27.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 366/157 |
P8_TA(2015)0419
Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar “Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020” (2015/2772(RSP))
(2017/C 366/17)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (CPR), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, |
— |
wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2014, |
— |
wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar “Lejn semplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020” (O-000127/2015 – B8-1103/2015), |
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Parlament jirrikonoxxi l-importanza tal-passi sinifikanti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-semplifikazzjoni, bħall-aġenda ta' semplifikazzjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-ħatra ta' Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal regolamentazzjoni aħjar, il-ħolqien ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Monitoraġġ tas-Semplifikazzjoni għall-Benefiċarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) fi ħdan il-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju rivedut u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR); |
B. |
billi, minkejja l-politika ta’ koeżjoni riformata għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, fejn huma indirizzati l-metodi ta’ semplifikazzjoni, l-applikazzjoni, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-kontroll fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew (FSIE) xorta għadhom onerużi kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni, partikolarment dawk b’anqas ħiliet amministrattivi u finanzjarji; |
C. |
billi r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) attwali, inkluż fil-proċess tat-traspożizzjoni ta' regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq dewmien u twassal għal perjodu itwal barra mis-suq kif ukoll spejjeż indiretti għal benefiċjarji potenzjali li qed ifittxu finanzjament mill-UE, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt tal-finanzjament tal-UE fuq l-investiment u jinħolqu ostakoli għall-benefiċjarji, iċ-ċittadini u l-kumpaniji fl-UE, partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; |
D. |
billi l-proċeduri kkumplikati jistgħu jixħtu piż sinifikanti fuq il-benefiċjarji, partikolarment fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-NGOs u l-muniċipalitajiet, li jeħtieġu l-finanzjament tal-UE u billi, b’mod ġenerali, dawn l-entitajiet ma għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani, u lanqas il-kompetenza esperta, biex japplikaw b’suċċess għal-għotjiet tal-UE u biex jiġġestixxuhom; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-istrument ta' kejl ta' riskju ARACHNE operattiv u aktar faċli biex jintuża mill-awtoritajiet ta' ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll ta' programmi operattivi, li għandhom jiżguraw bilanċ xieraq bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa, u d-detezzjoni u l-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, fuq in-naħa l-oħra; |
E. |
billi l-irduppjar tal-awditjar u d-differenzi fl-approċċi u fil-metodoloġiji ta’ awditjar jitolbu l-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta’ awditu uniku” kif ukoll enfasi aktar qawwija fuq l-awditjar tal-prestazzjoni, li jistgħu jevalwaw aħjar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-operazzjonijiet u jwasslu għal proposti għal semplifikazzjoni; |
1. |
Iqis li l-Kummissjoni għandha tintroduċi linji gwida dettaljati dwar is-semplifikazzjoni sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jsiru konxji tal-kompitu tagħhom li jeliminaw, jew tal-anqas inaqqsu b'mod sinifikanti, il-piż amministrattiv u r-regolamentazzjoni żejda li jirriżultaw fil-livelli nazzjonali u lokali fil-proċessi ta’ akkwist, l-għażla tal-proposti ta' proġetti u l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta'; kontroll, inkluż li jiġu evitati bidliet frekwenti fir-regoli, is-semplifikazzjoni tal-lingwaġġ u tal-proċeduri ta' standardizzazzjoni, kif ukoll l-iffukar tal-baġit tal-UE fuq riżultati tanġibbli; barra minn hekk, jiddikjara li, pakkett ta’ finanzjament reġjonali tal-UE integrat, permezz ta’ interfaċċa unika jew ta' punt uniku ta' kuntatt jista’ jkun possibilità jiġi previst, biex b’hekk issir bidla lejn proċessi u proċeduri komuni, kull meta jkun possibbli; |
2. |
Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom bi pjan direzzjonali biex tallinja u tissemplifika l-attivitajiet ta’ kontroll, monitoraġġ u rappurtar, inkluż għall-benefiċjarji, sabiex telimina l-ostakli attwali; |
3. |
Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tad-data mira tal-31 ta' Diċembru 2015, kif stipulat fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), biex issir il-konverżjoni għal koeżjoni elettronika bħala prekundizzjoni għal -tnaqqis sinifikanti taż-żmien mill-applikazzjoni sa meta tingħata l-għotja; |
4. |
Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi u timplimenta, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, approċċ ħafif għal rekwiżiti ta' data u ta’ informazzjoni għal benefiċjarji matul il-proċess ta’ applikazzjoni u fir-rigward ta’ rappurtar relatati mal-finanzjament tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajbin; |
5. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-semplifikazzjoni tar-regoli li jiggvernaw l-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Fondi SIE bil-għan li jiġu allinjati aktar mill-qrib għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, bil-għan aħħari li jkun hemm titjib fl-użu tagħhom; |
6. |
Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-użu ta’ approċċ ibbażat fuq bosta fondi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji; |
7. |
Jistieden lill-Kummissjoni tniedi djalogu strutturat u permanenti mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra dwar l-aspetti kollha ta’ dan il-proċess ta’ semplifikazzjoni; |
8. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom. |