27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/151


P8_TA(2015)0418

L-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (2015/2977(RSP))

(2017/C 366/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tal-1951,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokolli Fakultattivi ta' magħha dwar l-involviment tat-tfal fil-konflitti armati ta' Mejju 2000, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal ta' Jannar 2002 u dwar proċedura tal-komunikazzjonijiet ta' Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar it-Tfal assoċjati ma' Forzi Armati jew Gruppi Armati (il-Prinċipji ta' Pariġi), tan-NU, ta' Frar 2007,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu “Dinja xierqa għat-tfal”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona li jistabbilixxi l-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu meqjusa fil-politiki li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja”, tat-30 ta' Jannar 2008,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” (COM(2008)0055),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati (aġġornati fl-2008),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid),

wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi li l-Unjoni Ewropea irċeviet fl-10 ta' Diċembru 2012 u l-premju ta' flus li sussegwentement irċeviet u li ġie impenjat għall-inizjattiva tal-UE “It-Tfal tal-Paċi”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-linji gwida rilevanti inklużi dawk tal-UNICEF u tal-UNESCO,

wara li kkunsidra “Il-Qafas ta’ Azzjoni ta’ Dakar” adottat mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni mis-26 sat-28 ta' April 2000 u d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni Incheon: Edukazzjoni 2030” adottata mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni tad-19 sat-22 ta' Mejju 2015,

wara li kkunsidra d-“Dikjarazzjoni ta’ Oslo” adottata matul is-Summit ta' Oslo dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp tas-6 u s-7 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (O-000147/2015 – B8-1108/2015),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi skont l-istimi tan-NU hemm biljun tifel u tifla li qed jgħixu f’żoni milquta minn konflitti, li minnhom 250 miljun huma taħt l-età ta' 5 snin u qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal edukazzjoni; billi madwar 65 miljun tifel u tifla ta' bejn it-3 u l-15-il sena huma l-aktar milquta mis-sitwazzjonijiet ta' emerġenzi u kriżijiet li qed itulu, bir-riskju li l-edukazzjoni tagħhom tiġi interrotta, u madwar 37 miljun tifel u tifla fl-età tal-iskola primarja u tal-ewwel snin tas-sekondarja mhumiex qed jattendu skola fil-pajjiżi milquta minn kriżijiet; billi madwar nofs it-tfal li ma jmorrux skola fid-dinja jgħixu f'żoni milquta minn kunflitti; billi 87 % tat-tfal li ma jmorrux skola fl-Istati Għarab huma milquta minn konflitti, u huwa stmat li 175 miljun tifel u tifla x'aktarx li jintlaqtu minn diżastri naturali kull sena; billi ċerti gruppi, bħalma huma t-tfal foqra, il-bniet u t-tfal b'diżabilità, jaraw il-prospetti diġà baxxi tagħhom ikomplu jonqsu aktar fiż-żoni milquta mill-konflitti jew f'kuntesti fraġli;

B.

billi kważi 10 miljun tifel u tifla huma refuġjati u huwa stmat li hemm 19-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja li ġew spostati f'pajjiżhom b'riżultat tal-konflitt;

C.

billi kull tifel u tifla huma l-ewwel u qabel kollox tfal li drittijiethom għandhom jiġu rrispettati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, ta' migrazzjoni jew ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

D.

billi l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u d-dritt ta' kull tifel u tifla; billi l-edukazzjoni hija vitali bil-għan li dak li jkun ikun jista' jgawdi bis-sħiħ id-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi l-oħra kollha;

E.

billi l-edukazzjoni tifforma l-bażi taċ-ċittadinanza responsabbli, tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għall-ugwaljanza soċjali, ekonomika, politika u bejn is-sessi u hija vitali għall-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa soċjalment, kulturalment u professjonalment u għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

F.

billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-integrazzjoni u t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal b'diżabilità u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

G.

billi l-edukazzjoni primarja b'xejn għat-tfal kollha hi dritt fundamentali li l-gvernijiet taw pleġġ li jirrispettaw skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jlestu kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan il-għan;

H.

billi l-Qafas ta' Dakar u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) immobilizzaw lill-komunità internazzjonali favur l-aċċess universali għall-edukazzjoni primarja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u edukazzjoni ta' kwalità, iżda l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet mhu se jintlaħaq sad-data fil-mira, jiġifieri l-2015;

I.

billi f'mill-inqas 30 pajjiż fid-dinja hemm attakki fuq l-edukazzjoni mill-forzi tas-sigurtà tal-istat u minn gruppi armati li mhumiex tal-istat; billi l-ħarsien tal-iskejjel mill-attakki u mill-użu militari minn gruppi armati kemm tal-istat u kemm mhumiex huwa konformi mad-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

J.

billi t-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jiffaċċjaw theddid li kulma jmur qed jiżdied u huma milquta b'mod sproporzjonat, speċjalment fl-istati fraġli; billi t-tfal u l-adoloxxenti li ma jmorrux l-iskola jiffaċċjaw riskju ogħla ta' żwieġ bikri u tqala bikrija, reklutaġġ għal ma' forzi jew gruppi armati, li jiġu ttraffikati jew sfruttati għax-xogħol; billi fiż-żoni ta' gwerra l-għajnuna umanitarja hija spiss l-uniku mod kif it-tfal ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom u jtejbu l-prospetti futuri tagħhom, u dan imbagħad jgħinhom jitħarsu mill-abbuż u l-isfruttament;

K.

billi l-provvediment ta' edukazzjoni ta' kwalità f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ma jiffurmax parti minn kull rispons umanitarju, huwa ffukat b'mod predominanti fuq l-edukazzjoni primarja u għadu meqjus bħala sekondarju għall-provvediment tal-ikel, ix-xorb, l-għajnuna medika u l-kenn, u billi, bħala riżultat, it-tfal milquta minn konflitt jew diżastri naturali jitilfu milli jirċievu edukazzjoni;

L.

billi l-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni hija waħda baxxa, u l-għajnuna aktar ġeneruża għall-iżvilupp tasal tard jew ma tasal xejn; billi s-sistemi tat-twassil huma kkoordinati ħażin, bi spejjeż għolja tat-tranżazzjonijiet, u hemm nuqqas ta' sħab b'kapaċitajiet ta' rispons adegwati;

M.

billi l-kwalità fl-ipprogrammar tal-edukazzjoni għar-refuġjati għandha t-tendenza li tkun waħda baxxa, bi proporzjon ta' alljievi għal kull għalliem/a ta' medja ta' 70:1 u proporzjon għoli ta' għalliema mhux ikkwalifikati;

N.

billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (GħŻS) u l-miri assoċjati jistabbilixxu aġenda ġdida, olistika u ambizzjuża għall-edukazzjoni, li għandha titwettaq sal-2030;

O.

billi l-aċċess universali għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja, mhux biss edukazzjoni bażika iżda wkoll – u b'importanza indaqs – edukazzjoni sekondarja u għolja, huwa essenzjali biex jiġu megħluba l-inugwaljanzi u jintlaħqu l-GħŻS;

P.

billi l-UE se tinvesti EUR 4,7 biljun fl-edukazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2014-2020, li hija żieda fuq il-EUR 4,4 biljun investiti fl-2007-2013;

Q.

billi d-Dikjarazzjoni Incheon tinnota bi tħassib li l-kunflitti, id-diżastri naturali u kriżijiet oħra qed ikomplu jxekklu l-edukazzjoni u l-iżvilupp, u tieħu impenn favur l-iżvilupp ta' “sistemi edukattivi aktar inklużivi, risponsivi u reżiljenti” u tenfasizza li l-edukazzjoni jeħtieġ “tiġi pprovduta f'ambjenti ta' tagħlim li joffru sikurezza, appoġġ u sigurtà li jkunu ħielsa mill-vjolenza”;

R.

billi l-inizjattiva “It-Tfal tal-Paċi tal-UE” tipprovdi aċċess għall-iskejjel għal madwar 1,5 miljun tifel u tifla fiż-żoni ta' konflitt u f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza f'26 pajjiż, fejn huma jkunu jistgħu jitgħallmu f'ambjent sikur u jirċievu appoġġ psikoloġiku;

S.

billi ġew żviluppati approċċi innovattivi, inklużivi u olistiċi għall-edukazzjoni fl-emerġenzi minn għadd ta' sħab tal-UE bħalma hija l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal refuġjati milquta mill-konflitti li jkunu għaddejjin; billi dan l-approċċ jgħaqqad flimkien il-ħtiġijiet umanitarji tal-futur qrib tat-tfal u l-ħtiġijiet ta' żvilupp tagħhom tal-futur 'il bogħod u jinkludi l-iżvilupp ta' materjali ta' awtotagħlim interattivi, appoġġ psikosoċjali, spazji ta' tagħlim sikuri u rikreattivi, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà u attivitajiet ta' bini tal-kapaċità;

T.

billi huwa stmat li huma meħtieġa madwar USD 8 biljun kull sena sabiex jiġi pprovdut appoġġ edukattiv lit-tfal milquta minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u billi l-kontribuzzjonijiet domestiċi tal-gvernijiet milquta jħallu diskrepanza finanzjarja globali ta' USD 4,8 biljun għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

U.

billi biex din id-diskrepanza ma tibqax teżisti jeħtieġ li jiżdied il-finanzjament għall-iżvilupp u l-finanzjament umanitarju, kif ukoll l-infiq pubbliku fl-edukazzjoni min-naħa ta' stati fraġli; billi l-edukazzjoni bħala proporzjon tan-nefqa tal-gvernijiet fi stati fraġli naqset f'dawn l-aħħar snin, u għadha 'l bogħod mill-punt ta' riferiment rakkomandat internazzjonalment ta' 20 %;

V.

billi d-Dikjarazzjoni ta' Oslo tinnota kemm hu importanti li tiġi studjata l-arkitettura globali tal-għajnuna fit-tfittxija biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-risponsi umanitarji u l-interventi għall-iżvilupp għall-ġejjieni aktar 'il bogħod fil-qasam tal-edukazzjoni, u tipproponi li titwaqqaf pjattaforma ġdida għal dan il-għan, kif ukoll li jinħoloq fond apposta jew modalità ġdida għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kmieni biżżejjed qabel is-Summit Umanitarju Dinji fl-2016.

1.

Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja universali bħala katalista għall-iżvilupp, li ttejjeb il-prospetti ta' interventi oħra fl-oqsma tas-saħħa, is-sanità, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar, u l-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni bħala għodda b'saħħitha li hija meħtieġa bil-għan li jingħata sens ta' normalità, titqajjem il-kuxjenza dwar id-drittijiet u t-tfal, l-adoloxxenti, u ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jegħilbu t-trawma, jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà f'dak li jkunu ħallew warajhom il-konflitti, u jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex jerġgħu jibnu s-soċjetajiet tagħhom u jippromwovu l-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

2.

Jenfasizza li, fuq tul ta’ żmien, l-edukazzjoni ta’ kwalità tista’ tkun ingredjent kritiku fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet ta' wara l-konflitti, peress li tista' żżid il-potenzjal ta' qligħ tat-tfal, tippermettilhom iżommu l-familja tagħhom aktar b'saħħitha u ttejjeb l-abilità tagħhom li jeħilsu miċ-ċiklu tal-faqar;

3.

Jisħaq li l-bniet u tfal żvantaġġjati oħra, inklużi t-tfal b'diżabilità, ma għandha qatt issir diskriminazzjoni kontrihom f'dak li hu aċċess għal edukazzjoni tajba f'sitwazzjoni ta' emerġenza;

4.

Jenfasizza r-rwol pożittiv li taqdi l-edukazzjoni fl-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat tagħlim tul il-ħajja mingħajr interruzzjonijiet għall-adoloxxenti żgħar; jemmen li dan se jillimita wkoll il-possibilitajiet li huma jiġu involuti ma' gruppi armati jew jiġu ingaġġati fl-estremiżmu;

5.

Jirrikonoxxi l-progress li sar minn mindu ġew adottati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, iżda jiddeplora l-fatt li l-miri stabbiliti mhumiex se jintlaħqu fl-2015; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu dawn l-għanijiet l-ogħla prijorità fil-politiki interni tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li dawn l-għanijiet – speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess universali għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi – jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jilqa' b'sodisfazzjon l-aġenda tal-edukazzjoni l-ġdida stabbilita fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u jkompli jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess ekwu għal edukazzjoni ta' kwalità għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli;

6.

Jinnota bi tħassib li l-progress fl-edukazzjoni kien miexi l-aktar bil-mod jew ma kien jeżisti xejn fil-pajjiżi milquta mill-konflitti u fl-istati fraġli u milquta mill-konflitti, u jenfasizza kemm hu importanti li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi u li jiġi żgurat tagħlim mingħajr interruzzjonijiet meta jfaqqgħu l-kriżijiet; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' impenn akbar min-naħa tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha involuti f’diversi livelli, bil-għan li jipprovdu strumenti biex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-edukazzjoni mifruxa ma' kullimkien f'dawn il-pajjiżi milquta mill-kriżijiet;

7.

Jenfasizza l-fatt li miljuni ta' tfal ġew imġiegħla jsiru refuġjati, u jenfasizza li l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal refuġjati huwa importantissmu; jistieden lill-pajjiżi akkoljenti jiżguraw li t-tfal refuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema kemm dawk mill-komunitajiet spustjati u kemm dawk mill-komunitajiet ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-refuġjati, permezz ta' programmi mmirati li jinvolvu u psikoloġikament jappoġġjaw lit-tfal migranti, kif ukoll li jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li jiġi żgurat livell ogħla u aktar xieraq ta' integrazzjoni tat-tfal refuġjati;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fuq l-edukazzjoni primarja bażika; jenfasizza l-fatt li ż-żgħażagħ tal-età ta' bejn it-12 u l-20 sena għandhom opportunitajiet limitati ħafna fi ħdan il-komunitajiet tar-refuġjati, filwaqt li fl-istess ħin qed ikunu fil-mira primarjament għas-servizz militari u suriet oħra ta' ingaġġ fil-konflitt armat; jirreferi għall-eżempju tal-Afganistan, fejn, skont il-Bank Dinji, minkejja l-popolazzjoni enormi tiegħu fl-età tax-xogħol, huma biss 30 % tal-persuni ta' 15-il sena u akbar li jafu jaqraw u jiktbu u fejn deċennji ta’ snin ta' gwerra rriżultaw fi skarsezza kritika ta’ ħaddiema tas-sengħa;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' akkoljenza speċifiċi għat-tfal mhux akkumpanjati u għall-ommijiet waħedhom bit-tfal;

10.

Ifakkar lill-Istati Membri li l-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni tal-abbuż u t-traffikar huma aċċidentali għall-inklużjoni tagħhom fl-iskejjel u fil-programmi edukattivi, u li għandha ssir dispożizzjoni għal standards iddefiniti sewwa għall-akkoljenza, l-inklużjoni u l-appoġġ lingwistiku, kif stabbilit fid-Direttiva 2013/33/UE;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-istudenti refuġjati fi tranżitu, ukoll billi jikkooperaw ma' għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu “kurituri tal-edukazzjoni” biex jiġi żgurat li studenti minn pajjiżi li jinsabu għaddejja minn konflitt, b'mod partikolari s-Sirja, l-Iraq u l-Eritrea, jiġu aċċettati fl-universitajiet;

13.

Jitlob li l-UE u l-aġenziji umanitarji tagħha b'mod sistematiku jinkludu l-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal fiċ-ċiklu tar-rispons għall-emerġenzi kollu kemm hu u jiżguraw fondi pluriennali flessibbli għall-kriżijiet imtawla;

14.

Jilqa' l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju ta' Bekou, il-Fond Fiduċjarju ta' Madad u l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika bħala għodod effettivi biex tiġi indirizzata l-firda bejn il-finanzjament umanitarju u l-finanzjament tal-iżvilupp f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi u mtawla fejn il-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji huma interkonnessi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni għat-tfal bħala prijorità fl-allokazzjoni tar-riżorsi mill-Fondi Fiduċjarji tal-UE;

15.

Jirrikonoxxi l-lakuni preokkupanti li jinsabu fir-rispons ta' edukazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, partikolarment minħabba li impenn bikri joffri benefiċċji mhux biss għat-tfal milquta iżda jista' wkoll itejjeb l-effikaċja tar-rispons umanitarju usa’; itenni l-appoġġ tiegħu biex l-iskejjel jinżammu bħala spazji sikuri għat-tfal, u jenfasizza f'dan il-kuntest kemm hu importanti li l-edukazzjoni tiġi protetta mill-attakki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw il-prinċipji tal-Qafas Komprensiv tal-Iskejjel Sikuri u li jipproteġu l-edukazzjoni mill-attakki u mill-użu militari skont id-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

16.

Jitlob li l-UE taħdem ma' pajjiżi sħab, donaturi oħra, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex ittejjeb l-opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta' konflitt u emerġenzi oħra, minħabba r-rwol kruċjali li ż-żgħażagħ jistgħu jaqdu fl-istabbilità ta' wara l-konflitt permezz tal-ħiliet potenzjalment akkwiżiti tagħhom biex jerġgħu jinbnew l-infrastruttura, is-servizzi bażiċi, il-faċilitajiet tas-saħħa u s-sistemi edukattivi, u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta' popolazzjoni żagħżugħa mingħajr xogħol li tikkawża taqlib soċjali jew li terġa’ taqa’ lura f’ċirku vizzjuż ta’ vjolenza;

17.

Ifaħħar l-inizjattiva It-Tfal tal-Paċi tal-UE, li għandha l-għan li tiffinanzja proġetti edukattivi umanitarji f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u jistieden lill-Kummissjoni tkabbar din l-inizjattiva; jilqa' l-inizjattiva No Lost Generation (L-Ebda Ġenerazzjoni Mitlufa), varata minn għadd ta' donaturi u entitajiet umanitarji u tal-iżvilupp, inkluża l-UE, bil-ħsieb li jingħata aċċess għall-edukazzjoni għal miljuni ta' tfal fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien;

18.

Jiddeplora l-fatt li minkejja r-rwol importanti tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, dan il-qasam ta' politika rċieva inqas minn 2 % tal-fondi umanitarji kollha fl-2014; jittama għalhekk li, taħt il-programm il-ġdid għar-ristrutturar tad-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE, il-finanzjament għall-programmi tal-edukazzjoni tat-tfal, inkluż f'pajjiżi terzi milquta minn gwerer jew emerġenzi ġenerali, ikun jista' jiġi supplimentat u miżjud;

19.

Jistieden lill-atturi umanitarji kollha, minħabba n-natura mtawla tal-kriżijiet kontemporanji, jinkludu l-edukazzjoni bħala parti integrali tar-rispons umanitarju tagħhom u jżidu l-impenn tagħhom għall-edukazzjoni billi jimmobilizzaw ir-raggruppament tal-edukazzjoni fl-istadji bikrija ta' sitwazzjoni ta' emerġenza u billi jiżguraw li jiġu ddedikati għalih fondi suffiċjenti; jistedinhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-bniet, il-persuni b'diżabilità u l-fqar, iqisu lit-tfal u ż-żgħażagħ spustati li jkunu ngħataw refuġju minn komunitajiet ospitanti, u jagħtu konsiderazzjoni xierqa lill-edukazzjoni sekondarja bil-għan li ma jeskludux lill-adoloxxenti mill-edukazzjoni;

20.

Jilqa' l-attenzjoni internazzjonali – li kulma jmur qed tiżdied – mogħtija lis-suġġett tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u b'mod partikolari t-tħabbira min-naħa tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-UE tal-objettiv tiegħu li sal-2019 jiddedika 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE għall-edukazzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

21.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-objettiv tal-Kummissjoni li żżid is-sehem tal-fondi umanitarji ddedikati għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għal 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE bħala investiment minimu biex jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla; jistedinhom ukoll iżidu l-attenzjoni u l-finanzjament mogħtija lill-edukazzjoni fl-azzjonijiet umanitarji tagħhom stess, filwaqt li jisħaq li dan ma għandux isir spejjeż ta' ħtiġijiet primarji oħra; jitlob li l-UE tippromwovi fost il-pajjiżi rilevanti l-aħjar prattiki f'dawk li huma stat ta' tħejjija u strateġiji ta' rispons biex tiġi sostnuta l-edukazzjoni fil-każ ta' kriżijiet u tgħin fil-bini tal-kapaċità relatat, eż. permezz ta' programmi ta' appoġġ mill-baġit;

22.

Jenfasizza li t-teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) ħadu rwol li kulma jmur qed isiru aktar importanti fis-settur tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u jistgħu jtejbu l-ħidma tal-operaturi f'sitwazzjonijiet bħal dawn, inkluż permezz tal-pjattaformi tat-tagħlim elettroniku għall-istudenti u tat-tagħlim elettroniku għall-għalliema;

23.

Jenfasizza li, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' żieda fil-finanzjament umanitarju, din mhix se tkun biżżejjed biex tindirizza l-lakuna tal-finanzjament; jitlob lill-UE u lid-donaturi l-oħra biex jgħollu l-profil tal-edukazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-istati fraġli sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lil atturi umanitarji oħra, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-edukazzjoni pubblika universali, inkluża l-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja, bħala mod kif jiġi kkoordinat l-ipprogrammar tar-risponsi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza mal-ipprogrammar fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli;

24.

Jitlob lill-UE tappoġġja l-impenji tal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqfsa ġuridiċi nazzjonali għar-reżiljenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u r-riskji abbażi tal-Programm Internazzjonali ta' Liġijiet, Regoli u Prinċipji applikabbli għall-Azzjonijiet Internazzjonali f'Każ ta' Diżastru u biex jiżguraw li l-kapaċità fl-immaniġġjar tar-riskji teżisti b'mod orizzontali fid-dipartiment tal-gvern kollha, fis-setturi industrijali kollha u fis-soċjetà ċivili bil-għan li jiġi żgurat li t-tfal jerġgħu lura l-iskola;

25.

Jenfasizza l-importanza tas-settur privat bħala għajn potenzjali ta’ finanzjament innovattiv għall-edukazzjoni, bil-għan li jitneħħa d-distakk potenzjali ta' bejn is-servizzi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali mogħtija u d-domandi prospettivi tas-suq tax-xogħol; jitlob li jkun hemm alleanzi ġodda u modi ġodda ta' kif isiru s-sħubijiet mas-settur privat fil-proċessi tal-edukazzjoni, li jistgħu jikkostitwixxu għejun vijabbli ta’ innovazzjoni u ta' flessibilità teknoloġika u jistgħu jieħdu għadd kbir ta' forom, mill-provvediment ta' faċilitajiet ta' bini u apparati elettroniċi sa programmi ta' tagħlim elettroniku għall-istudenti u trasport u akkomodazzjoni għall-għalliema;

26.

Jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u f'kuntesti fraġli hija qasam konkret li fih l-atturi umanitarji u tal-iżvilupp jeħtieġ li jaħdmu flimkien għall-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi biex tirrispondi b'mod effettiv għal dan fl-attivitajiet tagħha stess u f’dawk tas-sħab tagħha, u tinvolvi ruħha fil-pjattaforma internazzjonali li se toħloq strumenti apposta għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza għas-Summit Umanitarju Dinji fl-2016; jappoġġja l-koordinazzjoni tal-fondi eżistenti u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' finanzjament dinji għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

27.

Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-kwistjoni tal-edukazzjoni għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u fi kriżijiet imtawla fis-Samit Umanitarju Dinji, billi jiżguraw li din it-tema jkollha post adegwat fid-dokument ta' eżitu; jitlob ukoll li huma jippromwovu standards komuni għal qafas ta' tagħlim u t-tixrid tal-aħjar prattiki dwar modalitajiet alternattivi ta' tagħlim (għal min jitgħallem), bħalma huma l-materjali ta' awtotagħlim u ta' tagħlim mill-bogħod; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi, għodod u kapaċitajiet bil-għan li l-pjanijiet tal-edukazzjoni u l-baġits tal-edukazzjoni jiġu allinjati b’mod orizzontali fir-risponsi umanitarji, fl-irkupru/it-tranżizzjoni u fl-iżvilupp kollha kemm huma;

28.

Jenfasizza li, fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet umanitarji u tal-ikbar għadd ta' nies spostati mindu seħħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-komunità internazzjonali għandha tikkunsidra l-edukazzjoni bħala element ċentrali tar-rispons umanitarju tagħha, peress li l-edukazzjoni hija katalist li jista’ jagħmel ir-rispons ġenerali aktar effettiv u anke jikkontribwixxi għall-iżvilupp, kemm fil-futur qrib u kemm fil-futur 'il bogħod, tal-popolazzjonijiet milquta.

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.