15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà alimentari globali”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/15)

Relatur:

is-Sur Volker PETERSEN

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

“L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-iżvilupp futur tal-agrikoltura u tal-ekonomija agrikola fl-UE fil-kuntest tas-sigurtà globali tal-ikel”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Lulju 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’termini tal-politika dwar il-prezzijiet u s-swieq, il-PAK ġiet fil-biċċa l-kbira liberalizzata. Is-suq agrikolu tal-UE huwa miftuħ u huwa parti mill-iżvilupp tas-suq globali, li huwa mmexxi mid-domanda u l-provvista. Għal din ir-raġuni, bil-ftuħ għas-swieq ta’ pajjiżi terzi, il-kummerċ agrikolu tal-UE żviluppa b’mod dinamiku ħafna fl-aħħar għaxar snin.

1.2.

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, il-KESE jinnota li l-kummerċ agrikolu huwa ta’ importanza ekonomika essenzjali fis-settur agrikolu u tal-ikel u għaż-żoni rurali. Il-KESE jinnota bi tħassib kemm is-soċjetà kultant tipperċepixxi l-kummerċ agrikolu b’mod kritiku, b’kuntrast ma’ fergħat oħrajn tal-ekonomija, bħall-industrija tal-karozzi jew tal-kimika.

1.3.

Ma hemm l-ebda dubju li l-kummerċ agrikolu jassumi responsabbiltà speċjali f’dinja li fiha jeżisti l-ġuħ jew nutrizzjoni li mill-aspett kwantitattiv u kwalitattiv hija insuffiċjenti. Il-KESE huwa konxju ħafna ta’ din ir-responsabbiltà. F’dinja b’popolazzjoni li qiegħda tikber, bi dħul li qed jiżdied f’ħafna pajjiżi u l-faqar f’oħrajn, hemm il-bżonn li tiġi ssodisfata d-domanda ta’ dawk li għandhom il-flus x’jonfqu kif ukoll li tingħata għajnuna u assistenza fejn in-nies ma jistgħux jeliminaw il-ġuħ u n-nuqqas waħedhom.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp qegħdin jimmiraw b’mod koerenti fl-istess direzzjoni. Dan, fil-fehma tiegħu, huwa l-prerekwiżit sabiex ikun żgurat li d-direzzjoni u r-rwol tal-kummerċ agrikolu u l-iżvilupp jiġu pperċepiti b’mod sostenibbli.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda li s-settur agroalimentari tal-UE jkun appoġġat b’mod sostenibbli, bħal setturi oħrajn tal-ekonomija, sabiex ikun jista’ jipparteċipa b’suċċess fil-kummerċ agrikolu globali li qed jiżdied. Il-kummerċ agrikolu jaqdi rwol importanti fil-protezzjoni tal-infrastruttura ekonomika fl-iżvilupp rurali tal-UE. Dan jipprovdi wkoll erbgħin miljun post tax-xogħol kwalifikat fid-diversi ħoloq tal-katina tal-ikel fl-UE, li huma inqas suxxettibbli għal kriżijiet minn dawk f’setturi oħrajn.

1.6.

Il-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles tal-UE jistgħu jagħtu kontribut importanti għat-tneħħija ta’ ostakli kummerċjali mhux tariffarji. F’dan il-kuntest, dejjem ser ikun hemm regolamenti fuq iż-żewġ naħat li mhumiex negozjabbli. Għaldaqstant għandu jsir sforz sabiex jiġu adottati r-regolamenti li jiffaċilitaw il-kummerċ barra l-qafas tal-armonizzazzjoni.

1.7.

L-SMEs jikkontribwixxu sostanzjalment għall-kummerċ agrikolu tal-UE. Fl-isfera internazzjonali, dawn huma partikolarment dipendenti fuq l-assistenza amministrattiva sostenibbli waqt li jkunu qed jiġu żviluppati s-swieq f’pajjiżi terzi, liema assistenza għandha tkun ipprovduta mis-servizzi korrispondenti tal-UE.

1.8.

Il-KESE jilqa’ l-estensjoni ulterjuri ta’ ftehimiet ta’ sħubija mal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, li abbażi tagħhom l-effetti pożittivi ta’ kummerċ miftuħ u ġust jistgħu jirriżultaw bħala vantaġġ għal dawn il-pajjiżi. L-għan ta’ ftehimiet bħal dawn għandu jkun li jappoġġjaw l-awtonomija ta’ dawn il-pajjiżi fejn jidħlu prodotti agrikoli; ir-rwol tal-kummerċ agrikolu għandu jkun li jakkumpanja l-produzzjoni lokali.

2.   Sfond

2.1.

Storikament, il-kummerċ agrikolu – kummerċ bi prodotti agrikoli u ikel ipproċessat – minn dejjem kien partikolarment importanti. Fis-seklu 20, li fih ġraw żewġ gwerer dinjin, il-kummerċ agrikolu internazzjonali għal żmien twil kien iddominat minn approċċ diriġista ħafna. Anki fil-GATT, konkluż wara t-Tieni Gwerra Dinjija, dan xorta okkupa pożizzjoni speċjali li eskludietu mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Kien biss fir-Round tal-Uruguay tal-GATT, konkluż fl-1993, li dan il-qasam tal-kummerċ agrikolu kien inkorporat iktar fis-sod fis-sett ta’ regoli tal-GATT. It-tnaqqis tas-sostenn domestiku u l-eliminazzjoni tad-dazji doganali u tas-sussidji għall-esportazzjoni kienu l-impenji li għalihom daħlet l-UE dak iż-żmien. B’xi ftit eċċezzjonijiet, bħala konsegwenza l-kummerċ tal-UE fl-agrikoltura ġie liberalizzat b’mod estensiv wara t-tnaqqis tat-tariffi ta’ importazzjoni u tas-sussidji għall-esportazzjoni. Madankollu, il-kummerċ agrikolu internazzjonali xorta għadu rregolat relattivament b’mod qawwi – speċjalment permezz ta’ miżuri mhux tariffarji.

2.2.

Il-KESE adotta numru ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet ġenerali relatati mal-kummerċ (1). Hawnhekk huwa enfasizza l-importanza tal-kummerċ għal tkabbir kostanti u għalhekk għal żvilupp b’suċċess ta’ ekonomija soċjali tas-suq. Il-KESE dejjem ħeġġeġ il-kummerċ ġust u ħieles. Huwa jikkonkludi li dan biss jista’ jiżgura li l-proċess li qed javvanza tal-globalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq joħloq benefiċċji u opportunitajiet għall-pajjiżi kollha skont il-potenzjal ekonomiku tagħhom

2.3.

Fl-Opinjonijiet preċedenti kollha tiegħu dwar il-kummerċ il-KESE qies ukoll l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u ddedikalhom attenzjoni partikolari. Il-Kumitat argumenta b’mod konsistenti li l-kummerċ u l-politika tal-kummerċ f’dinja globalizzata jridu jagħtu kontribut għat-tkabbir u l-iżvilupp f’pajjiżi li jinsabu f’livelli differenti ta’ żvilupp.

2.4.

Id-diskussjoni dwar ir-rwol tal-kummerċ agrikolu qed isseħħ f’ambjent partikolarment kontroversjali. Fl-aħħar snin kien hemm titjib fid-domanda globali għal prodotti agrikoli u ikel minn dawk li jistgħu jaffordjawhom, bħalma huma pajjiżi b’ekonomiji emerġenti li qed jesperjenzaw tkabbir fil-popolazzjoni u d-dħul. Madankollu, il-kummerċ agrikolu ma jistax jiżgura li jintemm kwalunkwe nuqqas tal-ikel. Partikolarment minħabba kapaċità tal-akkwist insuffiċjenti madwar 800 miljun persuna fid-dinja qegħdin ibatu l-ġuħ.

2.5.

B’din l-opinjoni l-KESE jixtieq jesplora l-opportunitajiet li joffri kummerċ agrikolu globali li qed jikber għall-agrikoltura u l-ekonomija agrikola fl-UE. M’għandhiex tintesa r-responsabbiltà li l-UE teħtieġ tassumi fir-rigward tal-ġuħ fid-dinja wkoll f’dan il-proċess.

3.   Il-kummerċ agrikolu tal-UE fil-kuntest makroekonomiku

L-importanza tal-kummerċ agrikolu għall-kummerċ barrani tal-UE

3.1.

Fl-2014 l-esportazzjoni agrikola tal-UE ammontat għal madwar EUR 125 biljun, u għalhekk laħqet sehem ta’ 7 % tal-esportazzjonijiet kollha tagħha. Kemm iż-żieda ta’ 2,2 % meta mqabbla mas-sena preċedenti kif ukoll iż-żieda annwali ta’ 8 % mill-2005 sal-2014 fissret li t-tkabbir fl-esportazzjonijiet agrikoli kien ħafna iktar b’saħħtu mit-tkabbir fl-esportazzjonijiet totali, li saħansitra fl-2014 naqsu bi 2 % meta mqabbla mal-2013 (żieda annwali ta’ 5,5 % bejn l-2005 u l-2014).

Is-sitwazzjoni hija simili għall-importazzjonijiet agrikoli, li fl-2014 kienu jammontaw għal EUR 104 biljun u kienu jfissru 6,2 % tal-importazzjonijiet tal-UE (ara t-Tabelli A1 sa A3 fl-Appendiċi).

3.2.

L-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE huma pilastru tal-kummerċ barrani tal-UE. Dan jiġi fir-raba’ post meta mqabbel ma’ setturi oħrajn, wara l-makkinarju, il-prodotti kimiċi u l-farmaċewtiċi. Matul il-liberalizzazzjoni kummerċjali tal-passat, l-UE evolviet minn importatur nett għal esportatur nett, filwaqt li laħqet bilanċ pożittiv fil-kummerċ agrikolu mill-2010, li fl-2014 laħaq madwar EUR 21 biljun.

L-istruttura tal-kummerċ agrikolu u l-importanza għall-valur miżjud, l-impjiegi u l-iżvilupp rurali

3.3.

Ta’ importanza partikolari għal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja hija ċ-ċirkustanza li s-sehem tal-kummerċ agrikolu fil-kummerċ barrani tal-UE totali kien ogħla b’mod sinifikanti fl-2014, b’7 %, mis-sehem tas-settur agroalimentari sħiħ fil-PDG. Dan tal-aħħar jammonta għal 3,5 % fl-UE.

3.4.

Din id-differenza ċara bejn l-importanza ekonomika tas-settur u l-importanza tal-kummerċ agrikolu fil-kummerċ barrani tenfasizza l-importanza li qiegħda tikber ta’ dan tal-aħħar f’dawn l-aħħar snin. It-tkabbir fis-settur agroalimentari qiegħed jiġi ġġenerat dejjem iktar mill-esportazzjonijiet.

3.5.

L-importanza tal-katina tal-ikel għall-ekonomija kollha kemm hi:

Il-kummerċ agrikolu tal-UE ma huwa bl-ebda mod kwistjoni tal-agrikoltura waħedha, kif il-pubbliku ta’ spiss jissupponi. Madankollu, huwa veru li anke issal-esportazzjonijiet agrikoli jammontaw għal iktar minn kwart tar-rikavat tal-bdiewa. Dan diġà qed jipprovdi, u ser ikompli jipprovdi appoġġ importanti għall-preservazzjoni ta’ bażi ekonomika fl-iżvilupp rurali tal-UE, li qiegħed jiġi kkonfrontat bi problemi minħabba l-urbanizzazzjoni u t-tibdil demografiku.

Żewġ terzi tal-esportazzjonijiet agrikoli huma prodotti lesti magħmulin minn materja prima li jkunu għaddew minn ħafna stadji ta’ pproċessar u tal-valur miżjud. Dawn huma r-riżultat tal-kombinazzjoni ta’ ktajjen tal-valur kumplessi, effiċjenti u kompetittivi ħafna internazzjonalment. Dawn ivarjaw mill-industriji tal-input għall-agrikoltura, għall-bdiewa sal-industrija tal-ikel u l-kumpaniji kummerċjali. B’kollox, il-kumpaniji f’din il-katina tal-valur jimpjegaw madwar 40 miljun ruħ fl-UE. Dawn huma postijiet tax-xogħol li ekonomikament huma komparattivament stabbli u jintlaqtu inqas mill-kriżijiet minn dawk f’setturi oħrajn.

Il-kummerċ agrikolu fis-suq intern tal-UE

3.6.

Din l-opinjoni tiffoka fuq il-kummerċ agrikolu tal-UE ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, ser tingħata ħarsa ħafifa lejn dan il-kummerċ intern tal-UE. Il-kummerċ fi ħdan l-UE jibqa’ jkun iktar importanti b’mod sinifikanti mill-kummerċ barrani. Fl-2014, 73 % tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-Istati Membri kollha marru lejn pajjiżi oħrajn tal-UE. B’hekk is-suq komuni kkontribwixxa għal spinta fil-kummerċ, li wassal għal żieda fil-prosperità fl-UE. Dak li japplika mingħajr restrizzjoni għall-kummerċ intern tal-UE f’ambjent internazzjonali liberalizzat jista’ jiġi ttrasferit għall-kummerċ ma’ pajjiżi terzi.

Il-pożizzjoni tal-UE fil-kummerċ agrikolu dinji

3.7.

Sa mill-2013, l-UE ilha l-ikbar grupp tal-kummerċ agrikolu dinji u fl-aħħar deċennji kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp pożittiv tiegħu. Mill-2000 l-esportazzjonijiet tal-UE lejn pajjiżi terzi żdiedu b’madwar 8 % fis-sena. Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv fl-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE, madankollu, pajjiżi oħrajn irnexxielhom iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom b’dinamika ikbar. Is-sehem tal-UE fil-kummerċ agrikolu globali naqas minn kważi 13 % fl-2000 għal 10,3 % fl-2012 (ara t-Tabella A4 fl-Appendiċi).

4.   Kundizzjonijiet li jaffettwaw l-iżvilupp tal-kummerċ agrikolu tal-UE: id-dimensjoni esterna tal-PAK

4.1.

Fil-passat – pereżempju fiċ-ċikli tan-negozjar tal-GATT/WTO – l-UE kienet partikolarment ikkritikata fil-livell internazzjonali għall-esportazzjonijiet agrikoli tagħha. Din is-sitwazzjoni nbidlet radikalment sa mis-sena 2000.

4.2.

Il-prezzijiet ta’ sostenn tal-UE tnaqqsu sostanzjalment wara diversi riformi tal-PAK. Il-prezzijiet tas-suq fl-UE huma stabbiliti mill-iżviluppi fil-provvista u d-domanda internazzjonali u għalhekk għandhom tendenza jsegwu l-prezzijiet tas-swieq globali. L-organizzazzjoni komuni tas-suq issa toffri biss xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa tal-UE li jkollha effett fil-każ ta’ kollass internazzjonali massiv tal-prezzijiet. Is-sussidji għall-esportazzjonijiet – li fl-1992 kienu għadhom jammontaw għal EUR 3 biljun – m’għadx għandhom rwol sinifikanti.

4.3.

Bħala l-ikbar esportatur agrikolu fid-dinja – qabel l-Istati Uniti, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Kanada – u l-ikbar importatur agrikolu – qabel l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja – l-UE ġġorr responsabbiltà doppja u li qiegħda tiżdied għas-sigurtà alimentari dinjija. B’kont meħud ta’ din ir-responsabbiltà, id-dimensjoni esterna tal-PAK trid tissaħħaħ sostanzjalment u tingħata prijorità ikbar.

4.4.

Il-KESE jinnota li l-koerenza bejn il-PAK u l-politika ta’ żvilupp diġà ttejbet b’mod sostanzjali. L-esportazzjonijiet agrikoli joperaw mingħajr sussidji u ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq, filwaqt li l-UE saret wieħed mill-iktar swieq miftuħa, speċjalment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, fejn jidħlu importazzjonijiet. Matul l-2011-2013 l-importazzjonijiet mit-48 pajjiż l-inqas żviluppati kienu jikkonsistu f’medja ta’ 3 % tal-importazzjonijiet agrikoli tal-UE: erba’ darbiet il-valur li l-Kanada, l-Istati Uniti, l-Awstralja u New Zealand importaw flimkien minn dawn il-pajjiżi.

5.   Il-kummerċ agrikolu u s-sigurtà alimentari

L-effetti tal-kummerċ fuq is-sigurtà alimentari u l-iżvilupp

5.1.

F’dinja fejn iktar minn 800 miljun persuna mifruxa f’ħafna pajjiżi differenti – partikolarment fl-Afrika u l-Asja – għadhom ibatu l-ġuħ, wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-politika agrikola u tal-kummerċ jeħtieġ li jkun li tittejjeb in-nutrizzjoni f’termini kwantitattivi u kwalitattivi.

5.2.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, il-kummerċ agrikolu huwa ħafna drabi s-suġġett ta’ dibattiti kontroversjali fis-soċjetà ċivili minħabba r-rwol partikolari tiegħu fis-sigurtà alimentari. Wieħed irid iqis ukoll li l-kummerċ agrikolu jista’ jkollu effetti differenti ħafna. Dan jista’ jikkontribwixxi għal sitwazzjonijiet ta’ nuqqas, iżda jista’ jwassal ukoll għal dipendenzi mhux mixtieqa.

5.3.

Il-KESE għalhekk jixtieq jesplora iktar mill-qrib mhux biss dak li l-kummerċ agrikolu jikseb iżda wkoll dak li hu mistenni minnu. L-isfidi huma l-globalizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni tas-suq agrikolu tal-UE, it-tkabbir fil-kummerċ agrikolu globali, il-popolazzjoni dinjija li qiegħda tikber, il-bidla fit-tendenzi tal-konsum, u l-bidliet fid-domanda bħala konsegwenza tat-tkabbir ekonomiku.

Is-sigurtà tal-ikel u l-awtosuffiċjenza

5.4.

Il-kisba tas-sigurtà tal-ikel tfisser ċertu livell ta’ awtosuffiċjenza fejn jidħlu prodotti agrikoli b’mod partikolari għall-ifqar pajjiżi. Il-mira tal-awtosuffiċjenza sħiħa ta’ pajjiż jew reġjun partikolari madanakollu m’għandhiex tkun l-uniku fattur determinanti. Anki f’pajjiż li huwa iktar minn 100 % awtosuffiċjenti ma hemm l-ebda garanzija li l-popolazzjoni tiegħu tkun fornuta b’mod adegwat bl-ikel u għandha aċċess adegwat għalih. Għalhekk jista’ jiġi nnotat li anki f’pajjiżi bi prodotti agrikoli żejda hemm nies li huma neqsin mill-ikel jew huma malnutriti.

5.5.

In-nuqqas ta’ nutrizzjoni għandu jitqies bħala kwistjoni ta’ faqar iktar milli ta’ provvista, u huwa mifhum u indirizzat fuq din il-bażi. Is-sigurtà tal-ikel pjuttost għandha tiġi ggarantita billi jinħoloq id-dħul, u għandha inqas x’taqsam ma’ status partikolari ta’ awtosuffiċjenza u/jew kummerċjali. F’pajjiżi fqar ħafna, il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tgħix mis-sussistenza u m’għandha kważi l-ebda dħul ieħor. Għalhekk, għat-titjib tas-sigurtà alimentari, il-kriterji ewlenin li jinsabu partikolarment fil-qofol, minbarra l-ġenerazzjoni tad-dħul u d-distribuzzjoni adegwata tad-dħul, huma d-disponibbiltà, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-istabbiltà tal-aċċess għall-ikel.

5.6.

Il-kummerċ agrikolu jista’ jikkontribwixxi għal żieda fid-dħul ibbażata kemm fuq l-esportazzjonijiet (ħolqien tad-dħul u l-impjieg) kif ukoll l-importazzjonijiet (xiri ta’ prodotti tal-ikel irħas mis-swieq internazzjonali filwaqt li jkunu esportati prodotti oħrajn). Madankollu, din l-istrateġija tippresupponi l-aċċess għas-swieq internazzjonali għal prodotti agrikoli u industrijali.

6.   Problemi u sfidi

Il-kummerċ agrikolu jnaqqas il-varjazzjonijiet fil-volum u l-prezzijiet

6.1.

Karatteristika partiolari tal-produzzjoni agrikola, b’kuntrast mal-produzzjoni industrijali, hija s-suxxettibbiltà tagħha għall-forzi tan-natura. Il-produzzjoni u l-provvista jiddependu fuq kundizzjonijiet varjabbli li diffiċli jiġu previsti jew ikkontrollati. Dan japplika għat-temp jew il-preżenza ta’ mard tal-pjanti u tal-annimali. It-tibdil fil-klima madwar id-dinja se jżid l-imprevedibbiltà tal-fenomeni naturali. Dan ser jaffettwa partijiet oħrajn tad-dinja u pajjiżi oħrajn b’mod iktar drammatiku milli ser jaffettwa lill-UE nnifisha.

6.2.

Wara l-ftuħ sostanzjali tas-swieq agrikoli tagħha, l-UE għaldaqstant ġeneralment ser tħoss l-impatt tal-varjazzjonijiet fil-volum u l-prezzijiet fis-swieq globali b’mod ħafna iktar qawwi. Fl-istess waqt qiegħda tiżdied ir-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà alimentari globali fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li huma komparattivament favorevoli u stabbli.

6.3.

Il-kummerċ agrikolu huwa parti mis-soluzzjoni għall-problema taż-żieda fil-volatilità, mhux il-kawża tagħha. Il-kummerċ agrikolu globali jippermetti l-bilanċ tal-varjazzjonijiet fil-volum u għalhekk jikkontribwixxi għal-limitazzjoni tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet. L-esperjenza wriet li interventi iżolati fis-suq minn pajjiżi individwali, u projbizzjonijiet tal-esportazzjonijiet u restrizzjonijiet fuq id-dazji jew l-importazzjonijiet iktar jaggravaw il-problema għall-partijiet kollha milli jtaffuha.

Effetti ġeopolitiċi

6.4.

Kultant l-iżviluppi politiċi ġenerali – bħall-projbizzjoni ta’ importazzjoni mir-Russja minn Awwissu 2014 ‘l hawn – ikollhom effetti problematiċi fuq il-kummerċ agrikolu, kif esperjenzat l-UE fl-2014 u 2015. Dawn l-influwenzi ġeopolitiċi jistgħu jirriżultaw f’interruzzjonijiet sinifikanti tas-swieq, f’telf u żvantaġġi ekonomiċi oħrajn li jaffettwaw is-settur agroalimentari. Is-settur għaldaqstant jiddependi mill-klima politika globali. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-bdiewa u l-kumpaniji jeħtieġu l-assistenza politika sabiex ikunu jistgħu jikkumpensaw għall-iżvantaġġi fir-relazzjonijiet kummerċjali affettwati.

Linji gwida u rakkomandazzjonijiet għad-direzzjoni tal-kummerċ agrikolu tal-UE

6.5.

B’kont meħud tal-fatt li l-kummerċ agrikolu qed isir ħafna iktar importanti globalment u għall-UE, il-KESE jemmen li d-dimensjoni esterna tal-PAK teħtieġ tisħiħ sinifikanti. Dan it-tisħiħ jista’ jinkiseb b’diversi modi.

6.5.1.

Ir-regolamenti li għadhom jeżistu fil-kummerċ agrikolu globali għandhom l-oriġini tagħhom qabelxejn fl-importanza li tingħata lill-ħarsien tas-saħħa u l-konsumatur f’diversi pajjiżi. L-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni, huma mitluba jħeġġu lill-pajjiżi li għandhom tali ostakoli regolatorji tekniċi tal-kummerċ biex jiftħu s-swieq tagħhom b’mod rapidu; fejn meħtieġ l-UE għandha tidħol f’negozjati xierqa.

6.5.2.

Fil-fehma tal-KESE huwa neċessarju b’mod urġenti li l-Kummissjoni tassumi r-responsabbiltà b’mod ċar u espliċitu għall-EU kollha kemm hi f’din il-kwistjoni. Dan huwa l-uniku mod li l-pożizzjonijiet tal-UE jistgħu jkunu rrappreżentati b’mod effiċjenti u enfatiku u infurzati fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħha. Huwa wkoll ta’ detriment għall-kompetizzjoni ġusta bejn l-Istati Membri jekk ikollhom ftehimiet differenti ma’ pajjiżi terzi fil-livell nazzjonali. Huwa biss meta jkun hemm restrizzjonijiet speċifiċi għar-reġjun jew il-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri, li dawn għandhom ikunu jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet tad-dritt speċjali għal tali każijiet iġġustifikati.

6.5.3.

Il-KESE huwa favur li l-UE tieħu kull miżura possibbli sabiex issaħħaħ il-kompetittività u l-pożizzjoni tas-settur agroalimentari tal-UE fi swieq agrikoli li iktar ma jmur qegħdin jinfetħu fejn hemm iktar kompetizzjoni intensiva mir-reġjuni globali prinċipali kollha. L-objettiv imħabbar mill-Kummissjoni l-ġdida biex tnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż assoċjati magħha huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess waqt irid jiġi żgurat li l-istrutturi amministrattivi jitfasslu b’mod iktar effettiv.

6.5.4.

L-istandards tal-UE għandhom ikunu l-bażi għal-liċenzji li jingħataw għall-importazzjonijiet fl-UE. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u regoli oħrajn, dawn għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti minimi għal importazzjonijiet li jieħdu kont suffiċjenti tas-sitwazzjoni fl-UE u ma jikkawżawx żvantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji li jinsabu hemmhekk.

6.5.5.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istorja ta’ suċċess tal-kummerċ agrikolu tal-UE fi swieq li fil-biċċa l-kbira huma liberalizzati hija dovuta fil-biċċa l-kbira għall-SMEs. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tal-UE biex tintensifika l-attivitajiet tagħha li jappoġġjaw l-aċċess għas-swieq agrikoli internazzjonali, kif diġà qegħdin jagħmlu pajjiżi terzi oħrajn. Hawnhekk jeħtieġ li l-SMEs jkunu jistgħu jistrieħu fuq informazzjoni affidabbli dwar is-swieq waqt l-ippjanar tagħhom.

6.6.

Is-swieq globali jeħtieġu swieq globali trasparenti. Din tirrikjedi previżjoni affidabbli u informazzjoni dwar l-iżviluppi fil-volum, il-prezzijiet, ir-rati ta’ skambju, it-temp, il-mard, u oħrajn. Il-KESE jilqa’ l-involviment attiv tal-UE fil-ħolqien tal-AMIS (Agricultural Market Information System) tal-FAO. Madankollu, dawn l-isforzi għandhom ikunu mmirati b’mod li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mill-AMIS tkun disponibbli speċjalment għal dawk li joperaw fis-suq sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw direttament minnha.

6.7.

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE huma ta’ importanza partikolari. Jekk in-negozjati multilaterali fil-kuntest tad-WTO ma jagħtux il-frott, jeħtieġ li s-suċċess jiġi mfittex fil-livell bilaterali, sabiex jinfetħu swieq ġodda. Madankollu, il-ftehimiet jeħtieġu jkunu bbilanċjati fid-dawl tad-diversi setturi li jintlaqtu minnhom. Ma jkunx aċċettabbli li l-kummerċ agrikolu tal-UE jkun mgħobbi bi spejjeż sproporzjonati meta mqabbel ma’ oqsma ekonomiċi oħrajn.

6.8.

Il-KESE jirreferi għall-importanza partikolari tal-ftehimiet ta’ sħubija ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Permezz tal-estensjoni tal-ftehimiet preferenzjali, fuq il-bażi ta’ aċċess imtejjeb għas-swieq tal-UE, f’dawn il-pajjiżi jistgħu jiżvolġu l-effetti pożittivi ta’ relazzjonijiet kummerċjali abbażi ta’ kummerċ miftuħ u ġust.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 73; ĠU C 351, 15.11.2012, p. 77; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 1; ĠU C 100, 30.4.2009, p. 44.


ANNESS

http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/agricultural-trade-statistics_en.docx