27.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/106


P8_TA(2015)0191

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich (2014/2203(IMM))

(2016/C 353/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich, mibgħuta fl-1 ta’ Ottubru 2014 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja u li tħabbret fis-seduta plenarja fit-12 ta’ Novembru 2014,

wara li sema' lil Viktor Uspaskich skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 6(1), u (9) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0149/2015),

A.

billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fir-rigward ta' allegazzjoni ta’ reat kriminali;

B.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta’ dak l-Istat;

C.

billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Artikolu 22(3), tal-Istatut tas-Seimas jiddikjaraw li proċedimenti kriminali ma jistgħux jitnedu kontra Membru tas-Seimas, u li hi jew hu ma jistgħux jiġu arrestati jew soġġetti għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà personali mingħajr il-kunsens tas-Seimas, ħlief f’każijiet ta’ flagrante delicto;

D.

billi Viktor Uspaskich hu akkużat li wettaq ir-reat ta’ disprezz tal-qorti skont l- Artikolu 232 tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Litwanja;

E.

billi ma hemm l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett b’bażi soda li l-proċedimenti legali jkunu tnedew bil-għan li ssir ħsara politika lill-Membru;

1.

Iddeċieda li jneħħi l-immunità ta’ Viktor Uspaskich;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex minnufih jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja u lil Viktor Uspaskich.


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.