30.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/126


P8_TA(2015)0074

L-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))

(2016/C 316/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky (1), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja (2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya (3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja (4), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari dwar il-każ ta' Alexei Navalny (5),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ tal-4 ta' Marzu 2015 dwar id-detenzjoni kontinwa ta' Nadiya Savchenko,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP/RGħ tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rifjut li l-MPE Sandra Kalniete titħalla tidħol fit-territorju tal-Federazzjoni Russa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Marzu 2014 mill-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Lukin, dwar dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u l-passi meħuda mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi,

wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati li hemm sospiżi għal ftehim ġdid UE-Russja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Boris Nemtsov, Viċi Prim Ministru preċedenti tal-Federazzjoni Russa, Gvernatur preċedenti ta' Nizhny Novgorod, riformista preminenti tas-soċjetà u l-ekonomija Russa post-Sovjetika u wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni liberali demokratika tar-Russja, ġie assassinat ħdejn il-Kremlin jumejn qabel dimostrazzjoni li kellha ssir fl-1 ta' Marzu 2015, li hu kien qed jorganizza, kontra l-effetti tal-kriżi ekonomika u l-kunflitt fl-Ukraina;

B.

billi fil-ġimgħat ta' qabel l-omiċidju, Boris Nemtsov kien qed jinvestiga l-parteċipazzjoni tar-Russja fil-konflitt Donbas u kellu l-intenzjoni li jippubblika rapport dwar il-kwistjoni; billi ħamest irġiel ġew arrestati fuq il-qtil ta' Boris Nemtsov, imma mhuwiex ċar kemm kien wieħed minn dawk miżmuma li spara t-tir fatali; billi l-awtoritajiet Russi ma ppermettewx lil xi Membri tal-Parlament Ewropew u lil xi delegazzjonijiet nazzjonali jidħlu fil-Federazzjoni Russa, b'hekk impedewhom milli jattendu l-funeral ta' Boris Nemtsov;

C.

billi Boris Nemtsov kien difensur qawwi ta' Federazzjoni Russa moderna, prospera u demokratika, miftuħa għad-dinja;

D.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

E.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda; billi l-Ministeru tal-Ġustizzja għamel użu minn poteri introdotti dan l-aħħar biex jiddikjara 42 grupp bħala “aġenti barranin”, inkluż l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem l-aktar esperti u awtoritattivi tal-pajjiż, u uża pretesti burokratiċi biex jipprova jxolji bosta gruppi oħrajn; billi f'Jannar 2015 id-Duma ħadet l-ewwel pass fl-approvazzjoni ta' liġi ġdida li tipprojbixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet barranin “mhux mixtieqa”;

F.

billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu f'bosta okkażjonijiet dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, u dwar il-falliment sistematiku li jiġi rispettat l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi l-istat tad-dritt, l-istandards ta' proċess ġust, il-proċess dovut u l-indipendenza tal-ġudikatura mhumiex rispettati fir-Russja; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali u tad-Duma tal-Istat naqsu milli jilħqu l-istandards tal-OSKE;

G.

billi, matul dawn l-aħħar snin, ħafna proċessi u proċedimenti ġudizzjarji, bħall-każijiet Navalny, Magnitsky, Khodorkovsky, Politkovskaya u każijiet oħrajn, tefgħu dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa; billi dawn il-każijiet ta' persuni prominenti huma sempliċement biss dawk il-każijiet magħrufa barra r-Russja għal dak li hu l-falliment sistematiku min-naħa tal-istat Russu li jirrispetta l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-ġustizzja liċ-ċittadini tiegħu;

H.

billi dejjem qed jikber il-bżonn ta' politika unita, soda, koerenti u komprensiva tal-UE fil-konfront tar-Russja, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, b'appoġġ u għajnuna sostnuti bi kritika soda u ġusta abbażi tal-valuri universali li kemm l-UE kif ukoll ir-Russja qablu li jħaddnu;

I.

billi l-UE permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ripetutament offriet assistenza u għarfien espert lir-Russja, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, biex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha u tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħha;

J.

billi fid-19 ta' Frar 2015 il-kap tal-oppożizzjoni Russa Aleksei Navalny ġie kkundannat 15-il jum ħabs talli qassam fuljetti biex jirreklama d-dimostrazzjoni li kienet se ssir; billi fit-30 ta' Diċembru 2014 qorti imponiet fuqu sentenza sospiża ta' tliet snin u nofs u tat sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs lil ħuh, Oleg Navalny;

K.

billi fl-4 ta' Marzu 2015 qorti ta' Moska ċaħdet appell ieħor minn Nadiya Savchenko kontra d-detenzjoni illegali tagħha mill-Federazzjoni Russa, li ressqet b'referenza għall-immunità tagħha bħala membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE); billi sal-4 ta' Marzu 2015 s-Sa Savchenko kienet fuq strajk tal-ġuħ għal 82 jum, u billi, wara perjodu ta' żmien bħal dan, qed tiffaċċja r-riskju ta' ħsara permanenti għal saħħitha, jew il-mewt;

L.

billi għaddew sitt xhur mill-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver mis-servizzi ta' sigurtà Russi fit-territorju Estonjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali; billi għadu miżmum illegalment fil-ħabs ta' Lefortovo f'Moska; billi mhuwiex qed jirċievi għajuna legali adegwata, ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu ta' proċess ġust u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;

M.

billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qed jikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja Russa, u billi, flimkien mas-sħab tiegħu, qed jiġi mistieden jiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;

N.

billi t-tifrik u l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk, li kkraxxja qrib Smolensk f'April 2010 u qatel lill-President Pollakk u membri prominenti politiċi, militari u kulturali, għadhom f'idejn ir-Russja; billi l-awtoritajiet Russi qed jirrifjutaw li jirritornawhom lill-Polonja minkejja d-diversi appelli biex dan iseħħ;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-omiċidju ta' Boris Nemtsov f'assassinju politiku l-aktar sinifikanti fl-istorja reċenti Russa, li fih ġie maqtul b'tiri ta' arma tan-nar qrib il-Kremlin, f'żona mgħammra b'video cameras u mimlija b'persunal tal-pulizija u servizzi ta' sigurtà;

2.

Juri rikonoxximent lil Boris Nemtsov, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, fundatur u mexxej tal-moviment politiku Solidarnost, kritiku ewlieni tal-President Vladimir Putin u tal-gwerra fl-Ukraina u li impenja lilu nnifsu għal Russja aktar demokratika, prospera u miftuħa u għal sħubiji qawwija bejn ir-Russja u l-ġirien u s-sħab tagħha; jestendi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familja u l-ħbieb ta' Boris Nemtsov, lill-membri tal-oppożizzjoni u lill-poplu Russu; jikkundanna d-deċiżjoni tat-tmexxija Russa li żżomm diplomatiċi tal-UE u delegazzjonijiet nazzjonali milli jattendu għall-funeral tiegħu, biex b'hekk jimpedixxu t-tentattiv tal-UE li tagħti r-rikonoxximent lil ċittadini qalbiena Russi li jiddefendu valuri universali;

3.

Jindika li dan l-omiċidju hu wieħed fost numru dejjem akbar ta' omiċidji u ta' mwiet suspettużi mhux solvuti b'motivazzjoni politika mwettqa fir-Russja sa mill-1998, inkluż dawk tal-ġurnalista investigattiva Anna Politkovskaya, Alexander Litvinenko, li allegatament kien assassinat fir-Renju Unit, l-avukat Stanislav Markelov, il-ġurnalista Anastasia Baburova, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Natalia Estemirova, l-avukat Sergei Magnitsky, u issa tal-politiku Boris Nemtsov;

4.

Jieħu nota tal-arrest ta' ħames suspettati ta' oriġini Ċeċena mħabbar mill-awtoritajiet Russi;

5.

Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti tal-omiċidju; huwa tal-fehma li l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-qafas tal-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti jgħinu jiżguraw investigazzjoni imparzjali u ġusta;

6.

Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fl-ifformular tal-politika futura tagħhom fil-konfront tar-Russja, jikkunsidraw il-fatt li l-atmosfera politika li ħolqu l-awtoritajiet Russi ħejjiet art fertili għal omiċidji, vjolenza u pressjoni bħal dawn; jinsab allarmat bl-atmosfera ta' mibegħda fil-konfront tal-attivisti tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u n-nazzjonijiet tal-viċinat, li f'dawn l-aħħar snin kompliet tiżdied fir-Russja, istigata mill-propoganda tal-istat u mill-midja uffiċjali bħala parti minn kultura politika li tbiegħed lilha nnifisha minn prinċipji demokratiċi;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa jwaqqfu l-propaganda ta' misħija u informazzjoni ta' gwerra kontra l-ġirien tagħha, id-dinja tal-Punent u l-popli tagħha, li qed tbiddel lir-Russja fi stat karatterizzat mir-ripressjoni, diskorsi ta' mibegħda u biża' fejn l-ewforja nazzjonalista qed tinbena fuq l-annessjoni tal-Krimea u fuq l-eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukraina, fejn id-drittijiet tat-Tartari tal-Krimea qed jiġu miksura u fejn il-Kremlin, bi ksur tad-dritt internazzjonali, qed jikkultiva u jipprovoka mibegħda u ġlied; jikkundanna l-propaganda l-ġdida tal-gwerra li qed issir kontra l-valuri demokratiċi u fundamentali, li qed jiġu ppreżentati bħala mhux idonji għas-soċjetà Russa; ifakkar li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Federazzjoni Russa impenjaw lilhom infushom, f'diversi dikjarazzjonijiet u trattati internazzjonali, li jipproteġu l-valuri demokratiċi universali u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-importanza li jkun hemm forzi tal-oppożizzjoni politiċi, sabiex ikun żgurat dibattitu kostanti u skambju ta' fehmiet u ideat fil-politika u fil-proċessi tat-tfassil tal-liġijiet fir-Russja;

8.

Jitlob lill-awtoritajiet Russi biex iġibu fi tmiemhom kull pressjoni, kull att ripressiv u kull intimidazzjoni – kemm politiċi kif ukoll ġuridiċi – kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti, sabiex dawn jitħallew jaġixxu b'mod ħieles bi qbil mal-prinċipji bażiċi tal-kostituzzjoni Russa;

9.

Jinsab ferm imħasseb dwar in-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi legali internazzjonali bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istat tad-dritt; hu tal-fehma li l-Federazzjoni Russa għandha tissodisfa l-obbligi li għalihom iffirmat; jiddeplora l-fatt li żviluppi reċenti juru li r-Russja marret lejn direzzjoni kuntrarja għal dik ta' demokrazija li tiffunzjona, li tinkludi rispett lejn l-oppożizzjoni, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;

10.

Jiddeplora b'mod qawwi n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi biex jirrispondu għall-kritika kemm fi ħdan il-Federazzjoni Russa kif ukoll fix-xena internazzjonali tal-Liġi dwar l-Aġenti Barranin, u minflok adottaw emendi li huma diskriminatorji minn natura tagħhom u li jkomplu jirrestrinġu aktar il-possibbiltajiet għal organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jaġixxu; jistieden bil-qawwa lir-Russja biex tagħmel eżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti bl-iskop li tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi;

11.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tat-28 ta' Jannar 2015, li ċaħdet l-ilment imressaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja li talab l-għeluq “tas-Soċjetà Memorjal Russa” u l-allegazzjonijiet ta' ksur fi ħdan l-istruttura organizzattiva tagħha, u jitlob li l-NGOs l-oħra li jinsabu fuq il-lista ta' “aġenti barranin”, jitneħħew minnha;

12.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu immedjatament lil dawk kollha rikonoxxuti bħala priġunieri politiċi;

13.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi jeħilsu urġentement lil Nadiya Savchenko u li jirrispettaw l-immunità tagħha bħala membru ta' Verkhovna Rada tal-Ukraina u ta' PACE, li nħatfet fit-territorju tal-Ukraina u tinsab miżmuma illegalment f'ħabs Russu; jissottolinja l-fatt li r-Russja terfa' r-responsabilità għall-istat ta' saħħa fraġli tagħha; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għall-kondizzjoni ta' saħħitha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi japplikaw il-liġi umanitarja;

14.

Jikkundanna l-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver fit-territorju Estonjan lejn ir-Russja; isejjaħ għall-ħelsien immedjat tiegħu u għal ritorn sikur lejn l-Estonja;

15.

Jemmen li r-Russja tibqa' attur globali importanti u li hu fl-interess strateġiku tal-UE u tar-Russja li b'mod rapidu jnaqqsu t-tensjoni u jniedu mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejniethom, permezz tad-diplomazija u l-medjazzjoni, dment li dan iseħħ b'rispett dovut għad-dritt internazzjonali u l-impenji tal-OSKE;

16.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati lejn soċjetà miftuħa u lejn aġenda riformista;

17.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja; hu tal-fehma li din l-istrateġija tal-UE għandha tkun immirata biex twassal lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-OSKE u tinċentiva lill-mexxejja tagħha jaqilgħu lir-Russja mill-awtoiżolament politiku u ekonomiku tagħha;

18.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, bl-appoġġ tas-SEAE u tal-Kummissjoni, tiżviluppa programm aktar b'saħħtu ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili Russa u fil-Krimea okkupata, u biex tfittex u tiżviluppa opportunitajiet ġodda li permezz tagħhom dawn jimpenjaw ruħhom magħha bil-għan li jippromwovu l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-rigward tal-fażi ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE li għaddejja bħalissa, iżżid l-assistenza finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-fondi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u tinkludi lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija bl-għan li tiżgura appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul;

19.

Itenni t-tħassib tiegħu, kif espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, dwar in-nuqqas tal-awtoritajiet Russi li jikkooperaw mal-investigazzjoni indipendenti u internazzjonali fit-twaqqigħ tat-titjira MH17; jenfasizza bil-qawwa l-fatt li l-arranġament ta' amnestija li sar fil-qafas tal-Ftehim ta' Minsk ma jistax jiġi applikat fil-każ ta' dawk li wettqu dan ir-reat, u għalhekk m'huma intitolati għall-ebda amnestija;

20.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jirritoraw it-tifrik tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk u l-kaxxi suwed kollha lill-Polonja; jenfasizza l-fatt li l-livell ta' dipendenza tal-ġudikatura Russa fuq l-awtoritajiet jimmina kull investigazzjoni imparzjali u onesta;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.


(1)  ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2014)0039.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2015)0006.