22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/221


P8_TA(2015)0319

Is-sitwazzjoni fil-Belarussja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))

(2017/C 316/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra s-summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga f’Mejju 2015 flimkien mad-dikjarazzjoni tiegħu,

wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja tat-28 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra l-ħelsien ta’ sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, segwit mid-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss fil-Belarussja skedati għall-11 ta' Ottubru 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja u l-UE u l-Istati Uniti, fil-Belarussja qed ikompli jippersisti l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-raids tal-pulizija u l-konfiska tat-tagħmir tagħhom, kif ukoll l-espulsjonijiet furzati mill-Belarussja, kif ikkonfermat mir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

B.

billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 ’l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk mit-18 sad-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

C.

billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-midja;

D.

billi kien hemm xi progress fil-kooperazzjoni fuq xi politiki settorjali, bħall-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, progress li kellu impatt pożittiv biex jinbeda dibattitu kostruttiv fis-soċjetà Belarussa dwar ir-riformi meħtieġa u dwar sensibilizzazzjoni dwar l-UE; billi l-UE jeħtiġilha tiżgura, madankollu, li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti indipendenti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni;

E.

billi, mill-1994 ’l hawn, fil-Belarussja ma saret l-ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards internazzjonali, u billi l-liġi attwali tagħti vantaġġ enormi lill-president fil-kariga; billi l-OSKE/ODIHR skjerat il-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul tagħha fil-Belarussja u se tikkoordina l-ħidma ta’ osservaturi fuq perjodu qasir;

F.

billi fit-2 ta' April 2015, il-President Lukashenko ffirma d-Digriet Nru 3 “Dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza soċjali” li jipprevedi xogħol obbligatorju għal persuni qiegħda bit-theddida ta' ħlas ta' tariffa speċjali lill-baġit tal-istat jew obbligu amministrattiv fil-forma ta' multa jew arrest amministrattiv;

G.

billi fl-1 ta’ Jannar 2015 ġiet introdotta liġi ġdida li tirregola l-forom kollha tal-midja; billi din il-liġi tippermetti lill-gvern li jagħlaq kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa, inkluża l-midja onlajn, jekk dawn jippubblikaw kontenut li huwa jqis “mhux adatt”;

H.

billi l-awtoritajiet Belarussi fl-aħħar ħelsu s-sitt priġunieri politiċi kollha, inlużi ex kandidati presidenzjali, wara snin jiċħdu l-eżistenza tagħhom;

I.

billi fit-13 ta’ Lulju u fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill irreveda l-miżuri ristrettivi fil-konfront tal-Belarus u emenda l-lista tal-projbizzjoni tal-viża u tal-iffriżar tal-assi, u minnha neħħa xi uffiċjali u kumpaniji; billi 175 individwu, inkluż Alexander Lukashenko, bħalissa jinsabu soġġetti għal projbizzjoni ta' dħul u kollha kemm huma, flimkien ma’ 18-il entità ekonomika huma soġġetti għal iffriżar tal-assi fi ħdan l-UE; billi fix-xhur li ġejjin għandha ssir valutazzjoni tal-miżuri ristrettivi tal-UE, li se tkun qed tikkunsidra l-aktar żviluppi reċenti u l-fatturi l-oħra kollha li abbażi tagħhom kienu ttieħdu l-miżuri ristrettivi;

J.

billi, fit-28 ta’ Lulju 2015, l-UE u r-Repubblika tal-Belarussja kellhom djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell li ffoka fuq firxa ta' kwistjonijiet, fosthom it-twaqqif ta' Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-piena tal-mewt, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u d-drittijiet tat-tfal;

K.

billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta’ ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

L.

billi l-kunflitt fl-Ukrajna kompla jżid il-biża’ tas-soċjetà Belarussa li jkun hemm destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b’konsegwenza ta’ bidla fil-poter;

M.

billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

1.

Jibqa' mħassab ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Belarussja, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet irreġistrati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet preċedenti u l-persekuzzjoni attiva tal-mexxejja tal-oppożizzjoni wara l-elezzjoni;

2.

Jilqa’ l-ħelsien li ngħata reċentement lill-priġunieri politiċi li kien fadal; jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom; jisħaq li dan jista’ jkun l-ewwel pass potenzjali biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja; josserva, minkejja dan, li fl-imgħoddi, passi simili ma kinux ġesti sinċieri u l-ebda minnhom ma kkontribwixxa għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-soċjetà Belarussa u lanqas ma tejjeb ir-relazzjonijiet mal-UE;

3.

Jistieden lill-Belarussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin f’konformità ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment, tagħti aċċess mingħajr xkiel lill-oppożizzjoni għall-mezzi ta' komunikazzjoni kollha li huma kkontrollati mill-gvern, u tħalliha wkoll tipparteċipa fl-elezzjonijiet f’kundizzjoniet ekwi, b’mod partikolari billi toħloq kummissjonijiet elettorali indipendenti u tippermettilhom ikunu rappreżentati b’mod adegwat fil-livelli kollha kif ukoll li ssir votazzjoni trasparenti;

4.

Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom jieqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9, Taqsima 2 tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li tillimita d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;

5.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni reċenti u l-prosekuzzjoni krimnali li għaddejja tal-attivisti żgħażagħ Maksim Piakarski, Vadzim Zharomski u Viachaslau Kasinerau fuq suspett ta' “ħuliganiżmu malizzjuż”, miżuri li huwa jqis bħala sproporzjonati, u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li ġarrbu;

6.

Ifakkar li mill-2010 ’l hawn ġew iġġustizzjati għaxar persuni fil-Belarussja, bi tliet eżekuzzjonijiet fl-2014 biss, u li fit-18 ta' Marzu 2015 ingħatat sentenza ġdida ta' piena tal-mewt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena tal-mewt, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

7.

Jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar l-abolizzjoni ta' elementi ta' xogħol furzat fil-pajjiż;

8.

Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż u l-organizzazzjonijiet kulturali tiegħu, li l-mexxejja tagħhom xi drabi ġew sostitwiti minn individwi ppreferuti mill-awtoritajiet tal-istat, prattika li tikkostitwixxi ksur ta’ waħda mil-libertajiet bażiċi tal-bniedem: il-libertà ta' assoċjazzjoni;

9.

Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

10.

Jinnota l-organizzazzjoni tas-sitt ċiklu ta’ konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja dwar kwistjonijiet ta’ modernizzazzjoni, li sar fi Brussell fit-3 ta’ Settembru 2015, meta d-delegazzjonijiet iddiskutew l-prospetti għal kooperazzjoni fl-oqsma ewlenin, abbażi tal-ftehimiet li ntlaħqu fl-2014 u l-2015; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill biex jiżguraw li kwalunkwe parteċipazzjoni mill-awtoritajiet fid-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, id f'id u f’kundizzjoijiet ekwi mal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili, issir bir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi, bil-għan li tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva sostenibbli u jitrawmu r-riformi domestiċi, kif ukoll soċjetà pluralistika u l-istat tad-dritt;

11.

Jappoġġa l-Kummissjoni fil-politika tagħha ta’ “impenn kritiku” mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi ruħu lest li jikkontribwixxi f’din il-politika anki permezz tad-Delegazzjoni tal-Parlament dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja; ifakkar, minkejja dan, li l-UE jeħtiġilha żżomm għajnejha miftuħa f’dak li jikkonċerna l-post fejn jiġu assenjati r-riżorsi tagħha, u tiżgura li dawn ma jikkontribwixxux biex ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

12.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġa, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Belarussa, tal-midja indipendenti u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Belarussja biex tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu;

13.

Jilqa' l-progress irreġistrat fil-kooperazzjoni settorjali mal-Belarussja fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;

14.

Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejjeb il-kuntatt bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa s-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress f’dan ir-rigward;

15.

Jirrikonoxxi ż-żieda fl-użu tal-ilsien Belarussu fil-ħajja pubblika; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li jħeġġeġ l-użu tal-ilsien Belarussu fl-edukazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' atti leġiżlattivi mill-Qorti Kostituzzjonali kemm bir-Russu kif ukoll bil-Belarussu;

16.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jsibu mezzi oħra biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata sostenn lis-sorsi ta’ informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu minn barra l-pajjiż;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.