Brussell, 6.1.2016

COM(2015) 685 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-effett tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 rivedut fuq il-volatilità tal-fondi proprji tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti ta' investiment


1.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 36(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (minn hawn ’il quddiem “CRR”), l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment għandhom inaqqsu l-assi tal-fond ta' pensjoni b’benefiċċji definiti (“DBPF - Defined Benefit Pension Fund”) fil-karti tal-bilanċ tagħhom mill-entrati ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1.

Ir-reviżjoni tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19 “Benefiċċji tal-Impjegati” (“IAS 19”) 1 wasslet għal bidliet fil-valwazzjoni tad-DBPF. L-Artikolu 519 CRR fih mandat lill-Kummissjoni biex tħejji rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar jekk l-ISA 19 rivedut, flimkien mat-tnaqqis tal-assi netti tal-pensjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 36(1)(e) iwasslux għal volatilità indebita tal-fondi proprji tal-istituzzjonijiet.

Il-Kummissjoni ġiet mitluba tikkunsidra r-rapport imħejji mill-EBA dwar din il-kwistjoni f’konformità mal-mandat mogħti mill-istess Artikolu. Jekk ikun xieraq, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva sabiex jiġi introdott trattament li jaġġusta l-assi u l-obbligazzjonijiet netti tad-DBPF fil-kalkolu tal-fondi proprji.

L-EBA ppreżentat ir-rapport tagħha “Dwar l-impatt fuq il-volatilità ta’ fondi proprji tal-IAS 19 rivedut u t-tnaqqis ta’ assi tal-pensjoni definiti minn fondi proprji skont l-Artikolu 519 ta’ dan ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR)” (“Rapport tal-EBA”) 2 fl-24 ta’ Ġunju 2014.

Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jwieġeb għal obbligu legali li jiġu ivvalutati l-effetti ta’ bidliet speċifiċi ħafna fil-kalkolu tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment minħabba l-adozzjoni tas-CRR u l-IAS 19.

2.Kwistjonijiet Ewlenin

2.1.It-trattament kurrenti skont is-CRR

L-Artikolu 36 CRR fih ir-rekwiżit li l-banek għandhom inaqqsu l-assi tad-DBPF minn CET 1. Ir-raġuni għal dan it-trattament huwa li l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf ta’ dawn l-assi hija dubjuża mill-perspettiva prudenzjali. F’każ li bank jiffaċċja falliment jew riżoluzzjoni, dawn l-assi ma jkunux disponibbli biex iġarrbu t-telf.

Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 41 CRR fih eżenzjoni minn din ir-regola ġenerali tat-tnaqqis fir-rigward tal-assi fid-DBPF li l-istituzzjoni għandha abbiltà mingħajr restrizzjoni li tuża, soġġett għal permess superviżorju.

2.2.Bidliet minħabba r-reviżjoni tal-IAS 19

Ir-reviżjoni tal-IAS 19 wasslet għal bidliet fil-valwazzjoni tad-DBPF. L-EBA identifikat biss żewġ aspetti tar-reviżjoni tal-IAS 19 li jista’ jkollhom impatt fuq il-kalkolu tal-fondi proprji:

1.Rikonoxximent immedjat tal-qligħ u t-telf attwarjali: Skont il-verżjoni preċedenti tal-IAS 19, bidliet f’suppożizzjoni attwarjali ma kellhomx għalfejn jiġu kkunsidrati immedjatament sakemm jibqgħu f’kurutur determinat 3 (b’hekk l-hekk imsejjaħ “approċċ ta' kuridur”) u jista’ jitqassam fuq diversi perjodi, waqt li skont l-IAS 19 revedut, dawn se jkun hemm bżonn li jiġu rikonoxxuti immedjatament.

2.Għarfien immedjat tal-kostijiet kollha tas-servizz passat: Il-kostijiet tas-servizz passat jirrappreżentaw il-bidla fil-valur preżenti tal-obbligu tal-benefiċċju definit għas-servizzi tal-impjegati f’perjodi ta’ qabel, li jirriżultaw minn emenda fil-pjan jew tnaqqis. Skont l-IAS 19 preċedenti, il-kostijiet vestiti tas-servizz passat huma rikonoxxuti fir-rapport tal-introjtu immedjatament, filwaqt li l-kostijiet tas-servizz mhux vestiti kienu rikonoxxuti matul il-perjodu ta' vestiment fuq bażi lineari.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li s-CEBS bħala l-predeċessur tal-EBA kkummenta 4 dwar il-verżjoni preċedenti tal-IAS 19, waqt li qajjem tħassib dwar “l-approċċ ta' kuridur” u ppropona li jkun abolit soġġett għal dispożizzjonijiet tranżitorji. Filwaqt li l-IAS 19 abolixxa l-approċċ ta’ kuridur fuq qligħ u telf attwarjali, is-CRR ipprovda dispożizzjonijiet tranżitorji biex itaffi l-impatt fuq il-fondi proprji.

2.3.Miżuri tranżitorji skont is-CRR

Is-CRR jistabbilixxi l-miżuri tranżitorji li ġejjin biex itaffu l-impatt tal-bidliet fl-IAS 19 u tnaqqis ta’ assi ta’ fond tal-pensjoni b’benefiċċju definiti b’mod ġenerali:

1.Introduzzjoni gradwali ġenerali tat-tnaqqis ta’ assi tad-DBPF mill-2014 sal-2017 bis-saħħa tal-Artikoli 469(1)(a) u l-Artikolu 478 tas-CRR.

2.Introduzzjoni speċjali tal-effett tal-bidliet fl-IAS 19 mill-2014 sal-2018 skont l-Artikolu 473 CRR.

3.It-tneħħija gradwali ta’ filtri applikati fil-livell nazzjonali mill-2014 sal-2018 skont l-Artikolu 481 CRR.

3.Valutazzjoni tal-introduzzjoni potenzjali ta’ volatilità minħabba r-reviżjoni tal-IAS 19

Abbażi tar-rapport pprovdut mill-EBA, l-analiżi tal-effett tar-reviżjoni tal-IAS 19 flimkien mat-tnaqqis tal-assi tad-DBPF skont l-Artikolu 36(1)(e) CRR hija vvalutata kif ġej 5 :

3.1.L-impatt jiddependi fuq it-tpaċija ta' qligħ jew telf

Mhux se jkun hemm volatilità ta’ fondi proprji meta l-istituzzjoni tirrapporta assi nett tad-DBPF fuq il-karta tal-bilanċ u jkun hemm tpaċija ekwivalenti ta' qligħ jew telf. Biss fejn l-istituzzjoni tirrapporta assi nett tad-DBPF mingħajr qligħ jew telf korrispondenti t-tnaqqis tal-assi nett tad-DBPF jista' jirriżulta f’volatilità tal-fondi proprji.

3.2.Impatt mal-applikazzjoni inizjali tal-IAS 19 rivedut

L-impatt tat-tnaqqis assi nett tad-DBPF mill-fondi proprji mal-applikazzjoni inizjali se jkun limitat għall-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet minħabba l-livelli baxxi ta’ assi nett tad-DBPF 6 skont kemm l-IAS 19 preċedenti u dak rivedut. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet, l-effett negattiv fuq is-CET1 ikun ulterjorment limitat minħabba li l-livell ta’ telf attwarjali mhux rikonoxxut meta mqabbel mal-pożizzjoni kapitali tagħhom huwa żgħir. Minoranza żgħira biss 7 ta’ istituzzjonijiet li għandhom assi tad-DBPF sinifikanti jistgħu jiġu affettwati materjalment. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ telf attwarjali mhux rikonoxxut sostanzjali tista’ twassal għal tnaqqis fil-fondi proprji.

3.3.Valutazzjoni ġenerali ta’ volatilità limitata introdotta mill-IAS 19 rivedut 8

Fuq il-bażi tar-rapport tal-EBA, jista’ jiġi konkluż li, bħala medja, hemm volatilità limitata ta’ fondi proprji minħabba bidliet tal-kontabilità u dawk prudenzjali. Għal xi istituzzjonijiet u f’xi pajjiżi l-impatt fuq il-volatilità tal-fondi proprji tista’ tkun ogħla, skont id-daqs u l-prestazzjoni tad-DBPF relattiva għall-pożizzjoni kapitali tal-istituzzjoni.

Barra minn hekk, kull bidla fis-suppożizzjonijiet attwarjali li għandhom jintużaw tista’ titqies bħala titjib fl-allinjament ta’ valur kontabilistiku tad-DBPF mal-iskopertura "reali" tal-istituzzjoni u l-ekonomiji tat-tranżazzjoni.

Fl-aħħar nett, kwalunkwe impatt fuq il-fondi proprji minħabba applikazzjoni għall-ewwel darba tal-IAS 19 rivedut jista’ jkun imtaffi permezz ta’ dispożizzjoni tranżitorja speċifika stipulata fl-Artikolu 473 tas-CRR u l-Artikolu 481 tas-CRR. L-applikazzjoni ġenerali ta' dawn ir-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-assi tad-DBPF tista' tiddaħħal gradwalment skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 469(1)(a) CRR flimkien mal-Artikolu 478 CRR.

4.Konklużjoni

B’kont meħud tar-rapport tal-EBA, hija l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-volatilità potenzjali addizzjonali ta’ fondi proprji introdotti permezz tar-reviżjoni tal-IAS 19 se tkun limitata u hija ġustifikata skont l-argumenti ppreżentati f’dan ir-rapport. Barra minn hekk, kwalunkwe impatt dovut għall-applikazzjoni inizjali ttaffa permezz ta' dispożizzjonijiet tranżitorji xierqa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-IAS 19, flimkien mat-tnaqqsi tal-assi tad-DBPF stipulat fl-Artikolu 36(1)(e) CRR u l-bildiet fl-obbligazzjonijiet netti tal-pensjoni mhux se jwasslu għal volatilità mhux dovuta tal-fondi proprji tal-istituzzjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li t-trattament CRR kif inhu huwa xieraq u mhux se tippreżenta proposta leġiżlattiva flimkien ma’ dan ir-rapport.

(1)

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 475/2012 tal-5 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1 u tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19.

(2)

EBA (2014): Rapport. Dwar l-impatt fuq il-volatilità ta’ fondi proprji tal-IAS 19 rivedut u t-tnaqqis ta’ assi tal-pensjoni definiti minn fondi proprji skont l-Artikolu 519 ta’ dan ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR): Ir-rapport jidentifika l-bidliet tal-Kontabilità u l-Bidliet regolatorji minħabba r-rieżami tal-IAS 19 u janalizza jekk dawn il-bidliet jistgħux jaffettwaw il-fondi proprji. Dan jinkludi valutazzjoni kwantitattiva dwar l-impatt ta’ dawn il-bidliet fuq il-volatilità ta’ fondi proprji matul perjodu speċifiku ta’ żmien jekk wieħed jassumi l-applikazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tas-CRD IV/CRR u l-IAS 19 rivedut. Informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva għal kampjun ta’ istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tenfasizza l-impatti prinċipali ta’ tibdiliet prudenzjali u ta’ kontabilità, il-kobor tagħhom u liema tipi ta’ istituzzjonijiet huma prinċipalment affettwati. Fl-aħħar nett, ir-rapport jagħti ħarsa wkoll lejn varjabbli oħra li jista’ jkollhom impatt dirett fuq fondi ta’ pensjonijiet b’benefiċċju definit u l-volatilità ta’ fondi proprji. Ir-rapport tal-EBA jista’ jinkiseb minn: https://www.eba.europa.eu/documents/10180/534414/EBA+Report+on+the+impact+on+the+volatility+of+own+funds+from+defined+pension+plans.pdf

(3)

Ara r-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1126/2008, l-Anness, l-IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati, il-paragrafu 95

(4)

L-Ittra ta’ Kumment tas-CEBS dwar l-IASB ED/2010/3 Pjanijiet ta’ benefiċċju definiti — Emendi Proposti għall-IAS 19 fis-6 ta’ Settembru 2010.

(5)

L-EBA ibbażat l-analiżi tagħha fuq kampjun kompost minn 57 istituzzjoni Ewropea b’20 pajjiż taż-ŻEE użati mill-EBA għall-analiżi tal-KRI (Key Risk Indicators - Indikaturi tar-Riskju Ewlenin).

(6)

Ara r-rapport EBA p. 25: “L-istituzzjonijiet kollha ħlief tlieta (38 istituzzjoni) kellhom livell baxx ta’ assi netti ta' pensjoni b’benefiċċju definit fl-IAS 19 preċedenti, jekk kien hemm, f’kull waħda mis-snin tal-perjodu vvalutat (sa 0,2 % tar-RWA) u livelli baxxi, jekk kien hemm, ta’ qligħ attwarjali mhux rikonoxxut f’kull sena vvalutata (sa 0,4 % tar-RWA).”

(7)

Skont ir-rapport tal-EBA, l-ebda wieħed mit-tliet istituzzjonijiet fil-kampjun analizzat b'ammont relattivament għoli ta’ assi ta’ benefiċċju definit taħt l-IAS 19 preċedenti jkunu affettwati peress li kellhom telf attwarjali mhux rikonoxxut sinifikanti li jkun jeħtieġ li jiġi rikonoxxut immedjatament kontra assi ta’ benefiċċju definit.

(8)

Għal preżentazzjoni li tiġbor fiha l-evidenza kwantitattiva, il-qarrejja huma mitluba jirreferu għar-rapport tal-EBA u speċjalment għat-tabelli li jiġbru fil-qosor l-informazzjoni kwantitattiva fuq paġna 23 u paġna 31.