15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/2


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-esperjenzi tas-Small Business Act fl-Istati Uniti u fl-UE: l-aħjar prattiki għal azzjonijiet innovattivi mill-SMEs”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 013/02)

Relatur:

is-Sur Ullrich SCHRÖDER

Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni dwar:

“L-esperjenzi tas-Small Business Act fl-Istati Uniti u l-UE: l-aħjar prattiki għal azzjonijiet innovattivi mill-SMEs ” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ Lulju 2015.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’207 voti favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fl-UE hemm madwar 21 miljun SME, li jimpjegaw kważi 90 miljun persuna u jiġġeneraw aktar minn EUR 3 600 triljun f’valur miżjud. Fi kliem ieħor, 99 % tan-negozji kollha huma SMEs, li jimpjegaw tnejn minn kull tliet persuni u jiġġeneraw 58 % tal-valur miżjud. Għaldaqstant, huwa meħtieġ Small Business Act b’saħħtu.

Il-KESE jixtieq jagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar xi punti importanti importanti fir-rigward tar-reviżjoni tal-SBA (Small Business Act) fl-UE, abbażi tal-esperjenzi tal-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar (Small Business Administration) fl-Istati Uniti tal-Amerika (li għandha l-istess akronimu, iżda approċċ kompletament differenti).

1.1.    Ir-rieżami tal-SBA huwa neċessarju

Il-Kummissjoni Ewropea indikat li għandha l-ħsieb li tippubblika rieżami fl-ewwel nofs tal-2015, iżda issa pposponietu. Peress li hemm oqsma importanti ta’ titjib possibbli (ara iktar ‘l isfel), il-komunità tal-SMEs tistenna rieżami wara s-seduti; minħabba l-importanza vitali tal-SMEs, ir-rieżami għandu jiġi ppubblikat malajr kemm jista’ jkun.

1.2.    Il-pożizzjoni legali u l-infurzar

L-SBA għandu jiġi aġġornat għal forma aktar vinkolanti, b’approċċ aktar ambizzjuż. Dan intalab ukoll mill-KESE fl-2008 u l-2011, iżda ma ġiex implimentat mill-Kummissjoni Ewropea.

Għandha tintroduċi aktar mekkaniżmi legali fejn dan ikun adatt, pereżempju rigward l-akkwist, “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, valutazzjonijiet tal-impatt u testijiet tal-SMEs. Dan għandu jiġi applikat kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak tal-Istati Membri, u se jinvolvi rwol aktar sostanzjali għall-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Il-prinċipji “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u “Darba Biss” jeħtieġ li jiġu inklużi fil-Ftehim interistituzzjonali tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar regolamentazzjoni aħjar.

1.3.    Il-pożizzjoni politika

Fl-UE, l-SBA għandu pożizzjoni politika iktar baxxa milli fl-Istati Uniti. Bil-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni fl-UE, il-KESE jirrakkomanda li:

fil-livell tal-UE jiġi organizzat Kunsill tal-Kompetittività għall-SMEs u l-SBA darba fis-sena, kif irrakkomanda l-KESE fl-opinjoni tiegħu tal-2011 (1);

il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir, fi ħdan il-Kunsill, għandu jirrevedi l-progress milħuq fl-azzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-SBA u jirrifletti dwar miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE. Ir-riżultati għandhom jitressqu lill-Kunsill tal-Kompetittività għall-SMEs u l-SBA;

in-Netwerk ta’ Rappreżentanti Ewropej tal-SMEs jiġi aġġornat billi l-livell ta’ parteċipanti jittella’ għad-diretturi ġenerali tal-Ministeri tal-Ekonomija. Dan jiżgura koordinazzjoni iktar b’saħħitha u aħjar bejn l-UE u l-Istati Membri.

1.4.    Il-governanza u l-effiċjenza

1.4.1.

Għandu jiġi introdott rapport annwali tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-SBA u għandu jinkludi wkoll rapport ibbażat fuq data dwar il-ġestjoni tal-SBA mill-Kummissjoni u dwar il-funzjonament ta’ programmi individwali.

1.4.2.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha tiġi mħeġġa tippubblika rapporti regolari dwar il-funzjonament ta’ programmi u miżuri rilevanti tal-SMEs, fuq il-passi tal-“Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva” estern fl-Istati Uniti fir-rigward tal-SBA tal-Istati Uniti. Uffiċċju indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni għandu jittratta l-governanza interna, fuq il-passi tal-“Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali” fi ħdan l-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar tal-Istati Uniti.

1.4.3.

L-SBA mhux se jirnexxi jekk ma tiġix stabbilita sħubija ta’ governanza b’diversi partijiet interessati (ma’ msieħba soċjali u partijiet interessati pubbliċi u privati). Għaldaqstant, il-Grupp ta’ Konsulenza dwar l-SBA (ara 4.3.4) li kellu jiġi stabbilit fl-2011, iżda li qatt ma twaqqaf, jeħtieġ li jsir operattiv u jiġi kkonsultat fl-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni.

1.4.4.

Is-sistema tal-pjani nazzjonali u lokali ta’ implimentazzjoni tal-SBA (ara 4.3.3) għandha titejjeb u tiġi kkomplementata bl-użu ta’ tabelli ta’ valutazzjoni.

L-użu ta’ miri

Huwa rrakkomandat li jsir iktar użu ta’ miri indikattivi sabiex jiżdied l-involviment tal-SME fl-akkwist pubbliku, u ta’ miri vinkolanti fir-rigward tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp (kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali). Bl-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ miri, il-livelli għandhom jogħlew matul is-snin.

Konferenza Annwali ta’ Partijiet Interessati tan-Negozji Żgħar

Fl-Istati Uniti u l-UE, hemm għarfien u esperjenza konsiderevoli dwar il-politiki u l-programmi għall-SMEs, iżda ma tiġi ġietorganizzata ebda diskussjoni strutturali u regolari li tinkludi l-partijiet interessati. Konferenza annwali dwar dan, li talterna bejn l-Istati Uniti u l-UE, ibbażata fuq l-aħjar eżempji, tista’ tkun utli. Din għandha tinkludi partijiet interessati rilevanti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku: politikanti u amministrazzjonijiet, in-Netwerk ta’ Rappreżentanti tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet tan-negozji żgħar. Minħabba l-baġits limitati tal-organizzazzjonijiet tan-negozji żgħar, il-parteċipazzjoni għandha tiġi kkumpensata. Kull sena, flimkien mad-diskussjonijiet ġenerali, jista’ jiġi diskuss suġġett speċjali: finanzi, innovazzjoni, kummerċ, (inkluż it-TTIP), l-intraprenditorji fost in-nisa, eċċ.

2.   Introduzzjoni u għanijiet tal-opinjoni

2.1.

Għan: li jsir paragun tal-appoċċi u l-azzjonijiet ġenerali għall-SMEs fir-rigward taż-żewġ SBAs: l-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar fl-Istati Uniti u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tal-UE.

L-ambjent politiku u kummerċjali fl-Istati Uniti u fl-UE huma differenti ħafna u fiż-żewġ reġjuni hemm ħafna miżuri tal-SMEs fil-livell nazzjonali u lokali minbarra l-miżuri tal-SBA (2).

2.2.

Il-konklużjonijiet ta’ din l-opinjoni (ara l-Kapitolu 1) għaldaqstant ma jipparagunawx il-programmi speċifiċi taż-żewġ SBAs iżda jiffokaw fuq it-titjib possibbli fir-rigward tal-pożizzjoni legali u politika, il-governanza u l-użu ta’ miri mill-SBA tal-UE.

3.   L-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar fl-Istati Uniti tal-Amerika (SBA)

3.1.

L-Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar fl-Istati Uniti hija aġenzija indipendenti tal-gvern li tipprovdi appoġġ federali għal negozji żgħar. Din inħolqot mill-President Eisenhower fl-1953, wara l-adozzjoni tal-Att dwar in-Negozji Żgħar. Il-missjoni tagħha hija li tagħti pariri, tgħin u tħares l-interessi tan-negozji żgħar Il-baġit tagħha fl-2013 kien madwar USD 1 biljun (eskluż il-baġit għal attivitajiet mhux tal-intrapriżi). Xi miżuri huma legalment vinkolanti. L-SBA għandha uffiċċji f’kull Stat tal-Istati Uniti u 1 000 ċentru lokali. Il-President Obama tella’ lid-Direttur Ġenerali tal-SBA fil-Kabinett tiegħu.

3.2.

L-SBA għandha definizzjoni kumplessa ta’ negozju żgħir, bħala negozju bażikament indipendenti, imħaddem u organizzat għal profitt. Skont l-industrija, il-prodott jew is-servizz, id-daqs standard huwa bbażat fuq in-numru ta’ impjegati jew fuq il-volum ta’ bejgħ. Meta jitqies in-numru ta’ impjegati, in-numru massimu jvarja bejn 100 u 1 500.

3.3.

Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-programmi tal-SBA tal-Istati Uniti (3)

3.3.1.

Il-finanzi: self u kapital ta’ riskju

3.3.1.1.

L-SBA tipprovdi garanziji għal negozji żgħar li ma jistgħux jiksbu kreditu band’oħra. B’mod ġenerali dan is-self jingħata mill-imsieħba tal-SBA (banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra) u huwa ggarantit mill-SBA.

Il-Programm Microloan jimmira negozji ġodda u fi stadju bikri fi swieq li mhumiex moqdijin tajjeb. Is-self fi żmien qasir ħafna għandu l-għan li jipprovdi rispons fi żmien 36 siegħa. Id-Disaster Loan Programme (Programm ta’ Self għal Diżastri) jipprovdi self lil intrapriżi żgħar milquta minn diżastri ġenerali fi żmien 45 jum.

3.3.1.2.

Is-Small Business Investment Company (SBIC) (Kumpanija tal-Investiment għan-Negozji Żgħar) isaħħaħ l-aċċess tan-negozji żgħar għall-kapital ta’ riskju.

3.3.2.

Il-Programmi ta’ Kuntrattar ta’ Negozji Żgħar

3.3.2.1.

Diversi programmi ta’ kuntrattar jippermettu li negozji żgħar (ta’ persuni żvantaġġjati jew f’żoni mhux utilizzati biżżejjed) jikkompetu biss ma’ intrapriżi simili għal kuntratti tal-gvern importanti.

Il-miri annwali kumplessivi ta’ parteċipazzjoni tal-gvern huma stabbiliti għal kuntratti ta’ akkwist federali mogħtija lil negozji żgħar b’miri sekondarji differenzjati għal dipartimenti u aġenziji individwali. Il-mira kumplessiva issa hija mill-inqas 23 % tal-valur totali ta’ kuntratti federali ewlenin. Fl-UE, hija ogħla f’29 %, iżda din tkopri wkoll kuntratti minn awtoritajiet reġjonali u lokali. Il-mira tal-Istati Uniti tista’ tiżdied fil-futur.

3.3.3.

Il-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp: strateġija biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs biż-żieda fil-miri

3.3.3.1.

Il-programm Small Business Innovation Research (SBIR) (Programm tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar) iżid il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi żgħar b’teknoloġija għolja fir-riċerka u l-iżvilupp federali f’dipartimenti federali b’baġit għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ mill-inqas USD 100 miljun. Perċentwal tal-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp irid jintuża għall-parteċipazzjoni ta’ negozji żgħar: dan beda b’ 0,2 % fl-1983 u żdied b’mod stabbli għal 2,7 % sal-2013 (mira ġdida ta’ 3,2 % fl-2017).

3.3.3.2.

Il-programm Small Business Technology Transfer (STTR) (Programm għat-trasferiment tat-Teknoloġija tan-Negozji ż-Żgħar) jipprovdi fondi għar-riċerka federali konġunta bejn negozju żgħir u organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ: 0,35 % fl-2013, li telgħet għal 0,45 % fl-2016.

3.3.4.

Il-Programmi ta’ Żvilupp Intraprenditorjali

Dawn jipprovdu taħriġ lin-negozji żgħar f’1 000 ċentru. SCORE jgħaqqad 50 organizzazzjoni indipendenti mingħajr skop ta’ qligħ bi 13 000 volontier.

3.3.5.

L-Uffiċċju tal-Kummerċ Internazzjonali

Dan jipprovdi assistenza għall-esportazzjoni u l-attivitajiet tiegħu jinkludu self fi żmien qasir (fi żmien 36 siegħa) u għotjiet għall-parteċipazzjoni f’fieri barra l-pajjiż, dokumentazzjoni u materjali awdjoviżivi.

3.3.6.

Uffiċċji Speċjali

L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali: il-missjoni tiegħu hi li jtejjeb il-ġestjoni u l-effettività tal-SBA, biex jiġġieled il-frodi fil-programmi u biex jirrevedi l-leġislazzjoni eżistenti jew proposta. Huwa uffiċċju indipendenti fi ħdan l-SBA immexxi mill-Ispettur Ġenerali.

L-Uffiċċju tal-Avukatura: dan iservi bħala leħen indipendenti għan-negozji ż-żgħar fi ħdan il-gvern federali. Il-missjoni tiegħu hija li jinkoraġġixxi politiki li jappoġġjaw lin-negozji ż-żgħar billi jintervjenu fil-proċessi regolatorji tal-aġenziji federali u jirriċerka dwar l-impatt tar-regolamenti federali.

4.   L-iżvilupp fl-UE – minn Karta għall-Intrapriżi ż-Żgħar għal Small Business Act  (4)

4.1.    Il-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar – 2000

Din il-Karta ġiet adottata mill-mexxejja tal-UE fl-2000. Din kienet tirrappreżenta l-impenn mill-Istati Membri biex itejbu l-ambjent tan-negozju għall-intrapriżi ż-żgħar fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, mingħajr obbligu legali. Il-Karta kienet speċifikament maħsuba għal intrapriżi żgħar b’inqas minn 50 impjegat.

4.2.    L-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” tal-UE (SBA-UE) – 2008

4.2.1.

Il-Kummissjoni studjat l-approċċ tal-SBA fl-Istati Uniti, u ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir, Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” fl-2008 (5), bi grupp fil-mira usa’ (SMEs b’anqas minn 250 impjegat).

Ġew proposti numru limitat biss ta’ proposti leġislattivi ġodda.

Il-biċċa l-kbira tal-SBA tikkonċerna qafas ta’ politika ġdid, li jintegra politiki eżistenti dwar l-intrapriża u jibni fuq il-Karta għall-Intrapriżi ż-Żgħar.

4.2.2.

Ġew introdotti għaxar prinċipji għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-SMEs fil-livell tal-UE u dak nazzjonali fir-rigward ta’: l-ambjent tan-negozju, l-intraprenditorja, “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, l-akkwist pubbliku, perjodi ta’ pagament iqsar, Suq Uniku aħjar, ħiliet u innovazzjoni.

4.2.3.

Fl-2008 il-KESE (6) ppropona SBA aktar ambizzjuż. Din tirreferi għall-SBA tal-Istati Uniti.

4.2.4.

Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-Kumitat kienu jinkludu:

strument legali vinkolanti li jirregola l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”;

jitwaqqaf Kumitat tal-SBA, bl-involviment tal-Istati Membri u assoċjazzjonijiet tan-negozju rappreżentattivi Ewropej;

jinħatar rappreżentant nazzjonali tal-SMEs f’kull Stat Membru.

Sfortunatament, l-ewwel żewġ rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati mill-Kummissjoni Ewropea.

4.3.    Reviżjoni tas-Small Business Act tal-UE (2011)

4.3.1.

Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” (7). Il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm progress, iżda jeħtieġ li jsir iktar.

4.3.2.

Rigward l-iżviluppi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni hija inqas pożittiva dwar:

it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-implimentazzjoni tat-testijiet nazzjonali tal-SMEs;

il-promozzjoni tal-Kodiċi Ewropew tal-Aħjar Prattiki;

is-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-falliment.

4.3.3.

Ir-Reviżjoni tal-SBA ipproponiet azzjonijiet li jindirizzaw il-kriżi ekonomika fl-oqsma li ġejjin: regolamentazzjonijiet, finanzjament, aċċess għas-suq, intraprenditorija, ħolqien tal-impjiegi u tkabbir inklużiv (inklużi l-intraprenditorija fost in-nisa u Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali).

4.3.4.

It-titjib strateġiku jinvolvi t-tisħiħ tal-governanza:

Il-Kummissjoni se tkompli toħroġ rapporti annwali ġenerali dwar l-Istati Membri individwali f’konformità mal-Istrateġija tal-UE2020; il-progress fl-SBA huwa inkluż f’dan l-eżerċizzju.

Il-Grupp ta’ Konsulenza dwar l-SBA li kellu jitwaqqaf fl-2011, iżda li qatt ma twaqqaf, jeħtieġ isir operattiv u għandu jiġi kkonsultat fl-istadju ta’ qabel id-deċiżjoni.

Ġie introdott in-Netwerk ta’ Rappreżentanti tal-SMEs, li jinkludi l-Mibgħut tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti nazzjonali għall-SMEs. Dan għandu jistabbilixxi rabta diretta bejn il-Kummissjoni, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tan-negozju.

L-introduzzjoni ta’ pjani ta’ implimentazzjoni tal-SBA nazzjonali, appoġġjati minn mekkaniżmu robust ta’ monitoraġġ u f’koordinazzjoni ma’ Stati Membri u organizzazzjonijiet tan-negozju. (Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li dan mhux qed jiġi implimentat bl-aktar mod effiċjenti possibbli).

4.3.5.

Fl-2011 (8), il-KESE rrikonoxxa li ngħatat attenzjoni akbar għall-SMEs.

Il-konklużjonijiet prinċipali tal-Kumitat kienu jinkludu:

Il-Kumitat iqis li l-SBA għandu jkollu forma aktar vinkolanti.

L-SBA mhux se jirnexxi jekk ma tiġix stabbilita sħubija ta’ governanza b’diversi partijiet interessati (ma’ msieħba soċjali u partijiet interessati pubbliċi u privati).

Ma tingħatax attenzjoni għar-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet intermedjarji mis-settur pubbliku u privat billi jipprovdu servizzi mfassla apposta.

Il-KESE jitlob lill-Kunsill biex iwaqqaf Kunsill speċjali annwali għall-Kompetittività għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-SBA.

Il-KESE jiddispjaċih li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati mill-Kummissjoni Ewropea.

4.4.    Konsultazzjoni pubblika dwar l-SBA – 2014

4.4.1.

F’Settembru 2014, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar kif l-SBA għandu jiġi rivedut, bit-titolu “Politika b’saħħitha biex tappoġġa l-SMEs u l-intraprendituri 2015-2020”.

4.4.2.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-SBA ma ġiex implimentat bis-sħiħ f’bosta Stati Membri.

L-oqsma ta’ prijorità proposti huma:

it-tnaqqis tal-piż amministrattiv;

l-aċċess għall-finanzjament u s-swieq;

il-potenzjal intraprenditorjali u tal-innovazzjoni;

ir-rinfurzar tal-iżvilupp tal-ħiliet (ġdid).

4.4.3.

F’April 2015, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar ir-riżultati. Proposta għal SBA rivedut kienet ippjanata oriġinarjament għall-ewwel nofs tal-2015, iżda issa ġiet posposta sal-2016. L-organizzazzjonijiet tan-negozju Ewropej indikaw d-diżappunt tagħhom dwar dan il-posponiment u talbu li tittieħed azzjoni fl-2015.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(2)  Paragun usa’ tal-miżuri tal-SME jkun kumpless wisq għal din l-opinjoni.

(3)  Din hija ħarsa ġenerali wiesgħa ta’ attivitajiet interessanti. Għal aktar dettalji ara www.sba.gov jew ir-rapport tal-2013 tal-Kungress tal-Istati Uniti “Small Business Administration, A Primer on Programmes” (Amministrazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar, Introduzzjoni dwar il-Programmi) fuq www.crs.gov. Ħarsa ġenerali lejn il-programmi tal-SBA tinsab fir-rapport “Entrepreneurial Assistance” tal-Uffiċċju tar-Responsabbiltà Governattiva f’GAO-12-819 disponibbli minn www.gao.gov.

(4)  Hawn taħt hawn stabbilit sommarju li jirrigwarda l-iżviluppi fl-SBA. Għal ħarsa ġenerali iktar dettaljata, ara d-dokument ta’ sfond disponibbli fuq il-websajt tal-KESE.

(5)  COM(2008) 394 final.

(6)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

(7)  COM(2011) 78 final.

(8)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.