22.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/198


P8_TA(2015)0314

Ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko (2015/2838(RSP))

(2017/C 316/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, b'mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, u l-Artikolu 120 tagħha, li jipprevedi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (1), wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexey Navalny (2), tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta' Nadiya Savchenko (3), u tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja (4),

wara li kkunsidra l-istqarrija tad-19 ta' Awwissu 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mongherini, dwar il-verdett kontra l-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-25 ta' Awwissu 2015 mill-VP/RGħ dwar is-sentenza mogħtija minn qorti Russa liċ-ċittadini Ukreni Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko,

wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ Sergei Magnitsky (5), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja, tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja (6): l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya (7), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja (8) u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky (9),

wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa (10) kkunsidrat mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 laqgħa u fit-3 137 laqgħa (11), li saru fis-16 u s-17 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, hemm tħassib serju rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali; u billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien addizzjonali biex tgħin lir-Russja ħalli timmodernizza u ssegwi l-ordinament kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

B.

billi l-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver inħataf f'Settembru 2014 minn territorju Estonjan mill-FSB u sussegwentement inżamm illegalment fir-Russja, att li jikkostitwixxi ksur ċar u serju tad-dritt internazzjonali;

C.

billi l-produttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u l-attivista ċiviku Olexandr Kolchenko, li opponew l-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea mir-Russja, ġew arrestati f'Mejju 2014 b'rabta ma' attivitajiet allegati mwettqa fil-Krimea; billi huma ġew trattati bħala ċittadini Russi minkejja l-fatt li għandhom ċittadinanza Ukrena;

D.

billi kemm fil-każ ta' Oleg Sentsov u kif ukoll fil-każ ta' Olexandr Kolchenko kien hemm allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin sever li wasslu għall-estrazzjoni illegali ta' depożizzjonijiet li għalihom ġie sussegwentement attribwit valur ġuridiku;

E.

billi Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko ttellgħu f'qorti militari għal delitti li għalihom il-qrati ċivili għandhom ġurisdizzjoni sħiħa; billi l-proċess kien imfixkel minn għadd ta' ksur proċedurali gravi;

F.

billi r-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati, Garbiela Knaul, fir-rapport tagħha ta' April 2014 wara żjara uffiċjali fil-Federazzjoni Russa, tesprimi tħassib serju dwar allegazzjonijiet ta' kemm theddid dirett u indirett lill-ġudikatura, u kif ukoll influwenza, interferenza u pressjoni fuqha mhux xierqa;

G.

billi hemm ħtieġa dejjem ikbar għal politika tal-UE soda, koerenti u komprensiva dwar ir-Russja li tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha;

H.

billi l-Pakkett ta' Miżuri għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk kienu previsti biex jiżguraw ir-rilaxx u l-iskambju tal-ostaġġi kollha u tal-persuni kollha miżmuma illegalment, abbażi tal-prinċipju ta' “kollha għal kollha”;

I.

billi diversi proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar ftit snin, inklużi l-każijiet Navalny, Magnitsky u Khodorkovsky, tefgħu dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa;

J.

billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u kompetenza addizzjonali, permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex tappoġġja l-isforzi tar-Russja ħalli timmodernizza u tirrispetta l-ordinament kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.

Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza mogħtija mill-qorti reġjonali ta' Pskov kif ukoll il-proċess sħiħ tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver, li ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs wara li fl-2014 inħataf minn territorju Estonjan, li huwa parti mill-UE; iqis il-każ bħala ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards elementari tal-ġustizzja;

2.

Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa taġixxi skont l-obbligi internazzjonali, tirrillaxxa b'mod immedjat lil Eston Kohver u tiggarantixxi r-ritorn sikur tiegħu lejn l-Estonja;

3.

Jesprimi t-twemmin profond tiegħu li sa mill-bidu nett, Eston Kohver ma ġiex provdut bid-dritt ta' proċess ġust, peress li ma kienx hemm smigħ pubbliku tal-każ, li l-konslu Estonjan ma tħalliex ikun preżenti waqt is-smigħ, li Eston Kohver ma ngħatax għajnuna ġuridika adegwata, li, barra minn dan, hu ġie mċaħħad minn żjarat minn martu u familtu, u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;

4.

Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza illegali u l-priġunerija ta' Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko; jistieden lill-Federazzjoni Russa biex b'mod immedjat tirrilaxxahom u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; jeżiġi li l-awtoritajiet Russi jinvestigaw b'mod immedjat, b'manjiera imparzjali u effikaċi, l-allegazzjonijiet ta' torturi kif iddikjarati mill-imputati u x-xhieda dwar il-każ, li ġew miċħuda mill-prosekutur waqt il-proċess; jitlob li din l-investigazzjoni tkun miftuħa wkoll għall-osservaturi internazzjonali;

5.

Jitlob għar-rilaxx taċ-ċittadini Ukrajni miżmuma illegalment, inkluża Nadiya Savchenko, f'konformità mal-Pakkett ta' Miżuri għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk maqbul u l-impenn għar-rilaxx tal-ostaġġi u tal-persuni detenuti kollha relatati mal-kunflitt fl-Ukrajna;

6.

Jiddeplora l-fatt li fil-Federazzjoni Russa l-liġi u l-ġustizzja huma użati bħala strumenti politiċi u bi ksur tad-dritt u l-istandards internazzjonali, li ppermettew l-għoti tas-sentenza lill-produttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u lil Olexandr Kolchenko għal 20 sena u 10 snin ħabs rispettivament talli esprimew il-fehmiet tagħhom marbuta ma' pożizzjoni attiva favur l-Ukrajna kontra l-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa; jenfasizza, fi kwalukwe każ, li huma ma kellhomx jiġu pproċessati f'qorti militari u li x-xhieda kollha miksuba permezz ta' tortura u metodi illegali oħrajn kellha tiġi eskluża;

7.

Jikkundanna bil-qawwa l-ksur sfaċċat tal-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-Estonja permezz tal-ħtif illegali taċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi sabiex jitressqu quddiem qorti Russa;

8.

Jissottolinja li l-qrati Russi mhumiex kompetenti biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jirrimarka li l-proċedimenti ġudizzjarji fit-tliet każijiet kollha ma għandhomx jiġu meqjusa bħala leġittimi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw dawn il-każijiet fil-kuntatti tagħhom mal-awtoritajiet Russi u jirrapportaw lura lill-Parlament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess fil-laqgħat bilaterali;

9.

Jissottolinja li l-awtoritajiet u l-persunal ġudizzjarju Russi jġorru r-responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni miżmuma, u li d-dritt tagħhom għal żjarat mill-familja, li jikkuntattjaw ir-rappreżentanti diplomatiċi tagħhom, għal assistenza medika adegwata, għal konslu ġudizzjarju u konsulari u għal aċċess dettaljat kemm għalihom u kif ukoll għar-rappreżentanti ġuridiċi tagħhom għad-dokumenti u l-evidenza kollha relatata mal-akkużi kontrihom għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ;

10.

Itenni mill-ġdid il-kundanna tiegħu tat-trażżin kontinwu min-naħa tal-gvern ta' fehmiet dissidenti billi jimmira lejn NGOs indipendenti permezz tal-hekk imsejħa “liġi tal-aġenti barranin” u t-trażżin persistenti u multiformi ta' attivisti, avversarji politiċi u ta' dawk li jikkritikaw ir-reġim;

11.

Ifakkar lir-Russja dwar l-importanza ta' konformità sħiħa mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħha, u dwar il-fatt li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jittieħdu b'manjiera effikaċi u imparzjali u għandhom ikunu indipendenti, jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi u jkunu bbażati fuq evidenza leġittima, mingħajr ebda interferenza politika; iqis li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, għandha tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħha fir-rigward tagħhom;

12.

Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi lista komuni tal-UE tal-uffiċjali responsabbli għall-ħtif, id-detenzjoni illegali u l-għoti ta' sentenzi lil Eston Kohver, Nadiya Savchenko, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko, li tiġi imposta u implimentata projbizzjoni tal-viża mal-UE kollha fuq dawn l-uffiċjali, u li jiġu ffriżati l-assi finanzjarji kollha li huma, jew il-familja immedjata tagħhom, jista' jkollhom ġewwa l-Unjoni Ewropea;

13.

Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ permanenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fit-territorji attwalment annessi mar-Russja; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istat li qed jiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw dawn id-drittijiet, inklużi d-dritt tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u l-istat tad-dritt, fir-Russja u fil-Krimea wara l-annessjoni illegali tagħha; jinnota li r-Russja għaldaqstant tkompli tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

14.

Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-VP/RGħ biex ifasslu strateġija politika komprensiva li tippermetti lill-UE tikseb mill-ġdid l-inizjattiva u biex isegwu politika ċara fir-rigward tar-Russja;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2015)0074.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0006.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0186.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0225.

(5)  ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2014)0039.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2014)0258.

(10)  CCPR/C/RUS/7.

(11)  CCPR/C/SR.3136 u 3137.