15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/07)

Relatur:

is-Sinjura Gabriele BISCHOFF

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali.”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Lulju 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-17 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 6 voti kontra u 10 astensjonijiet.

“L-UE għandha tkun komunità ta’ ċittadini, mhux ta’ banek. Is-sisien tagħha d-demokrazija, il-futur tagħha l-ġustizzja soċjali (1).”

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-istabbiltà ġenwina tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tista’ tintlaħaq biss meta jiġu eliminati d-difetti fl-istruttura tal-UEM u jsiru riformi kbar li jitolbu tibdil fit-Trattati fil-kuntest ta’ konvenzjoni. Peress li dan mhux realistiku li jsir qabel l-2018, jeħtieġ li sadattant jittieħdu miżuri oħra li jfasslu d-dimensjoni demokratika u soċjali tal-UEM fil-qafas tat-Trattati eżistenti u li tiġi żgurata konformità mar-regoli awtoimposti.

1.2.

Iktar ma nkomplu għaddejjin bil-politika tal-awsterità attwali bil-mira li l-ewwel u qabel kollox tonqos l-ispiża, u mingħajr programm ta’ investiment effettiv li jiġġenera l-qligħ permezz tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà, iktar ser ikun ċar li l-integrazzjoni ekonomika u l-prosperità tal-Ewropa huma mhedda minn disparitajiet soċjali li qed jiżdiedu.

1.3.

Mhijiex għalhekk għażla li nkomplu mixjin fuq din ir-rotta. Għandha tissaħħaħ minflok il-koeżjoni soċjali, politika u ekonomika biex ma titfarrakx iż-żona tal-euro. Il-KESE jaqbel li għandhom jitqiesu aktar id-diverġenzi tal-ekonomiji tal-UEM u li f’dawn il-pajjiżi għandhom jiġu introdotti riformi strutturali bilanċjati li jirriflettu r-rekwiżiti tal-unjoni monetarja u r-rekwiżiti nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza meħtieġa. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li ġestjoni tad-domanda fuq medda qasira ta’ żmien hija indispensabbli.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda aktar “parlamentarizzazzjoni” taż-żona tal-euro b’kumitat kbir tal-PE li jikkonsisti fil-membri parlamentari kollha taż-żona tal-euro u tal-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiha (26 Stat Membru), flimkien ma’ koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-membri parlamentari taż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet tal-UEM (COSAC+). Dan jista’ jsir fi żmien relattivament qasir.

1.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wħud mill-għanijiet ekonomiċi tal-governanza ekonomika tas-snin reċenti għandhom isiru iktar kompatibbli mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE u li għandhom jingħelbu l-kunflitti potenzjali bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali. L-azzjonijiet kollha tas-Semestru Ewropew – f’konformità mal-klawżola soċjali orizzontali, għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt soċjali. Dawn ir-riżultati għadhom isiru pubbliċi u jiġu diskussi fil-livell nazzjonali u Ewropew. Il-KESE dan jista’ jappoġġjah fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu.

1.6.

L-eliminazzjoni tad-differenzi fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-formazzjoni tal-pagi u s-sistemi soċjali għandu rwol importanti f’UEM demokratika u soċjali.

1.7.

Il-KESE huwa konvint li d-djalogu makroekonomiku fiż-żona tal-euro (MED-EURO) jista’ jagħti kontribut deċiżiv fl-iżvilupp demokratiku u soċjali tal-UEM u li r-riżultati u l-konklużjonijiet tiegħu jridu jitqiesu kemm fit-tfassil tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif ukoll fit-tabella ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

2.   L-isfidi u l-kriterji ta’ UEM demokratika u soċjali

2.1.

Il-KESE ħareġ bosta opinjonijiet b’suġġerimenti speċifiċi dwar kif l-UEM tista’ titfassal aħjar. Filwaqt li wħud minn dawn l-opinjonijiet ifasslu xenarji futuri, din l-opinjoni tipprovdi proposti dwar kif l-għamla demokratika u soċjali tal-UEM tista’ tiġi żviluppata kemm jista’ jkun malajr fil-qafas tal-Metodu Komunitarju b’mod li ttejjeb ir-reżiljenza demokratika u tilħaq l-obbligi soċjali tat-Trattati; Passi serji favur bidla komprensiva tat-Trattat huma improbabbli qabel l-2018. Fl-istess ħin, għad hemm tħassib li l-istrumenti intergovernattivi, b’mod partikolari l-Patt Fiskali, qed idgħajfu l-Metodu Komunitarju u jipprovokaw id-diviżjoni tal-Ewropa (2); Iktar ma nkomplu għaddejjin bil-politika tal-awsterità attwali bil-mira li l-ewwel u qabel kollox tonqos l-ispiża, u mingħajr programm ta’ investiment u miżuri li jiġġeneraw it-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà, iktar ser ikun ċar li l-integrazzjoni ekonomika u l-prosperità tal-Ewropa huma mhedda minn disparitajiet soċjali li qed jiżdiedu.

2.2.

Il-kriżi fiż-żona tal-euro kixfet id-difetti fid-disinn tal-Unjoni Monetarja. Minħabba li sa mill-bidu kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni tad-diversi politiki ekonomiċi nazzjonali, f’ħafna modi kompla jikber id-distakk bejn il-membri tal-Unjoni Monetarja (3).

2.3.

Fil-kriżi, il-metodu intergovernattiv deher li huwa l-uniku mod biex naslu malajr għal strumenti importanti tal-UEM bħall-patt fiskali, u dan billi xi Stati Membri ma qablux ma’ bidla fit-Trattat. Minn banda ċertu strumenti tjiebu matul il-kriżi. Min-naħa l-oħra jeżisti kunsens li s’issa neqsin it-tfassil u l-kontroll parlamentari suffiċjenti tal-UEM. Dan jeħtieġ li jinbidel f’konformità ma’ politika tal-integrazzjoni koerenti. Il-grupp tal-Ministri tal-affarijiet barranin (4), sa mill-2012 ilu li rrakkomanda li għandhom jiġu garantiti fil-miżuri kollha “l-leġittimità demokratika sħiħa u r-responsabbiltà” u talab ukoll għal kooperazzjoni msaħħa bejn il-PE u l-parlamenti nazzjonali (5). Il-Kummissjoni Ewropea, fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal UEM aktar profonda, tipproponi miżuri li jsaħħu l-qafas istituzzjonali u ġuridiku tat-trattati. Il-Grupp tal-Euro jista’ jwitti t-triq permezz ta’ miżuri speċifiċi, jekk miżuri bħal dawn ikunu miftuħa għall-Istati Membri kollha.

2.4.

Fil-qafas tal-politika Ewropea qed jiġu implimentati dejjem iktar soluzzjonijiet intergovernattivi bħall-Patt Fiskali li jżidu r-riskju li joħolqu sistema paralella mmexxija mil-liġi internazzjonali. Ir-rapport ta’ Van Rompuy, li ġie ippubblikat f’Diċembru 2012, enfasizza l-importanza ta’ fehim komuni sabiex ikunu jistgħu jitwettqu riformi ikbar. Barra minn hekk huwa meħtieġ ukoll livell għoli ta’ koeżjoni soċjali, parteċipazzjoni ewlenija tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, u djalogu mġedded mal-imsieħba soċjali. Is-sjieda (ownership) tal-Istati Membri għandha titjieb ukoll. B’dan il-mod, il-President tal-Kunsill Ewropew ta’ dak iż-żmien (6), introduċa d-dimensjoni soċjali u r-rwol speċifiku tal-imsieħba soċjali fid-dibattitu li preċedentement kien immirat b’mod partikolari fuq kwistjonijiet ta’ politika ekonomika u baġitarja u n-nuqqas ta’ leġittimità demokratika.

2.5.

Wara l-elezzjonijiet tal-PE fl-2014 u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-President tal-Kummissjoni permezz tal-elezzjonijiet demokratiċi, kien hemm proposti ġodda għal diskussjoni:

(a)

in-nota analitika tal-Presidenti, “Tħejjija għall-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro” tat-12 ta’ Frar 2015 (7);

(b)

Ir-rapport tal-ħames Presidenti, “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja” tat- 22 ta’ Ġunju 2015 (8).

2.6.

Il-KESE jieħu nota ta’ dawn il-proposti u ser jevalwa sa liema punt l-ideat għal aktar żvilupp tal-“governanza ekonomika” jikkontribwixxu għal unjoni soċjali, demokratika, ibbażata fuq is-solidarjetà u politika, li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni adegwata taċ-ċittadini tal-UE u l-imsieħba soċjali.

2.7.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-UEM għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni intra-Komunitarja, hekk kif sostniet ukoll il-“Blueprint” tal-Kummissjoni. Billi tiġi estiża minflok tinqatel id-domanda, jiġi żgurat li l-kapaċitajiet ekonomiċi tal-pajjiżi differenti jkunu allinjati iktar mill-qrib fil-qafas ta’ ekonomija li qed tikber u li hija prospera. Dan jinkludi l-armonizzazzjoni tal-istandards soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema.

2.8.

Il-koeżistenza tal-metodu Komunitarju, l-inizjattivi intergovernattivi (bħal, pereżempju, il-Patt Fiskali l-ġdid) u “forom intermedji” tal-funzjonijiet superviżorji tal-Kummissjoni jew tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali wasslu għal konfużjoni ġdida f’dak li jirrigwarda l-atturi u l-leġittimità u r-responsabbiltà tagħhom. It-trasparenza u l-kontroll demokratiku sħiħ ma jistgħux jiġu żgurati f’kuntest bħal dan. Din kienet il-kawża ta’ ħafna kritika. Matul il-kriżi kellhom jingħataw prijorità soluzzjonijiet rapidi, madanakollu l-għan dikjarat kien li iktar tard il-ftehimiet internazzjonali individwali kollha jiġu trasferiti għall-metodu Komunitarju. Il-ħames Presidenti jixtiequ li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi sal-2018. Skont l-iskeda tagħhom għalhekk, il-kwistjoni tad-demokratizzazzjoni sħiħa tal-UEM ser terġa’ taqa’ lura u l-unjoni politika lanqas ma tingħata biżżejjed attenzjoni fir-rapport. Sadanittant, id-djalogu tas-Semestru Ewropew bejn il-PE, il-Kunsill u l-Grupp tal-Euro, kif ukoll bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni, u bejn il-membri parlamentari nazzjonali u l-MEPs (Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej – COSAC) għandu jwassal għal aktar fiduċja u azzjoni konġunta. Il-KESE jinnota f’dan ir-rigward li djalogu msaħħaħ ma jistax jieħu post il-politika tal-integrazzjoni. Il-metodu Komunitarju jeħtieġ li jissaħħaħ u minflok il-koeżistenza ta’ reġimi internazzjonali differenti ikun il-bażi għall-funzjonament tal-UEM.

3.   It-titjib tal-governanza tal-UEM permezz ta’ aktar parteċipazzjoni, trasparenza u responsabilità

3.1.

Involviment akbar tal-imsieħba soċjali jista’ jikkontribwixxi għal titjib tal-governanza tal-UEM, u d-djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili jgħin biex titjieb ir-reżiljenza demokratika. Il-KESE lest li jaqdi rwol partikolari f’dan ir-rigward u li joffri l-esperjenzi u r-riżorsi disponibbli tiegħu hekk kif għamel pereżempju fil-każ tal-istrateġija 2020 (9).

3.2.

Il-kwistjoni tas-sjieda (ownership), b’mod partikolari mill-imsieħba soċjali, kif introdotta mill-President Van Rompuy mistennija tkun ħafna aktar diffiċli, minħabba li l-imsieħba soċjali, kuntrarjament għall-gvernijiet, s’issa kienu involuti b’mod limitat ħafna fit-tfassil tal-għanijiet/strumenti tal-governanza ekonomika. Kif nistgħu għalhekk inħeġġuhom jipparteċipaw f’politika fejn ftit għandhom influwenza fuq id-dettallji tagħha? Bħala imsieħba soċjali u atturi ekonomiċi għandhom influwenza sostanzjali fuq il-livelli u l-istabbiltà tal-prezzijiet, li għas-sistemi rispettivi tagħhom l-UEM tipprovdi l-qafas globali tat-twaqqif tal-prezzijiet, l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-politika soċjali.

3.3.

Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM (10) fejn irrispondiet għat-tħassib tal-atturi tas-soċjetà ċivili. L-iżviluppi ekonomiċi “problematiċi” għandhom jiġu identifikati u indirizzati fi stadju bikri minħabba li l-inugwaljanzi soċjali persistenti jistgħu jheddu l-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tal-UEM; Fid-diskussjonijiet li segwew deher ċar li hemm żewġ skejjel ta’ ħsieb. L-ewwel waħda bbażata fuq l-idea li d-dimensjoni soċjali tal-UEM hija pilastru addizzjonali u fakultattiv għall-kuntrarju tal-proċeduri baġitarji obbligatorji u dawk tal-politika tal-ekonomija. Oħrajn, bħall-KESE, jirrimarkaw li wħud mill-għanijiet tal-politika tal-ekonomija jinsabu f’kunflitt mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE taħt l-Artikolu 4(2) tat-TFUE u jitlob li l-għanijiet kontradittorji jsiru pubbliċi u jiġu riżolti.

3.4.

Il-Kummissjoni trid tinvolvi l-imsieħba soċjali iktar mill-qrib u tqanqal diskussjoni dwar l-iżvilupp tal-pagi u n-negozjar kollettiv. Diġà ħadet diversi passi f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, tixtieq tiddiskuti s-Semestru Ewropew mal-imsieħba soċjali u titlobhom involviment aktar effettiv fl-Istati Membri. Il-KESE stess ressaq ħafna proposti speċifiċi li jiżguraw li l-imsieħba soċjali jaqdu rwol aktar effettiv fil-governanza ekonomika (SOC/507) (11). Tal-anqas l-allokazzjoni l-ġdida tar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-kompiti estiżi tal-Viċi President Dombrovskis, jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni li ser tingħata iktar attenzjoni lill-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali.

4.   Proposti u evalwazzjoni

4.1.    Ir-rapport tal-Presidenti

4.1.1.

Il-KESE jistenna li r-rapport “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (12)”, li ppreżentaw il-ħames presidenti (13) fit-22 ta’ Ġunju 2015, iservi ta’ gwida għall-iżvilupp ġejjieni tal-istrutturi tal-politika tal-governanza ekonomika fl-Ewropa. Il-KESE huwa tal-fehma li l-iżbilanċi persistenti kif ukoll il-ħolqien tal-fiduċja jeħtieġu governanza ekonomika aktar effettiva u demokratika, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro (14). Mill-banda l-oħra l-analiżi hija bbażata fuq premessi foloz li jwasslu, minkejja xi punti tajba, għal konklużjonijiet problematiċi: jekk ma nibdlux id-direzzjoni ser inkomplu għaddejjin bil-miżuri tal-awsterità u iktar qtugħ fil-pagi u l-benefiċċji soċjali. Filwaqt li huwa rikonoxxut li l-kundizzjonijiet minimi għall-vijabbiltà fuq perjodu twil tal-UEM għadhom ma ntlaħqux, iż-żieda rakkomandata u l-istituzzjonalizzazzjoni fit-tul tal-politika attwali ta’ kontra l-kriżi għandhom ikomplu. Il-KESE hawnhekk jara kontradizzjoni.

4.1.2.

Is-sitwazzjoni ekonomika katastrofika attwali (anki meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun) fiż-żona tal-euro mhix attribwita għall-politika attwali ta’ kontra l-kriżi iżda għan-nuqqas ta’ kompetittività ta’ wħud mill-Istati Membri b’riżultat ta’ tendenzi diverġenti fil-pagi u d-defiċits tal-gvernijiet. Il-KESE jiddispjaċih li l-isfidi fuq perjodu qasir tal-politika makroekonomika, bħall-inflazzjoni u d-deflazzjoni u l-inkapaċità tal-politiki minn wara l-2010 li jikkumbattu ċ-ċikli, kif ukoll domanda wisq dgħajfa tas-suq qed jiġu injorati u li ser tkompli politika ta’ adattament assimetrika. Il-ħames presidenti jinjoraw kompletament il-problema bażika li saret evidenti matul il-kriżi: għall-kuntrarju tal-Istati Uniti, il-Ġappun u r-Renju Unit, iż-żona tal-euro kollha nieqsa minn “sellief tal-aħħar istanza”.

4.1.3.

Ir-rapport jinjora kompletament ukoll l-approċċi differenti tal-banek ċentrali, li wasslu għall-irkupru relattivament mgħaġġel tal-Istati Uniti u r-Renju Unit filwaqt li s-sitwazzjoni fl-Ewropa kompliet tiggrava. Minflok politika ta’ stabbilizzazzjoni anti-ċiklika, għandhom jissaħħu l-istrumenti eżistenti ta’ governanza ekonomika inkluż permezz ta’ kunsilli ta’ kompetizzjoni nazzjonali li jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-livelli tad-dejn (“deleveraging”) u żviluppi fil-pagi bbażati fuq il-produzzjoni. Il-KESE jiddispjaċih li ma tteħditx l-opportunità li tiġi evalwata s-sostenibbiltà fit-tul tal-bażi tal-qafas politiku eżistenti, u li din il-bażi tiġi kkomplementata minn perspettiva iktar pan-Ewropea.

4.1.4.

Il-KESE jiddispjaċih li l-presidenti jattribwixxu t-tendenza ekonomika, li hija agħar milli kien mistenni li sa tkun, purament għall-fatt li l-mekkaniżmi l-ġodda tal-governanza ekonomika, kif ukoll il-programmi ta’ adattament tal-pajjiżi ma ġewx applikati biżżejjed u ma kienux organizzati tajjeb. L-enfasi żejda fuq ir-riformi strutturali u l-kompetittività tal-prezzijiet tal-Istati Membri (Kapitolu 1) sabiex tkun tista’ tintlaħaq l-unjoni ekonomika ma tqisx il-fatt li r-riformi strutturali u l-formazzjoni tal-pagi huma soġġetti għal negozjati kostanti u soluzzjonijiet għall-problemi fil-livell lokali li jsegwu prinċipji demokratiċi. Il-ħames presidenti madanakollu ħadu pożizzjoni ta’ atturi esterni li jixtiequ jqarrbu lill-Istati Membri għal punti ta’ riferiment definiti, mingħajr ma jsaħħu l-leġittimità demokratika tagħhom li jagħmlu dan jew mingħajr ma jinvestu fis-sjieda.

4.1.5.

Il-KESE huwa mħasseb għalhekk li n-nuqqas ta’ prospetti fir-rapport għal unjoni fiskali sħiħa ser ikompli jnaqqas mil-leġittimizzazzjoni taż-żona tal-euro fl-Istati Membri, b’mod partikolari għaliex l-approċċ ta’ “aktar mill-istess” mhux ser itejjeb il-prosperità ekonomika taċ-ċittadini kollha u l-perspettiva nazzjonali tkompli tiddomina. Il-KESE jqis li l-miżuri proposti tal-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi soċjali huma kompletament inadegwati fost raġunijiet oħra għax, f’kuntrast mar-retorika tal-president li jrid jikseb rating soċjali AAA għaż-żona tal-euro, dawn il-miżuri għandhom biss importanza sekondarja. Il-KESE jqis li l-iżvilupp ta’ unjoni soċjali huwa element integrali ta’ UEM demokratika u soċjali u mhux element sekondarju biss.

4.2.    Analiżi ta’ Bruegel u proposti  (15)

4.2.1.

Il-grupp ta’ riflessjoni Bruegel jinnota li sa mill-bidu l-UEM kienet ikkaratterizzata minn differenzi sinifikanti f’termini ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi, li kkawżaw żbalji fil-politika fl-Istati Membri u governanza ekonomika Ewropea inadegwata. Huwa jipproponi riforma tal-governanza ekonomika fl-oqsma tal-unjoni bankarja u s-superviżjoni makroprudenzjali tas-settur finanzjarju, il-prevenzjoni ta’ diverġenzi kbar fil-kost ta’ unità lavorattiva u l-governanza tal-politika fiskali, li tista’ tiżgura li l-baġits tal-membri individwali huma sostenibbli u li r-riżorsi huma disponibbli f’każ ta’ kriżi bankarja u kriżi ta’ dejn sovran. Il-KESE reċentement ippreżenta proposti simili ħafna fl-opinjonijiet tiegħu (16).

4.2.2.

Il-flussi ta’ kapital minn pajjiżi li għandhom bilanċ favorevoli ikkontribwixxa għal pressjoni żejda fil-pajjiżi b’defiċit, bil-konsegwenza ta’ żieda fil-pagi nominali; L-iżbilanċi finanzjarji s’issa ftit ingħataw attenzjoni. Dan jikkontradixxi l-għan ta’ integrazzjoni finanzjarja msaħħa.

4.2.3.

Il-politika fiskali pro-ċiklika bejn l-2011 u l-2013 u n-nuqqas ta’ politika fiskali kontro-ċiklika fl-2014 aggravaw għalxejn it-tbatija soċjali (17). Għalhekk il-politika, flimkien mar-riformi strutturali meħtieġa għandha toffri wkoll perspettivi ġodda lin-nies, pereżempju permezz ta’ ambjent favorevoli għall-investiment privat biex jinħolqu impjiegi fit-tul. Barra minn hekk, il-politika għandha tagħti spinta lill-kompetittività, sabiex jiġu ġenerati d-dħul u l-prosperità li jiggarantixxu l-istabbiltà soċjali għal kulħadd. Konsegwentement, il-KESE jaqbel mal-konklużjoni li fi żmien qasir jiżdiedu malajr id-domanda aggregata u l-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-BĊE għandhom jitneħħewlu l-kompiti tal-politika fiskali u l-aġġustament tal-kost ta’ unità lavorattiva li jaqgħu barra l-mandat tiegħu, iżda li jwettaq minħabba nuqqas ta’ azzjoni politika min-naħa ta’ istituzzjonijiet oħra.

4.2.4.

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet fundamentali tal-leġittimità demokratika. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il- “parlamentarizzazzjoni” taż-żona tal-euro (kumitat kbir tal-PE, bil-membri parlamentari kollha mill-UEM u dawk li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro). Il-koordinazzjoni bejn il-membri tal-Parlament miż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet tal-UEM għandha tittejjeb fil-qafas tal-COSAC (18).

4.2.5.

Fl-2014 il-COSAC enfasizzat li ħafna parlamenti għadhom mhumiex involuti biżżejjed, u esprimiet tħassib li r-rabta bejn iċ-ċittadini u l-UE tħarbtet. Hija tistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu flimkien mal-membri parlamentari sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni bi proposti konkreti (19). Minkejja li l-forom ta’ parteċipazzjoni previsti fl-Artikolu 13 tal-Patt Fiskali huma pass fid-direzzjoni t-tajba, xorta ma jinvolvux “parlamentarizzazzjoni” ġenwina.

4.3.    Iktar responsabbiltà għall-atturi ekonomiċi kollha

4.3.1.

Li neliminaw id-differenzi fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-formazzjoni tal-pagi u s-sistemi soċjali jaqdi rwol importanti f’UEM demokratika u soċjali. Sistema federali b’suq uniku tax-xogħol Ewropew flimkien ma’ istituzzjonijiet uniformi u sistemi soċjali bħal fl-Istati Uniti ma jidhirx li hi fattibbli fi żmien qasir. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) għandha tissaħħaħ b’mod simetriku bl-involviment tal-imsieħba soċjali.

4.3.2.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wħud mill-għanijiet ekonomiċi tal-governanza ekonomika tas-snin reċenti għandhom isiru iktar kompatibbli mal-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE u li għandhom jingħelbu l-kunflitti potenzjali bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali. L-azzjonijiet kollha tas-Semestru Ewropew – f’konformità mal-klawżola soċjali orizzontali, għandhom jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt soċjali. Dawn ir-riżultati għadhom isiru pubbliċi u jiġu diskussi fil-livell nazzjonali u Ewropew. Il-KESE dan jista’ jappoġġjah fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu.

4.3.3.

Ir-rapport tal-ħames presidenti semmi unjoni finanzjarja, fiskali u politika filwaqt li m’hemm l-ebda referenza għal unjoni soċjali. Skont ir-rapport għandna bżonn insaħħu l-mudell uniku Ewropew filwaqt li l-mudell soċjali Ewropew m’għadux jissemma’. Huwa minnu li qed jipprova jintlaħaq l-għan soċjali tal-“A Tripla” iżda kif dan ser isir fil-qafas ta’ UEM imsaħħa għadu iktar minn vag. Il-kwistjonijiet soċjali huma indirizzati l-iktar l-iktar bħala kwistjonijiet supplimentari jew fil-kuntest ta’ mobilità akbar tas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri. L-elementi ewlenin huma livell minimu ta’ protezzjoni soċjali, sistemi soċjali effettivi fl-Istati Membri kif ukoll inizjattivi ġodda ta’ “flessigurtà” tal-impjieg, li jissemmew mingħajr iktar spjegazzjonijiet.

4.3.4.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom responsabbiltà importanti biex tkompli tiġi żviluppata UEM demokratika u soċjali. Dan japplika wkoll għall-imsieħba soċjali, kemm nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, li għalihom l-UEM tipprovdi qafas globali għas-sistemi rispettivi tagħhom tal-formazzjoni tal-pagi u l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-politika soċjali. Bħala atturi ekonomiċi u soċjali jaqdu rwol prinċipali fir-rigward tal-konformità mal-għan tal-istabbiltà komuni tal-UEM.

4.3.5.

Il-KESE jtenni li unjoni monetarja b’tendenzi differenti fil-prezzijiet u l-pagi fl-Istati Membri twassal għal żbilanċi bejn ir-reġjuni tal-istess żona monetarja, fejn xokkijiet esterni jistgħu jiżviluppaw fi kriżi soċjali u politika u jkomplu jżidu d-diverġenzi (20). Għalhekk il-KESE jemmen li bilfors irid isir dibattitu serju dwar arkitettura robusta tal-UEM, li tkun timplika kunsens dwar l-għanijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll governanza maqbula (21). Il-KESE jikkonkludi għalhekk li d-djalogu makroekonomiku tal-UE għandu jissaħħaħ u jiġi approfondit fiż-żona tal-euro.

4.3.6.

Id-djalogu makroekonomiku ġie stabbilit mill-Kunsill Ewropew f’Cologne f’Ġunju 1999 sabiex tinkiseb taħlita ta’ politika makroekonomika orjentata lejn it-tkabbir u l-istabbiltà, jiġifieri interazzjoni bla xkiel bejn l-iżvilupp tal-pagi u l-politika monetarja u fiskali. L-għanijiet tiegħu huma iktar pertinenti minn qatt qabel: iktar tkabbir u impjiegi filwaqt li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-isfruttament tal-kapaċità tal-produzzjoni u ż-żieda tat-tkabbir potenzjali (22). Il-KESE jiddispjaċih li dan l-istrument iddgħajjef tul is-snin u minn meta bdiet il-kriżi ma ntużax għad-demokratizzazzjoni tal-istrumenti ta’ governanza ekonomika u biex iżid is-sjieda fiż-żona monetarja unika fl-UEM.

4.3.7.

Il-KESE huwa konvint li d-djalogu makroekonomiku fiż-żona tal-euro (MED-EURO) jista’ jagħti kontribut deċiżiv fl-iżvilupp demokratiku u soċjalu tal-UEM sakemm il-grupp ta’ parteċipanti fid-djalogu jissodisfa r-rekwiżiti tiegħu. Iż-żamma tad-djalogu fi ħdan il-MED-EURO titlob limitu fuq l-għadd ta’ parteċipanti. Barra minn hekk ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Eurogroup u l-Kummissjoni (b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom), il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew għandhom jipparteċipaw fuq bażi ugwali.

4.3.8.

Il-KESE jqis li l-MED-EURO għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena u jsir parti integrali tal-governanza ekonomika tal-UEM. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet għandhom għalhekk jitqiesu kemm fit-tfassil tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fit-tabella ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Fil-kuntest ġenerali ta’ politika monetarja, baġitarja u tal-pagi fl-UEM tista’ tinbena l-fiduċja u aktar konverġenza, mingħajr ma tiġi perikolata l-awtonomija tan-negozjar kollettiv. B’analoġija mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-politika fiskali, dan jista’ jwassal għal livell ogħla ta’ impenn trasparenti mill-operaturi ekonomiċi kollha u jaġixxi ta’ “patt tal-istabbiltà u l-impjiegi”. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ interazzjoni bla xkiel bejn il-politika monetarja u l-politika baġitarja u l-iżvilupp tal-pagi għal aktar tkabbir u impjiegi biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-unjoni monetarja.

4.3.9.

Dan huwa approċċ differenti mis-suġġeriment tal-ħames presidenti u huwa simili għall-proposta ta’ Bruegel, sabiex jiġu stabbiliti istituzzjonijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jakkumpanjaw il-proċessi tal-formazzjoni tal-pagi fuq livell nazzjonali. Skont il-proposta tal-ħames presidenti, dawn l-istituzzjonijiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom jiġu kkoordinati wkoll fil-livell Ewropew. Konsultazzjoni bikrija tal-imsieħba soċjali qabel ma tfassal ir-rapport kienet tagħmel sens billi fil-formola attwali tagħha, il-proposta tal-Presidenti ftit li xejn għandha ċans ta’ suċċess.

4.3.10.

Perspettiva: mingħajr riformi politiċi u istituzzjonali fundamentali, l-UEM dejjem se tibqa’ fraġli. Il-Kumitat huwa mħasseb immens dwar l-istabbiltà tal-UE, peress li r-riformi meħtieġa, b’tibdil jew mingħajru fit-Trattati, dejjem iseħħu fl-aħħar minuta u ħafna drabi taħt pressjoni kbira. Hemm bżonn li tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, politika u ekonomika tal-UE u li l-integrazzjoni ekonomika u monetarja tkun bażi għal UEM li tiffunzjona tajjeb. Mingħajr membri parlamentari, politiċi u msieħba soċjali li jmexxu d-diskussjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew u li jiġġieldu għall-aħjar soluzzjonijiet, ma tistax tirnexxi UEM li taħdem tajjeb.

Brussell, is-17 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Heribert Prantl ‘Europa – Traum oder Alptraum’ (L-Ewropa – ħolma jew inkubu) preżentazzjoni li saret f’Ludwigsburg fl-14 ta’ Lulju 2013.

(2)  The EP, the Fiscal compact and the EU-institutions: a “critical engagement”; Elmar Brok (PPE, DE), Roberto Gualtieri (S&D, IT) u Guy Verhofstadt (ALDE, BE).

(3)  Kummissjoni Ewropea: Employment and Social Developments in Europe 2014, 15 ta’ Jannar 2015, (mhux disponibbli bil-Malti) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7736

(4)  Ir-rapport finali tal-Grupp tal-Euro tas-17 ta’ Settembru 2013 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u Spanja.

(5)  Ibid, p. 2 (f).

(6)  F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti Barroso, Juncker u Draghi.

(7)  “Tħejjija għall-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro”, nota analitika mressqa minn Jean-Claude Juncker f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem u Mario Draghi, laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Frar 2015.

(8)  Ir-rapport tal-ħames Presidenti, Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, http://ec.europa.eu/priorities/economic-monetary-union/docs/5-presidents-report_mt.pdf

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020” (ĠU C 12, 15.1.2015, p. 105).

(10)  COM(2013) 690 final, “It-tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”.

(11)  Opinjoni tal-KESE, L-istruttura u l-organizzazzjoni tad-djalogu soċjali fil-kuntest ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) ġenwina (ĠU C 458, 19.12.2014, p, 1).

(12)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna. L-elementi tar-rapport li huma rilevanti għal din l-opinjoni biss ser jiġu diskussi.

(13)  Il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.

(14)  Opinjoni tal-KESE, L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku, ECO/376 (ĠU C 332, 8.10.2015, p, 8).

(15)  André Sapir, Guntram Wolff: Euro-area governance: what to reform and how to do it, 27 ta’ Frar 2015, http://www.bruegel.org/publications/publication-detail/publication/870-euro-area-governance-what-to-reform-and-how-to-do-it/

(16)  Opinjoni tal-KESE – L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss (ĠU. C 451, 16.12.2014, p. 10); L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(17)  Zsolt Darvas u Olga Tschekassin, Poor and under pressure: the social impact of Europe’s fiscal consolidation, Bruegel Policy Contribution 2015/04, Marzu 2015.

(18)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(19)  Contribution of the XLIX COSAC, Dublin, Ġunju 2014.

(20)  KESE, L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika, 2012 (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23).

(21)  Ara n-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(22)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew fuq il-Patt tal-Impjiegi Ewropew, il-Kunsill Ewropew ta’ Cologne, 4.6.1999.