20.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 355/2


P8_TA(2015)0374

Il-Kriżi tal-Ebola: it-tagħlimiet fit-tul

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kriżi tal-Ebola: it-tagħlimiet fit-tul u kif jistgħu jiġu mssaħħa s-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġu prevenuti kriżijiet futuri (2014/2204(INI))

(2017/C 355/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2177 (2014) tat-18 ta’ Settembru 2014 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-19 ta' Settembru 2014 dwar “miżuri maħsuba biex irażżnu u jiġġieldu l-epidemija tal-Ebola li ġiet iddikjarata reċentement fl-Afrika tal-Punent”,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet, Ban Ki-moon, li jistabbilixxi l-ewwel missjoni tas-saħħa ta' emerġenza fl-istorja tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Rispons ta' Emerġenza kontra l-Ebola (UNMEER), wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 69/1 tal-Assemblea Ġenerali u r-Riżoluzzjoni 2177(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-epidemija tal-Ebola,

wara li kkunsidra r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (IHR) tal-2005 (WA 32.1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet mill-konsultazzjoni tal-WHO dwar iz-zunożi tal-5 ta' Mejju 2004,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-WHO tat-8 ta' Awwissu 2014 li ddikjarat li l-epidemija tal-Ebola hi emerġenza ta' saħħa pubblika ta' preokkupazzjoni internazzjonali,

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-WHO tat-28 ta' Awissu 2014 ta' Rispons għall-Ebola u l-aġġornamenti tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tad-Direttur Ġenerali tal-WHO għas-Sessjoni Straordinarja tal-Kunsill Eżekuttiv dwar l-Ebola li ltaqa' f'Ġinevra fil-25 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-WHO tad-9 ta' Mejju 2015 dwar tmiem l-epidemija tal-virus tal-Ebola fil-Liberja,

wara li kkunsidra l-Gwida għall-Programmi ta' Immunizzazzjoni fir-Reġjun Afrikan fil-Kuntest tal-Ebola, maħruġa mill-WHO,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni wara l-laqgħa tar-Rebbiegħa tal-2015 tal-Grupp tal-Bank Dinji – FMI organizzata f'Washington DC mis-17 sad-19 ta' April 2015,

wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali msejħa 'Ebola: mill-emerġenza għall-irkupru' li saret Brussel nhar it-3 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-istabbiliment mill-Unjoni Afrikana, tal-missjoni ta' Appoġġ mill-Unjoni Afrikana għat-Tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent (ASEOWA), stabbilita fil-21 ta’ Awissu 2014,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-11 ta' Diċembru 2013 li jwaqqaf il-Horizon 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)0128 flimkien ma' SEC(2010)0380, 0381 u 0382 dwar ir-Rwol tal-UE fis-Saħħa Globali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali adottati fit-3011-il laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta’ Mejju 2010;

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Awissu 2014, tal-20 ta' Ottubru 2014, tas-17 ta' Novembru 2014, tat-12 ta' Diċembru 2014 u tas-16 ta' Marzu 2015 dwar il-kriżi tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent,

wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kunsill Ewropew, abbozzati f'Novembru 2014 u f'Marzu 2015 minn Christos Stylianides, Kummissarju Ewropew u koordinatur tal-Unjoni għall-Ebola,

wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Rispons Komprensiv tal-Unjoni Ewropea għall-epidemija tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent, żviluppat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva tat-Trasparenza fl-Industriji tal-Estrazzjoni (EITI) u r-rapport ta' progress tal-EITI tal-2011 dwar is-Sjerra Leone, ir-rapport ta' progress tal-EITI tal-2012 dwar il-Liberja u r-rappor ta' progress tal-EITI tal-2012 dwar il-Ginea;

wara li kkunsidra l-programm Franċiż RIPOST 'Retikolat tal-Istituti Sanitarji Pubbliċi fl-Afrika tal-Punent',

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar l-epidemija tal-Ebola adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fi Strasburgu, Franza, fit-3 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-epidemija tal-Ebola (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0281/2015),

A.

billi s-sistemi sanitarji tal-Liberja, Sjerra Leona u l-Ginea fihom nuqqasijiet massiċċi, u billi t-tliet pajjiżi ġa qabel ma faqqgħet l-epidemija kien fost dawk f'qiegħ l-indiċi tal-iżvilupp uman tal-UNDP, b'xi 80 % taċ-ċittadini tal-pajjiż jgħixu f'faqar estrem, u bl-ogħla rata ta' mwiet adulti prematuri u ta' tfal taħt l-età ta' 5 snin, l-aktar minħabba f'kondizzjonijiet li jeżisti trattament għalihom;

B.

billi l-kriżi tal-Ebola hija sistemika fuq livell lokali u reġjonali iżda wkoll fuq il-livell ta' governanza nazzjonali u dinjija;

C.

billi l-kobor tal-katastrofi jista' jiġi attribwit lil bosta fatturi, fosthom: in-nuqqas politiku tal-pajjiżi milqutin li jagħtu l-allarm, ir-rispons maladattat tal-komunità internazzjonali, l-effetti devastanti tal-għeluq tal-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq in-nies, l-ineffikaċja tal-mekkaniżmu ta' sorveljanza u allerta, ir-rispons bil-mod u maladattat appena ġiet immobilizzata l-għajnuna, l-assenza tal-għaġeb ta' leadership mill-WHO, in-nuqqas ta' riċerka u żvilupp ta' mediċini, dijanostika u vaċċini;

D.

billi tliet każijiet ġodda tal-marda tal-virus Ebola kkonfermati ġew irreġistrati fil-ġimgħa sat-18 ta' Ottubru 2015, kollha fil-Ginea; billi l-pajjiż kien irrappurta żero każijiet għall-ġimgħatejn ta' qabel; billi Sierra Leone rrappurtat żero każijiet għal ħames ġimgħa konsekuttiva; billi l-WHO iddikjarat Liberja ħielsa mit-trasmissjoni tal-virus Ebola fil-popolazzjoni tal-bniedem fit-3 ta' Settembru 2015; billi kien hemm 28 512 każijiet ikkonfermati, inklużi 11 313 imwiet ikkonfermati;

E.

billi ftit li xejn hu magħruf dwar il-prevalenza, it-trażmissjoni u l-potenzjal għall-mutament tal-virus tal-Ebola; billi l-konfużjoni mifruxa u n-nuqqas ta' fehim prevalenti dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-marda tal-virus tal-Ebola għenu fit-tifrix tal-virus; billi r-riċerka etnografika hi utli biex ikun mifhum kif jaħdmu l-komunitajiet u kif tasal għand nies li jkunu ġejjin minn sfondi kulturali differenti;

F.

billi l-marda tal-virus tal-Ebola nstabet fil-likwidu seminali u fil-fluwidu okulari ta' persuni konvalexxenti; billi hemm każijiet singoli evidenti ta' trażmissjoni sesswali, li jindikaw diffikultajiet għalbiex ikun meqrud il-virus u jiġi determinat mument li minnu l-pajjiżi verament jistgħu jitqiesu liberi mill-Ebola;

G.

billi f'għadd kbir ta' pajjiżi Afrikani s-sistemi ta' saħħa u edukazzjoni marru għall-agħar matul il-Programmi ta' Aġġustament Strutturali imposti mill-FMI u mill-Bank Dinji, li rrikjedew qtugħ fis-settur pubbliku;

H.

billi l-fatt li faqqgħet l-Ebola fl-Afrika tal-Punent wera li s-sistemi lokali u nazzjonali tas-saħħa fil-pajjiżi bi dħulijiet baxxi ma għandhomx il-mezzi biex jirrispondu jew il-ħila li jifilħu jirrispondu għal meta tfaqqa' marda infettiva bħalma hi dik tal-Ebola; billi t-tisħiħ tas-sistemi globali tas-saħħa b'hekk sar parti integranti mill-governanza sanitarja globali;

I.

wara li kkunsidra l-importanza tal-kultura u d-drawwiet tradizzjoni fil-ġestjoni tal-kriżi tal-Ebola (2);

J.

billi t-tfal, il-bniet adoloxxenti u n-nisa żgħażagħ huma fost l-aktar marġinalizzati u vulnerabbli matul kriżi bħal din, fatt li jqanqal theddid gravi għall-involviment tan-nisa fl-attivitajiet ekonomiċi u kabbar id-differenzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni; billi l-iltima jistgħu jħabbtu wiċċhom mar-ripudju u mal-istigmatizzazzjoni;

K.

billi l-epidemija tal-Ebola li laqtet l-Afrika tal-Punent hi l-akbar u l-aktar kompless li faqqgħet fl-istorja tal-marda; billi l-WHO ġiet imwissija għall-ewwel darba dwar it-tifqigħ attwali tal-Ebola fit-23 ta' Marzu 2014, iżda kien biss fit-8 ta' Awwissu 2014 li l-Kumitat Internazzjonali ta' Emerġenza dwar ir-Regolamenti dwar is-Saħħa ddikjara emerġenza għas-saħħa pubblika ta' tħassib internazzjonali; billi, qabel dan it-tifqigħ, l-Ebola ma kinitx meqjusa bħala sfida ewlenija ta' saħħa pubblika;

L.

billi madwar 500 ħaddiem fis-settur tas-saħħa mietu bl-Ebola fil-Ginea, il-Liberja u Sjerra Leone, fil-pajjiżi li kien ġa jbatu ġa minn nuqqas gravi ta' persunal sa minn qabel ma faqqgħet il-kriżi tal-Ebola; billi l-isptarijiet u l-persunal sanitarju ma għandhomx il-ħila jittratatw mard ieħor minħabba fir-riżorsi mmobilizzati għat-taqbida konta l-epidemija tal-Ebola; billi hemm ħtieġa li jkunu protetti l-faċilitajiet sanitarji u l-ħaddiema fis-settur ħalli jkun hemm għoti sostenibbli tal-kura medika;

M.

billi bosta pazjenti li għaddielhom kellhom jgħaddu mill-istigmatizzazzjoni kemm minn qrabathom kemm mis-soċjetà; billi din is-sitwazzjoni tolqot b'mod partikolari lit-tfal li jkunu tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma, u ħafna minn dawn it-tfal sfaw riġettati minn qrabathom li baqgħu ħajjin minħabba fil-biża' ta' infezzjoni;

N.

billi hemm ħtieġa ta' integrazzjoni tal-epidemjoloġija, tas-saħħa pubblika u tax-xjenza soċjali ħalli jittieħdu l-lezzjonijiet xierqa mill-episodju ta' meta faqqgħet l-Ebola;

O.

billi fl-ewwel ftit xhur tal-kriżi tal-Ebola, l-NGOs umanitarji u speċjalment it-Tobba Mingħajr Fruntieri u s-Salib l-Aħmar kienu l-atturi l-aktar effikaċi, l-aħjar infurmati, l-aktar esperjenzati u għalhekk kellhom rwol minn ta' quddiem nett fl-isforzi tal-bidu tal-ġlieda kontra l-virus;

P.

billi l-għeluq tal-iskejjel u t-tendenza tat-tfal iltima li jibdew jieħdu ħsieb qrabathom id-dar iġibu r-riskju tal-ħolqien ta' “ġenerazzjoni mitlufa” ta' tfal imċaħħdin minn edukazzjoni formali għal perijodi twal ta' żmien;

Q.

billi bin-know-how tagħhom, biex ma nsemmux il-kapaċità tagħhom li jaħdmu flimkien bħala netwerk, l-organizzazzjonijiet umanitarji wrew li, fejn xieraq, fil-bidu tal-kriżi, jistgħu jkunu aktar relevanti u aktar effikaċi mill-'atturi istituzzjonali';

R.

billi l-ġestjoni tal-kriżi tal-Ebola żvelat fenomenu ieħor li t-Tobba Mingħajr Fruntieri ddikjaraw bħala 'kriżi fil-kriżi', li wassal biex il-morda affettwati minn xi mard ieħor baqgħu 'l bogħod mill-isptarijiet għax beżgħu li jittieħdu mill-pazjenti tal-Ebola;

S.

billi l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, għamlu disponibbli 'l fuq minn EUR 1,2 biljuni f'għajnuna finanzjarja biex tgħin tikkontrolla t-tifqigħ tal-virus tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika; billi dan l-ammont jippermetti lill-UE tinnegozja mal-pajjiżi msieħba u mad-donaturi l-oħrajn għalbiex tagħti sostenn lill-iżvilupp ta' sistema sanitarja nazzjonali mibni fuq strateġija koerenti, inklussiva, u msejsa fuq il-ħtiġiet;

T.

billi l-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti għandu l-kapaċità evidenti li jipprovdi loġistika effikaċi li tista' fil-futur ukoll tkun utli fil-qasam tat-twissija u r-rispons;

U.

billi s-sigurtà ta' dawk li jieħdu ħsieb l-oħrajn hi essenzjali għall-mobilizzazzjoni internazzjonali tal-ħaddiema fis-settur sanitarju;

V.

billi l-Kunsill Ewropew ħatar Kordinatur tal-UE għall-Ebola nhar it-23 ta' Ottubru 2014 fil-persuna tal-Kummissarju tal-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżi, is-Sur Stylianides; billi mit-12 ta' Novembru 2014 żar il-pajjiżi l-aktar milqutin, akkumpanjat mill-Kummissarju għas-Saħħa, is-Sur Andriukaitis;

W.

billi n-Nazzjonijiet Uniti, il-WHO u l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxew proċess ta' valutazzjoni dwar il-ġestjoni tal-epidemija;

X.

billi d-dikjarazzjoni tal-WHO f'April 2015 ammettiet li “id-dinja u l-WHO mhumiex ippreparati sew biex jaffaċċjaw epidemija fit-tul”;

Y.

billi hu kruċjali li tittejjeb il-governanza internazzjonali fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżijiet tas-saħħa;

Z.

billi l-aċċess għall-mediċini hu parti kjavi mill-jedd għas-saħħa;

AA.

billi 2 biljun ruħ mad-dinja kollha ma għandhomx aċċess għall-vaċċini jew għat-trattamenti li jeħtieġu biex jibqgħu ħajjin u f'saħħithom;

AB.

billi l-aċċess għall-mediċini kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam għandhom jirreaġixxu bħala prijorità għall-bżonnijiet tal-morda, kemm jekk jgħixu f'pajjiżna u kemm jekk fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

AC.

billi l-Inizjattiva għal Mediċini Innovattivi hi l-akbar sħubija pubblika-privata tad-dinja fil-qasam tax-xjenzi tal-ħajja, b'baġit ta' EUR 3,3. biljun għall-perijodu 2014-2024, li minnhom EUR 1,638 biljun ġejjin minn Horizon 2020;

AD.

filwaqt li t-trawma tal-Ebola kellha l-effett li n-nies tilfu l-fiduċja fil-faċilitajiet tas-saħħa, li l-ħaddiema fis-settur jibżgħu jerġgħu jaqbdu x-xogħol tagħhom, u l-komunitajiet ftaqru u saru suspettużi; billi t-tnedija bażika tas-servizzi tas-saħħa hi urġenti; u billi hu ugwalment essenzjali li jitwaqqfu sistemi tas-saħħa robusti u effikaċi, inkluża l-mutwalizzazzjoni tar-riskji, fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, li jimplika wkoll taħriġ solidu tal-personal mediku lokali;

AE.

billi l-kriżi tal-Ebola kaxkret lill-pajjiżi fiz-zona milquta aktar ’l isfel fir-reċessjoni, u billi fl-2015 biss, skont il-Bank Dinji, il-PGD tat-tliet pajjiżi li l-agħar li ntlaqtu ġie ridott b'USD 2 biljun bħala riżultat;

AF.

billi t-tliet pajjiżi talbu lill-FMI u lill-Bank Dinji “pjan Marshall” ta' madwar EUR 7,500 miljun biex jgħinuhom joħorġu mill-kriżi ekonomika;

AG.

billi ċerti NGOs talbu lill-Bank Dinji joħroġ madwar USD 1,7 biljun biex jgħin lill-pajjiżi jtejbu b'mod sostenibbli l-infrastrutturi tas-saħħa tagħhom;

AH.

billi l-komunità internazzjonali għandha tibqa' viġilanti u billi l-għan hu li naslu fi stadju ta' wara l-Ebola, mingħajr l-ebda każ ġdid ta' kontaminazzjoni għal perjodu twil;

AI.

billi l-prattiki tajba ta' iġjene huma indispensabbli; billi, iżda, it-tleit pajjiżi ma għandhomx sistemi tal-ilma u ta' drenaġġ li jaħdmu biżżejjed;

AJ.

billi hemm biża' li f'każ li tfaqqa' xi epidemija oħra, l-iskala tal-imwiet ittenni ruħha;

AK.

billi l-Viċi-President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, il-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u Kordinatur tal-UE għall-Ebola Christos Stylianides, il-Kummissarju Ewropew għall-Koperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp Neven Mimica, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-gvernijiet u l-parlamentari tal-Istati Membri ripetutament talbu li jkun hemm tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa;

AL.

billi, skont il-11-il Fond għall-Iżvilupp Ewropew, it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u t-tisħiħ tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ huma l-uniċi fost is-setturi ta' fokus għall-Ginea, u mhux għal-Liberja u Sjerra Leone;

AM.

billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rwol tal-UE fis-Saħħa Globali (COM(2010)0128) tippreżenta strateġija ta' saħħa globali ħolistika u komprensiva msejsa fuq il-ħtiġiet, li kienet approvata mill-Istati Membri;

AN.

billi mhux l-istati kollha jimplementaw kompletament l-IHR;

AO.

billi ftit hu magħruf dwar iz-zunożi potenzjalment perikolużi; billi l-prattiki tal-ikel u tal-biedja, id-deforestazzjoni u l-kummerċ fl-annimali u fil-prodotti tal-annimali wasslu għalbiex ifiġġ mard zunotiku li evolva dan l-aħħar bħalma hi l-influwenza tal-għasafar, l-Ebola u l-HIV;

AP.

billi l-WHO tirrakkomanda kordinazzjoni bejn is-settur tas-saħħa pubblika u veterinarji;

AQ.

billi delegazzjoni mill-Kumitat għall-Iżvilupp se żżur Sjerra Leone f'Novembru 2015;

1.

Jikkritika r-respons internazzjonali kajman għall-kriżi matul l-ewwel xhura tagħha; jissottolinja, iżda, ir-rispons u l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha sa minn Marzu 2014 fl-għajnuna għall-konteniment tat-tixrid tal-virus tal-Ebola; Jilqa' ż-żieda li qed isseħħ bħalissa fl-impenji finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, il-loġistika u r-riċerka b'rispons għall-kriżi;

2.

Jilqa' l-iżvilupp ta' vaċċin ġdid (fi żmien qasir bla preċedent), li kien 100 % effettiv fil-Ginea sa mit-23 ta' Marzu 2015, u jitlob li jkun hemm aċċess garantit għal dan il-vaċċin, li għandu jkun bi prezzijiet aċċessibbli għal kulħadd fil-Liberja u Sjerra Leone;

3.

Iqis li ma għandux ikun hemm tnaqqis fil-ħarsien fir-rigward ta' xi każijiet ġodda ta' Ebola, li fihom il-mod ta' trażmissjoni tibqa' dubjuża;

4.

Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati, l-aktar lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, jitgħallmu minn din il-kriżi, inkluż mill-impatti negattivi fuq is-setturi tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-kondizzjonalitajiet tal-faċilitajiet ta' aġġustament strutturali tal-FMI u tal-Bank Dinji, u li jiżviluppaw mezzi effettivi ta' kif jittrattaw il-kriżijiet internazzjonali marbutin mas-saħħa;

5.

Jinnota, f'dan il-kuntest, ir-riforma mħabbra mid-Direttura tal-WHO nhar it-18 ta' Mejju 2015, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mat-twaqqif ta' programm ġdid ta' emerġenza u riżerva dinji ta' persunal li j jilqa' l-impenn għal żieda fil-baġit tal-WHO b'10 % fi żmien sentejn, biex b'hekk jitla' għal USD 4,5 biljun;

6.

Jistieden lill-komunità internazzjonali tippromwovi l-kampanja ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati; jisħaq dwar l-importanza kruċjali tal-kampanji ta' prevenzjoni u ta' informazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżi, b'mod partikolari biex tkun limitata l-kontaminazzjoni, u biex tikber il-kuxjenza dwar prattiki mhux siguri li għandhom jiġu evitati; jisħaq dwar l-importanza ta' mezzi alternattivi ta' tixrid tal-informazzjoni;

7.

Jenfasizza bil-qawwa l-importanza li jiġu miġġielda aktar tensjonijiet bejn gruppi bħala riżultat tal-epidemija tal-Ebola, peress li l-ħolqien tal-ħrejjef jista' jwassal biex ċerti gruppi etniċi jingħataw il-ħtija għall-empidemija tal-Ebola;

8.

Iqis li, ladarba l-assistenza ta' emerġenza m'għadhiex aktar meħtieġa, ir-respons tal-Unjoni Ewropea fit-terminu t-twil għandha tkun iffokata l-ewwel nett fuq l-għajnuna għall-iżvilupp, li trid tkun tinkludi l-investiment fis-settur tas-saħħa għall-promozzjoni tal-ħila fit-tul, l-aktar kwantu għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa, monitoraġġ tas-saħħa u informazzjoni dwarha, sistemi ta' fornituri ta' mediċini, governanza domestika u bini tal-istat, u mbagħad fuq l-assistenza essenzjali għar-riġenerazzjoni tal-ekonomiji tat-tliet pajjiżi;

9.

Jistieden lill-awtoritajiet iqisu t-tagħlimiet meħudin mill-fenomenu tal-istigmatizzazzjoni u jimplementawhom fi kriżijiet umanitarji simili li jistgħu jseħħu;

10.

Ifakkar fl-importanza tal-prevenzjoni tal-kunflitti, billi l-kunflitti u l-fraġilità għandhom impatt negattiv fuq is-sistemi tas-saħħa;

11.

Jitlob li jiġi stabbilit tim Ewropew permanenti ta' azzjoni urġenti li jkun fih esperti, gruppi ta' għajnuna fil-laboratorju, epidemjologi u infrastruttura loġistika, inklużi laboratorji mobbli, li tista' tintuża mill-iktar fis possibbli; jenfasizza, b'mod partikolari, il-valur miżjud li l-Unjoni tista' ġġib fil-qasam “tal-iskrinjar fil-fruntieri”, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, filwaqt li l-awtoritajiet tas-saħħa Amerikani jeċċellaw fl-iskrinjar fl-ajruporti – eċċellenza li tista' tiġi kkupjata mill-Unjoni u li minnha tista' tapprofitta;

12.

Jistieden lill-UE ssostni t-twaqqif ta' retikolat tal-punti ta' monitoraġġ fil-pajjiżi qed jiżviluppaw biex ikun possibbli li jsibu kemm jista' jkun malajr każijiet ġodda ta' mard infettiv li jista' jkollu l-potenzjal jiżviluppa f'pandemiji, biex jinħoloq retikolat sentinella f'dawk il-pajjiżi;

13.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun sostnut it-twaqqif tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk tal-Afrika tal-Punent, kwantu għat-taħriġ tal-persunal mediku;

14.

Jisħaq dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-protezzjoni u tas-sistemi ta' evakwazzjoni rapida għall-ħaddiema tas-settur tas-saħħa internazzjonali;

15.

Jiddeplora l-fatt li l-aġġustamenti u r-riformi u l-politiki ta' żvilupp mgħoddija kkontribwixxew għas-sistemi tas-saħħa ineffikaċi; jitlob lill-Kummissjoni biex minnufih tgħin lit-tliet pajjiżi jiżviluppaw is-sistema tas-saħħa pubblika proprja tagħhom sabiex tingħata reazzjoni għall-bżonnijiet tas-saħħa bażiċi tagħhom u sabiex ikun jista' jkollhom l-infrastrutturi li jkunu kapaċi jiżguraw l-aċċess għall-kura pubblika għaċ-ċittadini kollha tagħhom; b'mod partikolari, huwa tal-fehma li l-bini ta' sistema tas-saħħa reżiljenti fit-tul tirrikjedi, inter alia, (i) investiment ta' riżorsi fis-servizzi bażiċi tas-saħħa pubblika, (ii) l-iżgurar ta' kura sigura u ta' kwalità b'żieda adegwata fir-riżorsi għat-taħriġ, superviżjoni u ħlas għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u bl-għoti ta' aċċess għal mediċini siguri, (iii) involviment ta' stakeholders u komunitajiet lokali fir-rispons għall-kriżi u fl-ippjanar tal-iżvilupp; jistieden lid-donaturi internazzjonali jżidu l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) lil dawk il-pajjiżi permezz ta' sistemi tal-pajjiżi bħalma hu l-appoġġ baġitarju; jistieden lill-Kummissjoni jistabilixxi, b'koperazzjoni mal-pajjiżi mseħbin, mal-WHO, mal-Bank Dinji u donaturi oħrajn, pjanijiet koerenti msejsin fuq il-ħtiġiet u proċeduri ta' monitoraġġ;

16.

Jisħaq li r-respons għandu jindirizza d-differenzi taħtiena fir-rappreżentanza tan-nisa, l-aċċess għas-saħħa u għas-servizzi u t-tħarbit tal-ħajjiet; jisħaq b'mod partikolari dwar il-ħtieġa li jiġu offruti servizzi u kura medika bażiċi ta' kwalità għolja, speċjalment fejn jidħlu l-kura tal-maternità u s-servizzi ostetriċi u ġinekoloġiċi;

17.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rwol tal-UE fis-Saħħa Globali (COM(2010)0128) u l-viżjoni ħolistika tagħha dwar is-sistemi ta' saħħa komprensivi, l-approċċ orizzontali tagħha u l-isforzi tagħha favur il-koperatura universali tas-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-komunikazzjoni fid-dawl tal-intuwizzjonijiet ġodda miksubin matul il-kriżi tal-Ebola, filwaqt li jinżamm l-approċċ komprensiv u orizzontali, u li tippreżenta u timplementa Programm għall-Azzjoni b'mod tempestiv;

18.

Jenfasizza, b'mod ġenerali, il-ħtieġa, għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jipprevedu bħala prijorità linji baġitarji robusti u reżiljenti biex jistabbilixxu sistemi tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa sodi, jibnu infrastrutturi tas-saħħa sostenibbli (b'mod partikolari laboratorji) u joffru s-servizzi bażiċi u kura ta' kwalità; jisħaq dwar il-ħtieġa għal proporzjon tajba ta' ħaddiema fis-settur tas-saħħa b'rabta mal-popolazzjoni, u jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi milqutin jiżguraw li l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa jkunu mħallsin u li l-flus għas-saħħa jaslu għand il-poplu; jirrikonoxxi, b'dana kollu, li l-kriżijiet bħal dik attwali ma tistax tissolva mis-sistemi tas-saħħa waħedhom, iżda li hemm bżonn ta' approċċ ikkonċertat li jinvolvi d-diversi setturi (inklużi l-kura tas-saħħa, edukazzjoni u taħriġ, sanitazzjoni, għajnuna għall-ikel, ilma għax-xorb) biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kritiċi fis-servizzi essenzjali kollha; jisħaq, fl-istess ħin, li l-edukazzjoni li tkun tkopri d-dimensjonijiet kulturali u t-twemmin, ikollha post ewlieni fl-irkupru;

19.

Jindika li l-investiment fis-settur tas-saħħa hu mutur importanti tal-iżvilupp ekonomiku u jikkontribwixxi għar-riduzzjoni tal-faqar fil-pajjiżi qed jiżviluppaw; jilqa' l-inklużjoni tal-Objettiv 3 'Niżguraw ħajjiet f'saħħithom u nippromwovu l-benessri għal kulħadd fl-etajiet kollha' fil-proposta għall-Objettivi Futuri għal Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

20.

Jisħaq li l-pjanijiet kostjati fit-tul meħtieġa biex jinbnew sistemi tas-saħħa reżiljenti u komprensivi jridu jinkludu wkoll għadd adegwat ta' ħaddiema mħarrġa fis-settur tas-saħħa, aċċess għal fornituri mediċi suffiċjenti u sistemi ta' informazzjoni dwar is-saħħa robusti;

21.

Jitlob li l-infrastruttura ta' riċerka tissaħħaħ bit-twaqqif ta' ċentru reġjonali pubbliku ta' riċerka dwar il-mard infettiv fl-Afrika tal-Punent, u għal koperazzjoni inter-universitarja li titwaqqaf bil-parteċipazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

22.

Jisħaq il-ħtieġa li tkun ittratta l-inugwaljanza soċjali ħalli tinbena sistema pubblika tas-saħħa li tkun reżiljenti u sostenibbli; jappoġġa, għal dan il-fini, l-introduzzjoni tal-kopertura universali tas-saħħa pubblikament iffinanzjata u mogħtija b'xejn fil-punt tal-użu, u jħeġġeġ lill-Kummisjsoni, flimkien mal-pajjiżi mseħbin u donaturi oħrajn, jissottomettu kemm jista' jkun malajr programm għat-twaqqif ta' kopertura universali tas-saħħa li tkun tiggarantixxi l-mutwalizzazzjoni tar-riskji tas-saħħa;

23.

Jistieden lill-pajjiżi kollha jimpenjaw ruħhom għall-Kopertura Universali tas-Saħħa (UHC) u li jiżviluppaw pjan għall-identifikazzjoni tar-riżorsi domestiċi u l-fondi internazzjonali potenzjali għalbiex jintlaħaq dal-objettiv; jappoġġja l-objettiv taż-żieda fl-infiq tal-kura medika fil-pajjiżi kollha għall-minimu rikonoxxut ta' USD 86 kull persuna għal servizzi essenzjali tas-saħħa;

24.

Jilqa' l-konferenza internazzjonali ta' livell għoli tat-3 ta' Marzu 2015 organizzata mill-UE u sħab ewlenin bil-għan li tinqered l-Ebola, iżda wkoll biex jiġu evalwati l-impatti fuq il-pajjiżi affettwati sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp iżżid mal-isforzi umanitarji;

25.

Jappoġġa l-idea tat-twaqqif ta' 'Pjan Marshall' biex jaġixxi bħala mutur tal-ekonomija ta' dawn il-pajjiżi; jissuġġerixxi li tingħata l-assistenza teknika lill-amministrazzjoni biex tissaħħaħ ħilithom u jiġi żgurat li l-flus jaslu għand il-poplu u ma tkunx mitlufa fil-korruzzjoni jew skopijiet oħrajn;

26.

Jilqa' l-isforzi internazzjonali li qed isiru biex jittaffew l-obbligi internazzjonali ta' dejn tal-pajjiżi milqutin mill-virus Ebola;

27.

Jistma li l-effikaċja tas-sħubiji bejn l-Unjoni Ewropea u ż-żona ta' kriżi se tkun garantita biss jekk il-Liberja, il-Guinea u Sierra Leone jkunu jistgħu jirrealizza mill-aktar fis possibbli l-iżvilupp tagħhom stess;

28.

Jemmen li l-ipprogrammar tal-11-il Fond ta' Żvilupp Ewropew għandu jkun revist ħalli jiżgura li l-investimenti fis-saħħa u fil-governanza t-tajba jkunu oqsma ta' prijorità għall-pajjiżi kollha b'infrastruttura pubblika fraġli; hu mħasseb li s-saħħa u l-ilma u d-drenaġġ ma humiex fost is-setturi fokali tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali tal-Liberja u Sjerra Leone; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi għal monitoraġġ aktar mill-qrib tal-assistenza;

29.

Jistma li r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ma tistax tkompli tinjora r-riskju tan-nuqqas ta' fondi strutturali tal-azzjonijiet umanitarji tal-Unjoni Ewropea;

30.

Jifraħ bl-azzjoni tal-atturi umanitarji u l-persunal mediku li, b'riskjaw għal ħajjithom stess, impenjaw ruħhom biex jikkontrollaw din il-kriżi maġġuri tas-saħħa;

31.

Jifraħ lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal Rispons ta' Emerġenza kontra l-Ebola (UNMEER), lill-organizzazzjonijiet imsieħba u lill-organizzazzjonijiet umanitarji mhux governattivi, bħal Médecins Sans Frontières, il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar u oħrajn, għall-ħidma li saret fuq il-post u jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut estensiv tagħhom u l-għajnuna fil-kontroll ta' din l-epidemija; jiddispjaċih li jkun hemm każijiet ta' trattament mhux xieraq tal-persunal mediku u persunal ieħor involut fil-ġlieda kontra l-epidemija tal-Ebola meta jirritornaw mill-Afrika;

32.

Hu tal-fehma li l-aċċess għall-mediċini fil-prinċipju m'għandux jibqa' dipendenti mill-kapaċità tal-akkwist tal-pazjenti iżda għandu jkun reazzjoni għall-bżonnijiet tal-marid, għaliex m'għandux ikun is-suq waħdu li jiddeċiedi l-għażla tal-mediċini li għandu jipproduċi;

33.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jonoraw il-prinċipju tal-'Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp' tal-UE li jinsab fl-Artikolu 207 tat-TFUE permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali ġust u xieraq, tar-riċerka medika u tal-politiki ta' innovazzjoni li jkattru u jiffaċilitaw l-aċċess universali għall-mediċini;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tesplora mudelli alternattivi għal dawk imsejsin fuq il-monopolji tal-brevetti meta jkun każ ta' żvilupp ta' mediċini jew vaċċini prodotti minn sħubijiet pubbliċi-privati, bħalma hi l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi, li jistgħu jiggarantixxu l-aċċessibilità tal-pazjent għat-trattament, is-sostenibilità tal-baġits għall-kura medika, u respons effiċjenti għall-kriżijiet bħalma hi dik ikkawżata mill-virus tal-Ebola jew minaċċi simili;

35.

Ifakkar fl-importanza li tissaħħaħ il-kapaċità tar-riċerka fil-ġlieda epidemjoloġika dinjija, li jiġu żviluppati “testijiet rapidi” u li jiġi ggarantit l-aċċess għall-vaċċini; jilqa', f'dan is-sens, il-fatt li ħafna mill-fondi ta' riċerka tal-UE ġew mobilizzati fit-taqbida kontra l-virus tal-Ebola, inkluż permezz tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi, il-programm Horizon 2020 u l-programm ta' Sħubija tat-Testijiet Kliniċi tal-Pajjiżi Ewropej u qed Jiżviluppaw (EDCTP); jissottolinja li, minkejja li l-vaċċini huma tajbin, x'aktarx ma jiswewx kontra l-Ebola, billi l-virus il-ħin kollu għaddej mill-mutazzjonijiet; jisħaq, għalhekk, li l-prijorità fl-iffinanzjar għandha tingħata lis-sistema ġenerali tas-saħħa billi jissaħħu l-iġjene, il-konteniment, it-testjar malajr u b'mod affidabbli f'ambjenti tropiċi u medikament li jattakka l-virus u s-sintomi li jikkawża;

36.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jippromwovu t-taħriġ dwar is-saħħa fost il-pubbliku billi jiffokaw fuq il-kwestjoni tad-drawwiet tradizzjonali li huma inkompatibbli mat-taqbida kontra t-tixrid tal-marda qalb il-popolazzjoni;

37.

Jisħaq li l-UE għandha tippromwovi finanzjar effettiv u ġust tar-riċerka li tkun ta' benefiċċju għas-saħħa ta' kulħadd u tiżgura li l-innovazzjonjiet u l-interventi jwasslu għal soluzzjonijiet bi prezzijiet aċċessibbli għal kulħadd; itenni, b'mod partikolari, li għandhom jiġu esplorati mudelli li jiddissoċjaw l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp mill-prezzijiet tal-mediċini, inklużi l-opportunitajiet għal trasferiment teknoloġiku għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

38.

Itenni l-ħtieġa tal-investiment fil-mard li ftit jingħata kas tiegħu; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tissokta d-diskussjonijiet dwar din il-kwestjoni u tagħmel arranġamenti għal koperazzjoni wiesgħa bejn is-settur pubbliku u dak privat, basta jkun hemm is-salvagwardji li ma jħallux lis-sħubijiet pubbliċi-privati jagħmlu ħsara lil nies vulnerabbli b'suq mhux regolat, li jimmiraw lejn is-sistemi nazzjonali tas-saħħa u jiffaċilitaw it-trasferiment tar-riżultati lejn il-popolazzjoni kkonċernata; jilqa' f'dan il-kuntest il-fatt li, biex tkun indirizzata ħtieġa urġenti għar-riċerka fi trattamenti ġodda, l-UE poġġiet EUR 138 miljun għad-dispożizzjoni ta' proġetti li jiżviluppaw it-testijiet kliniċi għal vaċċini ġodda, testijiet u trattamenti dijanjostiċi rapidi skont Horizon 2020 u l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi; ifaħħar lill-industrija farmaċewtika Ewropea, li wkoll impenjat riżorsi importanti b'sostenn tal-isforz ta' riċerka;

39.

Jisħaq li l-Ebola u xi epidemiji oħrajn huma minaċċi transnazzjonali li jirrikjedu koperazzjoni internazzjonali; jistieden lill-WHO tirrevedi l-IHR bl-intenzjoni li tinkorpora r-responsabilità interdipendenti u l-appoġġ finanzjarju, inkluż għall-indirizz tal-kawżi li jinsabu fl-għerq;

40.

Jilqa', fid-dawl tal-implementazzjoni mħarbta tal-IHR u n-nuqqas ta' sorveljanza epidemjoloġika, il-programm RIPOST Franċiż 'Network of Public Health Institutes in West Africa’;

41.

Jisħaq li issa li din l-epidemija qed tbatti, filwaqt li l-virus jibqa' fil-gonadi għal xhur wara li l-pazjent jirpilja, il-konsulenza sesswali u l-ippjanar tal-familji għandhom ikunu disponibbli bħala parti mis-sistema tas-saħħa u tal-miżuri edukattivi;

42.

Jisħaq li kriżi tal-ikel hija dejjem aktar probabbli wara l-epidemija, li kellha effetti devastanti fuq bdiewa fuq skala żgħira; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali jinvestu fl-iżvilupp tagħhom fit-tul biex jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi fil-qasam tal-biedja u s-siġurtà tal-ikel futura tal-Punent tal-Afrika ma jibqgħux f'riskju;

43.

Jitlob lill-kumitat kompetenti tiegħu jiżgura s-segwitu tal-ġestjoni tal-kriżi b'kollaborazzjoni stretta mal-koordinatur tal-Unjoni għall-Ebola, u wara l-missjoni tal-Parlament lejn Sjerra Leone, qabel ma titressaq valutazzjoni definittiva;

44.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2014)0026.

(2)  Drawwiet li, ngħidu aħna, jipprojbixxu l-ħruq tal-kadavri.