|
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faħam indiġenu fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2016/C 303/01)
|
Relatur Ġenerali: |
is-Sur Dumitru FORNEA |
|
Korelatur Ġenerali: |
is-Sinjura Renata EISENVORTOVA |
Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
“Il-kontribut ta' riżorsi indiġeni tal-faħam u l-linjite għas-sigurtà tal-enerġija fl-UE”.
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Novembru 2015.
Fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2016, il-Bureau ddeċieda li jibdel it-titolu tal-Opinjoni għal
“Il-faħam indiġenu fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE”.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, 17-il vot kontra u 54 astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Matul it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet, is-sistema tal-enerġija tal-UE qed tiffaċċja perjodu ta’ tibdil teknoloġiku, ekonomiku u soċjali profond li ser jolqot diversi setturi tal-enerġija, inkluża l-industrija tal-faħam u b’hekk ir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE. |
|
1.2 |
F’xi Stati Membri, il-faħam u l-linjite indiġeni għadhom importanti għall-elettriku u s-sħana. Huma jikkontribwixxu għal provvista tal-enerġija sigura u affordabbli u għal kompetittività ekonomika, u jaqdu rwol stabbilizzanti fis-sistema tal-enerġija, kemm teknikament kif ukoll ekonomikament. |
|
1.3 |
Madankollu, ir-reġjuni fejn attwalment issir estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri għandhom jippreparaw għall-eliminazzjoni gradwali ta’ produzzjoni tal-faħam sabiex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-politika tal-UE għall-enerġija u l-klima rigward l-użu tal-karburanti fossili jew għal raġunijiet ekonomiċi. |
|
1.4 |
Il-futur tar-reġjuni li bħalissa jiddependu mill-użu tal-faħam u l-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-futur f'dawn ir-reġjuni għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar minn qabel li jkopri żewġ ġenerazzjonijiet, jiġifieri, 25-50 sena. L-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu tal-faħam għall-bżonnijiet ta' enerġija f'dawn ir-reġjuni ma jistax jitħalla li jwassal għall-istaġnar tagħhom. Fid-dawl tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom, dawn ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima. L-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni għandu jintlaħaq permezz ta’ garanzija ta’ djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali li għandhom jiżguraw li jkun hemm pjani għal tranżizzjoni fuq livelli nazzjonali, tal-industrija u tal-intrapriża. |
|
1.5 |
Sabiex jinżammu s-sigurtà tal-enerġija, industrija kompetittiva, il-protezzjoni ambjentali, impenji marbutin mat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-koeżjoni soċjali fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, il-KESE jirrakkomanda “Pjan ta’ Appoġġ għat-Tranżizzjoni lill-Komunitajiet u Reġjuni Dipendenti mill-Produzzjoni tal-Faħam” (il-“Pjan”), li jindirizza kwistjonijiet ta' ristrutturar fl-industrija tal-faħam matul it-tranżizzjoni, sabiex ir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri ikunu jistgħu jadattaw għat-tibdil. |
|
1.6 |
Il-“Pjan” jista' jiġi żviluppat minn grupp konsultattiv f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Il-membri ta’ dan il-grupp konsultattiv għandhom ikunu rappreżentanti tar-reġjuni tal-minjieri, junjins, NGOs, riċerka u żvilupp u l-industrija tal-faħam. |
|
1.7 |
Il-Pjan għandu jkun ibbażat fuq tliet pilastri: (i) djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali; (ii) investimenti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; u (iii) investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kultura. |
|
1.8 |
Il-Pjan għandu jinkoraġġixxi lir-reġjuni biex jinbidlu, iħeġġul-iżvilupp innovattiv, iżommu l-kapaċità tagħhom li jattiraw l-investiment u joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u ħajja deċenti. F’dan il-proċess ta’ tranżizzjoni, hemm bżonn jiġu sfruttati bis-sħiħ il-kompetenzi u l-potenzjal tar-reġjuni tal-minjieri. |
|
1.9 |
L-awtoritajiet reġjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha għandhom jimpenjaw ruħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u r-ristrutturazzjoni relatat tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
|
1.10 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom l-esperjenza neċessarja biex ikunu involuti f’dan il-proċess, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Huma jistgħu wkoll jipprovdu qafas effettiv għad-djalogu politiku, soċjali u ċiviku li huwa meħtieġ għal konsultazzjoni ma’ persuni mir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
|
1.11 |
Fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija, waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE hij al-eżistenza ta’ qafas istituzzjonali u politiku adatt li jista' jsaħħaħ l-investimenti pubbliċi u privati li se jkunu meħtieġa fis-snin li ġejjin. |
2. It-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE
|
2.1 |
Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE rat bidliet importanti fis-sistema tal-enerġija tagħha. L-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex timxi lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju u biex tilħaq l-għanijiet tagħha għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’rispons għall- “miri 20-20-20” tagħha. Fl-2014, l-UE approvat il-qafas għall-klima u l-enerġija sal-2030 bi tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, sehem ta’ 27 % ta’ konsum tal-enerġija rinnovabbli u 27 % ta' ffrankar tal-enerġija. Dawn il-miri intermedji għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq il-mira fit-tul tagħha sal-2050 għal tnaqqis ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bi 80–95 % fl-emissjonijiet. |
|
2.2 |
Għalhekk, is-sistema tal-enerġija tal-UE qed titbiegħed minn era kkaratterizzata minn karburanti fossili u produzzjoni tal-elettriku minn impjanti tal-enerġija ċentrali kbar lejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u mpjanti deċentralizzati, filwaqt li jiġu massimizzati l-opportunitajiet disponibbli miż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija. |
|
2.3 |
It-tranżizzjoni tal-enerġija u l-politika ambizzjuża tal-UE għall-ambjent ingħataw appoġġ qawwi fil-proġett tal-Unjoni tal-Enerġija u kienu promossi ferm wara l-Ftehim ta’ Pariġi li jibgħat sinjal ċar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mod suffiċjenti sabiex iż-żieda tat-temperatura medja globali tinżamm taħt il-livell limitu miftiehem ta' 2 oC sa tmiem is-seklu. |
|
2.4 |
Sabiex il-klima tiġi stabbilizzata, huma meħtieġa bidliet kbar fis-sistemi tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi kollha (1). |
|
2.5 |
It-tranżizzjoni tal-enerġija tinvolvi aspetti ta' teknoloġija, riċerka, soċjetali, kulturali, ekonomiċi u ambjentali u hemm implikazzjoni ċara li dan ifisser rwol aktar attiv għal individwi u komunitajiet. Dan il-proċess jeħtieġ enfasi speċjali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp peress li jippreżenta sfidi ġodda għas-sistema tal-enerġija u s-setturi tal-industrija li għandhom jirreaġixxu u jadattaw għal din is-sitwazzjoni. |
3. Il-faħam u tal-industrija tal-faħam fl-Ewropa
|
3.1 |
L-industrija tal-faħam hija waħda mis-setturi affettwati ħafna mit-tranżizzjoni tal-enerġija. Għal mijiet ta’ snin, il-faħam kien fiċ-ċentru tal-iżviluppi industrijali u soċjetali fl-Ewropa u madwar id-dinja. L-Unjoni Ewropea stess inħolqot minn att ta’ rieda politika biex ir-riżorsi tal-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar tal-ewwel sitt Stati Membri fundaturi jinġabru flimkien (2). |
|
3.2 |
It-tħassib attwali dwar il-protezzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u saħħet il-bniedem (3), wasslu għal firxa ta’ approċċi politiċi u soċjetali li jqajmu dubji dwar il-ħtieġa li nissoktaw bl-użu tal-faħam u fjuwils fossili oħrajn għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana. |
|
3.3 |
B'dan l-approċċ politiku ġdid, il-ġranet tal-faħam jidhru magħduda, minkejja l-fatt li attwalment, aktar minn kwart tal-elettriku tal-UE għadu ġġenerat minn 280 impjant tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam f’22 pajjiż. Sitt pajjiżi biss ma għandhomx enerġija mill-faħam: Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Malta (4). |
|
3.4 |
Filwaqt li l-idea tal-eliminazzjoni gradwali tal-faħam mit-taħlita enerġetika tidher ġeneralment aċċettata f’dawk l-Istati Membri fejn mhumiex sfruttati riżorsi ta’ faħam indiġenu, dan mhuwiex il-każ għar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fl-UE, fejn is-settur tal-faħam jipprovdi impjieg dirett lil 240 000 ħaddiem. Bl-impjiegi fl-industrija tat-tagħmir għall-minjieri, impjiegi oħrajn fil-katina tal-provvista u impjiegi indiretti, l-industrija tappoġġja kważi miljun impjieg f'ħafna reġjuni li m'għandhomx wisq aktar opportunitajiet ta' mpjieg (5). |
|
3.5 |
Sitt Stati Membri għandhom minjieri tal-faħam iebes: ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit. Għaxar Stati Membri jisfruttaw il-linjite bħala fjuwil kompetittiv għall-ġenerazzjoni tal-enerġija: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. |
|
3.6 |
F’dawn il-pajjiżi, il-faħam u l-linjite indiġeni jaqdu rwol importanti għas-sigurtà tal-provvista u b’hekk jgħinu biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u biex titnaqqas id-dipendenza għolja mill-importazzjonijiet. Kif stipulat fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (6), l-ispiża tal-enerġija esterna tal-UE tirrappreżenta aktar minn EUR 1 biljun għal kull ġurnata. Fl-2013, it-total tal-ispiża kien madwar EUR 400 biljun, jiġifieri aktar minn wieħed minn ħamsa tat-total tal-importazzjoniijiet tal-UE. Kien meħtieġ jiġu importati 90 % taż-żejt grezz, 66 % tal-gass naturali, 42 % tal-karburanti solidi u 40 % tal-fjuwil nukleari. F’xi Stati Membri tal-UE bi produzzjoni ta’ faħam indiġenu fuq skala kbira, pereżempju fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka, madwar 50 % tal-elettriku huma ġġenerati minn impjanti tal-elettriku li jużaw il-faħam. Fil-Polonja, dan is-sehem jaqbeż it-80 %. |
|
3.7 |
Minbarra l-użu tiegħu fil-produzzjoni tal-elettriku, il-faħam għandu ħafna użi oħrajn. Jintuża għall-manifattura tas-siment u jista' jinbidel f'karburanti likwidi. Utenti prinċipali tal-faħam oħrajn jinkludu r-raffineriji tal-azzar, il-manifatturi tal-karta, l-industriji tal-kimika u tal-farmaċewtika, u s-settur tal-ipproċessar tal-ikel. |
|
3.8 |
Il-faħam huwa wkoll ingredjent essenzjali fil-manifattura ta’ prodotti speċjalizzati bħall-karbonju attivat li jintuża fil-filtri jew il-fibra tal-karbonju li tintuża fis-settur tal-ajruspazju, fl-inġinerija ċivili, fis-settur militari, eċċ. Insibu proċessi industrijali għall-manifattura ta’ fjuwils sintetiċi jew ta' kimiki bażiċi meħtieġa mill-industrija, bħal pereżempju l-metanol. Mill-metanol, tista' tiġi manifatturata firxa wiesa' ta’ prodotti petrokimiki li issa huma prodotti minn fjuwils fossili oħrajn. |
|
3.9 |
Biex jinkiseb l-għan ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem, is-setturi tal-enerġija tal-UE jridu jaħdmu b’mod serju u intensiv dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija li hemm bżonn. L-industrija tal-faħam għandha tiffoka fuq użu aktar effiċjenti u nadif u tiżviluppa użi alternattivi għall-faħam. Għalhekk, l-UE għandha talloka l-fondi meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-kimika tal-faħam. |
4. Miżuri għal użu tal-faħam b'inqas impatt negattiv u aktar effiċjenti
|
4.1 |
Anki jekk l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam fl-UE hija mistennija li tasal f'xi punt fil-ġejjieni, f’xi pajjiżi u reġjuni tal-estrazzjoni mill-minjieri il-faħam se jibqa’ jintuża għal numru ta' deċennji li ġejjin. Skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jisfruttaw ir-riżorsi tagħhom tal-enerġija u li jiddeterminaw it-taħlita tas-sorsi tal-enerġija, bl-għarfien li ma għandu jkun hemm l-ebda sussidju għall-produzzjoni tal-enerġija u filwaqt li jiftakru fl-obbligi kollha dwar it-tibdil fil-klima. Madankollu, l-industrija tal-faħam għandha tirrispondi għat-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja bħalissa, iċ-ċaqliq lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u b’mod speċjali l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni bl-użu tal-miżuri kollha disponibbli u t-tekniki favur impatt iżgħar u aktar effiċjenti fl-użu tal-faħam. F'dan ir-rigward, tajjeb jissemmew diversi għodod ta' benefiċċju u affidabbli: żieda fl-effiċjenza, flessibiltà u koġenerazzjoni. |
|
4.2 |
Peress li l-produzzjoni tal-elettriku tirrappreżenta l-akbar użu ta’ faħam, iż-żieda fl-effiċjenza hija għodda importanti fl-użu tal-faħam b'inqas tniġġis. B’effiċjenza għolja, jista’ jiġi prodott aktar elettriku minn kull tunnellata ta’ faħam u l-emissjonijiet tas-CO2 jistgħu jitnaqqsu bi 30 % jew aktar. Eżempji tajbin għal impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam b’effiċjenza għolja jistgħu jinstabu fil-Ġermanja, f’impjanti tal-enerġija li jaħdmu b'teknoloġija ta' sistemi ottimizzati. Dawn l-impjanti li jaħdmu bil-faħam huma wkoll flessibbli ħafna u jistgħu jżidu jew inaqqsu l-produzzjoni tagħhom malajr, u b’hekk jappoġġjaw l-enerġija rinnovabbli intermittenti. |
|
4.3 |
Il-koġenerazzjoni (produzzjoni ta' elettriku u sħana fl-istess ħin, jew CHP) hija forma effettiva u effiċjenti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija, li toffri benefiċċji sinifikanti, kemm f’termini ta’ enerġija kif ukoll ambjentali. L-impjanti ta' ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali jarmu s-sħana fl-ambjent. L-impjanti ta’ koġenerazzjoni jirkupraw din is-sħana u jużawha, u għalhekk jużaw il-fjuwil b’mod aktar effiċjenti. Attwalment l-UE tiġġenera 11,7 % tal-elettriku tagħha bil-koġenerazzjoni (7). |
|
4.4 |
Fit-terminu medju, hemm it-tama li l-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jistgħu jaqdu rwol f’ekonomija dekarbonizzata. Il-proċessi eżistenti jridu jittejbu fil-livell ta' skala, l-infrastruttura u l-ħażna għandhom jittejbu, u qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni li tirrikjedi CCS il-kompetittività tal-elettriku minn impjanti bbażati fuq il-faħam trid tkun ċara. Għanda ssir analiżi tal-kostijiet-benefiċċji u tal-impatt ambjentali. |
|
4.5 |
Fil-kunsiderazzjoni tal-użu effiċjenti u b'inqas tniġġis tal-faħam, għandhom jissemmew ukoll użi alternattivi tal-faħam, pereżempju l-likwefazzjoni tal-faħam. Il-faħam jista’ jiġi mibdul fi fjuwils likwidi — petrol, diżil, fjuwil tal-ġett jew petrokimiki. It-teknoloġiji jiġu żviluppati, iżda l-investiment u l-ispejjeż operattivi jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
5. Ir-reġjuni Ewropej tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri u l-futur tagħhom
5.1 Is-sitwazzjoni fir-reġjuni Ewropej tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
|
5.1.1 |
Ir-reġjuni tal-faħam huma żoni industrijali tradizzjonali, fejn l-industrijalizzazzjoni ġiet assoċjata mal-isfruttar tar-riżorsi minerali lokali. Għalhekk ir-reġjuni huma storikament marbuta ma’ setturi tradizzjonali tal-ekonomija bi rwol prinċipali min-naħa tal-industrija metallurġika tqila, l-industrija kimika u s-settur tal-enerġija. Dawn is-setturi u l-kumpaniji li joperaw fihom ġew esposti għal bidliet rapidi fl-ambjent estern (kundizzjonijiet tas-suq, il-kompetizzjoni, klijenti, teknoloġiji) u bidliet fundamentali interni (bidliet fis-sjieda, fl-għanijiet tas-sidien u s-saħħa kapitali) f’dawn l-aħħar snin. |
|
5.1.2 |
Minbarra l-bidliet ewlenin, xi industriji tradizzjonali esperjenzaw l-istaġnar, l-irtirar mir-reġjun jew anke t-tneħħija gradwali tal-operat tagħhom. F’xi reġjuni, il-faħam Ewropew ma setax jikkompeti mal-faħam importat jew sorsi ta’ enerġija fossili oħra, u dan ikkawża tnaqqis drammatiku fit-tħaffir tal-faħam. Nieħdu eżempju wieħed: 100 sena ilu r-Renju Unit ipproduċa madwar 300 miljun tunnellata ta’ faħam kull sena u kien iħaddem aktar minn miljun minatur. Id-deindustrijalizzazzjoni kkawżat it-telf ta’ impjiegi u minkejja dan il-kumpaniji tal-estrazzjoni tal-faħam għadhom uħud mill-ikbar impjegaturi f’għadd ta’ reġjuni. It-tneħħija gradwali jew il-waqfien totali tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji tal-faħam għalhekk iħallu impatti serji fuq ir-reġjuni inkwistjoni Din is-sitwazzjoni kellha impatt kbir fuq kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju b’xi rabta mal-kumpaniji tal-minjieri. |
|
5.1.3 |
F’ħafna pajjiżi, ir-reġjuni tal-faħam huma kkaratterizzati minn rata ogħla ta’ qgħad mill-medja nazzjonali u minn qgħad fit-tul. Dan ifisser li ser ikun diffiċli għal kwalunkwe minatur li jitlef l-impjieg biex isib opportunitajiet ġodda tax-xogħol. Għaldaqstant, il-faqar, l-istaġnar u deterjorament fil-livell tal-għajxien, u l-għadd ta’ persuni u żoni soċjalment esklużi kollha qed jikbru. |
|
5.1.4 |
Il-problema ewlenija kkawżata miż-żieda fir-rati tal-qgħad hija l-provvista u d-domanda żbilanċjati fis-suq tax-xogħol. Fi kliem ieħor, b’kuntrast mal-livell għoli ta’ qgħad, id-domanda għall-ħaddiema hija ċara ħafna, iżda d-domanda hija għal ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-profil edukattiv ta’ dawk li kienu ħaddiema fil-minjieri, b’ħiliet manwali predominanti, mhuwiex kompatibbli b’mod sħiħ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, f’dak li jirrigwarda l-aspett professjonali (kwalifiki) u l-aspett personali (motivazzjoni). Meta numru kbir ta’ minaturi huma ssensjati bl-għeluq ta’ minjiera, ħafna impjiegi jisparixxu tista’ tgħid mil-lum għal għada, u dan jista’ jipproduċi xokkijiet lokali qawwija. |
|
5.1.5 |
Il-ħaddiema fl-industrija tal-estrazzjoni juru wkoll spirtu intraprenditorjali ħafna inqas żviluppat u ftit li xejn inklinazzjoni biex jidħlu f’negozji ġodda. In-nuqqas ta’ entużjażmu tagħhom għal negozju indipendenti huwa minħabba l-influwenza dejjiema eżerċitata fuqhom minn kumpaniji tal-minjieri kbar u b’saħħithom li kienu jippromovu kultura ta’ impjegat fost il-ħaddiema tagħhom, inkluż nuqqas ta’ rieda li jieħdu riskji. Madankollu, din it-tendenza tista’ tiġi osservata wkoll b’mod aktar ġenerali. Saħansitra anke l-istudenti universitarji jippreferu impjieg wara l-lawrja. |
|
5.1.6 |
Is-sitwazzjoni ħafna drabi hija aggravata min-nuqqas ta’ xogħol promettenti u prospetti tal-karriera, kondizzjonijiet anqas favorevoli biex isir negozju indipendenti, indiċijiet dwar standard baxx ta’ għajxien u l-prestazzjoni medjokri tal-innovazzjoni li magħhom huwa marbut ir-rwol iktar dgħajjef tax-xjenza, ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-kapaċitajiet pubbliċi tar-Riċerka u l-Iżvilupp mhumiex żviluppati biżżejjed kullimkien u t-trasferiment tal-għarfien u l-applikazzjonijiet għas-settur tan-negozju mhux qed jaħdem tajjeb ħafna. Huwa wkoll għal dawn ir-raġunijiet li t-trasformazzjoni ekonomika hija sfida ikbar u diffiċli, u ma tirnexxix fil-każijiet kollha. |
5.2 Problemi ta’ ristrutturazzjoni fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
|
5.2.1 |
F'pajjiżi produtturi tal-faħam fl-UE, ir-ristrutturar ta’ spiss sar bħala rispons għall-kriżijiet, mingħajr impenji politiċi adegwati. Dan wassal għal konsegwenzi drammatiċi għall-kwalità tal-ħajja għan-nies f’komunitajiet tal-minjieri. Kwalunkwe tnaqqis fil-produzzjoni tal-faħam għandu l-potenzjal li joħloq aktar qgħad, b’mod speċjali fir-reġjuni fejn hemm minjieri u li ilhom għaddejjin minn rigress strutturali fit-tul. Ħafna minn dawk li qabel kienu ħaddiema fil-minjieri u ħaddiema f'intrapriżi marbutin mal-estrazzjoni qed jiffaċċjaw qgħad fit-tul u ta’ spiss permanenti, u b’hekk iżidu l-faqar. |
|
5.2.2 |
Sfortunatament, bi ftit eċċezzjonijiet, l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti s’issa segwew “politika tan-nagħma” f’termini tal-impatti mistennija tal-politiki dwar il-klima fuq l-industrija tal-minjieri tal-faħam, li tevita kwalunkwe djalogu ċiviku u soċjali xieraq mal-ħaddiema u ċ-ċittadini fil-komunitajiet tal-minjieri. Il-memorja ta’ eżerċizzji preċedenti ta’ ristrutturar, li saru abbażi ta’ wegħdiet politiċi populisti li fl-aħħar mill-aħħar ma materjalizzawx f’miżuri konkreti għall-iżvilupp ekonomiku mill-ġdid ta’ dawn il-komunitajiet, sal-lum huma riflessi f’livell ogħla ta’ nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-ħaddiema fil-kapaċità tal-awtoritajiet biex jindirizzaw b’mod effettiv il-proċessi ta’ ristrutturar industrijali. |
|
5.2.3 |
Fl-istess ħin, livell baxx ta’ empatija u nuqqas ta’ fehim reali tal-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-minjieri jistgħu jiġu osservati fil-livell Ewropew u nazzjonali. Hemm tendenza lejn il-politiċizzazzjoni eċċessiva tad-dibattitu dwar il-futur tal-estrazzjoni fil-kuntest tal-politiki dwar il-klima, speċjalment fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri fejn l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-faħam ma jeħtiġux għajnuna mill-istat, iżda wkoll fir-reġjuni tal-minjieri fejn l-industrija tal-faħam diġà tinsab fil-proċess diffiċli ta’ ristrutturar, fejn il-politiċi jevitaw is-suġġett, għaliex il-miżuri ta’ tranżizzjoni lejn profil reġjonali ġdid ma jiksbu ebda kapital elettorali immedjati, mhumiex popolari u jeħtieġu għexieren ta’ snin biex juru riżultati. |
|
5.2.4 |
Billi hemm rabta ċara bejn tnaqqis gradwali tal-faħam u l-politika dwar it-tibdil fil-klima, parti tal-politika Ewropea li tindirizza l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-klima għandha tkun li tgħin lil dawk ir-reġjuni li qed isofru minn bidliet struttural, jiġifieri reġjuni tal-minjieri tal-faħam. |
|
5.2.5 |
Spiss ikun hemm sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet lokali ma jkollhomx il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva biex jiffinanzjaw proġetti u jamministrawhom skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali, u għaldaqstant il-fondi Ewropej jipproduċu riżultati kemxejn limitati f’termini ta’ opportunitajiet u kwalità tal-ħajja għan-nies fil-komunitajiet tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
5.3 Il-kundizzjonijiet, il-possibbiltajiet u l-miżuri għar-ristrutturar tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
|
5.3.1 |
Tranżizzjoni ġusta (8) għall-komunitajiet tal-minjieri tista’ tkun assigurata jekk l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej ifasslu pjan f’waqtu u ffokat ta’ miżuri sabiex: jiġu salvagwardjati pagi deċenti u s-sikurezza tal-impjieg għall-ħaddiema involti; jiġi faċilitat it-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u r-riallokazzjoni b’alternattivi ta’ xogħol deċenti; ir-rispett tad-drittijiet tal-bnieem u l-garanzija ta’ miżuri ta’ protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet, bħala appoġġ għan-nies matul it-tranżizzjoni; u jiġu żgurati l-investimenti fit-tiġdid tal-komunità, inkluż l-għeluq tal-minjieri u attivitajiet ta’ reklamazzjoni fis-siti tal-minjieri, jew il-kostruzzjoni u s-servizzi assoċjati mat-tranżizzjoni tal-enerġija. |
|
5.3.2 |
Għalhekk, dawn ir-reġjuni għandhom bżonn urġenti ta’ assistenza finanzjarja u xjentifika, u mhux biss biex jevolvu lejn mudell ekonomiku u soċjali ġdid, iżda wkoll biex jimmaniġjaw, fi żmien raġonevoli, diversi perikli għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent assoċjati ma’ attivitajiet tal-estrazzjoni mill-minjieri attwali u storiċi. F’dan ir-rigward, l-entitajiet u l-awtoritajiet ta’ stħarriġ ġeoloġiku tal-Istati Membri responsabbli għall-għeluq tal-minjieri u r-restawr tagħhom iridu jikkooperaw biex tinġabar u tkun miżmuma data dwar il-minerali u l-minjieri u biex jiġu identifikati r-riskji ewlenin marbuta ma’ attivitajiet tal-estrazzjoni mill-minjieri passati, l-għeluq tal-minjieri jew il-konservazzjoni tagħhom. |
|
5.3.3 |
Il-futur tar-reġjuni li bħalissa jiddependu mill-użu tal-faħam u l-kondizzjonijiet ta' għajxien fil-futur f'dawn ir-reġjuni għandhom jiġu inklużi fl-ippjanar minn qabel li jkopri żewġ ġenerazzjonijiet, jiġifieri, 25-50 sena. L-eliminazzjoni b'mod gradwali tal-użu tal-faħam għall-bżonnijiet ta' enerġija f'dawn ir-reġjuni ma jistax jitħalla li jwassal għall-istaġnar tagħhom. Fid-dawl tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tagħhom, dawn ir-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-klima. L-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni għandu jintlaħaq permezz tal-garanzija ta’ djalogi politiċi, ċiviċi u soċjali li jridu jiżguraw li hemm pjani għal tranżizzjoni fil-livell nazzjonali, tal-industrija u tal-intrapriża. |
|
5.3.4 |
It-tnaqqis fl-attrazzjoni għal investituri barranin u lokali ġodda għandu jitwaqqaf ukoll; barra mill-ħiliet mhux adegwati tal-forza tax-xogħol, l-attrazzjoni hija mxekkla minn nuqqas ta’ żoni adatti u ppreparati sew għal proprjetajiet kummerċjali u żoni industrijali strateġiċi kbar. |
|
5.3.5 |
Għalhekk, is-sitwazzjoni mhijiex faċli għal dawk in-nies li qabel kienu ħaddiema fil-minjieri tal-faħam. Rappreżentanti mdawla fir-reġjuni tal-faħam għandhom jappellaw lill-gvernijiet nazzjonali u flimkien għandhom iħejju għar-ristrutturar u l-iżvilupp tar-reġjuni tal-faħam ferm qabel kwalunkwe tnaqqis jew tneħħija gradwali tal-minjieri tal-faħam ippjanat. |
|
5.3.6 |
L-awtoritajiet reġjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha għandhom jimpenjaw ruħhom mat-tranżizzjoni tal-enerġija u r-ristrutturar relatata fir-reġjuni tal-minjieri tal-faħam. |
|
5.3.7 |
Madankollu, ir-reġjuni tal-faħam għandhom potenzjal konsiderevoli kemm għal ristrutturar kif ukoll għal żvilupp. Sett ta’ miżuri ta’ żvilupp għandu jiġi ppreparat, li jinkludi l-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp f’ambjent innovattiv u li jħaddan l-oqsma tradizzjonali li baqgħu attivi fir-reġjuni tal-faħam kif ukoll setturi ġodda li qed jespandu. |
|
5.3.8 |
L-infrastruttura tal-enerġija eżistenti u r-riżorsi umani kkwalifikati mir-reġjuni tal-minjieri tal-faħam għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ, u f’dan ir-rigward, fost il-miżuri li għandhom jiġu appoġġati għandu jkun hemm il-promozzjoni ta’ investiment pubbliku u privat. Il-kumpaniji eżistenti u atturi oħrajn tas-suq iridu jinvestu ħafna f’faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni, inklużi faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
|
5.3.9 |
Studji ta’ fattibilità jistgħu juru li xi reġjuni tal-minjieri tal-faħam mhux biss għandhom potenzjal kbir għall-produzzjoni tal-enerġija mix-xemx, mir-riħ jew ġeotermali, iżda qed jissodisfaw b’iżjed faċilità l-kondizzjonijiet meħtieġa għal investiment u implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi: aċċess faċli għall-art għal faċilitajiet tal-produzzjoni ġodda, riżorsi umani b’ħiliet jew ir-rieda li wieħed jitħarreġ mill-ġdid, awtoritajiet pubbliċi lokali familjari mal-isfidi tas-settur tal-enerġija u komunitajiet lokali mdorrija għal proġetti industrijali. |
|
5.3.10 |
Kumpaniji tal-minjieri attwali huma s-sidien jew iżommu taħt konċessjoni, żoni kbar ta’ art u/jew mijiet ta’ kilometri ta’ mini taħt l-art li jistgħu jintużaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-unitajiet tal-minjieri għandhom interkonnessjoni affidabbli man-netwerks reġjonali u nazzjonali għat-trasportazzjoni tal-enerġija. |
|
5.3.11 |
Sabiex jitħeġġeġ aktar investiment mis-settur privat, li għandu rwol ewlieni x’jaqdi, il-Fondi Ewropej Strutturali u għall-Innovazzjoni (ESI) jiggarantixxu minimu ta’ EUR 27 biljun f’investimenti speċifikament għall-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija. Minimu ta’ 12 %, 15 % jew 20 % tal-allokazzjoni nazzjonali tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jeħtieġ li jkun investit biex tiġi appoġġata l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju fis-setturi kollha f’reġjuni anqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati tal-UE, rispettivament. Jekk il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) huwa użat għal investimenti bħal dawn, is-sehem jiżdied għal 15 % għal reġjuni inqas żviluppati (9). |
|
5.3.12 |
Il-fondi Ewropej jistgħu jgħinu parzjalment il-komunitajiet tal-minjieri fl-isforzi tagħhom lejn id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tranżizzjoni enerġetika, iżda ħafna mill-investiment għall-iżvilupp ekonomiku għandu jiġi pprovdut minn fondi pubbliċi tal-Istati Membri kkonċernati jew billi jinġibed investiment privat ġdid. |
|
5.3.13 |
L-elementi msemmija hawn fuq għandhom jiġu kkunsidrati meta jitfasslu miżuri għall-għajnuna tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri f’dan il-proċess inevitabbli tat-tranżizzjoni enerġetika u d-diversifikazzjoni ekonomika, u l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u persuni b’mod ġenerali minn dawn ir-reġjuni jridu jkunu involuti fl-identifikar ta’ mezzi ġodda ta’ żvilupp għall-komunitajiet tagħhom. |
|
5.3.14 |
“Pjan ta’ appoġġ għat-tranżizzjoni għal komunitajiet u reġjuni dipendenti fuq il-produzzjoni tal-faħam” għandu jinkoraġġixxi lir-reġjuni biex jagħmlu t-tranżizzjoni, jistimulaw l-iżvilupp innovattiv, iżommu l-attrazzjoni għall-investiment u joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u ħajja deċenti. |
|
5.3.15 |
Il-“Pjan” jista' jiġi żviluppat minn grupp konsultattiv f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Il-membri ta’ dan il-grupp konsultattiv għandhom ikunu rappreżentanti tar-reġjuni tal-minjieri, il-junjins, l-NGOs, ir-riċerka u l-iżvilupp u tal-industrija tal-faħam. |
|
5.3.16 |
Il-Pjan ta’ sostenn lill-komunitajiet u lir-reġjuni dipendenti fuq il-produzzjoni tal-faħam għandu jkun ibbażati fuq tliet pilastri:
|
5.4 Żvilupp mistenni fir-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri
|
5.4.1 |
Il-futur tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri se jiżviluppa f’żewġ direzzjonijiet. F’ċerti reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, huwa mistenni waqfien rapidu jew saħansitra preċipituż tal-produzzjoni tal-faħam, filwaqt li f’oħrajn il-produzzjoni tista’ tkompli għal bosta għexieren ta’ snin. |
|
5.4.2 |
Fl-ewwel każ, it-tneħħija gradwali tista’ tkun konsegwenza tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq, li hija kkumplikata, b’mod speċjali tal-industrija Ewropea tal-faħam iebes li tikkompeti ma’ importazzjonijiet bi prezz baxx ħafna tal-faħam. Din tagħmel il-ħajja diffiċli ħafna, anke għal dawk il-minjieri li sa ftit ilu kienu jagħmlu qligħ. F’xi reġjuni, il-gvern jew il-kumpaniji jistgħu jiddeċiedu dwar l-għeluq tal-minjieri f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona u d-dritt tal-Istati Membri tal-UE li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom. |
|
5.4.3 |
Għal dawn ir-reġjuni, ikun ta’ benefiċċju li jiġi stabbilit malajr programm soċjali bbażat fuq l-aħjar prattiki minn pajjiżi differenti tal-UE li jipproduċu l-faħam u li għandhom esperjenza fit-tneħħija gradwali tal-faħam, jew li qed jitħejjew għal tali tneħħija gradwali. F’dan il-kuntest, l-esperjenza Ġermaniża tista’ tkun utli: fil-Ġermanja l-estrazzjoni tal-faħam iebes se ttemm fl-2018, kif ġie ppjanat. Hemm ħafna reġjuni oħra tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, pereżempju, ir-Renju Unit, Franza, in-Netherlands u l-Belġju, ilkoll b’esperjenza prezzjuża. |
|
5.4.4 |
F’reġjuni fejn il-produzzjoni tal-faħam hija mistennija li tibqa’ fit-tul, huwa importanti li qabel kollox issir enfasi fuq l-użu effiċjenti u anqas ta’ ħsara ta’ dan il-faħam. Fil-każ tal-użu tal-faħam għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-tnaqqis tal-emissjonijiet se tkompli tkun prijorità. L-UE għandha l-għodod għal dan: l-iskema riveduta għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, li tesiġi l-ebda emissjonijiet tal-karbonju sal-2058, id-direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u d-dokument ta’ referenza BAT ġdid għal impjanti kbar tal-kumbustjoni, li wasal biex jitlesta. |
|
5.4.5 |
Fl-istrateġija għal dawk ir-reġjuni tal-faħam b’ġejjieni fuq medda itwal ta’ żmien, ir-riċerka u l-iżvilupp se jaqdu rwol importanti ħafna: aktar żidiet fl-effiċjenza tal-impjanti tal-enerġija se jaslu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet kif ukoll konsum inqas tal-karburant. Aktar flessibbiltà tal-impjanti tal-enerġija tista’ tgħin biex jiġu appoġġati sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli. Flimkien ma’ teknoloġiji nodfa tal-faħam jew l-użu u l-ħżin tas-CO2, użi alternattivi tal-faħam għandhom jiġu kkunsidrati. |
|
5.4.6 |
Madankollu, anke fir-reġjuni bi prospetti aktar fit-tul għall-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri, il-prijorità għandha tkun li jippreparaw għat-tmiem tat-tħaffir għall-faħam u r-ristrutturar tar-reġjuni tal-estrazzjoni tal-faħam mill-minjieri. |
Brussell, il-25 ta' Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Fl-2015, il-pajjiżi tal-G7 qablu li hija meħtieġa dekarbonizzazzjoni sħiħa tal-ekonomija globali matul dan is-seklu u għalhekk hemm bżonn “trasformazzjoni tas-setturi tal-enerġija sal-2050”.
(2) It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ġie ffirmat f’Pariġi fl-1951 u permezz tiegħu Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-pajjiżi tal-Benelux ingħaqdu flimkien f’Komunità bl-għan li jorganizzaw il-moviment liberu tal-faħam u l-azzar u jkun hemm aċċess liberu għas-sorsi ta’ produzzjoni. Dan it-Trattat huwa l-oriġini tal-istituzzjonijiet kif nafuhom illum.
(3) http://www.env-health.org/resources/press-releases/article/eur8-5-billion-in-health-costs
(4) Greenpeace Report “End of an Era: Why every European country needs a coal phase-out plan”.
(5) EURACOAL (2013) Coal industry across Europe, p. 20.
(6) COM/2014/0330 final, 28.5.2014.
(7) Statisitiċi tal-Eurostat, 2013; ippubblikati fl-2015.
(8) ETUC Frontlines Briefing, Ottubru 2015, Climate justice: Paris and Beyond.
(9) Is-Sigurtà tal-Enerġija Ewropea, COM/2014/0330 final, 28.5.2014, Kapitolu 3, p. 7.