmenti minn partijiet terzi li mhumiex involuti direttament f'operazzjoni tal-Frontex, u jirrakkomanda li din il-proċedura tkompli tiġi żviluppata bil-għan li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ilmenti individwali li jkun sħiħ u aċċessibbli; jenfasizza li l-Frontex għandha tiżgura li l-mekkaniżmu jirrispetta l-kriterji ta' aċċessibbiltà, indipendenza, effikaċja u trasparenza;

Preżentazzjoni u ammissibbiltà tal-ilmenti

11.

Huwa tal-fehma li persuni li jqisu li tkun saritilhom ħsara minn gwardji tal-fruntiera lebsin l-emblema tal-Frontex għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment; iħeġġeġ lill-Frontex tiggarantixxi kunfidenzjalità sħiħa u ma tiżvelax l-identità tal-ilmentaturi lil partijiet terzi mingħajr il-qbil tagħhom sakemm ma jkollhiex obbligu legali li tagħmel dan abbażi ta' deċiżjoni ġudizzjarja; barra minn hekk jemmen li l-Frontex għandha tiżgura li tingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess matul it-trattament tal-ilmenti;

12.

Jirrikonoxxi li hemm bżonn salvagwardji biex jipprevjenu l-użu ħażin tal-mekkaniżmu għall-ilmenti; jirrakkomanda, għalhekk, li l-ilmenti anonimi ma jiġux aċċettati; jenfasizza, madankollu, li dan ma jeskludix ilmenti mressqa minn partijiet terzi li jaġixxu bona fide fl-interess ta' lmentatur li ma jixtieqx jiżvela l-identità tiegħu; jissuġġerixxi wkoll li għandhom jiġu ammessi biss l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali kif imħarsa mid-dritt tal-UE; iqis li dan ma għandux iwaqqaf lill-Frontex milli tqis sorsi oħra ta' informazzjoni dwar allegat ksur tad-drittijiet fundamentali, inklużi rapporti ġenerali ta' NGOs, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet interessati rilevanti oħrajn, apparti l-proċedura tal-ilmenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' kriterji ċari għall-ammissibbiltà tal-ilmenti u jirrakkomanda l-ħolqien ta' formola standardizzata għall-ilmenti, li tirrikjedi informazzjoni dettaljata bħad-data u l-post tal-inċident, billi dan jista' jiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà; jirrakkomanda li l-kriterji u l-formola standardizzata għandhom jiġu ddeterminati f'kooperazzjoni mal-Forum Konsultattiv;

13.

Jenfasizza li l-formola hawn fuq imsemmija għandha tkun aċċessibbli f'lingwi li jifhmu l-migranti u l-persuni li qed ifittxu asil jew f'lingwi li jkunu raġonevolment mistennija li jifhmu, u li għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar kif għandu jitressaq ilment, inklużi linji gwida prattiċi mfassla b'mod li jinftiehem; ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 656/2014 diġà jipprevedi d-disponibbiltà ta' interpreti fuq l-art, konsulenti legali u esperti rilevanti oħra; jirrakkomanda l-possibbiltà li jkun jista' jinfetaħ ilment bil-fomm ma' persuna liebsa l-emblema tal-Frontex u li tali lment ikun debitament traskritt mill-uffiċjal involut; iħeġġeġ lill-Frontex tagħmel il-formola tal-ilmenti disponibbli kemm f'format elettroniku, li jkun kompatibbli mal-ismartphones, fuq is-sit web tagħha kif ukoll f'format stampat, fiċ-ċentri ta' skrinjar tal-Istati Membri kif ukoll mill-persunal u l-uffiċjali mistiedna tal-Frontex li jieħdu sehem fi kwalunkwe operazzjoni tal-Frontex;

14.

Jirrakkomanda li l-Frontex tistabbilixxi skadenza raġonevoli għall-preżentazzjoni ta' lment, u b'hekk tippermetti l-possibbiltà li lment jiġi ppreżentat wara t-tmiem ta' operazzjoni tal-Frontex; iqis li dan huwa ta' rilevanza partikolari għall-operazzjonijiet ta' ritorn; jirrakkomanda li l-Istati Membri jittrattaw l-ilmenti fi żmien raġonevoli f'konformità mar-regoli proċedurali nazzjonali;

Ilmenti kontra uffiċjali mistiedna

15.

Jirrikonoxxi li l-ilmenti potenzjali jistgħu jirreferu għall-kondotta ta' uffiċjali mistiedna li jaqgħu taħt l-awtorità partikolari ta' Stat Membru iżda li jkunu lebsin l-emblema tal-Frontex; jinnota li dawn l-uffiċjali jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom stess filwaqt li jwettqu kompiti li mhux neċessarjament jinvolvu li jkollhom l-isem jew in-numru ta' identifikazzjoni viżibbli fuqhom; jinnota li filwaqt li l-uffiċjali mistiedna huma obbligati jkollhom dokument ta' akkreditazzjoni fuqhom, li dak li jkun joqgħod jitlob identifikazzjoni tista' tkun ostaklu biex iressaq ilment kontra uffiċjal; jirrakkomanda li l-persuni kollha li jaġixxu taħt l-emblema tal-Frontex ikollhom isem jew numru ta' identifikazzjoni jidher fuq l-uniformi tagħhom;

16.

Ifakkar li l-Frontex ma għandha l-ebda kompetenza biex tibda miżuri dixxiplinarji kontra persuni oħra minbarra l-membri tal-persunal tagħha stess u li, skont l-Artikolu 3(1a) tar-Regolament dwar il-Frontex, it-teħid ta' azzjoni dixxiplinarja jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru ta' oriġini;

17.

Jieħu nota li l-Istati Membri jittrattaw l-ilmenti kontra uffiċjali mistiedna b'modi differenti ħafna; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali jista' ma jkunx segwit b'mod effikaċi minn xi Stati Membri; jistieden lill-Frontex u lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u jikkondividu l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat is-segwitu xieraq ta' lmenti kontra uffiċjali mistiedna;

18.

Jirrakkomanda li l-uffiċċju tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali jittrasferixxi lment kontra uffiċjal mistieden permezz ta' sistema definita sew ta' riferiment lill-awtorità nazzjonali kompetenti; jirrakkomanda li din is-sistema tinkludi mekkaniżmu ta' appell għal każijiet fejn talba tkun meqjusa inammissibbli jew miċħuda; iqis li huwa kruċjali li jiġu involuti ombudsmen nazzjonali jew kwalunkwe korp rilevanti ieħor kompetenti għad-drittijiet fundamentali li jkollu s-setgħa li jinvestiga uffiċjali u awtoritajiet nazzjonali, billi l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali m'għandux id-dritt li jagħmel dan; jenfasizza l-ħtieġa li l-Frontex tikkoopera ma' korpi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ma' awtoritajiet tal-fruntieri nazzjonali;

19.

Jirrakkomanda li jkun obbligatorju li kemm il-persunal tal-Frontex kif ukoll l-uffiċjali mistiedna qabel ma jingħaqdu ma' operazzjoni tal-Frontex isegwu taħriġ ibbażat fuq il-ġeneru, b'mod partikolari sabiex issir sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vulnerabbiltà tan-nisa migranti;

20.

Huwa tal-fehma li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-diviżjoni operazzjonali rilevanti tal-Frontex, jikkontribwixxi għal investigazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali billi jipprovdi informazzjoni ulterjuri dwar l-inċident, jekk dan ikun xieraq;

21.

Jenfasizza li l-Frontex għandha ssegwi l-ilmenti mill-qrib billi formalment titlob feedback mill-Istat Membru rispettiv, u, jekk ikun meħtieġ, billi tibgħat ittra ta' twissija fejn tfakkar l-azzjoni possibbli li l-Frontex tista' tieħu jekk tibqa' ma tirċievi l-ebda segwitu għall-ittra kkonċernata; ifakkar li l-Frontex għandha d-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali minn uffiċjali mistiedna fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tissorvelja r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha; jirrakkomanda li l-Frontex tikkoopera mill-qrib mhux biss mal-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntieri iżda wkoll mall-korpi nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

22.

Jirrakkomanda li l-ilmentatur jingħata ġustifikazzjoni mill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, inklużi d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità nazzjonali responsabbli, jekk il-Frontex ma tagħti bidu għal ebda proċedura ta' segwitu;

23.

Ifakkar li l-Proċedura Dixxiplinarja tal-Frontex tista' tapplika wkoll għal uffiċjali mistiedna sekondati u esperti nazzjonali sekondati jekk l-Istat Membru kkonċernat jaqbel; ifakkar li l-Frontex tista' titlob lill-Istat Membru jneħħi minnufih lill-uffiċjal mistieden jew lill-espert nazzjonali sekondat ikkonċernat mill-attività tal-Frontex jekk l-Istat Membru ma jippermettix li titwettaq il-proċedura dixxiplinarja, u, jekk ikun meħtieġ, ineħħi lill-persuna mill-grupp ta' uffiċjali mistiedna;

24.

Jistieden lid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex jikkunsidra l-esklużjoni ta' kull uffiċjal li jkun instab li kiser id-drittijiet fundamentali huwa u jieħu sehem fi kwalunkwe operazzjoni jew proġett pilota tal-Frontex; jenfasizza li dan għandu japplika wkoll għall-uffiċjali nazzjonali tal-pajjiżi sħab li jkunu qegħdin jieħdu sehem fl-operazzjonijiet tal-Frontex bħala parti minn arranġament ta' ħidma;

25.

Iqis li għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġi rtirat l-appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri jew li Stat Membru jiġi sospiż minn operazzjonijiet konġunti f'każ ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali; jemmen, barra minn hekk, li f'każ ta' ksur serju jew persistenti tad-drittijiet fundamentali għandu jiġi deċiż li l-operazzjoni tiġi sospiża jew mitmuma, mingħajr preġudizzju għas-salvataġġ tal-ħajjiet;

26.

Iqis li għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari dwar meta l-operazzjonijiet tal-Frontex għandhom jintemmu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Konsultattiv, tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u atturi u NGOs rilevanti oħra bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) jew l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM);

27.

Jenfasizza li ma għandux jitqies li mekkaniżmu għall-ilmenti individwali jagħti xi drittijiet addizzjonali ta' aċċess għall-ġustizzja kriminali lill-persuni li jressqu lment; ifakkar li l-investigazzjonijiet kriminali jridu jitwettqu mill-Istat Membru fejn iseħħu l-operazzjonijiet;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

28.

Huwa tal-fehma li mekkaniżmu għall-ilmenti individwali jista' jkun effikaċi biss jekk l-ilmentaturi, kif ukoll l-uffiċjali li jieħdu sehem fl-operazzjonijiet tal-Frontex, ikunu infurmati bid-dritt tal-individwi li jressqu lment permezz ta' kampanja ta' informazzjoni effikaċi u sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE kif ukoll fil-lingwi li l-persuni li jfittxu asil u l-migranti jifhmu jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhmu; jemmen li għandu jkun possibbli li l-għadd ta' lmenti potenzjalment inammissibbli jiġi limitat b'mod sostanzjali permezz ta' tali kampanja ta' informazzjoni kif ukoll permezz ta' kontroll ta' ammissibbiltà strutturat sew; jinnota li l-persuni rimpatrijati għandhom jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jressqu lment, qabel l-operazzjoni ta' ritorn;

29.

Iqis li l-mekkaniżmu għall-ilmenti individwali għandu jkun kemm effiċjenti kif ukoll trasparenti; jenfasizza li l-Uffiċċju għad-Drittijiet Fundamentali jeħtieġlu jkollu t-tagħmir u l-persunal adegwat biex jittratta l-ilmenti li jirċievi, u jappella biex jingħataw riżorsi addizzjonali għal dan il-għan;

30.

Iqis li d-deskrizzjoni tal-kompiti assenjati lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali hija limitata wisq u mhijiex preċiża biżżejjed fil-kliem użat; jinnota li bħalissa l-kompiti tal-Uffiċjal huma deskritti biss fl-avviż ta' post battal; jissuġġerixxi li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kompiti tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali fir-rieżami li ġej tar-Regolament dwar il-Frontex;

31.

Iqis li sabiex il-Frontex ittejjeb it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tagħha filwaqt li tippermetti investigazzjoni dettaljata tal-ilmenti individwali, l-użu tal-fondi mill-Frontex għandu jkun irrapportat b'mod regolari lill-Parlament u ppublikat fuq is-sit web tal-Frontex;

32.

Jilqa' r-rieda tal-Ombudsman Ewropew, tal-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen b'kompetenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u tal-Forum Konsultattiv tal-Frontex li jappoġġaw lill-Frontex fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu għall-ilmenti individwali; jistieden lill-Frontex issegwi l-prattika tajba ta' korpi Ewropej oħra, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Ombudsman Ewropew;

33.

Jirrakkomanda lill-Frontex u lill-Ombudsman Ewropew jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib sabiex itejbu l-protezzjoni tal-individwi minn każijiet possibbli ta' amministrazzjoni ħażina fir-rigward tal-attivitajiet tal-Frontex, inkluż meta l-Aġenzija topera lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE permezz ta' arranġamenti ta' ħidma;

34.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi sħab li kkonkludew arranġamenti ta' ħidma mal-Frontex jikkooperaw b'mod effiċjenti mal-Aġenzija sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu għall-ilmenti jiffunzjona bla xkiel; jinkoraġġixxi lill-Frontex tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi kkonċernati sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-mekkaniżmu;

35.

Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata protezzjoni speċjali lill-minorenni mhux akkumpanjati, lin-nisa li huma vittmi ta' persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru, lill-persuni LGBTI u lil gruppi vulnerabbli oħra; jirrakkomanda li, fejn ikun xieraq, il-Frontex tikkonsulta mal-aġenziji rilevanti tal-UE għal dan il-għan;

36.

Jistieden lill-Frontex tipprovdi informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku dwar il-mekkaniżmu għall-ilmenti fil-kuntest tar-rapport ġenerali annwali tagħha; jirrakkomanda li l-Frontex tindika l-għadd ta' lmenti li tirċievi, it-tipi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, l-operazzjoni tal-Frontex ikkonċernata u l-miżuri ta' segwitu li tkun ħadet; jinnota li din l-informazzjoni għandha tgħin lill-Frontex tidentifika n-nuqqasijiet possibbli u ttejjeb il-metodi ta' ħidma tagħha;

37.

Jirrakkomanda l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu għall-ilmenti individwali fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar il-Frontex;

o

o o

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Frontex.