27.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/135


P8_TA(2015)0414

Il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh (2015/2970(RSP))

(2017/C 366/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladesh: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss (1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh (2) u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladesh (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE (4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja (5),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp tal-2001,

wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-1 ta' April 2015 u tad-9 ta' Awwissu 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-qtil ta' bloggers fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tas-7 ta' Awwissu 2015 magħmula minn esperti tan-NU li jikkundannaw il-qtil tal-blogger Niloy Neel,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta' Novembru 2015 magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, li jappella li l-istat joffri protezzjoni aħjar lill-kittieba, lill-pubblikaturi u lil persuni oħra li huma mhedda mill-estremisti fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-11 ta' Frar 2015 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tat-9 ta' April 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-eżekuzzjoni imminenti tas-Sur Muhammad Kamaruzzaman fil-Bangladesh,

wara li kkunsidra l-istqarrija tad-29 ta' Ottubru 2014 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh dwar il-piena kapitali fil-pajjiż,

wara li kkunsidra r-riżultati preliminari tad-9 ta' Settembru 2015 taż-żjara lill-pajjiż li saret fil-Bangladesh mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-20 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Bangladesh huwa parti, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline tat-12 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tal-24 ta' Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta’ espressjoni – inkluża l-libertà tal-istampa u tal-midja – hija pilastru indispensabbli ta' soċjetà demokratika, pluralistika u miftuħa;

B.

billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, inkluża l-approvazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' protezzjoni ugwali għall-persuni li jħaddnu twemmin nonteista jew ateista;

C.

billi l-Bangladesh għamel progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi mal-Bangladesh l-UE għandha relazzjonijiet tajba u li jmorru lura ħafna fiż-żmien, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp;

D.

billi fil-Kostituzzjoni tal-Bangladesh, adottata fl-2014, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ espressjoni;

E.

billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi l-vjolenza, it-tixwix, id-diskors ta' mibegħda, il-fastidju, l-intimidazzjoni u ċ-ċensura kontra l-ġurnalisti u l-bloggers – għadhom qed ikunu mifruxa ħafna fil-Bangladesh; billi l-Bangladesh huwa kklassifikat il-146 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

F.

billi t-tensjonijiet bejn il-forzi sekulari u dawk reliġjużi żdiedu u żdiedet il-vjolenza kontra dawk li ma jaqblux; billi għal snin sħaħ gruppi estremisti Iżlamisti domestiċi fundamentalisti – b'mod partikolari l-Ansarullah Bangla Team – ippubblikaw “hit list” ta' persuni mitqiesa kritiċi tal-Iżlam, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Taslima Nasreen, u talbu għall-eżekuzzjoni tal-bloggers u tal-kittieba sekulari, filwaqt li wettqu qtil brutali b'impunità relattiva;

G.

billi fil-31 ta' Ottubru 2015 Faisal Arefin Dipan, pubblikatur fid-dar editriċi Jagriti Prokashoni, inqatel brutalment b'maxetti ġewwa l-uffiċċju tiegħu f'Dhaka; billi fl-istess jum pubblikatur ieħor u żewġ kittieba ġew attakkati u midruba, u billi oħrajn għadhom qed jiffaċċjaw theddid;

H.

billi tal-inqas ħames bloggers u ġurnalisti sekulari nqatlu fil-pajjiż din is-sena (Niladri Chatterjee, alias Niloy Neel, Faisal Arefin Dipan, Ananta Bijoy Das, Washiqur Rahman Babu and Abhijit Roy) talli utilizzaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-kelma dwar kwistjonijiet politiċi, soċjali u reliġjużi; billi l-gruppi estremisti Iżlamisti ddikjaraw ir-responsabbiltà għal għadd ta' każi ta' qtil;

I.

billi l-blogger prominenti Ahmed Rajib Haider inqatel fl-2013, u l-għalliem tal-università A.K.M. Shafiul Islam inqatel fl-2014; billi ħafna bloggers oħra rċevew theddid ta' mewt fuq il-midja soċjali – ġew ippubblikati “hit lists” fuq Facebook li kienu mmirati għal kittieba sekulari – jew irnexxielhom jeħilsuha minn attentati ta' assassinju, u għadd minnhom waqfu jiktbu jew ħarbu mill-pajjiż;

J.

billi l-Prim Ministru Sheikh Hasina kkundannat il-qtil u esprimiet l-impenn tal-gvern tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; billi hija ħabbret “politika ta' tolleranza żero” fil-konfront ta' kwalunkwe vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-aġenziji tal-infurzar u billi adottat Att ta' Riforma tal-Pulizija li jiddisponi għal kodiċi ta' kondotta; billi, minkejja dan, hija appoġġat ukoll l-arrest mill-gvern tagħha ta' bloggers sekulari u l-istabbiliment ta' bord ta' intelliġence biex jiskenja l-midja soċjali għal kontenut potenzjalment blasfemiku;

K.

billi f'Awwissu 2014 il-Gvern tal-Bangladesh introduċa politika tal-midja ġdida li tkompli tqajjem tħassib dwar il-libertà ta' espressjoni; billi partijiet minn din il-politika jimponu limiti fuq il-libertà tal-midja, pereżempju fil-każ tal-projbizzjoni ta' kliem li huma “antistatali”, “jirridikolaw l-ideoloġija nazzjonali” jew “huma inkonsistenti mal-kultura tal-Bangladesh” u l-każ tar-restrizzjoni tar-rappurtar ta' “anarkija, ribelljoni jew vjolenza”; billi l-Gvern tal-Bangladesh intensifika t-trażżin fuq il-midja soċjali bl-għeluq temporanju jew sħiħ tal-internet kollu, Facebook, WhatsApp, Viber u Messenger;

L.

billi f'dawn l-aħħar xhur diversi ġurnalisti ġew arrestati u akkużati li kisru l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (l-Att dwar l-ICT), li jikkriminalizza pubblikazzjonijiet diffamatorji u “antistatali”;

M.

billi l-fastidju żdied b'mod allarmanti mill-introduzzjoni mhux iġġustifikata tal-liġijiet fl-2014; billi 13-il persuna li jadħmu fis-settur tal-midja ffaċċjaw proċedimenti ta' disprezz, li kkontribwixxa għal ambjent ġenerali ta' biża' u ta' intimidazzjoni u li wassal għall-awtoċensura;

N.

billi fis-16 ta' Awwissu 2015, Probir Sikdar, ġurnalist u sid il-gazzetta elettronika Uttaradhikar Ekattor News, ġie arrestat talli allegatament wettaq diffammazzjoni fir-rigward ta' Ministru tal-Gvern fuq Facebook; billi fit-18 ta' Awwissu 2015, Shaukat Mahmud, President tal-Unjoni Federali tal-Ġurnalisti tal-Bangladesh, ġie arrestat talli allegatament wettaq attakk bi ħruq volontarju fuq karozza tal-linja fit-23 ta' Jannar 2015 u akkużat fi tliet każijiet b'konnessjoni mal-allegat attakk;

O.

billi xi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni għebu taħt ċirkostanzi mhux ċari matul l-aħħar snin;

P.

billi l-UE hija kontra l-użu tal-piena kapitali fil-każijiet kollha u taħt iċ-ċirkostanzi kollha, u b'mod konsistenti appellat għall-abolizzjoni universali tagħha;

Q.

billi fil-21 ta' Novembru 2015, żewġ mexxejja anzjani Bangladeshi tal-oppożizzjoni ġew iġġustizzjati għal delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra tal-indipendenza tal-1971 mal-Pakistan wara li t-talbiet finali tagħhom għall-klemenza ġew miċħuda;

R.

billi fit-18 ta' Novembru 2015, Piero Arolari, qassis Taljan u tabib mediku, sparaw għalih, filwaqt li fit-28 ta' Settembru 2015, Cesare Tavella, ħaddiem umanitarju Taljan u fit-3 ta' Ottubru 2015, Hoshi Kunio, assistent soċjali Ġappuniż, ġew maqtula u l-militanti tal-Istat Iżlamiku ħadu r-responsabbiltà ta' dawn l-atti, l-istess kif għamlu għall-attakki bil-bombi waqt il-purċissjoni tal-Ashura fis-santwarju Musulman ewlieni tax-Xiiti f'Dhaka fl-24 ta' Ottubru 2015, fejn inqatel tifel adoloxxenti u sfaw midruba diversi oħrajn;

S.

billi l-gvern ippropona l-abbozz ta' Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji), imfassal biex jirregola l-operazzjonijiet u l-iffinanzjar għal kwalunkwe grupp li jirċievi għotjiet barranin;

1.

Jikkundanna l-attakki li qed dejjem jiżdiedu ta' estremisti Iżlamisti kontra l-kittieba u l-bloggers sekularisti, il-minoranzi reliġjużi u l-ħaddiema umanitarji barranin; jiddeplora t-telf tal-ħajja u joffri l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-vittmi u lill-familji tagħhom;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkundannaw ulterjorment l-atti orribbli li għaddejjin kontra l-libertà ta' espressjoni u jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-waqfien immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra l-ġurnalisti, il-bloggers u s-soċjetà ċivili;

3.

Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar, rigward id-dritt għal-libertà ta' espressjoni li akkumpanjat iż-żieda tal-fundamentaliżmu reliġjuż, l-intolleranza u l-vjolenza estremista fil-Bangladesh; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-protezzjoni pprovduta lill-attivisti u lill-ġurnalisti mill-awtoritajiet; jistieden lill-partiti politiċi kollha u lill-mexxejja tagħhom biex b'mod inekwivoku u mingħajr riserva jikkundannaw il-vjolenza estremista u jappoġġaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni;

4.

Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bangladesh fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, inkluża r-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi jew reliġjużi tagħhom, u biex jiggarantixxu li l-libertajiet ta' espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw it-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti u li jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-għajbien ta' membri tal-partiti tal-oppożizzjoni matul dawn l-aħħar ftit snin, b'mod partikolari fix-xhur ta' qabel u ta' wara l-elezzjonijiet ta' Jannar 2014;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jipprevjenu l-impunità u jagħmlu dak kollu possibbli biex jidentifikaw l-aggressuri kollha u jressquhom quddiem il-ġustizzja, billi jagħtu bidu għal investigazzjonijiet indipendenti, kredibbli u trasparenti u jiżguraw proċessi ġusti, bla rikors għall-piena tal-mewt;

7.

Jinnota l-isforzi li qegħdin isiru biex jitwettqu l-arresti marbuta mal-qtil ta' Abhijit Roy, Washiqur Rahman Babu u Niladri Chatterjee; jilqa' l-progress li qed isir fl-investigazzjonijiet kriminali dwar il-mewt taċ-ċittadin Taljan, Cesare Tavella u taċ-ċittadin Ġappuniżi, Konio Hoshi;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangaldesh jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni aktar qtil billi jieħu miżuri effikaċi ħalli jipproteġi l-kittieba, il-pubblikaturi u persuni oħra li rċevew theddid, mhux biss billi jipprovdi protezzjoni fiżika speċjali lil dawk li huma miri potenzjali tal-vjolenza, iżda wkoll billi jagħti bidu għal dibattiti pubbliċi li jisfidaw il-fehmiet estremisti ta' kwalunkwe tip;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh ireġġgħu lura l-indipendenza sħiħa tal-midja, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-pubblikaturi u l-ġurnalisti li ppubblikaw kontenut li jikkritika lill-gvern, jippermettu l-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-kumpaniji tal-midja li ġew magħluqa, u jreġġgħu lura b'mod immedjat l-aċċess sħiħ u bla xkiel għall-forom kollha ta' pubblikazzjonijiet, inklużi dawk elettroniċi;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

11.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tas-sistema tal-qorti u jemendaw l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà tal-2015 sabiex jallinjawhom mal-istandards internazzjonali tal-liberta ta' espressjoni, filwaqt li jwaqqgħu l-kriminalizzazzjoni tal-pubblikazzjonijiet “antistatali”;

12.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-każijiet rikorrenti ta' vjolenza etnika u reliġjuża motivata, speċifikament il-vjolenza sessista kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh u l-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-mexxejja tagħhom jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jaħdem lejn li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li jkunu wettqu dan it-tip ta' vjolenza; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Bangladesh joffri biżżejjed protezzjoni u garanziji lill-minoranzi bħalma huma l-Musulmani Xiiti, l-Ahmadiyya, il-Ħindu, il-Buddisti u l-Insara, iżda wkoll il-Biharis;

13.

Jinnota li l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji) tal-2014 wassal, f'xi każijiet, biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili leġittimi ġew soġġetti għal kontroll arbitrarju mill-gvern; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jeżaminaw din il-leġiżlazzjoni biex dan jiġi pprevenut;

14.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

15.

Jitlob lill-Gvern tal-Bangladesh jippermetti NGOs internazzjonali fil-pajjiż biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom u jiżgura li l-gruppi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fi klima mingħajr biża' u rippressjoni;

16.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, id-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh u d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u politika fil-Bangladesh u jużaw l-għodda kollha disponibbli, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.

Jistieden lill-UE, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex b'mod immedjat tqajjem it-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq mal-awtoritajiet tal-Bangladesh;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0516.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2014)0024.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0045.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2012)0470.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0274.