22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/202


P8_TA(2015)0315

L-Angola

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar (2015/2839(RSP))

(2017/C 316/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Angola,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2015 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Angola,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta’ Ottubru 2014 wara l-ewwel Laqgħa Ministerjali Angola-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu “EU-Angola Joint Way Forward” tat-23 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Libertà tal-Espressjoni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2014 fl-10 anniversarju tal-Linji Gwida tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li fihom l-UE timpenja ruħha li “tkompli tappoġġa bis-sħiħ lid-difensuri tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha”,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern Angolan intensifika l-azzjoni tiegħu dwar kwalunkwe suspett ta’ sfida għall-awtorità tiegħu, u b’hekk qed jikser id-drittijiet tal-bniedem imnaqqxa fil-Kostituzzjoni tal-Angola; billi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-għaqda fl-Angola jibqgħu jiġu mrażżna, u jeżisti tħassib li qed jikber li s-servizzi militari u s-servizzi sigrieti saru l-forzi tal-azzjonijiet wara l-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

B.

billi fl-14 ta’ Marzu 2015 l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem José Marcos Mavungo ġie arrestat mingħajr mandat, u fit-28 ta’ Awwissu 2015 l-Prosekutur António Nito talab lill-Qorti fil-provinċja Angolana ta’ Cabinda tikkundanna lil Mavungo għal 12-il sena ħabs bl-akkuża ta’ tixwix għal ribelljoni, minkejja li ebda evidenza ma ġiet ippreżentata li huwa kien wettaq xi reat;

C.

billi l-avukat Arão Bula Tempo ġie arrestat fl-istess jum fuq allegazzjoni ta’ involviment fl-organizzazzjoni tal-istess protesta; billi Arão Bula Tempo sussegwentement inħeles fit-13 ta’ Mejju 2015 waqt li l-proċess tiegħu fuq akkużi ta’ sedizzjoni għadu pendenti;

D.

billi l-ġurnalist u attivist tad-drittijiet tal-bniedem Rafael Marques ġie kkundannat fit-28 ta’ Mejju 2015 għal 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn għall-pubblikazzjoni fl-2011 tal-ktieb, “Blood Diamonds: Corruption and Torture in Angola”, li ta dettalji dwar aktar minn 100 qtil u mijiet ta’ każijiet ta’ tortura li allegatament twettqu minn gwardji tas-sigurtà u suldati fil-kampijiet għat-tiftix tad-djamanti tar-reġjun ta’ Lundas; billi l-ilmenti mressqa minn Marques lill-Prosekutur Pubbliku rigward il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ta’ Lundas ma kinux suġġetti għal investigatzzjoni;

E.

billi 15-il attivist żagħżugħ ġew arrestati bejn l-20 u l-24 ta’ Ġunju 2015 b’konnessjoni ma’ diskussjoni politika privata; billi l-Kaptan Zenóbio Lázaro Muhondo Zumba ġie sussegwentament arrestat fit-30 ta’ Ġunju 2015 fuq raġunijiet ta’ rabtiet allegati mal-15-il attivist arrestat;

F.

billi dawk kollha detenuti ġew arrestati u akkużati illegalment u arbitrarjament li ħejjew ribelljoni u attentat ta’ kolp ta’ stat kontra l-President u membri oħra tal-gvern;

G.

billi l-15-il attivist detenuti huma miżmuma f’detenzjoni ta’ qabel il-proċess, ma ġewx mixlija formalment, huma mingħajr aċċess sħiħ għal parir legali u żjarat minn membri tal-familja li jippruvaw jipprovdu l-ikel, u qed jinżammu f’ċelel waħedhom;

H.

billi l-awtoritajiet arrestaw lill-attivisti u rrejdjawlhom djarhom ġew irrejdjati mingħajr ma ppreżentaw ebda mandat; billi ġie rrappurtat li kienu soġġetti għal tortura fiżika u psikoloġika kif ukoll theddid ta’ mewt;

I.

billi l-awtoritajiet qed jagħmlu theddid kontra l-ommijiet ta’ priġunieri żgħażagħ li qed jimmobilizzaw ruħhom, u l-partit MPLA li qed jiggverna żamm milli jsiru dimostrazzjonijiet minn persuni li jappoġġaw lill-attivisti biex jitolbu għall-ħelsien tagħhom; billi dimostrazzjoni paċifika minn qraba tal-priġunieri f’Luanda fit-8 ta’ Awwissu 2015 ntlaqgħet minn attakki u ripressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà fuq il-post;

J.

billi f’Lulju 2015 erba’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u korrispondent tad-Deutsche Welle ġew miżmuma temporanjament waqt li kienu qed iżuru attivisti oħra f’ħabs fil-provinċja ta’ Luanda fuq l-akkuża li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu l-politika fil-ħabs;

K.

billi d-dritt tal-protesta paċifika u d-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni huma rikonoxxuti fil-kostituzzjoni Angolana;

L.

billi kien hemm rapporti ta’ massakru tas-segwaċi tas-setta reliġjuża Luz do Mundo fi Huambo f’April 2015 mill-forzi tal-pulizija; billi ċ-ċifri rrappurtati minn sorsi diverġenti jvarjaw minn tużżani għal eluf ta’ mwiet u ħafna persuni spustati; billi għal xhur il-Gvern naqas milli jindirizza l-urġenza li ssir investigazzjoni indipendenti, filwaqt li ċaħad feroċement iċ-ċifri għoljin; billi l-Ombudsman attwalment qed iħejji rapport dwar dawn l-avvenimenti;

M.

billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem talab li ssir inkjesta internazzjonali dwar l-inċident, li ġiegħel lill-Gvern jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja;

N.

billi l-Gvern tal-Angola żied ukoll kemm it-tkeċċijiet sfurzati tal-massa u kif ukoll dawk fuq skala żgħira f’Luanda u fi bliet oħra sabiex persuni li jgħixu f’insedjamenti informali jitneħħew u jiġu eliminati n-negozjanti tat-triq, inklużi nisa tqal u nisa bi tfal;

O.

billi ġiet introdotta leġiżlazzjoni ġdida f’Marzu 2015 li tiddelinja żieda fil-kontroll fuq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

P.

billi s-soċjetà ċivili kemm-il darba ddenunzjat ir-rabta bejn il-korruzzjoni, it-tnaqqis u l-miżapproprjazzjoni tar-riżorsi naturali mill-élite li tiggverna u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra dawk li huma ta’ theddida għall-istatus quo u jiddenunzjawh;

Q.

billi, minkejja l-impenji li ħa l-Gvern tal-Angola biex jintensifika l-isforzi biex itejjeb is-sistema tiegħu ta’ kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) u l-ftit progress li sar, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja – organizzazzjoni intergovernattiva li twaqqfet fl-1989 fuq l-inizjattiva tal-G7 biex jiġu żviluppati politiki għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus – tkompli tidentifika nuqqasijiet strateġiċi fis-sistema AML/CFT tal-Angola;

R.

billi rapporti indipendenti stabbilixxew li d-dħul miż-żejt, ir-riżorsa ewlenija tal-Gvern, ma ġiex indirizzat lejn żvilupp sostenibbli jew komunitajiet lokali, filwaqt li l-élite li qed tiggverna saret aktar sinjura;

S.

billi l-Angola għandha riżervi minerali u taż-żejt vasti u hija waħda mill-ekonomiji li l-aktar qed jikbru malajr fid-dinja, b’mod speċjali minn tmiem il-gwerra ċivili; billi t-tkabbir ekonomiku tagħha huwa ferm inugwali, bil-maġġoranza tal-ġid nazzjonali kkonċentrat f’settur sproporzjonatament żgħir tal-popolazzjoni;

T.

billi l-kriżi ekonomika fil-pajjiż wara l-waqgħa drastika fid-dħul miż-żejt x’aktarx li tagħti spinta lil aktar inkwiet soċjali u protesti kontra l-gvern;

U.

billi f’Ottubru 2014 l-Angola tenniet l-impenn tagħha favur djalogu politiku u kooperazzjoni miftiehma fid-dokument EU-Angola Joint Way Forward, li fih il-governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma pilastri essenzjali;

V.

billi, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou bejn l-UE u l-Angola, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem iseħħ fil-qafas ta’ djalogu politiku formali mill-inqas darba fis-sena fil-qafas tad-dokument EU-Angola Joint Way Forward;

1.

Jinsab imħasseb profondament dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora malajr f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ispazju demokratiku fl-Angola, kif ukoll l-abbużi serji mill-forzi tas-sigurtà u n-nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikatura;

2.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Angola biex immedjatament u b’mod inkundizzjonat jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż Marcos Mavungo u l-15 + 1 attivist li ġew arrestati f’Ġunju 2015, u li jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jitlob ukoll għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta’ kull attivist ieħor, kull priġunier tal-kuxjenza jew kull avversarju politiku arrestat u detenut arbitrarjament unikament għall-fehmiet politiċi, ix-xogħol ġurnalistiku tiegħu jew il-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet paċifiċi;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw li ma jitwettaq l-ebda att ta’ tortura jew trattament ħażin ta’ detenuti u biex jiggarantixxu protezzjoni u aċċess sħaħ għall-familji u l-avukati tagħhom;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Angola biex iwaqqfu immedjatament il-każijiet ta’ arrest arbitrarju, detenzjonijiet illegali u tortura mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà; itenni li investigazzjonijiet immedjati, imparzjali u bir-reqqa għandhom jitwettqu dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża t-tortura, mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà u li dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

5.

Huwa serjament imħasseb dwar tentattivi kontinwi ta’ limitazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-midja, l-għaqda u l-assoċjazzjoni paċifika, u ż-żieda fil-vjolazzjonijiet ta’ dawn il-libertajiet mill-awtoritajiet, u jistieden lill-awtoritajiet Angolani jiżguraw ir-rispett immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dawn il-libertajiet; jistedinhom ukoll jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Angola;

6.

Jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE f’Luanda sabiex tikseb riżultat mill-impenji tas-SEAE biex tappoġġja u tipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (HRDs) madwar id-dinja kollha permezz ta’ passi konkreti u viżibbli li b’mod speċjali jinkludu osservazzjoni tal-proċess, appoġġ politiku u materjali għall-HRDs, l-avukati u l-familji tagħhom u l-kooperazzjoni sistematika mill-UE u l-Istati Membri tagħha mal-awtoritajiet tal-Angola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha tar-relazzjonijiet, inkluż fl-ogħla livell; jitlob ukoll lid-delegazzjoni biex iżżid id-djalogu politiku mal-Gvern Angolan fir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali kollha kif ukoll dawk rigward l-iżvilupp, sabiex tiżgura li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem kif imwiegħed matul l-1 Laqgħa Ministerjali UE-Angola ta’ Ottubru 2014; iħeġġu biex juża kull għodda u strument xieraq, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, biex jagħmel dan;

7.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-livell għoli ta’ korruzzjoni mill-awtoritajiet tal-Angola li timmina serjament ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, sabiex jimplimentaw il-prinċipji tal-approċċ tas-sett ta’ għodod tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jinnegozjaw mal-Angola, u biex jirrevedu s-setturi ċentrali tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tagħha taħt il-11-il FEŻ;

8.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja li tlesta stħarriġ nazzjonali fl-2007 u programm kbir ta’ azzjoni dwar il-mini, il-kobor tat-theddida mill-APL/ERW għadu mhux magħruf konfidenzjalment; iIħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja, tikkontrolla u tevalwa l-użu effettiv tal-fondi u sabiex tiżgura li l-baġit allokat jintuża b’mod effiċjenti u mmirat sabiex l-art tkun ikklirjata kif għandu jkun;

9.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Angolani jasserixxu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe strumentalizzazzjoni politika u sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti minn strumenti legali, bħall-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust;

10.

Iħeġġeġ lill-Gvern Angolan iwettaq inkjesta urġenti, trasparenti u kredibbli dwar il-massakru ta’ Huambo, u li jipprovdi appoġġ lil dawk li ħelsuha u li ġew spustati; itenni l-appelli tan-NU għal investigazzjoni internazzjonali u indipendenti komplementari;

11.

Jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-miżuri biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal ma ġewx implimentati; jistieden lill-awtoritajiet biex isaħħu l-ġlieda kontra prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara, bħall-istigmatizzazzjoni ta’ tfal akkużati bis-seħer;

12.

Ifakkar fl-impenn li ħadet l-Angola fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern Angolan jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet f’konformità mal-Artikoli 11(b), 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

13.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw it-trasparenza tal-kummerċ tar-riżorsi naturali kollha, inkluż iż-żejt, u b’mod partikolari biex jimplimentaw u jimmonitorjaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar rappurtar pajjiż b’pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Angolani u lill-kumpaniji barranin jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fl-industrija estrattiva billi jżommu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u jirrevedu l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley; jistieden ukoll lill-Gvern Angolan jippreżenta pjan biex jissieħeb fis-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ u minn hawn ’il quddiem jistabbilixxi pjan konkret biex jiġġieled il-korruzzjoni, iżid it-trasparenza u jsaħħaħ ir-responsabilità pubblika;

14.

Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw u jikkoordinaw dwar l-implimentazzjoni tas-Sezzjoni 1504 tad-Dodd-Frank Act;

15.

Jistieden lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri iżidu l-viġilanza ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus inklużi l-prinċipji normattivi tad-diliġenza dovuta u analiżi tar-riskju xierqa, speċjalment bl-involviment ta’ Persuni Politikament Esposti li joriġinaw mill-Angola;

16.

Jilqa’ r-rikonoxximent min-naħa tal-Gvern Angolan ta’ problemi f’dak li jirrigwarda l-kumpens f’każijiet ta’ konfiska tal-art, u jilqa’ r-rapporti tal-midja li jindikaw li l-mekkaniżmi ta’ distribuzzjoni u kumpens qed jitjiebu; iħeġġeġ lill-Gvern ikompli bl-isforzi tiegħu f’din id-direzzjoni;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kummissjoni Afrikana għad-Drittijiet tal-bniedem u tal-Popli, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun SADC, lill-President u l-Parlament tal-Angola, lill-Gvern tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.