21.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 346/32


P8_TA(2015)0174

Strateġija dwar l-Alkoħol

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar Strateġija dwar l-Alkoħol (2015/2543(RSP))

(2016/C 346/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-Unjoni dwar l-alkoħol (O-000008/2015 – B8-0108/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-istabbiliment tat-tielet programm ta ' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014- 2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (1),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni għandha biss tikkomplementa l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri dwar kwistjonijiet tas-saħħa pubblika,

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2011 dwar il-Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2007 dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea biex tassisti lill-Istati Membri jnaqqsu d-danni li ġejjin mill-konsum tal-alkoħol (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2011 dwar l-għeluq ta' lakuni fil-qasam tas-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-użu ħażin tal-alkoħol huwa t-tieni l-akbar kawża ta' mard relatat mal-istil ta' ħajja f’ċerti Stati Membri u l-vizzju tal-alkoħol huwa fattur ta' riskju għal aktar minn 60 marda kronika, inkluż il-mard tal-fwied marbut mal-alkoħol (ALD), il-pankreatite kronika alkoħolika u kważi kwalunkwe mard ieħor fl-apparat diġestiv, il-kanċer, id-dijabete, il-mard kardjovaskulari, l-obeżità, id-Disturbi tal-Ispettru Fetali Alkoħoliku (FASD), id-disturbi newropsikjatriċi bħal pereżempju, id-dipendenza fuq l-alkoħol;

B.

billi l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri huma l-aktar preparati tajjeb biex ifasslu politiki magħmula individwalment biex jipprevjenu lin-nies milli jabbużaw mill-alkoħol;

C.

billi hemm rabta kawżali bejn l-abbuż tal-alkoħol u medda sħiħa ta' disturbi mentali u ta' mġiba, apparti mard ieħor li ma jitteħidx u korrimenti;

D.

billi l-ispejjeż soċjali marbuta direttament u indirettament mal-użu ħażin tal-alkoħol huma stmati li laħħqu l-EUR 155,8 biljun fl-Ewropa fl-2010, li l-maġġoranza tagħhom (EUR 82,9 biljun) huma barra mis-sistema tal-kura tas-saħħa;

E.

billi l-abbuż tal-alkoħol jikkawża l-mewt ta' 3,3 miljun ruħ fis-sena madwar id-dinja, jew 5,9 % tal-imwiet; billi madwar 25 % tal-imwiet kollha fil-grupp tal-età bejn 20 u 39 jistgħu jiġu attribwiti għall-abbuż tal-alkoħol; billi dawn l-imwiet huma spiss riżultat ta’ inċidenti, vjolenza jew mard tal-fwied;

F.

billi madwar 5 sa 9 miljun tifel u tifla jgħixu f’familji li huma affettwati ħażin mill-konsum tal-alkoħol;

G.

billi mhux il-konsum kollu tal-alkoħol għandu l-istess konsegwenzi, peress li jiddependi ħafna fuq ix-xejra tal-konsum, inkluż dak li jiġi kkunsmat u l-mod kif inhu kkunsmat; billi x-xejriet u t-tendenzi tax-xorb ivarjaw ħafna bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea, fejn hemm xejriet subreġjonali sinifikanti tal-effetti tal-konsum u tas-saħħa marbuta mal-użu ta' ħsara tal-alkoħol madwar l-UE; billi l-varjazzjonijiet soċjali, kulturali, ġeografiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi tal-UE jagħmluha neċessarja li ssir distinzjoni bejn ix-xejriet u t-tendenzi ta’ konsum differenti;

H.

billi politika biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol u tappoġġja l-konsum responsabbli tal-alkoħol, li tkun imfassla għal sitwazzjonijiet reġjonali u lokali speċifiċi, tirriżulta fi tnaqqis fil-kura tas-saħħa u l-infiq soċjali relatati mal-effetti diretti u indiretti tal-ħsara relatata mal-alkoħol, bħad-dipendenza fuq l-alkoħol, il-mard kroniku, il-mortalità u l-vjolenza domestika, kif ukoll spejjeż relatati mal-alkoħol; billi politika għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol għandha tinvolvi mhux biss lis-settur tas-saħħa iżda wkoll lill-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-assoċjazzjonijiet li jagħtu appoġġ lill-persuni li jsofru mill-abbuż tal-alkoħol, u għandhom ikunu konsistenti għall-aħħar mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-Saħħa fil-Politiki Kollha, filwaqt li jiġi żgurat titjib sinifikanti tas-saħħa pubblika;

I.

billi l-konsum abbużiv u ta' ħsara tal-alkoħol jista' jwassal għal dipendenza fuq l-alkoħol, ħaġa li għandha bżonn tiġi indirizzata permezz ta' attenzjoni u appoġġ miżjuda fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri;

J.

billi għandu jiġi enfasizzat li xi gruppi aktar għandhom it-tendenza li juru mġiba ħażina relatata mal-konsum tal-alkoħol, fosthom iż-żgħażagħ. billi l-imwiet assoċjati mal-alkoħol huma madwar 25 % tal-imwiet kollha fl-irġiel żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena, u huma waħda minn kull għaxra fost iż-żgħażagħ nisa; billi l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol fost iż-żgħażagħ huwa prattika li qed tinfirex fl-Istati Membri b’tip partikolari ta’ konsum bħal pereżempju il-“binge drinking”; billi, bħala regola, il-fwied ta’ raġel jista’ jipproċessa l-alkoħol ħafna darbiet aktar malajr mill-fwied ta’ mara, li jfisser li n-nisa jsiru alkoħoliċi kroniċi aktar malajr u minkejja li jixorbu kwantitajiet iżgħar ta’ alkoħol;

K.

billi l-ħsara relatata mal-alkoħol hija marbuta ma' diversi fatturi, bħal-livell soċjoekonomiku, l-isfond kulturali u x-xejriet tax-xorb u l-influwenza mill-ġenituri jew minn oħrajn, kif ukoll id-daqs u l-livell tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta' politiki xierqa f'dan il-qasam; billi l-vulnerabilitajiet f'soċjetà waħda jistgħu kultant ikunu differenti daqs il-vulnerabilitajiet bejn soċjetajiet differenti;

L.

billi f’xi reġjuni tal-Ewropa l-produzzjoni artiġjanali tax-xorb alkoħoliku hija waħda mill-pedamenti tat-turiżmu lokali;

M.

billi l-pubbliċità u l-kumerċjazlizzazzjoni għandhom impatt fuq il-livell tal-konsum tal-alkoħol, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ; billi l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżiva hija fundamentali għall-protezzjoni effettiva tal-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tat-tfal u l-minorenni; billi hemm rabta bejn li wieħed jibda jixrob minn età żgħira u l-probabilità ta' problemi marbuta mal-alkoħol fil-kobor; billi l-aktar għodod effettivi fil-prevenzjoni tal-konsum eċċessiv tal-alkoħol miż-żgħażagħ huma l-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-kampanji ta’ prevenzjoni; billi, għalhekk, il-Kummissjoni għandha tibda tfassal mingħajr dewmien strateġija ġdida Ewropea għall-alkoħol li tgħin biex jiġi ristrett il-konsum eċċessiv tal-alkoħol, u l-pubbliku għandu jiġi infurmat permezz ta’ kampanja li tqajjem il-kuxjenza dwar l-effetti negattivi tal-konsum tal-alkoħol fuq is-saħħa;

N.

billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tenfasizza l-ħtieġa ta’ aktar għarfien u azzjoni f’suġġetti bħar-rabta bejn il-konsum tal-alkoħol u t-tarbija fil-ġuf, l-anzjani, l-impatti fuq persuni soċjalment żvantaġġjati, u l-esklużjoni soċjali marbuta mal-abbuż tal-alkoħol;

O.

billi l-fatturi soċjali, kulturali, ġeografiċi u ekonomiċi differenti fl-Unjoni Ewropea joħolqu drawwiet u tendenzi tal-konsum tal-alkoħol li jvarjaw anki lokalment, u li joħolqu attitudnijiet differenti fil-konfront tax-xorb;

P.

billi jinħtieġ li jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-konsum responsabbli tal-alkoħol u l-konsum ta' ħsara; billi l-konsum responsabbli tal-alkoħol hu kompatibbli ma' stil ta' ħajja li jkun tajjeb għas-saħħa;

Q.

billi madwar inċident wieħed tat-traffiku minn erbgħa jista' jiġi marbut mas-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, u tal-anqas 5 200 persuna fl-UE jinqatlu kull sena f'inċidenti tat-traffiku relatati mal-alkoħol; billi s-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb għadu t-tieni l-ikbar kawża ta' mwiet fit-toroq tal-UE;

R.

billi ħafna ċittadini tal-UE, speċjalment iż-żgħażagħ, mhumiex infurmati biżżejjed dwar il-perikli għas-saħħa tal-konsum ta' ħsara tal-alkoħol u d-dipendenza fuqu, u billi l-prevenzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma għaldaqstant essenzjali fi ħdan l-istrateġija Ewropea l-ġdida dwar l-alkoħol; billi l-identifikazzjoni bikrija ta' persuni b'xejriet dannużi tal-konsum tal-alkoħol, kif ukoll l-għoti lilhom ta' pariri, irriżultaw effettivi; billi hemm ħafna lok għal titjib fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni mir-reklamar tal-alkoħol;

S.

billi r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 (4) jikkonkludi li l-ikel li jitqies li hu ta' ħsara għas-saħħa jitqies ukoll bħala mhux sikur;

T.

billi faxex tal-età differenti juru tendenzi ta’ xorb differenti, li sa issa għadhom ma ġewx studjati b’mod proporzjonat;

U.

billi r- Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (5) eskluda x-xorb b’kontenut alkoħoliku ta’ aktar minn 1,2 % ta’ volum minn żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri l-lista tal-ingredjenti u rekwiżiti ta’ tikkettar nutrizzjonali; billi, minħabba n-natura tar-riskji marbuta mal-alkoħol, informazzjoni komprensiva dwar ix-xorb alkoħoliku xorta waħda hija meħtieġa;

V.

billi skont ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 il-Kummissjoni kienet meħtieġa tipproduċi sa Diċembru 2014 rapport li jevalwa jekk ix-xorb alkoħoliku fil-ġejjieni għandux ikun kopert mir-rekwiżit biex tingħata informazzjoni dwar il-valur enerġetiku, u r-raġunijiet li jiġġustifikaw eżenzjonijiet possibbli, kif ukoll proposta leġiżlattiva, jekk ikun xieraq, li tiddetermina r-regoli għal lista tal-ingredjenti jew dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni ta’ dawn il-prodotti;

W.

billi l-Istrateġija tal-UE dwar l-Alkoħol kellha suċċess fl-appoġġ tagħha tal-azzjonijiet tal-Istati Membri biex inaqqsu l-ħsara relatata mal-abbuż tal-alkoħol, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f’oqsma bħalma huma l-protezzjoni taż-żgħażagħ, it-tnaqqis tal-inċidenti tat-triq assoċjati mal-abbuż tal-alkoħol, l-edukazzjoni permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-konsum tal-alkoħol, u database u monitoraġġ komuni fil-livell tal-UE, kif ukoll fit-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar ix-Xorb taż-Żgħażagħ u x-Xorb Bla Rażan Episodiku (2014-2016) mill-Kumitat dwar il-Politika u l-Azzjoni Nazzjonali dwar l-Alkoħol (CNAPA);

X.

billi l-involviment ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (EAHF), u lil hinn, rawwem l-iżvilupp ta' azzjonijiet konkreti u li jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-abbuż mill-alkoħol fil-livell lokali fl-Unjoni Ewropea kollha;

Y.

billi t-tielet Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) jippromwovi l-adozzjoni tal-aħjar prattika vvalidata għall-miżuri ta' prevenzjoni kosteffettivi ffukati fuq il-fatturi ewlenin ta' riskju, inkluż l-abbuż mill-alkoħol;

Z.

billi l-evalwazzjoni esterna tal-Istrateġija mwettqa fl-2012 ikkonfermat ir-rilevanza u l-utilità tal-approċċ tal-Istrateġija eżistenti u t-temi ta’ prijorità tagħha;

1.

Jinnota li waqt il-laqgħa tas-CNAPA li saret fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżviluppa Pjan ta’ Azzjoni Ewropew biex Titnaqqas il-Ħsara Relatata mal-Alkoħol; jinnota l-adozzjoni f’Settembru 2014 ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar ix-Xorb taż-Żgħażagħ u x-Xorb Bla Rażan Episodiku (binge drinking) (2014-2016), u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar il-ġlieda kontra l-ħsara relatata mal-alkoħol u biex tkompli bil-ħidma tagħha ta’ appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn dan iġib miegħu valur miżjud, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

3.

Jenfasizza li biex jitnaqqsu l-problemi ta’ saħħa, ta’ sigurtà u dawk soċjoekonomiċi kkawżati mill-alkoħol, ikun jeħtieġ li tittieħed azzjoni fuq id-daqs, ix-xejriet u l-kuntesti tal-konsum tal-alkoħol, kif ukoll fuq l-elementi determinanti soċjali usa’, permezz ta' mezzi bħall-edukazzjoni u t-tnedija ta’ kampanji ta’ informazzjoni;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni tibda minnufih il-ħidma fuq l-Istrateġija tal-UE dwar l-Alkoħol (2016-2022) bl-istess objettivi, filwaqt li taġġorna l-qafas regolatorju sabiex tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali biex jindirizzaw il-ħsara marbuta mal-alkoħol, biex tappoġġja l-monitoraġġ u l-ġbir tad-dejta affidabbli, biex tinkoraġġixxi l-prevenzjoni kif ukoll il-promozzjoni tas-saħħa u l-edukazzjoni, id-dijanjosi bikrija, l-aċċess imtejjeb għall-kura, l-appoġġ kontinwu għal dawk milquta u l-familji tagħhom, inklużi programmi ta’ pariri, sabiex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku kkawżati minn sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u biex tiddifferenzja aħjar bejn ix-xejriet differenti tax-xorb, bejn imġiba u oħra, u bejn attitudnijiet differenti fil-konfront tal-konsum tal-alkoħol;

5.

Iqis li l-Istrateġija attwali tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-ħsara relatata mal-alkoħol għandha tiġġedded bażikament fl-istess format, u bl-istess objettivi, jiġifieri li tindirizza l-ħsara relatata mal-alkoħol fuq livell tal-Istati Membri, tkun orjentata fuq l-azzjoni, u biex trawwem approċċ parteċipattiv ta’ ħafna partijiet interessati;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproduċi minnufih ir-rapport li jesiġi r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 sa Diċembru 2014, li jevalwa jekk ix-xorb alkoħoliku għandux fil-ġejjieni jkun kopert mir-rekwiżit li fuq ix-xorb alkoħoliku tingħata informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-kontenut nutrizzjonali; iqis li l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar l-ingredjenti u l-kontenut nutrizzjonali, filwaqt li jitqies, b'mod partikulari, l-impatt fuq l-SMEs u l-produzzjoni artiġjanali;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex immedjatament titlob lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) biex tivvaluta mill-ġdid l-użu tal-aċetaldeid bħala sustanza aromatizzanti f’xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku;

8.

Jenfasizza l-ħtieġa li tal-inqas il-kontenut ta’ kaloriji tax-xorb alkoħoliku jiġi ddikjarat b’mod ċar fuq it-tikketti mill-aktar fis possibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva korrispondenti mhux aktar tard mill-2016;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tibda ħidma immedjata fuq Strateġija ġdida tal-UE dwar l-Alkoħol għall-perjodu 2016-2022, b’kont meħud tal-Pjan ta' Azzjoni tas-CNAPA u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni indipendenti tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ħsara Relatata mal-Alkoħol, sabiex jiġi żgurat li r-riżultati miksuba s’issa jkollhom impatt dewwiemi u biex tkompli tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali biex jindirizzaw il-ħsara relatata mal-alkoħol fuq perjodu twil ta’ żmien;

10.

Jenfasizza li l-kumplimentarjetà bejn il-liġijiet u l-kodiċijiet ta' kondotta dwar il-protezzjoni tal-minorenni mill-konsegwenzji negattivi tal-konsum perikoluż tal-alkoħol hija meħtieġa biex tiżgura l-protezzjoni effettiva tal-minorenni; jistieden lill-Istati Membri jinforzaw b’mod strett il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar il-limiti tal-età dwar il-konsum tal-alkoħol u biex tevalwa l-ħtieġa għal aktar rekwiżiti li jorbtu legalment biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-minorenni;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki u trattamenti fi ħdan is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom, li jnaqqsu d-dipendenza tal-individwi fuq l-alkoħol;

12.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jedukaw lill-pubbliku ġenerali, partikolarment lill-minorenni u n-nisa tqal, dwar l-effetti ta' ħsara tal-konsum tal-alkoħol, u sabiex, meta jkun meħtieġ, jilleġiżlaw kif xieraq;

13.

Jirrikonoxxi d-differenzi fix-xejriet tal-konsum fost l-Istati Membri u l-aspetti kulturali tal-konsum responsabbli tal-alkoħol;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kampanja ta' informazzjoni fl-UE kollha li twissi lin-nisa tqal biex ma jikkunsmawx l-alkoħol, u jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-effett tat-tikkettar f'din il-kwistjoni u tippreżenta proposta leġiżlattiva korrispondenti mhux aktar tard mill-2016;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, li f'dan il-qasam huma primarjament responsabbli li jfasslu, jimplimentaw u jivvalutaw il-politiki tas-saħħa pubblika maħsuba biex inaqqsu l-konsum ta' ħsara tal-alkoħol, jimplimentaw regoli stretti dwar il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku, b’mod partikolari lill-minorenni;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni ta’ tikketti fl-UE kollha li jwissu lill-konsumaturi dwar il-perikli tas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u, jekk ikun meħtieġ, tirriforma r-rwol u l-funzjonament tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa, sabiex tiżgura li s-sħubija tkun verament rappreżentattiva tal-partijiet interessati kollha rilevanti, b’mod bilanċjat, b'rappreżentanza xierqa tal-operaturi ekonomiċi u tal-NGOs, u biex taħdem biex tinkoraġġixxi u tappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Forum u favur l-impenn tagħhom li jiżviluppaw azzjonijiet konkreti u effettivi biex inaqqsu l-ħsara relatata mal-alkoħol u jappoġġjaw azzjonijiet immirati li jkunu rilevanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi aktar titjib operattiv għall-implimentazzjoni attwali tal-istrateġija tal-UE, bħal: li testendi s-sħubija fl-EAHF mal-partijiet interessati rilevanti kollha; li jkun hemm żieda fl-interazzjoni mas-CNAPA fil-livell tal-UE; li tippromwovi l-prattiki tajba għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impenji; li tiġbor indikaturi aktar effikaċi li jipprovdu stampa oġġettiva, aġġornata u realistika tax-xejriet tax-xorb tal-alkoħol u l-ħsara relatata mal-alkoħol; u li tappoġġja azzjonijiet immirati li jkunu rilevanti fil-livelli lokali, abbażi tar-rispett sħiħ tar-regoli fundamentali tat-Trattat UE;

19.

Jenfasizza li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Alkoħol m’għandhiex tistabbilixxi miri ġodda, iżda pjuttost għandha tappoġġja dawk il-miri li dwarhom diġà ntlaħaq ftehim bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-2012-2020 biex jitnaqqas l-użu ta' ħsara tal-alkoħol;

20.

Jinnota li strateġija ġdida tal-UE tista’ tkun ta’ valur billi toffri lill-Istati Membri għażliet għal azzjoni ibbażati fuq l-evidenza, billi hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jużaw l-approċċ l-aktar adattat għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta fir-rwol ta’ valur tagħha fit-trawwim tar-riċerka tajba u l-kondiviżjoni tal-evidenza;

21.

Itenni l-importanza ta’ impenn politiku b’saħħtu mill-Kummissjoni, mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Istati Membri li jżidu l-isforzi biex jipprevjenu l-ħsara relatata mal-alkoħol u jipprovdu rispons ta’ politika adegwat ibbażat fuq l-evidenza li jirrifletti l-impatti severi u varji fuq is-saħħa u dawk soċjoekonomiċi tal-ħsara relatata mal-alkoħol u l-interrelazzjonijiet tagħha ma’ fatturi oħrajn ta’ riskju;

22.

Ifakkar fl-importanza tal-objettivi ta’ politika li jistgħu jitkejlu u li jkunu rigorużi u ta’ mekkaniżmi pluriennali adegwati biex jimmonitorjaw il-progress sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija fost l-Istati Membri; jisħaq dwar il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-alkoħol;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw b’mod attiv it-titjib tal-indikaturi, il-ġbir ta’ data affidabbli, il-komparabbiltà u l-analiżi f’waqtha fir-rigward tal-konsum tal-alkoħol u l-konsegwenzi fuq is-saħħa u soċjali tiegħu, biex jallokaw riżorsi xierqa biex jitnaqqas il-piż minħabba l-abbuż tal-alkoħol u l-ispejjeż diretti u indiretti għas-soċjetà tal-ħsara relatata mal-alkoħol, u biex jippromwovu l-integrazzjoni effettiva tad-data rilevanti fil-politiki dwar l-alkoħol tal-UE u dawk nazzjonali bl-użu ta’ bażi ta’ evidenza komuni;

24.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi biex iħarsu liż-żgħażagħ mill-ħsara relatata mal-alkoħol, b’mod partikolari billi jgħollu l-limitu tal-età għal tal-anqas 18-il sena u jiżguraw li jkun hemm reklamar responsabbli;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni sabiex jenfasizzaw l-effetti fuq is-saħħa u s-soċjetà tal-konsum ta’ alkoħol li jagħmel il-ħsara filwaqt li jippromwovu l-konsum moderat u responsabbli tax-xorb alkoħoliku;

26.

Jenfasizza li l-flus pubbliċi m'għandhomx jintużaw sabiex jippromwovu l-konsum tal-alkoħol, bl-eċċezzjoni ta' miżuri ta' promozzjoni koperti mir-Regolamenti (UE) Nri 1144/2014 u 1308/2013;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jillimitaw il-bejgħ tal-alkoħol għal dawk taħt l-età legali għax-xiri tal-alkoħol billi jwettqu miżuri ta’ kontroll regolari, b’mod partikolari qrib l-iskejjel; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza kif xieraq il-bejgħ transkonfinali tal-alkoħol fuq l-internet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu kampanji biex iqajmu kuxjenza dwar il-perikli tax-xorb bla rażan (binge drinking), speċjalment għal persuni taħt l-età, u jagħmlu aktar sforzi biex inaqqsu l-inċidenti tat-traffiku relatati mas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE dwar is-servizzi tal-media awjdoviżiva u tikkunsidra li tirrivediha fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol maż-żgħażagħ u l-isponsorizzazzjoni mill-alkoħol sabiex titnaqqas l-espożizzjoni taż-żgħażagħ għall-kummerċjalizzazzjoni tax-xorb alkoħoliku;

29.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, u lil kull parti interessata rilevanti oħra, jirrevedu u jsaħħu l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-konsum ta' ħsara tal-alkoħol, b'mod speċjali minn nisa tqal, u l-impatt tal-alkoħol fuq il-tarbija fil-ġuf;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw miżuri konkreti biex jirrestrinġu l-konsum tal-alkoħol, b’mod partikolari fost il-persuni taħt l-età u l-individiwi li jbatu minn kundizzjonijiet serji, mard kroniku jew dipendenzi kbar marbuta mal-konsum tal-alkoħol;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni żżomm, fl-istrateġija tagħha, l-appoġġ finanzjarju għall-proġetti effettivi u bbażati fuq ix-xjenza li jindirizzaw il-ħsara marbuta mal-abbuż tal-alkoħol u l-fehim tal-kawżi sottostanti tal-abbuż mill-alkoħol fl-ambitu tal-Programm tas-Saħħa l-ġdid u tal-Programm Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ finanzjarju tagħha jkun indirizzat biss lejn proġetti b'metodoloġija xjentifikament tajba u b'operatur li jwettaq l-objettiv;

32.

Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lil partijiet interessati oħra jiddiversifikaw il-kampanji ta’ informazzjoni dwar il-perikli tal-konsum tal-alkoħol għad-diversi gruppi ta’ etajiet, kif ukoll il-mod li bih isuqu n-nies u l-effetti tax-xorb u s-sewqan, sabiex jadattaw dawn il-kampanji għall-gruppi ta’ etajiet varji u biex jintlaħqu b’mod aktar vigoruż;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ edukazzjoni mmirati lejn iż-żgħażagħ bħala parti mill-istrateġiji tagħhom biex jipprevjenu l-abbuż u biex ixerrdu l-aqwa prattiki;

34.

Jistieden lill-Istati Membri jibnu fuq l-Istrateġija tal-WHO dwar l-Alkoħol u jtejbu d-detezzjoni bikrija tal-konsum ta' ħsara tal-alkoħol fil-kura primarja, billi jippromwovu skrinjar u jiżguraw li jkun hemm servizzi ta' appoġġ adegwati għat-trattament tad-disturbi relatati mal-użu tal-alkoħol u l-kundizzjonijiet kroniċi relatati;

35.

Jenfasizza li r-regoli applikati mill-awtoritajiet rispettivi fl-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-konsegwenzi tal-abbuż mill-alkoħol, sabiex it-trattamenti jkunu aċċessibbli u bi prezz li jintlaħaq minn dawk li jbatu minn disturbi marbuta mal-konsum żejjed tal-alkoħol, u biex idaħħlu fis-seħħ programmi ta' skrinjar u interventi qosra fil-każijiet ta' konsum ta' alkoħol ta' ħsara u perikoluż; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw sabiex isibu soluzzjonijiet biex jassistu lill-persuni li jbatu minn disturbi, kundizzjonijiet kroniċi jew dipendenzi qawwija marbuta mal-konsum tal-alkoħol, jgħinuhom jieħdu ħsieb tagħhom infushom u biex itemmu s-sitwazzjoni ta’ dipendenza tagħhom;

36.

Jiddispjaċih għat-tnaqqis fis-servizzi ewlenin għall-vizzju tal-alkoħol f'ċerti Stati Membri;

37.

Jistieden lill-Istati Membri u lil kull parti interessata rilevanti oħra jkomplu jintensifikaw u/jew jiżviluppaw politiki u azzjonijiet li jippromwovu l-imġiba favur stil ta’ ħajja li jkun tajjeb għas-saħħa, inklużi l-alimentazzjoni tajba u l-isport u attivitajiet rikreattivi tajbin għas-saħħa, filwaqt li tirrikonoxxi li t-tgawdija moderata tax-xorb alkoħoliku hija komponent sinifikanti tal-ħajja kulturali f’ħafna Stati Membri u m’għandhiex għalfejn tkun f’kunflitt ma’ stil ta’ ħajja li jkun tajjeb għas-saħħa;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw bir-reqqa l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ politiki nazzjonali mmirati biex jipprevjenu l-bejgħ ta’ alkoħol irħis ħafna, sakemm tali miżuri jiżguraw il-protezzjoni effettiva tas-saħħa u jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà u li l-opinjoni li hija mistennija tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-UE tal-politika ta’ prezzijiet minimi tal-Gvern Skoċċiż;

39.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw il-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi eżistenti tagħhom relatati mal-informazzjoni lill-konsumatur u kultura xierqa tax-xorb, sabiex jedukaw u jissensibilizzaw dwar il-konsegwenzi tal-konsum ta’ ħsara tal-alkoħol u sabiex inaqqsu l-ħsara marbuta mal-abbuż tal-alkoħol; b'mod partikolari, jirrakkomanda lill-Istati Membri jissorveljaw ir-reklamar tal-alkoħol u l-effetti tiegħu fuq iż-żgħażagħ u jieħdu azzjoni xierqa bl-intenzjoni li jnaqqsu l-esponiment tagħhom għalih;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti fir-rigward tal-ħtieġa li tittejjeb l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-alkoħol, filwaqt li tiżgura li l-konsumaturi jkunu konxji tal-kontenut tal-alkoħol u tal-kaloriji mingħajr ma timponi ostakli għas-suq uniku; jinsisti fuq l-importanza ta’ informazzjoni ċara, konċiża u effettiva dwar l-effetti tal-konsum tal-alkoħol u r-riskji tiegħu għas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-adozzjoni ta’ tikketta fil-livell tal-UE li jkun fiha twissija għall-konsumaturi dwar il-perikli marbuta mal-abbuż ta’ sustanzi alkoħoliċi waqt il-perjodu tat-tqala u waqt is-sewqan;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġiji xierqa u jintensifikaw il-kontrolli sabiex jindirizzaw il-problema tal-iffalsifikar tal-alkoħol, kif ukoll il-bejgħ illegali u klandestin tal-alkoħol, li għandhom effetti partikolarment negattivi għas-sezzjonijiet l-aktar żvantaġġati tas-soċjetà u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu protetti l-indikazzjonijiet ġeografiċi fi ħdan l-Unjoni u globalment permezz ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(2)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 25.

(3)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 160.

(4)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.