15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Atti Delegati”

(Opinjoni addizzjonali)

(2016/C 013/22)

Relatur:

is-Sur Jorge PEGADO LIZ

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar:

“Atti delegati”

(Opinjoni addizzjonali)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ Lulju 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE, f’nofs il-ħidma tiegħu fuq opinjoni addizzjonali fuq inizjattiva proprja rigward il-proċedura ta’ delega, skopra li l-Kummissjoni ppubblikat proposta għal ftehim interistituzzjonali ġdid limitattiv, ibbażat fuq l-Artikolu 295 tat-TFUE. Din il-proposta hija parti minn pakkett ġenerali “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” li jittratta atti delegati f’żewġ annessi speċifiċi.

1.2.

Huwa jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tirrappreżenta pass fid-direzzjoni t-tajba, li huwa kien talab għalih.

1.3.

Huwa jqis li fil-biċċa l-kbira l-prinċipji tagħha huma pożittivi.

1.4.

Il-KESE jinsab sodisfatt bl-isforzi tal-Kummissjoni għal bilanċ ġust bejn il-valuri fundamentali li huma r-rispett għan-“norma ġuridika”, il-parteċipazzjoni demokratika, it-trasparenza, il-prossimità taċ-ċittadini u d-dritt għal informazzjoni wiesgħa dwar il-proċeduri leġislattivi, min-naħa l-waħda, u s-simplifikazzjoni leġislattiva, regolamentazzjoni aktar flessibbli, adattata aħjar għall-interessi involuti, u fejn l-aġġornament u r-reviżjoni huma ffaċilitati, min-naħa l-oħra.

1.5.

Il-KESE fuq kollox jilqa’ l-fatt li “l-Kummissjoni timpenja ruħha li tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel l-adozzjoni ta’ atti delegati, inkluż permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti mill-Istati Membri u permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi” u li hi tipproponi l-istess metodu konsultattiv għall-atti ta’ implimentazzjoni. Madankollu, il-KESE jibża’ li minħabba dawn il-konsultazzjonijiet kollha, il-ħin biex jitħejjew l-atti jista’ jittawwal b’mod eċċessiv u mingħajr bżonn.

1.6.

Madankollu, il-KESE ma jaqbilx kompletament mal-approċċ każwistiku rigward id-distinzjoni fi kwistjonijiet li jridu jkunu s-suġġett ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni, minħabba li l-kriterji użati huma ambigwi u jistgħu jagħtu lok għal diversi interpretazzjonijiet.

1.7.

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni b’mod partikolari minħabba:

(a)

in-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-esperti tal-Istati Membri u l-kompetenzi tekniċi tagħhom;

(b)

in-nuqqas ta’ perjodu adatt għall-konsultazzjoni tal-esperti, tal-partijiet interessati, tal-PE u tal-Kunsill, għajr f’każ ta’ emerġenza;

(c)

il-karattru fakultattiv tal-konsultazzjoni u tat-trażmissjoni tal-iskeda tal-laqgħat mal-esperti tal-PE u mal-partijiet interessati;

(d)

l-inkonsistenza u l-inkoerenza tal-informazzjoni rigward l-adozzjoni tal-atti delegati, għalhekk għandha tkun sistematika u awtomatika u permezz ta’ sit tal-Internet aġġornat f’ħin reali;

(e)

bħala prinċipju l-perjodu mhux konfermat tad-delega: il-KESE huwa tal-opinjoni li l-prinċipju jrid ikollu perjodu preċiż, li eventwalment jiġġedded għal perjodu identiku, għajr b’eċċezzjoni ta’ każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif xieraq.

1.8.

Il-KESE jixtieq li l-linji gwida jistipulaw biċ-ċar li d-delegazzjonijiet ikunu delimitati fid-dettall, jiġifieri:

(a)

objettivi identifikati;

(b)

kontenut speċifiku;

(c)

kamp ta’ applikazzjoni ċar;

(d)

perjodu strett u fiss.

1.9.

Il-KESE jqis li għandu jiġi kkonsultat għal opinjoni, bl-istess mod bħal fil-proċedura leġislattiva ordinarja, anki fejn jikkonċerna l-valutazzjonijiet tal-impatt u r-reviżjoni tal-atti delegati.

1.10.

Fl-aħħar nett, il-KESE jistqarr li l-abbozzar tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jista’ jittejjeb, u li fil-każ ta’ reviżjoni tat-trattati, iridu jiġu mtejba. L-applikazzjoni tagħhom trid issir b’mod aħjar sabiex jiġi evitat li d-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-istrument legali jkunu aktar politiċi milli tekniċi.

2.   Għaliex għandna bżonn opinjonijiet fuq inizjattiva proprja addizzjonali dwar atti ddelegati?

2.1.

Fl-2012, il-KESE kien awtorizza t-tħejjija ta’ rapport ta’ informazzjoni (1) dwar il-proċedura biex tiġi analizzata l-utilità tiegħu u biex jinsiltu konklużjonijiet dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ skrutinju għall-prevenzjoni jew il-korrezzjoni tal-abbuż tas-setgħa li jistgħu jaffettwaw ir-regoli demokratiċi tal-“Komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt” li hija l-Unjoni Ewropea.

2.2.

Wara dan ir-rapport u żewġ konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar tliet proposti għal regolament li jadattaw skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għadd ta’ atti legali li jipprevedu l-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (2), il-KESE kien adotta żewġ opinjonijiet (3) li jqisu l-kummenti u l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ informazzjoni tiegħu, inklużi “id-dubji dwar is-sempliċità tal-proċedura, jekk il-pubbliku Ewropew huwiex verament jifhem x’hemm involut, l-użu ‘korrett’ ta’ din il-proċedura u l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll”. Huwa rrakkomanda li dan l-istrument jintuża bi prudenza peress li “ċerti elementi ta’ delega għadhom mhumiex ċari”.

2.3.

Wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u l-ħatra ta’ kummissarji ġodda, li minnhom inħatar l-ewwel Viċi President responsabbli għat-titjib fir-regolamentazzjoni, ir-relazzjonijiet interistituzzjonali, l-Istat tad-dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jidher li huwa xieraq li jerġa’ jinfetaħ dan id-dossier, biex ikunu infurmati dwar l-intenzjonijiet ta’ atturi istituzzjonali ġodda, u fuq kollox li tittieħed pożizzjoni dwar l-innovazzjonijiet possibbli mmirati biex jiġu ggarantiti aħjar il-prinċipji ta’ trasparenza, iċ-ċertezza legali, il-kontroll demokratiku u l-bilanċ istituzzjonali. Din hija wkoll l-okkażjoni biex tiġġedded id-diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, is-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, biex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet ġodda lill-istituzzjonijiet tal-UE.

3.   Sitwazzjoni attwali

3.1.

Għaddew sentejn minn mindu r-rapport ta’ informazzjoni u ż-żewġ opinjonijiet imsemmija qabel ġew adottati. Sadanittant, il-proposti tal-Kummissjoni magħrufa bħala Omnibus 1 u Omnibus 3 ma ġewx segwiti. Il-Presidenza Griega, fir-rapport ta’ progress tagħha li ntbagħat lil Coreper fl-20 ta’ Ġunju 2014, ikkrikat il-karattru awtomatiku tal-proposti tagħha, għax jimpedixxu lil-leġislatur milli jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu każ b’każ. Il-Kunsill imbagħad uża l-veto tiegħu darbtejn, kontra r-regoli ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi regolati provdut mis-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita tal-Programm Galileo (4) u l-format ta’ trażmissjoni tad-data dwar ir-riċerka u l-iżvilupp (5).

3.2.

Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni attwali jipprevedi li l-Kummissjoni ttejjeb l-istrumenti tagħha għal regolazzjoni aħjar. L-għan kien li tiġi definita sensiela ta’ azzjonijiet għal regolamentazzjoni idonea u bi prestazzjoni tajba.

3.3.

Il-proposta għal Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid, li inizjalment kieneta previst għat-28 ta’ April 2015 iżda ġiet posposta għad-19 ta’ Mejju, tinkludi minn naħa l-parti tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Regolamentazzjoni Aħjar (6) u min-naħa l-oħra ż-żewġ annessi dwar il-kwistjoni ċentrali tas-sistema legali tal-atti delegati: il-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-atti delegati (Anness 1) u Tipi ta’ Klawżoli (Anness 2).

3.4.

Ftit żmien qabel il-pubblikazzjoni tal-Pakkett, kien għad fadal diverġenzi dwar ir-rilevanza tal-bażi legali tal-Artikolu 295 tat-TFUE. Madankollu, huwa ċar li l-“valutazzjonijiet tal-impatt” ser jissaħħu, bħall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati (stakeholders), u li l-konsultazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri ser issir obbligatorja qabel l-adozzjoni ta’ att delegat. L-intenzjoni kienet ukoll li l-atti delegati jiġu limitati għal oqsma ewlenin, għalkemm dan il-kunċett għadu mhux ċar ħafna. Jidher ukoll li s-Sur Timmermans huwa responsabbli mill-validazzjoni ta’ kwalunkwe atti delegati proposti.

3.5.

Skont diversi sorsi, il-PE baqa’ mgħarraq bi proposti għal atti delegati u la kellu l-mezzi u lanqas metodu biex ikun jista’ jeżerċita l-iskrutinju b’mod effikaċi. Kien qed jiġi eżaminat ristrutturar tas-servizzi tiegħu akkumpanjat minn linji gwida interni, kif ukoll l-allokazzjoni ta’ riżorsi umani addizzjonali.

3.6.

Fil-Kunsill, il-kwistjoni tad-delegazzjonijiet ta’ kompetenza u l-iskrutinju tagħhom kien jidher li qed tħasseb lil xi Stati Membri u kienet meqjusa bħala prijorità. Madankollu, jidher li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-ħtieġa ta’ aktar delimitazzjoni preċiża tal-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE. L-orjentazzjoni bażika tal-Kunsill tidher aktar lejn ir-riformulazzjoni tat-test ta’ Fehim Komuni, bi rwol rinfurzat għall-esperti nazzjonali li għandhom dejjem jiġu kkonsultati matul il-fażi preparatorja tal-atti delegati bi żmien biżżejjed minn qabel (konsultazzjoni ex ante). Ir-Rapport annwali tal-2015 tal-Presidenza tal-Kunsill dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt jinsisti sadanittant fuq il-ħtieġa li l-esperti nazzjonali jkunu jistgħu jiġu kkonsultati żmien twil qabel biżżejjed.

3.7.

Xi partijiet interessati jiddeploraw in-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedura ta’ delega. Kien jidher li huwa estremament diffiċli li jiġu identifikati l-interlokuturi rilevanti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, il-kumitati ta’ esperti tal-Kunsill, il-membri fi ħdan il-PE jew dawk l-uffiċjali responsabbli fl-aġenziji eżekuttivi tal-UE, u saħansitra anke impossibbli fil-każ ta’ esperti li jiltaqgħu f’kumitati tal-Kunsill, fejn il-kwistjonijiet trattati fil-qafas tal-proċedura ta’ delega għandhom impatt dirett fuq is-soċjetà ċivili organizzata, l-industrija, il-kummerċ il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Dawn il-partijiet interessati enfasizzaw ukoll in-nuqqas apparenti ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ ta’ dawk il-persuni dwar il-proċedura ta’ delega nnifisha u l-implikazzjonijiet tagħha, ta’ spiss ikkunsidrati bħala formalità proċedurali newtrali.

3.8.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tat is-sentenza tagħha dwar il-kunċett ta’ “elementi essenzjali” f’sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012 mill-Awla Manja (7), f’kawża bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fejn hija ddeċidiet li “l-adozzjoni tar-regoli essenzjali tal-qasam previst hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni” jiġifieri dawn ir-regoli bażiċi għandhom “jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni bażika u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega” (8).

3.8.1.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-komitoloġija huwa trasferibbli għall-proċedura ta’ delega, safejn l-Artikolu 290 tat-TFUE jirreferi għall-kunċett ta’ “elementi mhux essenzjali”. Dan jispjega wkoll li d-drittijiet fundamentali huma f’idejn il-leġislatur biss. Tgħid ukoll li d-distinzjoni bejn is-setgħat leġislattivi u dawk eżekuttivi għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

3.9.

Iktar reċenti, il-Qorti ddeċidiet dwar id-distinzjoni bejn l-att ta’ implimentazzjoni u l-att delegat f’sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014 mill-Awla Manja fl-hekk imsejħa kawża tal-bijoċidji, f’kawża li tressqet mill-Kummissjoni kontra l-PE u lill-Kunsill (9). Hija kkunsidrat li l-att delegat inkwistjoni jirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni adottat “regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku” filwaqt li l-att ta’ implimentazzjoni “jippreċiża il-kontenut ta’ att leġiżlattiv sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha”.

3.9.1.

Din tispeċifika wkoll li l-att delegat jista’ jemenda u jikkompleta l-att bażiku, filwaqt li l-att ta’ implimentazzjoni jista’ biss jikkonferma dan (10). Huwa ta’ dispjaċir li l-Qorti ma eżaminatx f’aktar dettall ir-raġunament tagħha, kif ġie ssuġġerit fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, fir-rigward tar-rabta bejn l-att delegat u l-eżerċizzju tas-setgħa politika (11).

3.10.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għamlet rikors il-Qorti nhar il-21 ta’ Frar 2014 (12), għat-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1289/2013 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa.

3.11.

Ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni ifittex l-annullament ta’ dak ir-Regolament li jipprovdi r-rikors għall-atti delegati fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità li stabbilixxiet. L-avukat ġenerali Mengozzi preżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis-7 ta’ Mejju 2015.

3.12.

Fl-analizzi tal-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lil-leġislatur għas-sentenza dwar “il-Bijoċidali”, huwa jfakkar li dan igawdi minn setgħa diskrezzjonali politika sħiħa, li mhix soġġetta għal stħarriġ ġuridiku, fir-rigward tal-għażla li tingħata jew ma tingħatax delega leġislattiva u li l-għażla politika ma tista’ fl-ebda każ tkun soġġetta għad-delega. Huwa mbagħad jispeċifika li r-rikors għad-delega mhuwiex obbligu, iżda huwa strument maħsub biex jiffaċilita u jħaffef l-eżerċizzju normattiv dwar l-aspetti “mhux essenzjali” tal-leġislazzjoni bażi.

3.13.

Huwa jinterpreta wkoll il-kunċett ta’ “modifika” (13) bħala kwalunkwe bidla li tħassar, iżżid jew tissostitwixxi kwalunkwe parti, u jikkunsidra li “l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva hija ddelegata hija kkaratterizzata minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li ma hijiex karatteristika li l-funzjoni Eżekuttiva” (14), u jenfasizza d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett u l-konsegwenzi tiegħu fir-rigward tal-bilanċ istituzzjonali.

Safejn jikkonċerna t-tilwim, wara analiżi bir-reqqa tar-regolament inkwistjoni, huwa ddeċieda li rrifjuta l-konklużjonijiet għall-annullament ippreżentati mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni tal-Qorti mistennija fis-16 ta’ Lulju 2015.

4.   Il-proposta ta’ ftehim interistituzzjonali ġdid u s-seduta pubblika tas-26 ta’ Mejju 2015 fil-KESE

4.1.

Il-kwistjoni tal-atti delegati hija waħda mill-aktar importanti tal-pakkett ta’ regolamentazzjoni aħjar li tinkludi l-aġenda tal-Kummissjoni (15) fil-punt 3.3 tiegħu dwar il-“Better Regulation Guidelines”  (16) tat-“Toolbox”  (17) u tar-“Regulatory Fitness and Performance Programme (REFIT)”  (18) u, naturalment, il-proposta ta’ ftehim interistituzzjonali ġdid (IIA)”.

4.2.

Il-KESE kien diġà kkundanna:

a.

in-nuqqas ta’ preċiżjoni tan-natura legali preċiża tal-atti delegati; l-ambigwità tal-kunċett ta’ “miżuri mhux essenzjali” fejn l-interpretazzjoni mill-Qorti tvarja skont l-oqsma kkonċernati; u l-flessibbiltà estensiva li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tad-delegi.

b.

in-nuqqas ta’ trasparenza, l-inċertezza legali u sorveljanza politika insuffiċjenti tal-konsultazzjoni minn qabel li tirriżulta f’dokument li mhuwiex legalment vinkolanti, bl-isem ta’ “Common Understanding on practical arrangements for the use of delegated acts” tal-4 ta’ April 2011;

c.

il-fatt li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE ma kinitx prevista ħlief f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2009, li mhix legalment vinkolanti.

4.3.

Il-KESE esprima tħassib u dubji serji dwar:

a.

id-delegazzjonijiet ta’ perjodu indeterminat;

b.

skadenzi qosra ħafna għall-iskrutinju mill-PE u l-Kunsill;

c.

il-parteċipazzjoni effettiva tal-PE;

d.

in-nuqqas ta’ razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri;

e.

in-nuqqas ta’ informazzjoni, minkejja d-diskors tal-Kummissjoni, fir-rigward tad-delega u r-rilevanza tal-miżuri meħuda, fl-istadji kollha tal-proċedura;

f.

in-nuqqas ta’ aċċess sħiħ għall-informazzjoni għaċ-ċittadini u għas-soċjetà ċivili;

g.

l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 10 tat-TUE li jistipula li d-deċiżjonijiet ittieħdu eqreb għaċ-ċittadini.

4.4.

Fil-fatt, it-tħassib ewlieni tal-Kummissjoni kien ta’ bilanċ xieraq bejn il-prinċipji li huma “l-istat tad-dritt, il-parteċipazzjoni demokratika, it-trasparenza, il-prossimità maċ-ċittadini u d-dritt għal informazzjoni dwar il-proċedura leġiżlattiva u s-simplifikazzjoni leġiżlattiva, regoli aktar flessibbli u adatti aħjar għall-interessi inkwistjoni, u li r-reviżjoni tagħha hija ssimplifikata, min-naħa l-oħra.

4.5.

Il-KESE minn dejjem ikkunsidra li d-delegi tal-kompetenzi huma meħtieġa għall-finijiet tal-liġi tal-UE, iżda li dawn ivarjaw fl-Istati Membri, b’kont meħud ta’ ispeċifiċitajiet u lakuni li jridu jiġu indirizzati, fin-nuqqas ta’ kostituzzjoni Ewropea.

4.6.

Huwa qal ukoll li l-bażi tal-valuri essenzjali tiegħu għall-elaborazzjoni tal-liġi jinsabu b’mod partikolari fi:

a.

l-Artikoli 4 u 5 tat-TUE u l-Artikoli 2, 3 u 4 tat-TFUE dwar l-għoti u l-iskambju tal-kompetenzi tal-UE u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

b.

l-Artikolu 10 tat-TUE dwar id-dritt ta’ kull ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja demokratika, u skont liema d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu “b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib tagħhom”;

c.

l-Artikolu 11 tat-TUE, li l-KESE ddedika opinjonijiet għalih u “pjan direzzjonali” dwar id-djalogu ċivili, it-trasparenza u “l-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati”;

d.

l-Artikolu 15(1) tat-TFUE dwar il-prinċipji ta’ tmexxija tajba, ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili b’mod kemm jista’ jkun miftuħ.

e.

l-Artikolu 298 tat-TFUE li jobbliga lill-istituzzjonijiet Ewropej ikollhom l-appoġġ “ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti.”

4.7.

Is-seduta pubblika tal-KESE, prevista ħafna qabel il-pubblikazzjoni tal-Pakkett “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”, saret fis-26 ta’ Mejju, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, tal-PE, tal-Medjatur Ewropew, tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data, u ta’ intervenjent tal-Kulleġġ tal-Ewropa, quddiem pubbliku kompost minn rappreżentazzjonijiet permanenti tal-Istati Membri, akkademiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (BEUC, EMI, EIM, IGT, GIZ, eċċ.).

5.   Evalwazzjoni kritika dwar il-proposta tal-Kummissjoni

5.1.

Il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni kienet segwiet il-biċċa l-kbira tal-prinċipji li diġà ġew diskussi.

5.1.1.

Fuq kollox, huwa japprova li l-proposta għandha bħala l-bażi legali tagħha l-Artikolu 295 tat-TFUE, kif ilu jitlob. Huwa jilqa’ r-referenzi għall-“metodu Komunitarju”, għall-prinċipji ta’ trasparenza, tal-leġittimità demokratika, tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità, taċ-ċertezza legali. Huwa jinsab sodisfatt ukoll li l-Kummissjoni tindika li s-sempliċità, iċ-ċarezza u l-koerenza iggwidawha fit-tnaqqis tat-testi leġislattivi.

5.1.2.

It-tennija tar-“rwol u r-responsabbiltà tal-Parlamenti nazzjonali” msemmija fil-protokoll Nru 2 dwar “l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità” hija pożittiva wkoll. Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom skadenza suffiċjenti biex jieħdu deċiżjoni.

5.1.3.

Huwa japprova “l-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, l-evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi ġodda”.

5.1.4.

Fl-aħħar nett, huwa jaderixxi għall-għanijiet “tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u t-tnaqqis tal-piż regolatorju mingħajr preġudizzju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni jew biex tiġi protetta l-integrità tas-suq uniku”.

5.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni timpenja ruħha, li tikkonsulta l-esperti tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni tal-atti delegati, u gruppi ta’ esperti, il-partijiet interessati u l-pubbliku, fejn meħtieġ, fi stadju bikri tat-tfassil tal-proġetti tal-atti ta’ implimentazzjoni.

5.3.

B’mod aktar speċifiku tal-Fehim Komuni bejn it-tliet Istituzzjonijiet dwar l-Atti Delegati (l-Anness 1), il-KESE ngħaqad mal-Kummissjoni b’mod partikolari rigward:

a.

id-definizzjoni tal-“att ta’ applikazzjoni ġenerali” bħala dak li “japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u jipproduċu effetti legali, jew fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew f’termini ġenerali” u d-dikjarazzjoni li “att leġiżlattiv jista’ jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali permezz ta’ atti delegati biss”;

b.

il-fatt li “atti leġiżlattivi jistgħu jiġu emendati biss permezz ta’ atti leġiżlattivi jew delegati”, din ir-regola tapplika bl-istess mod għall-“emendi tal-annessi ta’ atti leġiżlattivi”;

c.

il-fatt li “l-elementi essenzjali tal-leġiżlazzjoni jridu jiġu ddeterminati mil-leġiżlatur u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ att delegat jew ta’ implimentazzjoni”;

d.

l-isforz tagħha li tipproponi approċċ ġdid għall-konsultazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u tal-PE, kif ukoll tal-partijiet interessati tagħha.

5.4.

Madankollu, il-KESE ma jaqbilx kompletament mal-approċċ każwistiku rigward id-distinzjoni fi kwistjonijiet li jridu jkunu s-suġġett ta’ atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni, minħabba li l-kriterji użati huma ambigwi u jistgħu jagħtu lok għal diversi interpretazzjonijiet. Huwa jixtieq sforz ta’ kunċettwalizzazzjoni u li l-Fehim jistabbilixxi regoli ċari skont liema:

a.

ir-rikors għall-atti delegati jrid ikun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola;

b.

f’każ ta’ dubju dwar il-karattru essenzjali tal-elementi inkwistjoni, jew ta’ żona “griża”, il-Kummissjoni għandha toqgħod lura milli tipproponi atti delegati u għandha tilleġisla fl-att leġislattiv innifsu;

c.

fil-każ ta’ dubju dwar in-natura tal-miżura li għandha tittieħed, preferibbilment il-Kummissjoni trid tadotta atti ta’ implimentazzjoni aktar milli atti delegati.

5.5.

Il-KESE ma jaqbilx lanqas mal-proposta tal-Kummissjoni dwar:

a.

in-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-esperti mogħtija mill-Istati Membri u dwar il-kompetenzi tekniċi tagħhom;

b.

in-nuqqas ta’ perjodu minimu li għalih id-dokument jiġu fornuti lill-esperti u lill-partijiet interessati, mibgħuta lill-PE u lill-Kunsill, għajr f’każ ta’ emerġenza;

c.

il-karattru fakultattiv tal-istedina lill-esperti tal-PE, tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u tat-trażmissjoni tal-iskeda tal-laqgħat mal-esperti;

d.

l-inkonsistenza u l-inkoerenza tal-informazzjoni rigward l-atti delegati previsti: għandha tkun sistematika, permanenti u awtomatika (sit tal-Internet aġġornat awtomatikament fejn kulħadd jista’ jaċċessa minnufih l-istadji tat-tfassil tal-atti delegati u l-kontenut tagħhom);

e.

il-prinċipju tal-perjodu indeterminat tad-delega: il-KESE huwa tal-opinjoni li l-prinċipju jrid ikollu perjodu preċiż, li eventwalment jiġġedded għal perjodu identiku, għajr b’eċċezzjoni ta’ każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif xieraq.

5.6.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE jibża’ li l-użu bla qies tal-mezzi ta’ konsultazzjoni, ta’ studji ex ante u ex post u ta’ laqgħat mal-esperti jtawwlu t-tħejjija tal-atti b’mod eċċessiv u inutli.

5.7.

Il-KESE jaqbel mal-fehma li ssemmiet waqt is-seduta pubblika tas-26 ta’ Mejju 2015, li l-abbozzar tal-Artikoli 290 u 291 tista’ tittejjeb u, f’każ ta’ reviżjoni futura tat-Trattati, għandhom jiġu abbozzati b’mod aktar ċar u inqas ambigwu. L-applikazzjoni tagħhom trid issir b’mod aħjar fis-sistema leġislattiva tal-UE, sabiex jiġi evitat li d-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-istrument legali jkunu aktar politiċi milli tekniċi.

5.8.

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li jkun hemm linji gwida li jindikaw espliċitament lill-mezzi kollha li d-delegi previsti fl-atti leġislattivi jridu jkunu definiti strettament, jiġifieri:

a.

objettivi identifikati;

b.

kontenut speċifiku;

c.

kamp ta’ applikazzjoni ċar;

d.

perjodu strett u fiss.

5.9.

Il-KESE jemmen ukoll li għandu jiġi kkonsultat ukoll għal opinjoni fil-proċedura ta’ delega, bl-istess mod bħal għall-atti leġislattivi, kif ukoll għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-emenda possibbli tal-atti delegati, b’kunsiderazzjoni tar-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali.

5.10.

Wara li qies il-konklużjonijiet tas-seduta pubblika, il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet iridu jiggarantixxu liċ-ċittadini l-aċċess għal kull stadju tax-xogħol ta’ tħejjija u li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għall-proċessi kollha.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  CES 248/2013.

(2)  COM(2013) 451, 452 u 751 final:

(3)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 104, u ĠU C 177, 11.6.2014, p. 48.

(4)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-17336-2013-INIT/mt/pdf

(5)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15147-2014-INIT/mt/pdf

(6)  COM(2015) 216 final.

(7)  Il-Każ C-355/10, Il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2012, paragrafi 26-28, 39, 65-68.

(8)  Punt 64 tas-sentenza.

(9)  Il-Każ C-427/12, il-Kummissjoni vs il-Parlament Ewropew, tat-18 ta’ Marzu 2014, fl-hekk imsejħa kawża “tal-bijoċidji”.

(10)  Punt 40 tas-sentenza.

(11)  Il-paragrafu 75 u ta’ wara dan ta’ din l-opinjoni.

(12)  ĠU C 135, 5.5.2014, p. 24. Azzjoni mressqa fil-21 ta’ Frar 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Każ C-88/14.

(13)  Punt 38 tal-konklużjonijiet.

(14)  Punt 45 tal-konklużjonijiet.

(15)  COM(2015) 215 final.

(16)  SWD(2015) 111 final.

(17)  http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/docs/br_toolbox_en.pdf

(18)  SWD(2015) 110 final.