17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 383/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju”

(opinjoni fuq inizjttiva proprja)

(2015/C 383/07)

Relatur:

is-Sinjura An LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2015.

Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’57 vot favur, 22 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex jivvalidaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG – Sustainable Development Goals) konklużi billi jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti.

1.2.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex jipproteġu bil-qawwa l-investimenti pubbliċi meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-UE biex iwettqu l-implimentazzjoni bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u t-territorji fil-livell lokali, kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini.

1.4.

Il-Kumitat jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin u Relazzjonijiet Internazzjonali tas-26 ta’ Mejju 2015 u tar-rapport annwali tal-2015 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impenji u r-riżultati tal-UE u tal-Istati Membri għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

1.5.

Jiddispjaċih, madankollu, li l-UE tistipola l-2030 biex tintlaħaq il-mira ta’ 0,7 % tal-PDG (1).

1.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-intenzjoni tal-UE biex issaħħaħ l-aspetti mhux finanzjarji (ratifika ta’ strumenti legali internazzjonali, il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja).

1.7.

Huwa jħeġġiġha biex tippreżenta pożizzjoni koerenti bejn l-interessi tal-kummerċ bilaterali, plurilaterali u multilaterali u l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli sabiex tiġi ppreservata l-kredibilità tal-objettivi fir-rigward tal-għajnuna Ewropea.

1.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda l-estensjoni tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet Ewropej għal taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, li għalih huwa ġie mistieden jipparteċipa u li huwa kkontribwixxa biex jitwaqqaf (2), kif ukoll il-programmi ta’ azzjoni fil-qasam.

1.9.

Il-Kumitat jitlob li r-rakkomandazzjonijiet jiġu inklużi fil-programm tal-UE u fil-politika tal-viċinat tagħha: koerenza bejn il-politika kummerċjali, esterna, tal-iżvilupp, ta’ finanzjament u tal-ħarsien tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-impenji tal-Viċi President, Federica Mogherini, quddiem is-soċjetà ċivili fit-28 ta’ Mejju 2015 (3).

2.   Introduzzjoni

2.1.

Punt importanti ħafna fuq l-aġenda Ewropea u dinjija għas-snin li ġejjin se jkun id-dibattitu dwar l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 (SDG). Ir-reġjun Ewro-Mediterranju juri xi karatteristiċi komuni speċifiċi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati dwar kif għandhom jiġu mħaddna l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli fil-politika tal-viċinat Ewropea u fil-politiki li jkopru l-pajjiżi Mediterranji tan-nofsinhar. Il-problemi tas-sigurtà tal-ikel, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, aċċess limitat għall-ilma, is-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiżi tar-reġjun fi tranżizzjoni demokratika u ekonomika u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-paċi u s-sigurtà, jitolbu għal opinjoni tal-KESE li tista’ toffri linji gwida għall-applikazzjoni effettiva u l-monitoraġġ tal-aġenda għal wara l-2015 fil-Mediterran.

2.2.

Billi jgħin fl-identifikar tal-isfidi reali u jressaq proposti għar-reġjun Ewro-Mediterranju, flimkien mas-soċjetà ċivili, il-KESE jista’ joffri pariri utli lill-gvernijiet ta’ dan ir-reġjun li tant qala’ fuq wiċċu, u lill-istituzzjonijiet Ewropej.

2.3.

F’din l-Opinjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq ukoll li jibni fuq il-ħidma li saret fuq l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli inġenerali u fuq dawk li jikkonċernaw dan ir-reġjun ġeografiku, l-ixtut tal-Baħar Mediterran, b’mod partikolari.

2.4.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NU ressaq rapport li jispjega fil-qosor il-kontribuzzjonijiet li saru mill-grupp ta’ ħidma miftuħ li kellu l-kompitu li jħares lejn l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli universali għal wara l-2015, ibbażati fuq l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-gvernijiet bit-titlu “Il-Futur li rridu” wara l-Konferenza ta’ Rio + 20, u li stabbilixxi d-deċiżjoni biex jitwaqqfu l-Għanijiet tal-Millenju, li huma speċifiċi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għanijiet komuni iżda differenzjati applikabbli għal kulħadd fid-dinja, fil-pajjiżi li huma industrijalizzati jew emerġenti, li qed jiżviluppaw jew li huma l-inqas żviluppati. Saru konsultazzjonijiet estensivi fil-livelli reġjonali u sottoreġjonali differenti, u l-gruppi ewlenin tas-soċjetà ċivili organizzata rappreżentanti fin-Nazzjonijiet Uniti kellhom l-opportunità li jieħdu sehem fihom u jikkomunikaw l-interess tagħhom. Sbatax-il għan u 169 mira ġew adottati fir-rigward tal-“mezzi ta’ implimentazzjoni u s-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli”.

2.5.

Żewġ avvenimenti ewlenin li huma marbuta għal kollox mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 se jseħħu fl-2015: konferenza internazzjonali f’Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, f’Lulju 2015, u l-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-Klima f’Pariġi, lejn tmiem l-2015.

2.6.

L-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-ħidma futura tan-Nazzjonijiet Uniti fil-prattika, b’enfasi ġdida fuq l-ugwaljanza, l-inklużjoni soċjali u l-ħidma diċenti, filwaqt li jiġu salvagwardjati sorsi ta’ dħul sostenibbli għal nies li jaħdmu, l-ambjent, u l-pass ta’ tiġdid tar-riżorsi bijoloġiċi u naturali. Madankollu, din l-aġenda tieħu bħala l-punt tat-tluq tagħha li l-mudell ekonomiku li jiggverna s-soċjetajiet tagħhom mhuwiex sostenibbli. Dan ifisser li l-mexxejja dinjija se jkollhom ikunu kuraġġużi ħafna. Is-sitwazzjoni attwali ekonomika, soċjali u ambjentali, u fuq kollox politika, ma tistax tibqa’ kif inhi f’ħafna partijiet tad-dinja, u dan huwa partikolarment minnu għar-reġjun Ewro-Mediterranju. Sabiex jintlaħqu l-SDG, ħafna nies isostnu li, mill-inqas, il-prinċipji ekonomiċi u finanzjarji li bħalissa qed jixprunaw l-ekonomiji jridu jiġu aġġustati, sabiex jinbidel l-istatus quo.

2.7.

Fin-nofsinhar tal-Ewropa, pajjiżi qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi li m’għadhomx aċċettati mill-popolazzjoni u li jagħmluha impossibbli li jiġu indirizzati l-imperattivi ambjentali u klimattiċi li jistgħu jagħtu lill-Ewropej il-possibilità li jibnu żona ambjentali, ekonomika u soċjali differenti. Iż-żgħażagħ, minkejja l-investiment fl-edukazzjoni tagħhom mis-sistema nazzjonali jew Ewropea, m’għandhomx qafas ta’ opportunitajiet li jippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom u jikkontribwixxu għall-kompetittività ekonomika, soċjali u ambjentali tal-UE.

2.8.

Inħolqu ftit impjiegi mill-2008 ‘l hawn: fil-fatt, ħafna impjiegi ntilfu u r-rata ta’ ħolqien tal-impjiegi ma żammitx il-pass max-xejriet demografiċi jew mal-wasal fis-suq ta’ gradwati, u dan irriżulta fiċ-ċaħda tal-politiki tal-awsterità u mingħajr ma wieħed jista’ jara xi dawl f’tarf il-mina. Politiki u servizzi pubbliċi fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport u d-djar batew minħabba l-linji gwida dwar l-awsterità, filwaqt li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli dawn is-servizzi jeħtieġ li jiġu msaħħa. L-għadd ta’ nies li huma bla dar jew li jgħixu fi djar ta’ livell baxx ħafna qed ikompli jiżdied fl-UE28 u ħafna mill-impjiegi li qed jinħolqu huma wisq flessibbli, bla sigurtà u ma joffru l-ebda ġejjieni reali. L-għadd ta’ apprendisti li ma jitħallsux jew li jitħallsu paga baxxa ħafna qed jikber ħafna, qed naraw is-soċjetà Ewropea ssir radikalizzata, qed tikber l-intolleranza, l-ostilità lejn l-oħrajn u hemm nuqqas ta’ fehim, il-qasma bejn il-ġenerazzjonijiet qed tikber, u l-individwaliżmu u s-sopravivenza qed joħolqu qasam kbira bejn il-klassijiet politiċi professjonali u ċ-ċittadini frustrati.

2.9.

Max-xatt tan-nofsinhar tal-Mediterran rajna li kien hemm rewwixti kontra dittatorjati li kienu ħatfu l-profitti ekonomiċi, u ma ppermettewx il-libertà tal-espressjoni u l-ugwaljanza. Ħafna pajjiżi bidlu l-metodu ta’ tranżizzjoni tagħhom, minn xempju li kien tant mixtieq ta’ kunsens nazzjonali għal demokrazija għall-ħtif awtoritarju minn klassi militari b’ħafna setgħa. Fl-istess ħin, gruppi radikalizzati ħadu l-opportunità biex jibdew okkupazzjoni armata jew li jerġgħu jimmudellaw ruħhom bħala reġim kriminali. Parti mill-Afrika issa tgħix taħt din it-theddida permanenti, u l-Lvant Nofsani qed jesperjenza kemm spjazzamenti kbar tal-popolazzjoni kif ukoll modijiet ta’ tmexxija politiċi u militari ġodda. Fil-qosor, popolazzjonijiet ċivili mhux qed ikollhom ċans jieħdu nifs.

2.10.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, x’aktarx kwalunkwe għan tal-iżvilupp sostennibbli mhux ħa jkun kredibbli bħala mod kif terġa’ tinstab il-paċi, titjieb il-benessri materjali u tinbena mill-ġdid l-ekonomija tar-reġjun. Mhuwiex possibbli li jiġi attratt l-investiment b’mod sostenibbli, jew li dan l-investiment jibqa’ u jiikbar, f’reġjuni li huma instabbli mil-lat demokratiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, il-fatt li l-iżvilupp ekonomiku għal ħafna deċennji bbenefika biss minorità ta’ familji u individwi jew dittaturi dgħajjef dawk l-istituzzjonijiet li huma kapaċi joperaw b’mod ġust, trasparenti u demokratiku.

3.   L-ambjent

3.1.

Il-fatti juru li r-Reġjun Ewro-Mediterranju huwa vulnerabli għal diżastri ambjentali, kemm fl-art kif ukoll fil-baħar. Skont rapport (2013), l-ambjent kostali tal-Mediterran jipprovdi għajxien għal mill-inqas 150 miljun ruħ. L-istess rapport jikkwota l-UNEP li jidentifika 13-il impjant tal-gass, 55 raffinerija, 180 impjant tal-enerġija, 750 port għal jottijiet, 286 port kummerċjali, 112-il ajruport, u 238 impjant tad-desalinazzjoni, mal-kosta tal-Mediterran, b’ħafna minnhom sorsi potenzjali ta’ emerġenzi ambjentali. Ir-rapport jiddikjara wkoll li l-istabbiliment ta’ miżuri adegwati biex jittaffa l-impatt f’każ ta’ diżastri naturali jew diżastri kkawżati mill-bniedem, huwa prijorità ewlenija għar-reġjun kollu (4).

4.   Impjiegi

4.1.

Il-Kummissarju Hahn, fid-diskors tiegħu tat-28 ta’ Mejju, enfasizza l-ħtieġa li jinħolqu 5 miljun impjieg ġdid kull sena biex jingħata xogħol lil forza tax-xogħol li qed tikber u sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali. Huwa fakkar ukoll li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-reġjun irid jiżgura tkabbir ekonomiku ’l fuq minn 6 %.

4.2.

Il-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti (Objettiv 8) għandu jkun ta’ importanza ewlenija peress li l-impjiegi ta’ kwalità fqira (prekarju, b’pagi baxxi, mingħajr protezzjoni soċjali sostenibbli u universali) huma wieħed mill-għeruq tal-faqar. Għaldaqstant, għandha ssir enfasi għal darb’oħra fuq il-kwalità tat-tkabbir, il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol b’saħħtu u sigur, protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, bħala strument essenzjali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.

5.   Is-sorsi privati ta’ finanzjament

5.1.

Sabiex ikun produttiv u effettiv il-kontribut tas-settur privat għal sħubijiet kummerċjali għall-iżvilupp industrijali, irid jimxi id f’id ma’ aġenda ta’ xogħol diċenti li ma tikkompromettix daqshekk fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, bħalma kien il-każ s’issa. L-impjiegi li jinħolqu jridu, iktar minn qatt qabel, ikunu ta’ kwalità għolja u jitħallsu tajjeb, jirrispettaw is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u jkunu koperti minn protezzjoni soċjali effettiva (5). Dan huwa partikolarment importanti għar-reġjun MENA, fejn il-qgħad taż-żgħażagħ huwa fost l-ogħla fid-dinja u qed jiżdied kontinwament, u għalhekk hemm proporzjon sinifikanti ta’ żgħażagħ f’età attiva li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ. Il-garanzija ta’ sigurtà ta’ dħul minimu għall-persuni fis-settur informali hija essenzjali għal stabilità soċjali u politika u għall-prevenzjoni tal-kunflitti, peress li jnaqqas ir-radikaliżmu u l-estremiżmu, biex b’hekk isir kontribut għall-istabilità politika u s-sigurtà (6). L-edukazzjoni inizjali u t-taħriġ kontinwu, l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fis-suq tax-xogħol, li x-xewqat tan-nies jiġu rispettati, id-dritt tal-espressjoni, pagi diċenti, is-sikurezza, il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa pubblika, edukazzjoni għat-tfal iż-żgħar u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huma aspirazzjonijiet komuni għaż-żewġ naħat tal-Mediterran. Dawn l-aspirazzjonijiet iridu jiġu ggarantiti mill-gvernijiet mingħajr theddid ta’ arbitraġġ sopranazzjonali li jipproteġi unilateralment l-interessi partikolari, u billi tingħata l-importanza kollha possibbli li tista’ tingħata lill-kummerċ internazzjonali għall-finanzjament tal-għanijiet universali (7).

6.   Mezzi ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-progress lejn l-għanijiet

6.1.

In-negozjati multilaterali fi ħdan id-WTO jiffukaw fuq il-kummerċ bħala mezz ta’ implimentazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli virtwuż. Madankollu, diversi negozjati li għaddejjin bħalissa juru n-nuqqas ta’ koerenza bejn ċerti objettivi tal-kummerċ ħieles u t-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Dawn jinkludu ftehimiet dwar servizzi li jippjanaw li jilliberalizzaw jew jipprivatizzaw ħafna servizzi pubbliċi li huma aċċessibbli għall-biċċa l-kbira tan-nies u huma neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet; ftehimiet dwar prodotti ambejntali, trasferimenti ta’ teknoloġija, drittijiet ta’ proprjetà industrijali; ftehimiet dwar teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda, dwar l-industriji estrattivi u tal-minjieri u dwar korpi għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn kumpaniji multinazzjonali u l-Istati. Hemm ħafna oqsma fejn objettivi li ta’ min ifaħħarhom jitilfu l-kredibbiltà tagħhom minħabba n-negozjati bejn il-poteri korporattivi u dawk tal-istat.

6.2.

Il-Politika tal-Kummerċ għandha tagħti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw spazju ta’ politika – inkluża l-kapaċità li jiffokaw fuq l-impatti fuq il-qgħad, il-persuni vulnerabbli, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp sostenibbli – minflok ma tippromovi l-liberalizzazzjoni bħala għan fih innifsu. Għaldaqstant, nirrakkomandaw reviżjoni komprensiva tal-ftehimiet kummerċjali u t-trattati ta’ investiment kollha sabiex jiġu identifikati l-oqsma kollha fejn jista’ jkun li jillimitaw il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jevitaw u jiġġestixxu kriżijiet, jirregolaw il-flussi ta’ kapital, jipproteġu d-dritt għal għajxien u impjieg deċenti, jinforzaw it-tassazzjoni ġusta, ifornu servizzi pubbliċi essenzjali u jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli.

6.3.

Il-gvernijiet għandhom iwettqu valutazzjonijiet obbligatorji tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem ta’ ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment multilaterali, plurilaterali u bilaterali, b’enfasi speċjali fuq id-drittijiet għall-iżvilupp, u d-drittijiet speċifiċi għall-ikel, is-saħħa u l-għajxien, filwaqt li jitqies l-impatt fuq gruppi marġinalizzati. Dan se jinkludi l-implimentazzjoni tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni, li għadda fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Ġinevra f’Ġunju 2014, li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma biex jipprepara strument li jimponi obbligi legali internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fuq korporazzjonijiet transnazzjonali.

6.4.

Għal perijodu li għad għandu jiġi determinat it-tul tiegħu, nistgħu nqisu li d-dinja qed tirkupra wara l-kriżijiet tal-2008 (finanzjarji) u tal-2011 (demokratiċi), u l-investimenti relatati mal-impjieg u l-ambjent u li huma relatati mal-għanijiet ta’ żvilupp wara l-2015 iridu jiġu mnaqqsa mill-valur tad-defiċits pubbliċi, jiġu kkunsidrati bħala investimenti ta’ interess komuni, universali, sostenibbli u finanzjati b’rata żero u pprojbiti għall-fondi spekulattivi.

6.5.

Il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kontra l-flussi finanzjarji illeċiti għall-ħasil ta’ flus minn attivitajiet illegali, inklużi x-xogħol illegali, it-traffikar tal-migranti, l-esportazzjoni ta’ skart mhux riċiklabbli, għandha tippermetti li jiġu pprovduti r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jiġu implimentati l-SDGs (8).

6.6.

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istrumenti legali internazzjonali eżistenti huma wkoll mezzi ta’ implimentazzjoni u li xi wħud mill-konvenzjonijiet – dawk tal-ILO, fundamentali, dwar ix-xogħol, il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-konvenzjoni dwar:il-protezzjoni tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom, il-konvenzjoni C189 dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema u ħaddiema domestiċi, il-konvenzjoni C184 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fl-Agrikoltura, il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, biex insemmi ftit eżempji – li ġew irratifikati u trasposti fil-liġi tal-Istati Membri kollha tal-UgħM jikkostitwixxu huma stess l-ewwel għażla bħala mezzi ta’ implimentazzjoni mhux finanzjarji li jiżguraw il-protezzjoni tad-dritt (de jure) tal-persuni, essenzjali u neċessarju sabiex jintlaħqu (de facto) bosta għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli:

Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (9)

 

Għan 1. Jinqered il-faqar ta’ kull tip kullimkien

 

Għan 2. Jintemm il-ġuħ, tintlaħaq is-sigurtà tal-ikel u nutrizzjoni mtejba u tiġi promossal-agrikoltura sostenibbli

 

Għan 3. L-iżgurar ta’ ħajjiet f’saħħithom u l-promozzjoni tal-benessri għan-nies ta’ kull età

 

Għan 4. L-iżgurar ta’ edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u ekwitabbli u l-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd

 

Għan 5. Tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomija għan-nisa u t-tfajliet kollha

 

Għan 6. L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd

 

Għan 7. L-iżgurar tal-aċċess għal enerġija affordabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd

 

Għan 8. Il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku kontinwu, inklużiv u sostenibbli, impjieg sħiħ u produttiv u xogħol deċenti għal kulħadd

 

Għan 9. Tinbena infrastruttura reżiljenti, tiġi promossal-industrijalizzazzjoni inklużiva u sostenibbli u titrawwem l-innovazzjoni

 

Għan 10. Tonqos l-inugwaljanza fi ħdan il-pajjiżi u bejniethom

 

Għan 11. Il-bliet u kull fejn jgħammru n-nies isiru iktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli

 

Għan 12. L-iżgurar ta’ tendenzi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli

 

Għan 13. Tittieħed azzjoni urġenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu (10)

 

Għan 14. Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli

 

Għan 15. Il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta’ ekosistemi terresti, foresti ġestiti b’mod sostenibbli, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u li titwaqqaf u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità

 

Għan 16. Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli, l-għoti ta’ aċċess għal ġustizzja għal kulħadd u l-bini ta’ istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi fil-livelli kollha

 

Għan 17. Jissaħħaħ il-mezz ta’ implimentazzjoni u tingħata ħajja ġdida s-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli.

6.7.

Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizzaw flimkien mal-Kummissjoni Ewropea forum tas-soċjetà ċivili tal-Ewromed, fejn tkellmu l-Kummissarju Johannes Hahn u l-Viċi President Federica Mogherini, kif ukoll il-President tal-Parlament Ewropew.

6.8.

F’dan il-forum maħsub biex jiġu diskussi linji gwida ġodda tal-politika tal-viċinat tal-UE, il-Kummissarju Johannes Hahn fakkar fid-diversi fondi li ġew allokati direttament għall-kriżi umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien – rispettivament EUR 52 miljun taħt l-Istrument tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili (Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili) – u ddeskriva l-azzjonijiet implimentati li magħhom għandhom jiżdiedu EUR 40 miljun taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE.

6.9.

Fl-aħħar nett, għandha ssir referenza għall-aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea ġimagħtejn wara s-summit tal-kapijiet ta’ stat u tipproponi distribuzzjoni konkreta tal-azzjonijiet ta’ risistemazzjoni u akkoljenza tar-refuġjati, skont l-Artikolu 78(3) tat-TFUE (11).

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kummissarju Neven Mimica, il-508 sessjoni plenarja tal-KESE, 28 ta’ Mejju 2015.

(2)  http://www.etf.europa.eu/web.nsf/pages/home

(3)  http://eeas.europa.eu/statements-eeas/2015/150528_01_en.htm

(4)  http://www.preventionweb.net – Programm ta’ Sħubija Ewro-Mediterranja (PPRD għan-Nofsinhar) ta’ Frar 2013

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea” (ĠU C 161, 6.6.2013, p. 82).

(6)  L-objettivi għal wara l-2015 fir-reġjun Ewro-Mediterranju, seduta tal-KESE, 22 ta’ Mejju 2015, Il-viżjoni Solidar għal wara l-2015.

(7)  Opinjoni tal-KESE REX/441 (Ara l-paġna 49 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Mill-inqas $1  000 biljun skont is-sorsi, Bank Dinji, FMI, transparency.org, eċċ.

(9)  Kif inhuma fl-abbozz Żero tad-dokument ta’ eżitu għas-Summit tan-NU biex tiġi adottata l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 f’Jannar 2015.

(10)  Bir-rikonoxximent tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil- Klima bħala l-forum internazzjonali u intergovernattiv ewlieni għan-negozjar tal-azzjoni globali rigward it-tibdil fil-klima.

(11)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-is-new/news/news/2015/20150527_02_en.htm