27.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/49


P8_TA(2015)0210

Iż-Żimbabwe, il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2015 dwar iż-Żimbabwe, il-każ tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara (2015/2710(RSP))

(2016/C 353/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe, partikolarment dik ta 7 ta' Frar 2013 (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE dwar il-ħtif ta’ Itai Dzamare tal-11 ta' Marzu 2015 u tad-9 ta' April 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f’isem l-UE, tad-19 ta' Frar 2014 dwar ir-reviżjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/98/PESK tas-17 ta' Frar 2014 (2) u 2015/277/PESK tad-19 ta' Frar 2015 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar il-miżuri restrittivi imposti kontra ż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tat-18 ta' Jannar 2013 dwar l-attakki reċenti fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qabel l-elezzjonijiet,

wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Globali (GPA) iffirmat fl-2008 mit-tliet partiti politiċi ewlenin, jiġifieri ZANU PF, MDC-T u MDC,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Lulju 2012 dwar iż-Żimbabwe u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK tas-27 ta' Frar 2012 (4) dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tas-27 ta' Ġunju 1981, li ż-Żimbabwe rratifikaha,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żimbabwe,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont rapporti, fid-9 ta' Marzu 2015, Itai Dzamara, attivist prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, mexxej tal-moviment Occupy Africa Unity Square u dissident fil-konfront tal-President Mugabe, safa maħtuf minn ħamest irġiel armati u mhux identifikati fis-subborgi ta' Harare; billi sal-lum għad mhuwiex magħruf fejn jinsab u hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tiegħu u dwar il-protezzjoni ta' drittijietu;

B.

billi, fix-xhur qabel il-ħtif tiegħu, is-Sur Dzamara kien mexxa għadd ta' protesti paċifiċi kontra s-sitwazzjoni politika u ekonomika taż-Żimbabwe, li sejra għall-agħar; billi jumejn qabel, is-Sur Dzamara indirizza dimostrazzjoni politika organizzata mill-partit tal-oppożizzjoni Movement for Democratic Change – Tsvangirai (MDC-T), meta ħeġġeġ li jsiru protesti tal-massa kontra d-deterjorament tar-ripressjoni u tal-qagħda ekonomika fil-pajjiż, u talab ir-riżenja tal-President Mugabe flimkien ma' riformi fis-sistema elettorali;

C.

billi, sal-lum, il-gvern baqa' sieket dwar l-għejbien tas-Sur Dzamara, fatt li ta lok għal suspetti fl-opinjoni pubblika dwar responsabbiltà possibbli tal-Istat; billi l-partit fil-gvern, ZANU-PF, jiċħad l-għejbien furzat tiegħu u qed jiddenunzja l-ġrajja bħala att finta min-naħa tal-partiti tal-oppożizzjoni;

D.

billi deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tat-13 ta' Marzu 2015 ordnat lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jorganizzaw tfittxija għas-Sur Dzamara u jirrappurtaw lill-Qorti kull ġimagħtejn dwar il-progress li jkun sar sa ma jiġi ddtereminat fejn jinsab; billi sal-lum din id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema ġiet injorata minn dawk l-awtoritajiet li għandhom ir-responsabbilta li jieħdu azzjoni fuqha, u billi l-awtoritajiet statali għadhom ma ottemperawx ruħhom ma' din id-deċiżjoni;

E.

billi s-Sur Dzamara kien safa attakkat bosta drabi minn sostenituri tal-partit fil-gvern, ZANU-PF, u minn uffiċjali tal-pulizija lebsin l-uniformi; billi f'Novembru 2014, madwar 20 pulizija lebsin l-uniformi mmanettjaw lis-Sur Dzamara u sawtuh sa ma ntilef minn sensih, filwaqt li attakkaw ukoll lill-avukat tiegħu, Kennedy Masiye;

F.

billi 11-il ruħ ġew detenuti f’Harare fis-27 ta' April 2015 wara li kienu ħadu sehem f’purċissjoni b’appoġġ għal Itai Dzamara li kien għeb; billi l-attivisti ġew arrestati u nżammu għal sitt sigħat;

G.

billi, wara l-għejbien tiegħu, martu Sheffra Dzamara rrikorriet lill-Qorti Suprema f'Harare biex iġġiegħel lill-pulizija u lis-Central Intelligence Organisation (CIO) jagħmlu tiftix għal żewġha; billi, tul is-smigħ, il-pulizija u s-CIO ċaħdu li kellhom kwalunkwe għarfien dwar fejn kien jinsab Dzamara; billi Sheffra Dzamara rrappurtat fil-bidu ta' April li rġiel mhux identifikati kienu qed iżommuha taħt sorveljanza kostanti u li kienet tħoss li ħajjitha mhedda;

H.

billi s-sitwazzjoni attwali fiż-Żimbabwe f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija qed tmur għall-agħar, u billi l-ħin kollu jsiru rapporti dwar fastidju u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u membri tas-soċjetà ċivili fiż-Żimbabwe;

I.

billi l-pulizija spiss jabbużaw mil-liġijiet eżistenti, bħalma huma l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika (POSA) u l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza (AIPPA), biex jipprojbixxu laqgħat u assemblej pubbliċi legali;

J.

billi l-libertajiet ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma komponenti essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija;

K.

billi, fi Frar 2015, l-UE ssuktat l-għajnuna tagħha liż-Żimbabwe, fil-forma ta' Programm Nazzjonali Indikattiv ta' EUR 243 miljun intiż biex jgħin liż-Żimbabwe jsir pajjiż aktar demokratiku u prosperu, filwaqt li l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżomm uħud mis-sanzjonijiet li kien impona fuq iż-Żimbabwe; billi biss il-President Robert Mugabe, martu u kumpanija tad-difiża waħda għadhom soġġetti għall-friża tal-beni u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar; billi għadu japplika wkoll embargo tal-UE fuq l-armi;

L.

billi, fis-16 ta' Marzu 2013, ġiet adottata b'referendum Kostituzzjoni ġdida, bil-għan iddikjarat li tnaddaf il-politika, iżda billi fil-prattika l-progress huwa kajman u s-sitwazzjoni tad-drittijijet tal-bniedem għadha vulnerabbli;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-għejbien furzat tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Itai Dzamara u jitlob li jinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet;

2.

Iħeġġeġ lill-gvern taż-Żimbabwe jieħu kull miżura meħtieġa biex isib lis-Sur Dzamara u jtella' lil dawk kollha responsabbli quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-gvern jottempera ruħu bis-sħiħ mad-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri li tordnalu jfittex għas-Sur Dzamara;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà ta’ martu u tal-familja, il-kollegi u s-sostenituri tiegħu;

4.

Huwa mħasseb profondament dwar rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem rigward żieda ta' vjolenza u fastidju kontra l-oppożizzjoni politika, kif ukoll rigward każijiet gravi ta' restrizzjoni u intimidazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li spiss jissawtu mill-pulizija u jiġu arrestati fuq kapi ta' akkuża foloz; jiddispjaċih li, mill-aħħar elezzjonijiet 'il hawn u mill-adozzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida fl-2013, ftit li xejn sar progress rigward l-istat tad-dritt, u b'mod partikolari lejn riforma tal-ambjent tad-drittijiet tal-bniedem;

5.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ użu eċċessiv tal-forza u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u minn uffiċjali tal-Istat, u li jżommuhom responsabbli;

6.

Ifakkar fir-responsabbiltà komprensiva tal-gvern taż-Żimbabwe li jiżgura s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tal-istrumenti reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati miż-Żimbabwe;

7.

Ifakkar li, skont il-Ftehim Politiku Globali (GPA), iż-Żimbabwe impenja ruħu li jiżgura li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-proċeduri u l-prattiki tiegħu jkunu konformi mal-prinċipji u l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertajiet ta’ għaqda, ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni;

8.

Jirrikonoxxi l-istabbiliment tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem taż-Żimbabwe, iżda huwa preokkupat li ma ngħatat l-ebda kapaċità sinifikanti li biha taġixxi b’mod indipendenti u tilħaq l-objettivi tagħha rigward il-kwistjonijiet urġenti dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom;

9.

Jitlob, għaldaqstant, azzjoni koordinata mill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari mill-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (Southern African Development Community, SADC); iqis li din l-organizzazzjoni reġjonali għandha rwol importanti bħala garanti tal-GPA, filwaqt li jinsisti, inter alia, fuq l-implimentazzjoni tal-ftehim u b'mod partikolari tal-Artikolu 13 tiegħu, biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà l-oħra ma jkunux partiġjani;

10.

Iħeġġeġ lill-Gvern taż-Żimbabwe u lill-President Mugabe jottemperaw ruħhom mal-obbligi internazzjonali tagħhom u mad-dispożizzjonijiet tat-trattati internazzjonali li ġew iffirmati miż-Żimbabwe u li jiggarantixxu r-rispett tal-istat tad-dritt u t-twettiq tad-drittijiet ċivili u politiċi;

11.

Jitlob li l-UE tintensifika d-djalogu politiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u b’mod partikolari li tħeġġeġ lill-Gvern jirrevoka jew jemenda b’mod xieraq l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà Pubblika u l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza, b'mod li jintemm l-abbuż tagħhom;

12.

Jiddeplora n-nuqqas ta’ klawsola qawwija u infurzabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) interim konkluż ma’ erba’ Stati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA), inkluż iż-Żimbabwe;

13.

Jieħu nota tat-tneħħija ta’ sanzjonijiet deċiża mill-UE, u jappoġġja l-miżuri mmirati li għadhom fis-seħħ kontra l-President u martu, kif ukoll l-embargo fuq l-armi, li huma risposta għas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe;

14.

Jemmen li l-promozzjoni tad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma essenzjali biex iż-Żimbabwe jsir pajjiż ħieles u prosperu;

15.

Jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE f'Harare tkompli toffri l-assistenza tagħha liż-Żimbabwe bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li l-UE jeħtiġilha tiżgura li l-finanzjament għall-iżvilupp fiż-Żimbabwe jindirizza b'mod effikaċi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, partikolarment permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li r-riformi politiċi u ekonomiċi li tiffinanzja jiġu implimentati;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-SEAE, lill-Gvern u lill-Parlament taż-Żimbabwe, lill-Gvernijiet tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0059.

(2)  ĠU L 50, 20.2.2014, p. 20.

(3)  ĠU L 47, 20.2.2015, p. 20.

(4)  ĠU L 54, 28.2.2012, p. 20.