Brussell, 9.12.2015

COM(2015) 633 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Kuntratti diġitali għall-Ewropa - L-isfruttar tal-potenzjal tal-kummerċ elettroniku




1. kuntest

Is-suq Ewropew tal-kummerċ elettroniku kiber b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin fi ħdan is-settur tal-bejgħ bl-imnut globali. Dan is-suq huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir globali tal-UE. Minkejja dan, għad hemm potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat. Minflok jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ kummerċ elettroniku, in-negozji u l-konsumaturi huma ta’ spiss limitati għas-swieq domestiċi tagħhom stess.

Ċifri ewlenin

Il-kummerċ elettroniku bħala motivatur prinċipali għat-tkabbir: Il-valur tal-kummerċ elettroniku tal-bejgħ bl-imnut fl-UE żdied bi 13,4% fl-2014 meta mqabbel mal-2013 u laħaq total ta’ EUR 370 biljun. 1  Mill-2009 sal-2014, il-fatturat tal-intrapriżi minn kummerċ elettroniku tal-bejgħ bl-imnut bħala sehem mill-fatturat totali tal-bejgħ bl-imnut żdied b’85% 2 , li juri li l-kummerċ bl-imnut qed jikber b’rata ħafna aktar mgħaġġla online milli offline.

Il-potenzjal tat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku għadu mhux sfruttat: Is-sehem tal-kummerċ elettroniku fis-settur tal-bejgħ bl-imnut totali għadu ferm aktar baxx fl-Ewropa milli fl-Istati Uniti tal-Amerka: Fl-2014, is-sehem tal-kummerċ elettroniku fil-bejgħ bl-imnut totali kien ta’ 7,2 % meta mqabbel ma’ 11,6 % fl-Istati Uniti tal-Amerka. 3 Fl-istess sena, 12% biss tal-bejjiegħa bl-imnut fl-UE biegħu online lil konsumaturi f’pajjiżi oħra tal-UE, filwaqt li tliet darbiet aktar (37%) 4 biegħu domestikament. Huma biss 15% tal-konsumaturi li xtraw online minn pajjiż ieħor tal-UE, filwaqt li bejn wieħed u ieħor tliet darbiet aktar (44%) xtraw domestikament. 5  

F'dan l-isfond, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali 6 fl-istabbiliment tal-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex jiġi ġġenerat aktar tkabbir fl-Ewropa. L-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tindirizza l-ostakli kollha ewlenin lejn l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier fl-UE. L-indirizzar ta' dawk l-ostakli flimkien mat-titjib tas-sitwazzjoni għan-negozji u l-konsumaturi se jġibu magħhom l-ispinta mistennija lis-suq uniku diġitali u lill-ekonomija globali tal-UE.

Jista' jitnaqqas id-distakk bejn id-domanda u l-provvista. In-negozji se jkunu jistgħu jżidu l-kompetittività tagħhom billi jbigħu aktar faċilment mhux biss lis-swieq nazzjonali tagħhom jew lil xi wħud mis-swieq nazzjonali ġirien. Żieda fil-provvista għandha wkoll issaħħaħ il-kompetizzjoni. Dan se jipprovdi għażla usa’ ta’ oġġetti bi prezzijiet aktar kompetittivi lill-konsumaturi. L-għoti ta' drittijiet uniformi lill-konsumaturi b’livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur se jżid il-fiduċja tagħhom biex jixtru barra minn pajjiżhom.

2. L-ewwel pass importanti lejn l-isfruttar tal-potenzjal tal-kummerċ elettroniku

Wieħed mit-tliet għanijiet ewlenin tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali huwa li jiżgura "aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-oġġetti u s-servizzi online madwar l-Ewropa". L-istrateġija identifikat differenzi fid-dritt kuntrattwali bejn l-Istati Membri fost l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transfruntier.

Biex jipprovdu l-kundizzjonijiet adatti li jippermettu l-kummerċ elettroniku transfruntier biex jirnexxi, konsegwentement, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali ħabbret proposti leġiżlattivi għal regoli kuntrattwali transfruntieri sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji billi jiġu armonizzati r-regoli fuq kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u bejgħ online ta’ oġġetti.

Kif imħabbar mill-Kummissjoni fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni llum qed tadotta (i) proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, u (ii) proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti dwar kuntratti ta’ bejgħ online u bejgħ ieħor 7 mill-bogħod ta' oġġetti 8 . Flimkien mal-proposta għal Regolament dwar il-portabilità transfruntiera ta’ servizzi ta’ kontenut online, dawn il-proposti huma l-ewwel inizjattivi leġiżlattivi ġodda adottati skont l-istrateġija tas-suq uniku diġitali.

B’mod konkret, iż-żewġ Direttivi ser jarmonizzaw bis-sħiħ u b’mod immirat id-drittijiet u l-obbligi mandatorji tal-partijiet għal kuntratt għall-provvista ta’ kontenut diġitali u bejgħ online ta’ oġġetti 9 . Dawn se jikkontribwixxu għal tkabbir aktar mgħaġġel tas-Suq Uniku Diġitali billi:

It-tnaqqis tal-kostijiet li jirriżultaw minn differenzi fid-dritt kuntrattwali: Ir-regoli ewlenin tad-dritt kuntrattwali tal-konsumatur li bħalissa huma differenti fost l-Istati Membri joħolqu ostakli għall-kummerċ transfruntier ta’ kontenut u oġġetti diġitali. Il-proposti attwali se jiżguraw li dawn ir-regoli għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Regoli li japplikaw fl-UE kollha se jevitaw il-frammentazzjoni legali fil-qasam tal-kontenut diġitali 10 u jneħħuha fir-rigward ta’ oġġetti tanġibbli 11 . Barra minn hekk, in-negozji mhux se jkollhom aktar jadattaw il-kuntratti tagħhom għar-regoli differenti meta jbigħu b’mod transfruntier u b’hekk jevitaw spejjeż addizzjonali.

Il-ħolqien ta' ċertezza legali għan-negozji: Bil-maqlub tal-lum fejn qed iħabbtu wiċċhom ma’ qafas legali kumpless, in-negozji se jkunu jistgħu jipprovdu kontenut diġitali jew bejgħ ta’ oġġetti tanġibbli online għall-konsumaturi fl-UE kollha bbażat fuq l-istess sett ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali tal-konsumatur previsti fid-Direttivi. Dan se jżid iċ-ċertezza legali u joħloq ambjent ġuridiku li jiffavorixxi n-negozju, li ser ikun ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs.

L-għajnuna lill-konsumaturi biex jibbenefikaw mix-xiri online transfruntier fl-UE: L-inċertezza dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom hija raġuni ewlenija għan-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi li jixtru online b’mod transfruntier. Il-konsumaturi se jkollhom sett ta’ drittijiet ċari fl-UE kollha u għalhekk se jkunu aktar kunfidenti li jaċċessaw kontenut diġitali jew li jixtru oġġetti b’mod transfruntier. Il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-UE wkoll se jiżdied b’mod sinifikanti. Għall-bejgħ online ta’ oġġetti, dan japplika b’mod partikolari, f’każijiet ta’ difetti, għall-estensjoni tal-perjodu għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova għal sentejn, biex jiġi allinjat mal-perjodu ta’ garanzija legali ta’ sentejn. Ħlief għal żewġ Stati Membri fejn il-livell se jibqa' l-istess, dan se jżid il-protezzjoni tal-konsumatur għall-konsumaturi Ewropej kollha. Dan se jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jixtru online b’mod transfruntier kif ukoll jagħmilha aktar faċli għalihom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom 12 .

It-tnaqqis tad-detriment imġarrab mill-konsumaturi fir-rigward ta’ kontenut diġitali difettuż: Bil-maqlub tal-lum, fejn m'hemm l-ebda regoli kuntrattwali speċifiċi madwar l-UE kollha dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali, il-konsumaturi se jkollhom drittijiet ċari u diġitalment speċifiċi meta jkollhom problemi b’kontenut diġitali. Dan se jippermettilhom li jfittxu rimedji u b’hekk inaqqsu d-dannu li qegħdin attwalment iġarrbu meta dawn jixtru kontenut diġitali difettuż. Minħabba l-pass ta’ dan is-suq li teknoloġikament u kummerċjalment jinbidel malajr ħafna, ir-regoli tal-UE huma teknoloġikament newtrali u jibqgħu validi fil-futur; għalhekk dawn se joħolqu kundizzjonijiet ekwi għat-tipi kollha rilevanti ta’ kontenut diġitali.

Il-bilanċ ġenerali tal-interessi bejn il-konsumaturi u n-negozji: Billi jibbażaw ruħhom fuq ix-xejriet tas-suq u billi jibbilanċjaw tajjeb bejn l-interessi differenti, iż-żewġ Direttivi se jipprovdu benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, billi joħolqu l-kundizzjonijiet għal benefiċċji ekonomiċi ġenerali.

It-titjib tal-ħajja ta’ kuljum...

Id-Direttivi se jtejbu b’mod konkret il-ħajja ta’ kuljum kemm tan-negozji kif ukoll tal-konsumaturi fl-Ewropa. Illum il-ġurnata, in-negozji jridu jqattgħu l-ħin u jonfqu l-flus sabiex isiru jafu dwar drittijiet kuntrattwali barranin tal-konsumatur meta jbigħu b’mod transfruntier u biex jadattaw il-kuntratti skont dan. Pereżempju, iż-żmien li fih negozjant jista’ jkun responsabbli għal difetti ta’ kompjuter, illum ivarja minn sentejn għat-tul tal-ħajja kollha tal-kompjuter, skont l-Istat Membru. Għada, il-liġijiet nazzjonali fuq tali rimedji kuntrattwali kollha se jkunu l-istess fi ħdan l-UE: ħin u flus iffrankati jistgħu jintużaw biex jiżviluppaw oġġetti ġodda jew biex isir bejgħ bi prezz aktar kompetittiv.

Il-konsumaturi ser ikunu jistgħu jixtru online u jaċċessaw il-kontenut diġitali f’pajjiżi oħra tal-UE b'mod faċli u kunfidenti kif jagħmlu f’pajjiżhom stess. Il-konsumaturi li jixtru oġġetti b’mod proattiv mingħand negozjant fi Stat Membru ieħor, 'il quddiem se jiġu protetti bl-istess mod bħal taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, illum il-konsumatur li ma jistax jara film online li ħallas għalih minħabba n-nuqqas ta’ kwalità tal-vidjo, bħala kumpens spiss jistà jirċievi biss sempliċi skont biex jara films fil-futur, possibilment bl-istess kwalità fqira. 'Il quddiem, il-konsumaturi se jkollhom id-drittijiet biex tissolvielhom il-problema, li jitraħħsilhom il-prezz jew li jtemmu l-kuntratt u jkunu rimborżati kompletament.

... u l-benefiċċji makroekonomiċi li jinġiebu

Jekk l-ostakli relatati mad-dritt kuntrattwali kellhom jitneħħew, huwa stmat li hemm 122 000 negozju aktar li jbigħu online b'mod transfruntier. Il-kummerċ transfruntier tal-UE jista’ jiżdied b’madwar EUR 1 biljun. Kompetizzjoni bl-imnut akbar online se twassal għal prezzijiet bl-imnut li jonqsu fl-Istati Membri kollha, b’medja ta’ -0,25% fil-livell tal-UE, li se jżidu direttament il-konsum domestiku fl-UE b’madwar 18-il biljun. Barra minn hekk, għażla akbar ta’ oġġetti u servizzi, se tissarraf ukoll f'benesseri tal-konsumatur ogħla. Bejn 7,8 u 13-il miljun konsumatur ieħor jibdew jixtru online b’mod transfruntier. L-ammont medju li jintefaq annwalment minn kull xerrej transfruntier jiżdied ukoll b’EUR 40. Il-PDG reali tal-UE b'mod globali huwa mistenni li jikseb madwar EUR 4 biljun fis-sena 13 .

Dawn il-proposti jindirizzaw biss termini ta’ dritt kuntrattwali f'interazzjoni bejn in-negozju u l-konsumatur. Huwa rikonoxxut li l-SMEs, bħala partijiet aktar dgħajfa b’inqas setgħa ta' negozjar, jiffaċċaw ukoll diffikultajiet relatati mad-dritt kuntrattwali l-aktar meta jużaw kontenut diġitali. Madankollu, b’kont meħud b’mod partikolari tal-pożizzjonijiet espressi mill-partijiet interessati u l-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ inizjattivi oħrajn imħabbra fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

Sabiex jitgawdew il-benefiċċji kollha offruti mis-Suq Uniku Diġitali, jinħtieġ dan il-pakkett maż-żewġ proposti biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kummerċ elettroniku. Jeħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi b’mod simultanju kemm fuq oġġetti kif ukoll fuq kontenut diġitali. Dawn id-Direttivi se jkunu kkumplimentati bil-miżuri l-oħrajn previsti fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bħal dawk relatati ma’ piżijiet relatati mal-VAT transfruntier, l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti ta’ kwalità għolja jew ma' qafas modern tad-drittijiet tal-awtur. Aktar inizjattivi relatati mal-konsumatur, bħal dawk imħabbra fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali fuq it-tneħħija ta’ mblukkar ġeografiku u r-reviżjoni tar-Regolament għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur 14 , kif ukoll id-dħul fis-seħħ ta’ pjattaforma għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim 15 , se jkomplu jsaħħu l-kummerċ transfruntier u jsolvu problemi importanti oħra għall-intrapriżi u l-konsumaturi, bħalma hija l-ħtieġa ta’ rimedju u ta’ infurzar transfruntier effettivi.

3. Nitgħallmu mill-esperjenza tal-passat - approċċ immirat u ffukat

Filwaqt li tgħallmet mill-esperjenza tal-passat u wara li semgħet il-partijiet interessati, il-proposti tal-Kummissjoni joffru triq ’il quddiem ambizzjuża iżda realistika biex jitneħħew l-ostakli relatati mad-dritt kuntrattwali u b’hekk tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku fl-UE.

Dawn il-proposti jinvolvu l-aktar livell xieraq ta’ intervent.

L-ewwel nett, il-proposti jindirizzaw problemi veri kif identifikati mill-partijiet interessati u mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni fittxet il-ġbir ta’ firxa wiesgħa u bbilanċjata ta’ fehmiet dwar din il-kwistjoni. Billi wettqet konsultazzjonijiet estensivi, kemm pubbliċi kif ukoll immirati, il-Kummissjoni żgurat parteċipazzjoni wiesgħa matul il-proċess ta’ tħejjija tal-proposti u għalhekk offriet ħafna opportunitajiet għall-partijiet interessati kollha (negozji, konsumaturi, awtoritajiet nazzjonali, avukati u akkademiċi) biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

It-tieni nett, il-proposti b’mod speċifiku jieħdu kont tat-tagħlimiet miksuba minn tentattivi preċedenti sabiex jiġu approssimati d-drittijiet kuntrattwali. Bħala riżultat, il-Kummissjoni tiffoka fuq armonizzazzjoni sħiħa mmirata tad-drittijiet tal-konsumatur mandatorji li jirrimedjaw l-ostakoli ewlenin għall-kummerċ transfruntier u jindirizzaw l-urġenza li tittieħed azzjoni dwar l-isfera online kif rikonoxxut ukoll mill-Parlament Ewropew 16 . Barra minn hekk, Direttivi, minflok Regolamenti, huma aktar xierqa peress li l-Istati Membri jitħallew liberi biex jadattaw l-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom. Dan l-approċċ immirat iffukat fuq il-problemi kien riżultat importanti tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati.

Fl-aħħar nett, dwar is-sustanza, il-proposti joffru dinamika ġdida peress li jilħqu bilanċ xieraq bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-livell tal-UE u aktar opportunitajiet b'mod sinifikanti għan-negozji permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa. L-approċċ magħżul isostni soluzzjonijiet sostantivi li wrew il-valur tagħhom fil-prattika (eż. tul il-perjodu ta’ garanzija legali, il-ġerarkija ta’ rimedji) filwaqt li fl-istess ħin iressaq soluzzjonijiet ġodda, fejn meħtieġ, appoġġati minn dejta riċenti u tendenzi fl-Istati Membri (eż. estensjoni tat-tul tal-perjodu għall-oneru tal-prova) 17 . Il-proposti ser iġibu livell u effettività ogħla tal-protezzjoni tal-konsumatur 18 kif ukoll ċertezza legali u inqas spejjeż għan-negozji 19 . B’mod ġenerali, dan se jissarraf f’żieda fil-fiduċja tal-konsumatur u se jrawwem l-attività tan-negozju madwar l-UE.

4. naġixxu qabel ma jkun tard wisq

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni issa dwar d-dimensjoni diġitali...

Il-pass tal-bidla teknoloġika u kummerċjali minħabba d-diġitalizzazzjoni huwa mgħaġġel ħafna, mhux biss fl-UE iżda madwar id-dinja kollha. L-UE teħtieġ li taġixxi issa biex tiżgura li standards kummerċjali u d-drittijiet tal-konsumatur jiġu stabbiliti skont regoli komuni tal-UE li jirrispettaw livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u li jipprovdu ambjent favorevoli ta’ negozju modern. Hija neċessità assoluta li jinħoloq qafas li jippermetti li l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni jimmaterjalizzaw ruħhom, biex in-negozji tal-UE jkunu jistgħu jsiru aktar kompetittivi u l-konsumaturi jkun jista’ jkollhom fiduċja fi standards ta’ protezzjoni tal-konsumatur tal-UE ta' livell għoli. Jekk taġixxi issa, l-UE tistabbilixxi t-tendenza politika u l-istandards li skonthom isseħħ din il-parti importanti tad-diġitalizzazzjoni.

Għan-negozji, is-simplifikazzjoni tal-qafas legali hija prerekwiżit ewlieni għall-kompetittività tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva fis-swieq diġitali fl-Unjoni kollha. Għall-konsumaturi, il-fiduċja hija partikolarment importanti fl-ambjent online sabiex jittaffew ir-riskji relatati mad-distanza (l-ebda kuntatt wiċċ imb wiċċ mal-bejjiegħ, l-ebda previżjoni ta' kif se jkun jidher l-oġġett) inerenti f’dawn it-tranżazzjonijiet. Mingħajr azzjoni immedjata, il-bidliet jistgħu jkunu tard wisq u l-opportunitajiet jistgħu jintilfu. Biex tissaħħaħ malajr il-kompetittività tan-negozji tal-UE u biex jiġi stimulat it-tkabbir fl-UE, il-Kummissjoni qed tinnegozja bħala prijorità bid-dimensjoni diġitali tal-bejgħ bl-imnut, jiġifieri l-provvista ta’ kontenut diġitali u x-xiri online ta’ oġġetti. Iż-żewġ aspetti ta’ dimensjoni diġitali huma fundamentali. L-ostakli għall-provvista ta’ kontenut diġitali jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod ċar għaliex il-provvista ta’ kontenut diġitali għandha potenzjal qawwi ta’ tkabbir 20 . Kwalunkwe dewmien fir-rigward tal-kontenut diġitali, jinvolvi r-riskju ta’ frammentazzjoni ġuridika emerġenti, li tikkawża l-ostakli kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-fornituri li jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet transfruntieri. Fir-rigward tal-oġġetti, dawn għadhom jirrappreżentaw bil-bosta l-akbar sehem tas-suq online: mid-daqs totali stmat ta' EUR 231 biljun tas-suq uniku diġitali, madwar EUR 212-il biljun ġejjin minn bejjiegħa bl-imnut f'oġġetti. Fuq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali ma jkunux aċċessibbli jekk waħda biss miż-żewġ aspetti tkun ġiet indirizzata.

Xejra importanti differenti tal-konsultazzjonijiet differenti mal-partijiet interessati kienet li r-regoli dwar il-kontenut diġitali għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu bbażati fuq ir-regoli dwar il-bejgħ ta’ oġġetti, u d-devjazzjonijiet jiġu ġġustifikati biss biex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kontenut diġitali. Dan juri wkoll l-importanza li jiġu diskussi ż-żewġ settijiet ta’ regoli kemm jista’ jkun b’mod konkomitanti matul il-proċess interistituzzjonali.

Dawn kollha huma r-raġunijiet ewlenin għaliex il-proposti dwar il-kontenut diġitali u l-bejgħ online ta’ oġġetti qed jitressqu flimkien u issa.

... u se niżguraw konsistenza bejn ir-regoli online u offline

 

Meta titqies l-importanza dejjem tikber tal-mudell ta’ distribuzzjoni "omni-channel" (jiġifieri l-bejgħ online u offline simultanju), il-Kummissjoni se tieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu evitati regoli differenti għal bejgħ ta’ oġġetti online u offline. Din se tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jistrieħu fuq qafas legali koerenti li jkun sempliċi biex jiġi applikat kullimkien fl-Ewropa.

Bħala parti mill-inizjattiva tagħha "Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni" (REFIT), il-Kummissjoni se teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur. Dan il-kontroll tal-idoneità se jkun ħafna usa’ mill-proposti attwali, u jkopri għadd ta’ Direttivi tal-konsumatur 21 inkluż id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanziji lill-Konsumatur (li r-regoli tagħhom, fir-rigward ta’ bejgħ online, jiġu sostitwiti mill-proposta dwar il-merkanzija).

Il-konsultazzjoni wiesgħa li saret għal proposti leġiżlattivi identifikat bosta kwistjonijiet li huma rilevanti għall-bejgħ ta’ merkanzija, kemm online kif ukoll offline. B’dan il-mod, parti kbira tal-ħidma ta’ analiżi dwar il-kwistjonijiet li għandhom jiġu mwettqa skont l-eżerċizzju REFIT għad-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanziji lill-Konsumatur diġà ttieħdu meta ġew żviluppati r-regoli proposti għall-bejgħ online ta’ oġġetti.

Din l-analiżi se tkun ikkomplementata mid-dejta mill-analiżi tal-kontroll tal-idoneità dwar l-applikazzjoni tal-Bejgħ lill-Konsumatur u d-Direttiva dwar il-Garanziji għall-bejgħ ta’ oġġetti, li huma mistennija fl-2016. Din id-dejta u għalhekk l-eżitu tal-eżerċizzju REFIT dwar dan il-punt għadhom mhumiex disponibbli. Jekk l-eżitu tal-eżerċizzju REFIT jikkonferma r-riżultati preliminari tal-analiżi li għadha għaddejja - li tidher li qed tipponta lejn il-ħtieġa għal inizjattiva tal-Kummissjoni dwar bejgħ offline ta’ merkanzija - dawn il-konklużjonijiet jistgħu jitqiesu fil-progress magħmul mill-koleġiżlaturi dwar il-proposta għall-bejgħ online ta’ oġġetti, pereżempju billi jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minkejja li l-azzjoni biex jiġu indirizzati l-ostakoli prinċipali li jxekklu l-kummerċ transfruntier online hija urġenti u inevitabbli, huwa l-għan tal-Kummissjoni li tiżgura l-applikazzjoni ta' qafas legali ta' regoli koerenti applikat fl-UE kollha, kemm online kif ukoll offline.

5. L-intenzjoni tinbidel f’realtà

Il-proposti tal-kuntratt diġitali huma "passi politiċi ambizzjużi lejn Suq Uniku Diġitali konness b’mod partikolari... billi jiġu mmodernizzati u ssimplifikati r-regoli tal-konsumaturi għal xiri online u diġitali", kif imħabbar fil-linji gwida tal-President Juncker 22 . Dawn huma fost l-ewwel riżultati tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, li jittrasformaw dawn il-linji gwida f’politika konkreta. Dawn huma l-ewwel passi lejn il-ħolqien ta' tkabbir ekonomiku permezz ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozju u fiduċja b'saħħitha tal-konsumaturi f’Suq Uniku Diġitali ġenwin. Issa huwa f’idejn il-koleġiżlaturi li jibdlu din l-intenzjoni f’realtà għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej. Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

(1) Rapport B2C tal-2015 dwar il-kummerċ elettroniku Ewropew. Il-kummerċ elettroniku fl-Ewropa. Ħlief il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja u s-Slovakkja li għalihom mhijiex disponibbli d-dejta. http://www.ecommerce-europe.eu/ p.29 - Iċ-ċifri kollha f'din il-Komunikazzjoni huma disponibbliwkoll fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih il-Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti dwar kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti dwar kuntratti għall- bejgħ online u bejgħieħor mill-bogħod ta' oġġetti, SWD (2015) 275.
(2)  Eurostat, il-kummerċ elettroniku skont l-intrapriżi: Sommarju ta’ aggregati tal-UE (attività tan-NACE Rev. 2)
(3) http://www.retailresearch.org/onlineretailing.php
(4)  Flash Eurobarometer 396(2014) retailers' attitudes towards cross-border trade and consumer protection [l-attitudnijiet tal-bejjiegħa bl-imnut lejn il-kummerċ transfruntier u l-ħarsien tal-konsumaturi], 2015. p.27
(5) Stħarriġ tal-Eurostat dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi (2014) isoc_ec_ibuy
(6) 6Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, COM (2015) 192 finali, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/priorities/digital-single-market/
(7) all- iskop ta' din il-komunikazzjoni kwalunkwe referenza għal ''bejgħ online'' tinftiehem bħala "bejgħ online u bejgħ ieħor mill-bogħod". Min-naħa l-oħra, kwalunkwe referenza għal"bejgħ offline" tinftiehem bħala "bejgħ wiċċ imb wiċċ".
(8) L-aspetti ewlenin kemm tal-provvista ta’ kontenut diġitali kif ukoll ta' bejgħ online ta’ oġġetti huma bbażati fuq id-Direttiva dwar il-bejgħ ta’ oġġetti għall-konsumatur u għalhekk ikunu kemm jista’ jkun koerenti. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadotta żewġ strumenti leġiżlattivi, peress li l-ispeċifiċità tal-kontenut diġitali teħtieġ diversi regoli biex jiġu rregolati b’mod differenti minn dawk għal oġġetti. Barra minn hekk, l-iżvilupp teknoloġiku u kummerċjali mgħaġġel ta’ kontenut diġitali se jeħtieġ reviżjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kontenut diġitali u r-reviżjoni tagħhom se jiġu ffaċilitati bl-inkorporazzjoni tagħhom fi strument legali wieħed, jiġifieri d-Direttiva dwar il-provvista ta’ kontenut diġitali.
(9) Pereżempju, il-konformità mal-kuntratt, il-ġerarkija ta’ rimedji u l-eżerċizzju tagħhom, id-dritt tal-konsumatur li jtemm il-kuntratt.
(10)    Dan l-aħħar xi Stati Membri individwali ppromulgaw (UK, NL) jew bdew jaħdmu (IE) fuq regoli mandatorji speċifiċi fuq kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali. Dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali emerġenti huma differenti kemm f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll f'termini ta' sustanza.
(11) Hemm biss regoli ta' armonizzazzjoni minimi dwar il-kunċett tal-konformità mal-kuntratt u dwar rimedji għal oġġetti tanġibbli mhux konformi (taħt id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanziji lill-Konsumatur). Peress li dawn huma standards minimi, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jmorru lil hinn u li jżidu r-rekwiżiti favur il-konsumaturi. Ħafna Stati Membri użaw din il-possibbiltà fuq punti differenti u f’livelli differenti.
(12)  Din l-estensjoni ta’ inverżjoni tal-oneru tal-prova tista’ wkoll tikkontribwixxi għal kwalità ogħla u oġġetti aktar sostenibbli, skont il-Pakkett għall-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea adottat fit-2 ta’ Diċembru 2015.
(13) "L-impatt makroekonomiku tal-kummerċ elettroniku fis-Suq Uniku Diġitali tal-UE". Cardona M., N. duch-brown, J. Francois, B. Martens, F. Yang (2015), Dokument ta’ Ħidma dwar l-Ekonomija Diġitali, IPTS-JRC
(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal- 21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE.
(16) Fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il- Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ( COM(2011)0635 – C7-0329/2011 – 2011/0284(COD) ) il-Parlament Ewropew iddeċieda li jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tas-CESL għal bejgħ onlajn jew bejgħ ieħor mill-bogħod kif ukoll li jestendi r-regoli dwar il-kontenut diġitali li huwa pprovdut minn eżekuzzjoni korrispettiva differenti mill-flus.
(17)  “Studju tas-suq tal-konsumaturi dwar il-funzjonament ta’ Garanziji Legali u Kummerċjali għall-konsumaturi fl-UE” (2015): Fil-fatt, fi ħdan il-perjodu ta’ garanzija legali sħiħ ta’ sentejn, hija biss minoranza tan-negozji li jinsistu fuq il-konsumaturi li jippruvaw ir-responsabilità tal-kummerċjant, u hemm tibdil limitat ħafna fl-imġiba tan-negozjanti qabel jew wara 6 xhur fuq dan il-punt. Żewġ Stati Membri tal-UE (FR,PT) diġà adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal perjodu ta’ sentejn għall-inverżjoni tal-oneru tal-prova.
(18)  Pereżempju, għall-kontenut diġitali, il-perjodu ta’ garanzija legali se jkun bla limitu u l-konsumaturi mhux se jkollhom jippruvaw is-sors ta’ difett għal perjodu ta’ żmien mhux limitat. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jtemmu kuntratti fit-tul u kuntratti li għalihom il-fornitur jagħmel modifiki sostanzjali. Meta jixtru oġġetti online, il-konsumaturi kollha tal-UE ser ikunu jistgħu jitolbu rimedju għal oġġett difettuż mingħajr ma jkollhom għalfejn jippruvaw li d-difett kien jeżisti fil-mument tal-kunsinna għal sentejn sħaħ.. Il-konsumaturi tal-UE mhux se jitilfu d-drittijiet tagħhom jekk dawn ma jinfurmawx lill-bejjiegħ bid-difett fi żmien perjodu partikolari ta’ żmien.
(19) Spejjeż imġarrba minn negozji biex jadattaw il-kuntratti tagħhom għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor huma stmati madwar EUR 9000. Għal aktar dettalji ara l-Anness 5 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposti, SWD (2015) 275.
(20)  Flimkien ma’ aktar penetrazzjoni u użu tal-internet (80 % jew 317-il miljun Ewropew li użaw l-internet fl-2014), numru dejjem jikber ta’ smartphones u tablets, e-readers qed iżid id-domanda għal kontenut diġitali. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li, skont Stħarriġ Flash tal-Eurobarometer 411 "l-aċċess transfruntier għal kontenut diġitali" (2015) "ii-biċċa l-kbira ta’ dawk li jużaw l-internet fl-UE ta’ età bejn 15 u 24 sena bħalissa għandhom aċċess għal xi tip ta’ kontenut diġitali online (87% aċċess tal-mużika online, 80% jaraw kontenut awdjoviżiv online u 58% jniżżlu jew jilagħbu logħob online), din iż-żieda tista’ tkun raġonevolment mistennija li ssir evidenti fil-futur qrib. 
(21)  Id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur; Id-Direttiva 1999/44/KE dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom; Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern; Id-Direttiva 98/6/KE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' oġġetti offruti lill-konsumaturi; Id-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv; Id-Direttiva  2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.
(22)   http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf