Brussell, 7.12.2015

COM(2015) 599 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni


1.Il-Komunikazzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-twaqqif ta’ Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa 1 li ġiet ippubblikata fl-2011, iddeskriviet l-isfidi ta’ sikurezza li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u kkonkludiet li jeħtieġ jiġi żviluppat approċċ iżjed proattiv u bbażat fuq l-evidenza. Il-Komunikazzjoni speċifikat għadd ta’ azzjonijiet prattiċi sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

Numru minn dawk l-azzjonijiet ġew implimentati matul dawn l-aħħar snin, partikolarment bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili 2 . Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM (2015) 613) tkompli tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati mill-Komunikazzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi stabbilit u jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u ta’ protezzjoni ambjentali fl-Ewropa.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-twaqqif ta’ Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza għall-Ewropa” kienet akkumpanjata minn dokument li jiddeskrivi l-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni 3 .

2.L-ewwel edizzjoni tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni 4 huwa magħmul minn sett integrat ta’ Regolamenti fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-attivitajiet u mal-proċessi li jintużaw għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fil-livell Ewropew. Mhuwiex pjan ta’ attivitajiet iżda pjuttost jikkorrispondi b’mod funzjonali mal-Programm għas-Sikurezza tal-Istat fil-livell tal-UE kif deskritt fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jispjega kif tiġi ġestita s-sikurezza fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, mhux biss permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni iżda wkoll permezz ta’ politiki, prattiki u azzjonijiet oħra.

Filwaqt li għandu mnejn jinkludi xi elementi prospettivi (peress li wħud mill-attivitajiet jew mir-regoli jaf ikunu fis-seħħ iżda ma jkunux implimentati għalkollox) l-għan prinċipali tiegħu mhuwiex li jiġi stabbilit pjan direzzjonali għall-ġejjieni. Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jagħti idea tar-regoli u tal-proċessi kollha li qegħdin jikkontribwixxu, b’mod integrat, għall-prevenzjoni ta’ inċidenti u għas-sikurezza tal-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-Unjoni.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni mhuwiex maħsub biex jieħu post id-dokumenti tal-Programm għas-Sikurezza tal-Istat tal-Istati Membri iżda pjuttost li jakkumpanjhom. Ladarba bosta regoli u attivitajiet relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni huma adottati u kkoordinati fil-livell tal-UE, l-Istati Membri għandhom jirreferu għad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fid-dokument tal-Programm għas-Sikurezza tal-Istat tagħhom stess, sabiex jiġi spjegat bis-sħiħ kif tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni fit-territorji nazzjonali tagħhom kif mitlub minnhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tabilħaqq, peress li l-UE lleġiżlat f’bosta oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, ma jkunx possibbli għall-Istati Membri jiddeskrivu kif iġestu s-sikurezza mingħajr ma tkun inkluża d-dimensjoni tal-UE.

Barra minn hekk, f’ċerti oqsma, ir-responsabbiltajiet tal-Istati skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago ġew trasferiti għal-livell tal-Unjoni. Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jispjega kif l-UE tindirizza l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw minn dan it-trasferiment ta’ responsabbiltajiet.

Billi jiddeskrivi l-proċessi li jintużaw għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza fil-livell Ewropew u, b’mod partikolari, il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) jikkooperaw biex jiġu identifikati kundizzjonijiet mhux sikuri u biex tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza, id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jgħin biex jiġi ċċarat fejn jinsabu d-diversi responsabbiltajiet għas-sikurezza fl-UE u kif l-UE kollha tista’ tikseb u żżomm prestazzjoni sodisfaċenti tas-sikurezza. Id-dokument jipprovdi wkoll trasparenza lill-partijiet ikkonċernati kollha li jkollhom interess fis-sikurezza.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jimxi mal-format u mal-istruttura tad-deskrizzjoni ta’ Programm għas-Sikurezza tal-Istat kif deskritt fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago:

L-ewwel parti tad-dokument hija ddedikata għal politiki u għal għanijiet Ewropej tas-sikurezza. B’mod partikolari, fiha d-deskrizzjoni tal-qafas leġiżlattiv Ewropew tal-avjazzjoni u tispjega t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u d-diversi atturi fil-livell tal-UE. Fl-aħħar nett, din il-parti tiddeskrivi l-mekkaniżmi fis-seħħ sabiex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni tal-UE.

It-tieni parti tiffoka fuq il-ġestjoni Ewropea tar-riskji għas-sikurezza. Din il-parti tiddeskrivi r-rekwiżiti eżistenti tal-ġestjoni tas-sikurezza li huma applikabbli għall-industrija u għall-Istati Membri, u tispjega kif ir-riskji għas-sigurtà huma vvalutati u mnaqqsa b’mod kollettiv fl-UE.

It-tielet parti tindirizza d-dimensjoni Ewropea ta’ aċċertament tas-sikurezza u prinċipalment tiddeskrivi kif titwettaq is-sorveljanza tas-sikurezza fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

Fl-aħħar nett, ir-raba’ parti tiddeskrivi l-attivitajiet Ewropej fil-qasam tal-promozzjoni tas-sikurezza fosthom it-taħriġ u l-kooperazzjoni internazzjonali.



3.Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li qiegħed jevolvi

Sabiex jiġi żgurat li l-ġestjoni tas-sikurezza tibqa’ effiċjenti fil-prevenzjoni ta’ inċidenti u fit-tnaqqis tar-riskji, jeħtieġ li taddatta kontinwament għall-bidliet fis-suq tal-avjazzjoni, għall-evoluzzjoni teknoloġika u għall-perikli ġodda li jfeġġu għas-sikurezza. Għalhekk, id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jeħtieġ aġġornamenti regolari sabiex jiġu riflessi dawk il-bidliet. Din il-ħtieġa li l-Kummissjoni taġġorna d-dokument fuq bażi regolari ġiet rikonoxxuta fil-Komunikazzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni (l-Azzjoni 8 tal-Komunikazzjoni).

Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fl-2011 seħħew diversi bidliet leġiżlattivi fl-UE. Xi eżempji ta’ bidliet leġiżlattivi Ewropej mill-2011 ’il hawn huma r-regoli l-ġodda dwar il-Limitazzjonijiet fuq il-Ħin tat-Titjir, dwar l-Operaturi minn Pajjiżi Terzi, dwar l-Operazzjonijiet ta’ Titjir, fil-qasam tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM)/tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru (ANS), għall-ajrudromi kif ukoll dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi.

Minbarra li nbidel il-qafas legali, il-ġestjoni tas-sikurezza evolviet f’oqsma oħra; l-evoluzzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-EASA fil-kuntest tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni hija eżempju wieħed. Barra minn hekk, id-dimensjoni tal-Promozzjoni Ewropea tas-Sikurezza ssaħħet, b’mod partikolari wara l-organizzazzjoni mill-ġdid li seħħet fl-EASA fl-2014.

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni huwa akkumpanjat mill-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li jidentifika r-riskji speċifiċi li attwalment qegħdin jaffettwaw is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni u li jipproponi azzjonijiet sabiex jitnaqqsu u jiġu indirizzati dawn ir-riskji. Filwaqt li sa issa l-proċess għall-iżvilupp ta’ Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, fil-biċċa l-kbira tiegħu kien intern fl-EASA, issa jkun f’waqtu li jingħata dimensjoni u sjieda verament Ewropea, b’mod partikolari permezz ta’ involviment iktar b’saħħtu tal-Istati Membri u tal-industrija. Għal dan l-għan, il-proċess għall-iżvilupp u għall-adozzjoni tal-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ġie rivedut sabiex jinkorpora t-tagħlimiet meħuda wara l-ewwel ċikli ta’ implimentazzjoni. Peress li dan huwa element vitali tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċess tal-iżvilupp, tal-adozzjoni u tal-aġġornament tal-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandhom ikunu deskritti iżjed fid-dettal fid-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Ir-regoli, l-attivitajiet u l-proċessi li huma parti mill-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għandhom jiġu ssorveljati partikolarment sabiex jiġu vvalutati r-rilevanza u l-effettività tagħhom. Dan il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza għandu jiddependi fuq indikaturi li jistgħu jinkludu l-konformità mar-regoli, il-frekwenza ta’ ċertu tip ta’ avvenimenti relatati mas-sikurezza, l-għadd ta’ inċidenti jew ta’ mwiet kif ukoll il-maturità tas-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza.

Dawn l-indikaturi jintużaw mill-Istati sabiex jiġi stabbilit il-Livell Aċċettabbli nazzjonali ta’ Prestazzjoni tas-Sikurezza, li huwa meħtieġ mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u li jindika l-livell minimu ta’ prestazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili li għandu jinkiseb fil-livell nazzjonali. Dan jiġi stabbilit fil-kuntest ta’ kull Programm għas-Sikurezza tal-Istati.

Livell Aċċettabbli ta’ Prestazzjoni tas-Sikurezza li jrid jinkiseb fl-Unjoni jista’ jiġi stabbilit bl-istess mod fil-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex tiġi ssorveljata aħjar il-prestazzjoni tas-sikurezza fis-sistema tal-avjazzjoni tal-UE u sabiex tistabbilixxi l-bidliet li għandhom isiru fid-diversi livelli biex jinkiseb iktar titjib fil-qasam tas-sikurezza.

It-tieni edizzjoni tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, li tirrifletti l-bidliet li ssemmew hawn fuq u li tiddeskrivi l-mod kif inhi ġestita attwalment is-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha, hija adottata bħala Anness ta’ dan ir-Rapport.

(1)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – It-twaqqif ta’ Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa – KUMM/2011/0670 finali.

(2)

     Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.

(3)

     Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, SEC/2011/1261 final.

(4)

     Kif iddefinit fl-Artikolu 2(17) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.


Brussell, 7.12.2015

COM(2015) 599 final

ANNESS

Id-Dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni
It-Tieni Edizzjoni

tar-

RAPPORT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni


Werrej

1.IL-POLITIKI U L-GĦANIJIET EWROPEJ TA’ SIKUREZZA

1.1.Il-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

1.2.Il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar is-sikurezza

1.2.1.L-istruttura tal-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar is-sikurezza

1.2.2.Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli assoċjati

1.2.3.L-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

1.2.4.Ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili9

1.2.5.Lista tal-Unjoni Ewropea tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fl-UE10

1.3.Ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ rendikont tas-sikurezza fl-Unjoni Ewropea11

1.3.1.Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea11

1.3.2.Il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni fis-sistema Ewropea tas-sikurezza12

1.4.L-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti17

1.4.1.Ir-regoli applikabbli17

1.4.2.Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza18

1.4.3.Il-kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra18

1.5.L-infurzar19

1.5.1.L-infurzar fil-konfront tal-Istati Membri19

1.5.2.L-infurzar fil-konfront tal-organizzazzjonijiet regolati tal-industrija 19

2.IL-ĠESTJONI EWROPEA TAR-RISKJI GĦAS-SIKUREZZA21

2.1.Ir-Rekwiżiti tas-Sikurezza għall-Organizzazzjonijiet u għall-Awtoritajiet21

2.2.Il-Ġestjoni tar-Riskji għas-Sikurezza fil-livell tal-UE: il-proċess biex jiġi żviluppat u aġġornat il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni22

2.2.1L-identifikazzjoni tal-Problemi għas-Sikurezza22

2.2.2Il-Valutazzjoni tal-Problemi għas-Sikurezza23

2.2.3Id-Definizzjoni u l-Ipprogrammar ta’ Azzjonijiet dwar is-Sikurezza24

2.2.4L-Implimentazzjoni u s-Segwitu25

2.2.5Il-Prestazzjoni tas-Sikurezza25

2.3.Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza26

2.3.1Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet26

2.3.2Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri fil-livell tal-UE26

3.L-AĊĊERTAMENT TAS-SIKUREZZA EWROPEA28

3.1Is-Sorveljanza tas-Sikurezza28

3.1.1Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fl-Istati Membri28

3.1.2Is-sorveljanza fuq organizzazzjonijiet iċċertifikati28

3.2Il-Ġbir, l-Analiżi u l-Iskambju tad-Dejta dwar is-Sikurezza28

3.3L-immirar tas-sorveljanza ta’ oqsma li huma iktar inkwetanti jew li għandhom iktar bżonn, permezz tad-dejta tas-sikurezza29

3.3.1L-immirar tal-monitoraġġ tal-Istati Membri permezz tad-dejta tas-sikurezza29

3.3.2L-immirar tas-sorveljanza tal-industrija permezz tad-dejta tas-sikurezza30

4.IL-PROMOZZJONI TAS-SIKUREZZA EWROPEA32

4.1L-Attivitajiet fil-Livell tal-UE32

4.1.1Il-komunikazzjoni dwar is-sikurezza32

4.1.2L-Inizjattiva Ewropea ta’ Sikurezza Strateġika (ESSI)33

4.2Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-livell tal-UE34

4.3It-taħriġ fil-livell tal-UE34

4.3.1Il-Grupp ta’ Inizjattivi Komuni ta’ Taħriġ (CTIG)35

4.3.2Il-kunċett ta’ taħriġ35

Lista ta’ akronimi37



Introduzzjoni

Id-dokument jiddeskrivi l-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni billi jagħti d-dettalji dwar is-sett integrat ta’ Regolamenti fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-attivitajiet u mal-proċessi li jintużaw għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fil-livell Ewropew.

Il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jikkorrispondi b’mod funzjonali mal-Programm għas-Sikurezza tal-Istati fil-livell tal-UE, kif deskritt fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni mhuwiex maħsub biex jieħu post id-dokumenti tal-Programm għas-Sikurezza tal-Istati Membri iżda pjuttost li jakkumpanjhom.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jispjega kif tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni minn perspettiva Ewropea. Ladarba bosta regoli u attivitajiet relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni huma adottati u kkoordinati fil-livell tal-UE, l-Istati Membri għandhom jirreferu għad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni fid-dokument tal-Programm għas-Sikurezza tal-Istat tagħhom stess, sabiex jiġi spjegat bis-sħiħ kif tiġi ġestita s-sikurezza tal-avjazzjoni fit-territorju nazzjonali tagħhom. Tabilħaqq, l-UE lleġiżlat f’ċerti oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, u mhuwiex possibbli għall-Istati Membri li jiddeskrivu kif iġestu s-sikurezza tagħhom mingħajr ma tkun inkluża d-dimensjoni tal-UE. Barra minn hekk, f’ċerti oqsma, ir-responsabbiltajiet tal-Istati skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago ġew trasferiti għal-livell tal-Unjoni. Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jispjega kif l-UE tindirizza l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw minn dawn ir-responsabbiltajiet delegati.

Id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jimxi mal-format u mal-istruttura tad-deskrizzjoni ta’ Programm għas-Sikurezza tal-Istat kif deskritt fl-Anness 19 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-għan tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni huwa li s-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea twassal l-ogħla livell ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, li titgawda b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha, u kulma jmur tkompli tittejjeb, filwaqt li jitqiesu għanijiet rilevanti oħra, fosthom il-protezzjoni ambjentali.

Billi jiddeskrivi l-proċessi li jintużaw għall-ġestjoni konġunta tas-sikurezza fil-livell Ewropew u, b’mod partikolari, il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jikkooperaw biex jiġu identifikati kundizzjonijiet mhux sikuri u biex tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-sikurezza, id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sikurezza ta’ livell għoli fl-UE kollha li huma ddefiniti fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, jiżgura li dawk kollha li huma involuti jkunu konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom u li r-regoli u l-proċessi kollha jkunu fis-seħħ sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni u b’hekk dan jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-aċċidenti fir-reġjun Ewropew u lil hinn minnu.

1.IL-POLITIKI U L-GĦANIJIET EWROPEJ TA’ SIKUREZZA

1.1.Il-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

Il-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni hija s-sett ta’ regoli u ta’ proċessi ġuridiċi li huma fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza. Din il-Politika tippromwovi regoli li huma armonizzati u li jiffaċilitaw il-moviment ħieles ta’ prodotti, ta’ servizzi u ta’ persuni involuti fl-avjazzjoni ċivili.

L-għan tal-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni huwa li r-regoli u l-proċessi li jikkontribwixxu għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea, iwasslu l-ogħla livell ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, li titgawda b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha, u kulma jmur tkompli titjieb, filwaqt li jitqiesu għanijiet rilevanti oħra, fosthom il-protezzjoni ambjentali. Sabiex ikun hemm prestazzjoni ta’ sikurezza ta’ livell tant għoli, l-Unjoni Ewropea hija appoġġata mill-Istati Membri, li l-politiki nazzjonali tagħhom dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tal-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni hija bbażata fuq kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (minn hawn ’il quddiem “EASA” jew “l-Aġenzija”), l-Istati Membri, kif ukoll l-industrija li tipparteċipa fis-suq Ewropew tal-avjazzjoni.

Il-livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej u ta’ dawk li jivvjaġġaw jiddependi prinċipalment fuq l-adozzjoni ta’ regoli komuni ta’ sikurezza u fuq miżuri li jiżguraw li l-prodotti, il-persuni u l-organizzazzjonijiet 1 fl-UE jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli.

Din is-sistema hija akkumpanjata minn investigazzjonijiet rigorużi ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti li jippermettu li jiġu identifikati d-diskrepanzi fis-sikurezza u li tittieħed azzjoni biex id-diskrepanzi jitneħħew. Il-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tinkludi wkoll l-użu ta’ elementi iżjed proattivi u bbażati fuq l-evidenza li jimmiraw għall-identifikazzjoni tar-riskji li jheddu l-iktar is-sikurezza u biex tittieħed azzjoni biex dawk ir-riskji jitnaqqsu.

1.2.Il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar is-sikurezza

1.2.1.L-istruttura tal-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar is-sikurezza

L-Artikolu 4(2) (g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li t-trasport huwa kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 100 (2) tal-istess Trattat jippermetti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa għat-trasport bl-ajru, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Għalhekk, ir-rekwiżiti ġuridiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni jistgħu jiġu ddefiniti fil-livell Ewropew, permezz tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea.

Il-qafas leġiżlattiv Ewropew dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili huwa magħmul minn Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jkunu komposti, meta dan ikun rilevanti, minn Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-atti legali rilevanti huma inklużi l-mekkaniżmi għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-effettività tal-leġiżlazzjoni, li potenzjalment iwasslu għal reviżjoni tal-qafas.

Id-dijagramma ta’ hawn taħt tagħti taqsira tal-leġiżlazzjoni applikabbli tas-sikurezza tal-avjazzjoni li ġiet adottata fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Dijagramma 1. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni

   Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

   Ir-Regolament tal-Kummissjoni

Id-dettall tal-leġiżlazzjoni applikabbli Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni jista’ jinstab fuq is-sit web EUR-Lex, fil-Kapitolu  07.40.30 tat-taqsima msejħa Direttorju tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea 2 .

1.2.2.Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli assoċjati

1.2.2.1.Ir-rekwiżiti legali

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 3 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Nru 216/2008”) huwa l-qalba tas-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE. Dan jimmira li jiġi stabbilit u li jinżamm livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa billi jiġu stabbiliti regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili. Jippermetti wkoll ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati, jintroduċi proċess ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni sabiex tiġi ssorveljata l-applikazzjoni tar-regoli mill-Istati Membri u joħloq l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Ir-Regolament Nru 216/2008 jiddefinixxi “ir-rekwiżiti essenzjali” li jistabbilixxu għanijiet u obbligi ta’ livell għoli fuq l-awtoritajiet, il-persuni u l-organizzazzjonijiet sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 216/2008. Ir-rekwiżiti essenzjali jimplimentaw l-istandards u l-prattiki rakkomandati stipulati bl-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Dawn jirrigwardaw il-prodotti, il-partijiet u l-apparat ajrunawtiċi, l-operaturi involuti fit-trasport bl-ajru, kif ukoll il-bdoti u l-persuni, il-prodotti u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ u fl-eżami mediku tagħhom, l-ajrudromi u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) ipprovduti fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li għalih japplika t-Trattat tal-UE.

Bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, inkluż dawk li huma deskritti fid-dijagramma inkluża fit-Taqsima 1.2.1.

Dawn ir-regoli kollha japplikaw direttament fl-Istati Membri u ma jirrikjedux miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

Fl-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza rikjesti bir-Regolament Nru 216/2008 u bir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jitwettqu fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Madankollu, f’ċerti każijiet definiti b’mod ċar, l-EASA hija l-awtorità kompetenti u għandha s-setgħa li toħroġ ċertifikati u li tieħu l-miżuri relatati ta’ infurzar.

1.2.2.2.Il-miżuri tal-Aġenzija

L-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008 u tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tiegħu hija appoġġata, meta dan ikun rilevanti, bi Speċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni (CS), b’Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC) u b’Materjal ta’ Gwida (GM).

Is-CS huma standards tekniċi mhux vinkolanti li ġew adottati mill-Aġenzija u li jindikaw il-mezzi ta’ konformità mar-Regolament Nru 216/2008 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, u li jistgħu jintużaw minn organizzazzjonijiet għall-fini ta’ ċertifikazzjoni.

L-AMCs huma standards mhux vinkolanti li ġew adottati mill-Aġenzija u li jistgħu jintużaw minn persuni u minn organizzazzjonijiet biex tiġi stabbilita konformità mar-Regolament Nru 216/2008 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jew mas-CS; meta jkun hemm konformità mal-AMC, ir-rekwiżiti relatati tar-regoli ta’ implimentazzjoni jew l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni jitqiesu li ġew issodisfati.

Il-GM huwa materjal mhux vinkolanti li ġie żviluppat mill-Aġenzija u li jgħin biex tiġi spjegata t-tifsira ta’ rekwiżit jew ta’ speċifikazzjoni, u jintuża biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament Nru 216/2008, tar-regoli ta’ implimentazzjoni, tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u tal-Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità.

1.2.2.3.L-Arranġamenti ta’ Flessibbiltà

Peress li l-avjazzjoni hija attività kumplessa, ir-regoli ma jirnexxilhomx ikopru is-sitwazzjonijiet kollha u jeħtieġ ċertu ammont ta’ flessibbiltà biex l-attivitajiet ikunu jistgħu jseħħu filwaqt li jinżamm livell adegwat ta’ sikurezza.

Għal dan l-għan, fir-Regolament Nru 216/2008 hemm dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Istati Membri:

jieħdu miżuri immedjati sabiex tiġi indirizzata problema ta’ sikurezza;

jagħtu eżenzjonijiet fil-każ ta’ ċirkostanzi operattivi urġenti li ma jkunux previsti jew fil-każ ta’ ħtieġa operattiva ta’ tul limitat ta’ żmien;

jagħtu derogi mid-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008 meta jista’ jinkiseb livell ekwivalenti ta’ sikurezza.

Skont it-tip ta’ miżuri meħuda, dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-EASA, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-oħra. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-EASA hija responsabbli biex tivvaluta n-notifiki u b’konsegwenza ta’ dan tipprovdi r-Rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, li tadotta d-Deċiżjoni finali sabiex jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta’ sikurezza kif ukoll funzjonament tajjeb tas-Suq Intern.

Il-miżuri ta’ flessibbiltà li jkunu meħuda jew li jkunu proposti mill-Istati Membri abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ flessibilità jiġu evalwati mhux biss fir-rigward tal-ekwivalenza tal-valur tagħhom ta’ sikurezza, jew tal-valur ta’ sikurezza tal-kundizzjonijiet mehmuża magħhom, iżda wkoll fir-rigward tar-raġunijiet mogħtija sabiex tiġi ġġustifikata l-ħtieġa li tingħata deroga.

1.2.2.4.In-natura tar-Regolament Nru 216/2008 u tar-regoli relatati

Il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti legali inklużi fir-Regolament Nru 216/2008 u fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tiegħu huma f’format ta’ regoli preskrittivi, jiġifieri regoli li jiffukaw ċerti mezzi sabiex jilħqu għan partikolari. Dan l-approċċ preskrittiv, li kien standard internazzjonali sa issa, ippermetta lill-UE tikseb ir-rekords attwali tajbin ta’ sikurezza. Barra minn hekk, ir-regoli preskrittivi jagħtu lok għaċ-ċertezza tad-dritt u għall-kontroll sempliċi tal-konformità.

Madankollu, l-esperjenza wriet li l-konformità sempliċi waħedha mar-Regolamenti preskrittivi mhux dejjem tiggarantixxi s-sikurezza u jaf ma tindirizzax biżżejjed ir-riskji minn settur tal-avjazzjoni għall-ieħor. Barra minn hekk, ir-regoli dettaljati preskrittivi jaf ma jissodisfawx b’mod xieraq il-ħtiġijiet ta’ ċerti setturi bħall-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs) u bħall-Avjazzjoni Ġenerali peress li dawn jaf jiġu kkunsidrati sproporzjonati u kumplessi wisq. Għal xi partijiet tal-industrija tal-avjazzjoni, ir-regoli preskrittivi jaf idewmu t-titjib teknoloġiku tas-sikurezza u l-introduzzjoni ta’ titjib fl-effiċjenza, minħabba l-enfasi tagħhom fuq metodi u soluzzjonijiet speċifiċi iktar milli fuq l-eżiti u minħabba li ma tantx iħallu wisq flessibbiltà.

Għalhekk, f’ċerti każijiet speċifiċi, l-Unjoni Ewropea bdiet tadotta rekwiżiti legali li jiffukaw fuq eżitu li jkun rikjest, u tħalli flessibbiltà dwar il-mezzi li jintużaw biex jinkiseb dan l-eżitu. “Regoli bbażati fuq il-prestazzjoni” bħal dawn, ġew adottati b’mod partikolari fl-oqsma tal-Ġestjoni tar-Riskji tal-Għeja u tal-Istandards tad-Disinn tal-Ajrunavigabbiltà.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet għandhom il-possibbiltà li jipproponu Mezzi Alternattivi ta’ Konformità, jiġifieri mezzi alternattivi li ma jkunux bħal dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 216/2008 u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Dawn huma mezzi li jipproponu alternattiva għal AMC eżistenti jew dawk li jipproponu mezzi ġodda sabiex tiġi stabbilita l-konformità meta ma jkun ġie adottat l-ebda AMC assoċjat mill-Aġenzija. Dawn il-mezzi jħallu flessibbiltà għall-entitajiet regolati sabiex isibu mezzi oħra biex jintlaħaq l-għan tar-Regolament. Dan irid jintwera u jrid jiġi approvat.

Fil-ġejjieni, meta dan ikun xieraq, l-Unjoni Ewropea hija mistennija tuża iktar ir-rekwiżiti legali bbażati fuq il-prestazzjoni, jew meta tadotta leġiżlazzjoni ġdida jew inkella meta timmodifika leġiżlazzjoni eżistenti.

1.2.3.L-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

Ir-regoli applikabbli għall-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti huma ddefiniti fil-livell Ewropew, fi ħdan ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 4 (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament Nru 996/2010”). Dan jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ta’ ħeffa u ta’ kwalità fl-investigazzjonijiet Ewropej tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili; bl-għan uniku tal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti fil-ġejjieni mingħajr ma jiġu attribwiti t-tort jew l-imputabbiltà. Dan ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza billi jiġi stabbilit Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) u jintroduċi dispożizzjonijiet għall-ħżin tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u tar-rispons assoċjat tagħhom f’bażi ta’ dejta tal-UE.

Iżjed tagħrif dwar il-proċessi tal-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti fl-Unjoni Ewropea huwa mehmuż fit-taqsima 1.4.

1.2.4.Ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili

Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 5 (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament Nru 376/2014”) jinkludi regoli relatati mar-rappurtar, mal-analiżi u mas-segwitu ta’ okkorrenzi. Din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti bl-għan li titrawwem kultura soda ta’ rappurtar. Tistipula wkoll obbligi għall-industrija, għall-Istati Membri u għall-EASA sabiex jiġbru u janalizzaw l-okkorrenzi, bl-għan li jiġu appoġġati l-proċessi tagħhom ta’ ġestjoni tas-sikurezza. Fl-aħħar nett, tiżgura li l-informazzjoni tiġi mħarsa b’mod xieraq u tiġi kondiviża fost l-Istati Membri u mal-EASA.

Iżjed tagħrif dwar dawn ir-regoli huwa mehmuż fit-taqsima 3.2.

1.2.5.Lista tal-Unjoni Ewropea tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fl-UE

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 6 (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament Nru 2111/2005”) jistabbilixxi regoli dwar l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni ta’ lista tal-UE, ibbażata fuq kriterji komuni, ta’ trasportaturi tal-ajru li, għal raġunijiet ta’ sikurezza, huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fl-Unjoni. Il- lista ta’ trasportaturi tal-ajru projbiti 7 li ġiet adottata abbażi ta’ dan ir-Regolament hija fiha nnifisha Regolament u għaldaqstant għandha valur ġuridiku fl-Istati Membri tal-UE. Il-lista ta’ trasportaturi tal-ajru projbiti hija stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 8 . Il-lista tiġi aġġornata regolarment.

Bl-iskop li tiġi aġġornata l-lista, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-“Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru” li huwa magħmul minn esperti tekniċi tas-sikurezza tal-ajru mill-Istati Membri kollha tal-UE (kif ukoll mill-Iżlanda, min-Norveġja u l-Iżvizzera) u ppresedut mill-Kummissjoni. Filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, il-“Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru” jadotta l-opinjoni tiegħu b’maġġoranza kwalifikata 9 .

Id-deċiżjoni biex trasportatur tal-ajru (jew grupp ta’ trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-istess Stat) jiġi inkluż jew jitneħħa mil-lista tiġi meħuda abbażi tal-kriterji komuni tas-sikurezza li jinsabu fir-Regolament Nru 2111/2005. Dawn il-kriterji jqisu, pereżempju, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fis-sikurezza min-naħa ta’ trasportatur tal-ajru, in-nuqqas ta’ ħila jew ta’ rieda ta’ trasportatur tal-ajru jew ta’ awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tiegħu li jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-sikurezza, il-projbizzjonijiet ta’ operar imposti minn pajjiżi terzi, ir-rapporti ta’ awditjar imfassla minn pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali (ICAO) u t-tagħrif sostanzjat li jkun relatat mal-aċċidenti. Il-kriterji kollha huma bbażati fuq standards internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

1.3.Ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ rendikont tas-sikurezza fl-Unjoni Ewropea

1.3.1.Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti, fost ħafna miżuri oħra, l-adozzjoni ta’ miżuri għat-titjib tas-sikurezza tat-trasport bl-ajru li jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Leġiżlazzjoni bħal din tiġi proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li għandha d-dritt ta’ inizjattiva, u tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li ta’ sikwit huma msejħa l-“koleġiżlaturi”. Il-Parlament Ewropew, elett miċ-ċittadini Ewropej, u l-Kunsill, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, jistgħu jemendaw it-test propost mill-Kummissjoni, abbażi tar-rekwiżiti tat-Trattati. L-adozzjoni mill-koleġiżlaturi, tassumi li fl-aħħar mill-aħħar jaqblu bejniethom dwar test korrispondenti.

Ladarba kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu approvaw it-test finali, dan jiġi ffirmat b’mod konġunt mill-Presidenti u mis-Segretarji Ġenerali taż-żewġ istituzzjonijiet. Wara l-iffirmar, it-testi jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

Ir-Regolamenti huma direttament vinkolanti fl-UE kollha mid-data stabbilita fil-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

L-atti adottati skont il-proċedura ta’ hawn fuq jistgħu jinkludu setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni biss għandha dawn is-setgħat jekk l-att legali bażiku jipprevedi dan.

Ta’ sikwit, is-setgħat ta’ implimentazzjoni huma previsti abbażi tal-kundizzjoni li l-Kummissjoni trid tippreżenta l-abbozz tar-regola lil kumitat li jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat jipprovdi opinjoni dwar il-miżuri proposti tal-Kummissjoni. L-effetti ta’ dawn l-opinjonijiet ivarjaw, u jiddependu fuq il-proċedura partikolari li tkun speċifikata fl-att legali inkwistjoni. Minbarra l-kontroll eżerċitat mill-Istati Membri permezz tal-kumitati, is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal kontrolli addizzjonali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, jistgħu jkunu involuti tliet kumitati:

il-“Kumitat dwar l-EASA” li huwa kompetenti biex jipprovdi opinjonijiet dwar abbozzi ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tar-Regolamenti Nru 216/2008 u Nru 376/2014,

il-“Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru” li huwa involut fl-aġġornament tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar skont ir-Regolament Nru 2111/2005,

il-“Kumitat dwar l-Ajru Uniku” li huwa kompetenti għar-regoli fil-qasam tal-ATM u tal-ANS.

Il-possibbiltà li ċerti setgħat jiġu delegati lill-Kummissjoni hija prevista wkoll fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 290). Dawn it-tip ta’ setgħat delegati jinsabu f’ċerti Regolamenti iktar reċenti. Madankollu, sa issa ma ġewx eżerċitati mill-Kummissjoni.

1.3.2.Il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni fis-sistema Ewropea tas-sikurezza

1.3.2.1.Sommarju tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet fis-sistema Ewropea tas-sikurezza

Dijagramma 2. Awtoritajiet Kompetenti skont ir-regoli tal-UE

QASAM TA’ KOMPETENZA

STATI MEMBRI

EASA

Ajrunavigabbiltà u ambjent

Ċertifikazzjoni tal-ajrunavigabbiltà ta’ inġenju tal-ajru (individwali)

Ċertifikazzjoni tat-tip tal-inġenji tal-ajru, tal-magni u tal-iskrejjen

Ċertifikazzjoni tal-istorbju ta’ inġenju tal-ajru

Ċertifikazzjoni ta’ partijiet u ta’ apparati

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tad-disinn

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produzzjoni

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produzzjoni minn pajjiżi terzi

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produzzjoni li jinsabu fi ħdan Stat Membru fuq talba ta’ Stat Membru

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni minn pajjiżi terzi

Approvazzjoni ta’ ajrunavigabbiltà kontinwa

ta’ organizzazzjonijiet tal-ġestjoni

Approvazzjoni ta’ ajrunavigabbiltà kontinwa ta’ organizzazzjonijiet tal-ġestjoni minn pajjiżi terzi

Għoti tal-liċenzja lill-persunal taċ-ċertifikazzjoni

Approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ għal

persunal taċ-ċertifikazzjoni

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tat-taħriġ għal persunal taċ-ċertifikazzjoni minn pajjiżi terzi

Operazzjonijiet bl-ajru

Ċertifikazzjoni ta’ operaturi kummerċjali tal-ajru

Awtorizzazzjonijiet ta’ operaturi minn pajjiżi terzi

Ekwipaġġ tal-ajru u l-qasam mediku

Għoti tal-liċenzja u ċertifikazzjoni medika tal-bdoti

Attestazzjoni ta’ ekwipaġġ tal-kabina

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-bdoti minn pajjiżi terzi

Approvazzjoni ta’ ċentri ajrumediċi

Approvazzjoni ta’ ċentri ajrumediċi minn pajjiżi terzi

Ċertifikazzjoni ta’ Apparat ta’ Taħriġ ta’ Simulazzjoni tat-Titjir (FSTDs)

Ċertifikazzjoni ta’ FSTDs:

– li jintużaw minn organizzazzjonijiet tat-taħriġ iċċertifikati mill-EASA

– li jinsabu f’pajjiż terz

– li jinsabu fi Stat Membru fuq talba ta’ Stat Membru

Ċertifikazzjoni ta’ għalliema tat-titjir, ta’ eżaminaturi u ta’ eżaminaturi ajrumediċi

ATM/ANS

Ċertifikazzjoni ta’ fornituri tal-ATM/tal-ANS

Ċertifikazzjoni ta’ fornituri tal-ATM/tal-ANS minn pajjiżi terzi

Ċertifikazzjoni ta’ fornituri pan-Ewropej tal-ATM/tal-ANS

Għoti tal-liċenzja u ċertifikazzjoni medika tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

Ċertifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru

Ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru minn pajjiżi terzi u tal-persunal tagħhom

Ċertifikazzjoni ta’ eżaminaturi ajrumediċi u ta’ ċentri mediċi

Ċertifikazzjoni ta’ għalliema tat-titjir

Ajrudromi

Ċertifikazzjoni ta’ ajrudromi, it-tħaddim tagħhom u t-tagħmir tagħhom relatat mas-sikurezza

Ċertifikazzjoni ta’ operaturi tal-ajrudromi

Dijagramma 3. L-interrelazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati fis-sistema Ewropea tas-sikurezza

1.3.2.2.L-Istati Membri

L-Istati Membri, bħala tali, mhumiex involuti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Madankollu, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri huwa koleġiżlatur flimkien mal-Parlament Ewropew (ara t-taqsima 1.3.1). L-Istati Membri (iżda mhux il-Kunsill bħala tali) huma wkoll parti mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każ tal-atti ta’ implimentazzjoni (ara t-taqsima 1.3.1).

Skont il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għar-regolamentazzjoni ta’:

(a)    L-ajrunavigabbiltà tal-inġenji tal-ajru mniżżla fl-Anness II tar-Regolament Nru 216/2008 (eż. ċerti inġenji tal-ajru storiċi, inġenji tal-ajru sperimentali, inġenji tal-ajru ħfief, eċċ);

(b)    L-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru waqt it-twettiq ta’ attivitajiet jew servizzi militari, doganali, tal-pulizija, ta’ tiftix u ta’ salvataġġ, tat-tifi tan-nar, tal-gwardja tal-kosta jew attivitajiet jew servizzi simili;

(c)    L-ATM/l-ANS, inklużi sistemi u kostitwenti, li huma pprovduti mill-militar jew li saru disponibbli permezz tal-militar;

(d)    L-ajrudromi li huma kkontrollati u mħaddma mill-militar;

(e)    L-ajrudromi li ma jissodisfawx minn tal-inqas waħda mill-kriterji li ġejjin:

(i)    miftuħa għal użu pubbliku

(ii)    jaqdu t-Trasport Kummerċjali bl-Ajru

(iii)    huma pprovduti operazzjonijiet li jużaw proċeduri ta’ avviċinament bl-istrumenti jew tat-tluq u

a.    ikollhom runway pavimentata ta’ 800 metru jew iżjed; jew

b.    jaqdu l-ħelikopters b’mod esklużiv;

(f)    L-ajrudromi li jissodisfaw il-kriterji kollha li huma deskritti f’(e) iżda huma iżgħar minn ċertu daqs, abbażi ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru.

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni tiġi adottata fil-livell Ewropew, l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżgurar tas-sikurezza tal-avjazzjoni fit-territorju tagħhom u fl-ispazju tal-ajru tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-kompiti taċ-ċertifikazzjoni rikjesti bir-Regolament Nru 216/2008 u bir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jitwettqu fil-livell nazzjonali, fosthom approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u għoti tal-liċenzja lill-persunal. L-Istati Membri jissorveljaw dan il-persunal u dawn l-organizzazzjonijiet, iwettqu l-awditjar, il-valutazzjonijiet u l-ispezzjonijiet, u jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tan-nuqqas ta’ konformità.

Madankollu, f’ċerti oqsma, iċ-ċertifikati jinħarġu fil-livell Ewropew. Tabilħaqq, f’dawk l-oqsma, l-Istati Membri ttrasponew ir-responsabbiltajiet li huma ta’ kompetenza tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago lill-UE (ara d-dijagramma 2 ta’ hawn fuq għad-dettalji).

L-Istati Membri huma responsabbli wkoll, skont l-Istandards tal-ICAO, għall-iżvilupp ta’ Programm għas-Sikurezza tal-Istat, li jimxi mal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u li jappoġġa t-twettiq tal-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

1.3.2.3.L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA)

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ġiet stabbilita fl-2002 sabiex tagħti lok għal arranġamenti aħjar fl-oqsma kollha li huma koperti bir-Regolament Nru 216/2008, sabiex ċerti kompiti li jitwettqu fil-livell tal-UE, jitwettqu minn korp espert speċjalizzat uniku. Il-persunal tal-EASA huwa magħmul minn iżjed minn 700 espert u amministratur tal-avjazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-UE. Il-kwartieri ġenerali jinsabu f’Cologne (Il-Ġermanja) b’uffiċċju fi Brussell u tliet uffiċċji oħra, f’Washington (L-Istati Uniti tal-Amerka), Montreal (Il-Kanada) u Beijing (Iċ-Ċina).

L-EASA hija indipendenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet tekniċi u għandha awtonomija ġuridika, amministrattiva u finanzjarja. Għandha personalità ġuridika u teżerċita l-kompiti u r-responsabbiltajiet mogħtija lilha bir-Regolament Nru 216/2008.

Il-Bord ta’ Ġestjoni tal-EASA, li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, jiddefinixxi l-programm ta’ ħidma tal-EASA, jistabbilixxi l-baġit tagħha u jissorvelja l-operat tal-Aġenzija.

L-EASA taġixxi bħala l-awtorità kompetenti fl-oqsma tal-avjazzjoni deskritti fid-dijagramma 2 ta’ hawn fuq. F’dan il-kuntest, mill-2003, l-EASA hija responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tat-tip tal-inġenji tal-ajru fl-UE. Iċ-ċertifikat maħruġ mill-EASA jixhed li t-tip tal-inġenju tal-ajru jissodisfa r-rekwiżiti tas-sikurezza stipulati bil-leġiżlazzjoni Ewropea. L-EASA tissorvelja l-prestazzjoni tat-tipi tal-inġenji tal-ajru waqt li jkunu operattivi, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta’ inġenju tal-ajru li jkun prodott abbażi tad-disinn tat-tip. F’dan il-kuntest, meta tkun identifikat kundizzjoni mhux sikura, l-EASA tista’ tordna li tiġi meħuda azzjoni. Għal dak l-għan, toħroġ “Direttivi dwar l-Ajrunavigabbiltà” li huma indirizzati lejn id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip u li jridu jiġu segwiti mill-operaturi fil-kuntest ta’ manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru individwali tagħhom.

L-EASA twettaq ukoll il-kompiti u r-responsabbiltajiet varji deskritti fid-dijagramma 3 ta’ hawn fuq. B’mod partikolari, dan jinkludi t-tħejjija u l-adozzjoni ta’ opinjonijiet li jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-partijiet tekniċi tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

Il-korpi konsultattivi jgħinu lill-EASA fit-tfassil ta’ dawn l-opinjonijiet u jagħtu pariri dwar il-kontenut, il-prijoritajiet u t-twettiq tal-programm ta’ regolamentazzjoni tal-EASA. L-Aġenzija tipprepara u tadotta wkoll il-miżuri (CS, AMC u GM) li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli tekniċi komuni.

Barra minn hekk, l-EASA twettaq spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni fl-Istati Membri sabiex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 216/2008 kif ukoll tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu (ara wkoll it-taqsima 3.1.1) mill-Istati Membri. L-Aġenzija tirrapporta lill-Kummissjoni.

Tiżgura wkoll, f’isem il-Kummissjoni, is-sorveljanza tal-Ġestjoni tan-Netwerk għall-funzjonijiet ta’ netwerk tal-Ajru Uniku Ewropew (SES). Barra minn hekk, tista’ tinvestiga l-organizzazzjonijiet.

L-EASA għandha wkoll is-setgħa li tawtorizza lit-trasportaturi kummerċjali tal-ajru minn pajjiżi terzi jtiru lejn it-28 Stat Membru tal-UE u l-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera), fihom, jew minnhom. L-EASA tieħu ħsieb biss il-parti tal-valutazzjoni tal-operaturi barranin li hija relatata mas-sikurezza. Il-permessi ta’ operar ikomplu jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-EASA tikkoordina l-programm Ewropew ta’ kontrolli fir-rampa msejjaħ SAFA (Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Inġenji tal-Ajru Barranin) fir-rigward tas-sikurezza tal-inġenji tal-ajru barranin li jużaw l-ajruporti tal-Unjoni.

B’mod iktar ġenerali, l-EASA tagħti pariri tekniċi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, meta dan ikun xieraq.

Twettaq ukoll kompiti fil-qasam tal-ġbir tad-dejta, tal-analiżi u tar-riċerka sabiex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni. F’dan il-kuntest, hija appoġġata min-Netwerk ta’ Analisti tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (NoA), mit-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Kummerċjali (ECAST), mit-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Ħelikopters (EHEST) u mit-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ġenerali (EGAST).

L-EASA hija wkoll membru taċ-Ċellola Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet tal-Avjazzjoni li hija responsabbli biex tikkoordina l-ġestjoni tar-rispons għal kriżi tan-netwerk fil-qasam tal-avjazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-EASA hija responsabbli għat-tħejjija u għall-adozzjoni tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS) 10 (ara t-taqsima 2.2 għal tagħrif dettaljat dwar l-EPAS u l-proċess tal-adozzjoni tiegħu).

1.3.2.4.Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għat-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi Ewropej skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (ara wkoll it-taqsima 1.3.1) u għat-tħejjija u għall-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni meta previsti skont l-att legali bażiku.

Ladarba l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi adottata, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-applikazzjoni korretta u f’waqtha tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni korretta mill-Istati Membri (ara wkoll it-taqsima 3.1.1).

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tieħu azzjoni jekk Stat Membru jkun issuspettat li kiser id-dritt tal-Unjoni. Jekk l-ebda soluzzjoni ma tkun tista’ tinstab fi stadju bikri, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċediment formali ta’ ksur u eventwalment tressaq l-Istat Membru quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddeċiedu dwar il-baġit annwali tal-UE u l-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tiżgura l-allokazzjoni ta’ biżżejjed fondi għal dawk l-attivitajiet imwettqa mill-EASA li jiddependu fuq finanzjament mill-UE.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għat-tħejjija, għall-aġġornament u għall-adozzjoni tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Sabiex jiġi żviluppat id-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, il-Kummissjoni hija appoġġata minn grupp ta’ ħidma magħmul mir-rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-EASA. Meta jkun rilevanti, il-Kummissjoni, megħjuna minn dan il-grupp ta’ ħidma, tħejji aġġornament tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex jiġu riflessi l-bidliet introdotti fil-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-Istati Membri u lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-EASA. L-ewwel edizzjoni tad-dokument tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ġiet ippubblikata fl-2011. It-tieni waħda huwa d-dokument attwali. It-tielet edizzjoni tista’ tkun mistennija lejn l-2019 sabiex jiġu riflessi l-bidliet li jkunu ġew introdotti fl-istruttura tal-qafas tal-Programm għas-Sikurezza tal-Istat fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-Anness 19 tal-ICAO, kif ukoll dawk li jkunu ġejjin mir-reviżjoni tar-Regolament Nru 216/2008 li ġie propost mill-Kummissjoni fl-2015.

1.3.2.5.L-Eurocontrol

L-Eurocontrol mhijiex korp tal-UE, iżda hija bbażata fuq ftehim multilaterali li għadd ta’ pajjiżi terzi huma Partijiet tiegħu. Din tipprovdi għarfien tekniku espert lill-EASA u lill- Istati Membri sabiex jinkisbu operazzjonijiet sikuri tat-traffiku bl-ajru fir-reġjun Ewropew. L-Eurocontrol taħdem flimkien ma’ imsieħba tal-avjazzjoni sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES).

L-Unjoni ffirmat u kkonkludiet Protokoll li fih hija prevista l-adeżjoni tagħha mal-Eurocontrol, iżda dak il-Protokoll għadu ma daħalx fis-seħħ. F’Diċembru tal-2012, l-UE u l-Eurocontrol ikkonkludew ftehim li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa. Il-partijiet qablu li jsaħħu u jikkonsolidaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eurocontrol sabiex dan jippermetti li l-Eurocontrol tappoġġa lill-UE fl-implimentazzjoni tal-SES u ta’ politiki relatati tal-UE fi ħdan l-UE, u lil hinn mill-UE f’dawk l-Istati li jaqblu li jintrabtu skont dan.

1.4.L-investigazzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti

1.4.1.Ir-regoli applikabbli

Ir-responsabbiltà li jiġu investigati l-aċċidenti u l-inċidenti sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni, billi jiġu ddeterminati l-kawżi tagħhom u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza bil-ħsieb li ma jerġgħux jirrepetu ruħhom, tibqa’ tal-Istati Membri. 

Ir-Regolament Nru 996/2010 jipprovdi l-bażi ġuridika fil-livell tal-UE għall-investigazzjoni u għall-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti. Dan jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ta’ ħeffa u ta’ kwalità fl-investigazzjonijiet Ewropej tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, bl-għan uniku li jkun hemm il-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti fil-ġejjieni mingħajr ma jiġu attribwiti t-tort jew l-imputabbiltà. Dawn ir-regoli jiżguraw b’mod partikolari li l-awtorità inkarigata tinvestiga l-aċċidenti u l-inċidenti (l-Awtorità għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza – AIS) tkun indipendenti minn organizzazzjonijiet statali oħra tal-avjazzjoni u minn kwalunkwe parti jew entità oħra li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt mal-kompitu fdat lill-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza jew jistgħu jinfluwenzaw l-oġġettività tagħha. Ir-regoli jipprevedu li l-attivitajiet tal-AIS jistgħu jiġu estiżi għall-ġbir u għall-analiżi ta’ tagħrif relatat mas-sikurezza tal-avjazzjoni, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-aċċidenti. Dawn l-attivitajiet, l-istudji jew l-analiżi ta’ serje ta’ investigazzjonijiet jistgħu wkoll iwasslu għal rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza li jridu jitqiesu mid-destinatarju rilevanti u, skont kif ikun jixraq, iridu jittieħdu passi fil-konfront tagħhom sabiex tiġi żgurata prevenzjoni adegwata tal-aċċidenti u tal-inċidenti fl-avjazzjoni ċivili.

1.4.2.Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

Ir-Regolament Nru 996/2010 jirrikjedi li d-destinatarju ta’ rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza jinforma lill-ASI li ħarġet ir-rakkomandazzjoni fi żmien 90 jum minn meta jirċievi dik l-ittra, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li qegħdin jiġu kkunsidrati, u meta jkun xieraq, dwar iż-żmien meħtieġ biex jitlestew u, meta ma tittieħed l-ebda azzjoni, ir-raġunijiet għal dan. Fi żmien 60 jum minn meta tirċievi t-tweġiba, l-ASI trid tinforma lid-destinatarju jekk tikkunsidrax li t-tweġiba hija adegwata jew le u trid tagħti ġustifikazzjoni meta ma taqbilx mad-deċiżjoni li ma tittieħed l-ebda azzjoni.

Id-diversi ASI implimentaw proċeduri biex jiġi rreġistrat ir-rispons għar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu dwar is-sikurezza u jekk l-entitajiet li rċevew rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza implimentawx proċeduri biex jiġi ssorveljat il-progress tal-azzjoni li ttieħdet bħala rispons għar-rakkomandazzjonijiet li rċevew dwar is-sikurezza. B’mod partikolari, l-EASA żviluppat proċedura għall-ipproċessar tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza indirizzati lill-Aġenzija u pprovdiet rapporti ta’ progress u statistiċi dwar l-ipproċessar tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza.

Il-leġiżlazzjoni tintroduċi wkoll rekwiżiti biex ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza kif ukoll ir-rispons assoċjat jiġu rreġistrati f’bażi Ewropea ta’ dejta (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Rakkomandazzjonijiet tas-Sikurezza – SRIS) Bl-istess mod, l-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza jirreġistraw ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza li jirċievu minn pajjiżi terzi fil-bażi komuni Ewropea ta’ dejta.

1.4.3.Il-kooperazzjoni ma’ entitajiet oħra

Ir-Regolament Nru 996/2010 ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni fost id-diversi ASI billi jistabbilixxi Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA), magħmul mill-kapijiet tal-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza f’kull Stat Membru u/jew, fil-każ ta’ awtorità multimodali, il-kap tal-fergħa tal-avjazzjoni tiegħu, jew ir-rappreżentanti tagħhom. L-ENCASIA jfittex li tkompli tittejjeb il-kwalità tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza u li tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom billi jiġu mħeġġa standards għoljin fil-metodi ta’ investigazzjoni u fit-taħrig tal-investigaturi. B’mod partikolari, l-ENCASIA jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-aspetti kollha li huma relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza, jippromwovi l-kondiviżjoni ta’ tagħrif li jkun utli għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, jikkoordina u jorganizza “evalwazzjonijiet bejn il-pari” u attivitajiet ta’ taħriġ kif ukoll jippromwovi l-aqwa prattiki għall-investigazzjoni tas-sikurezza. Fl-aħħar nett, l-ENCASIA huwa inkarigat li jwettaq l-analiżi tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza li jkunu ħarġu jew irċevew l-Istati Membri tal-UE bil-ħsieb li jiġu identifikati rakkomandazzjonijiet importanti dwar is-sikurezza li jkunu ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha.

Ir-Regolament Nru 996/2010 jimponi l-obbligu fuq l-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sikurezza fl-UE, skont l-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li jistiednu lill-EASA u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili tal-Istat/i Membru/i kkonċernat/i, sabiex jipparteċipaw f’investigazzjonijiet tas-sikurezza. Ir-rwol tal-EASA huwa li jaġixxi bħala konsulent sabiex ikun jista’ jappoġġa lill-Investigatur Inkarigat jew lir-Rappreżentant Akkreditat tal-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza li tkun qiegħda twettaq l-investigazzjoni jew tipparteċipa fiha, iżda mingħajr ma jaffettwa l-istatus ta’ indipendenza tal-investigazzjoni. Bl-istess mod, l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri tal-UE jistgħu wkoll jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza bħala konsulenti. L-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili jappoġġaw ukoll l-investigazzjoni li fiha jipparteċipaw billi jipprovdu t-tagħrif, il-konsulenti u t-tagħmir mitluba lill-ASI inkarigata.

Ir-Regolament jimmira wkoll li tittejjeb il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet bejn id-diversi ASI, u l-awtoritajiet l-oħra li x’aktarx ikunu involuti fl-attivitajiet relatati mal-investigazzjoni tas-sikurezza, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-avjazzjoni ċivili u tat-tiftix u s-salvataġġ.

1.5.L-infurzar

1.5.1.L-infurzar fil-konfront tal-Istati Membri

Jista’ jiġi identifikat ksur potenzjali b’diversi modi, fosthom permezz tar-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni mwettqa mill-EASA li tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-liġi dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni. Għal kull spezzjoni ta’ standardizzazzjoni, l-EASA tfassal rapport ta’ spezzjoni li fih tindirizza s-sejbiet li jiġu identifikati matul l-ispezzjoni u li jintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kummissjoni. F’każijiet li fihom is-sejbiet identifikati ta’ nuqqas ta’ konformità ma jiġux indirizzati kif suppost, il-kwistjoni tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni li tista’ tibda proċedura ta’ ksur.

Meta tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar ksur possibbli tal-liġi tal-UE minn Stat Membru, il-Kummissjoni tipprova ssolvi l-problema sottostanti malajr mal-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ djalogu strutturat (EU Pilot). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu iktar tagħrif fattwali jew ġuridiku dwar każ potenzjali ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni – bl-għan li tinstab soluzzjoni f’konformità mal-liġi tal-UE u b’hekk tiġi evitata l-ħtieġa għal proċedura formali ta’ ksur.

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li tippersisti problema ta’ konformità mal-liġi tal-UE, tista’ tniedi proċedura formali ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

1.5.2.L-infurzar fil-konfront tal-organizzazzjonijiet regolati tal-industrija

1.5.2.1.Il-penali

Ir-Regolamenti applikabbli tas-sikurezza tal-avjazzjoni jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu penali għall-ksur ta’ dawn ir-Regolamenti u tar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, jekk ikun hemm. Dawk il-penali jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Barra minn hekk, f’każijiet ta’ ksur tar-Regolament Nru 216/2008 u tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu u meta l-Aġenzija tkun l-awtorità kompetenti u tissorvelja organizzazzjoni, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-EASA, timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi bħala penali fuq il-persuni u fuq l-impriżi li għalihom l-EASA tkun ħarġet ċertifikat. Dawn il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi bħala penali jridu jkunu dissważivi u proporzjonati kemm mal-gravità tal-każ kif ukoll mal-kapaċità ekonomika tad-detentur ikkonċernat taċ-ċertifikat, filwaqt li jitqies b’mod partikolari kemm tkun ġiet kompromessa s-sikurezza.

1.5.2.2.L-azzjonijiet dwar iċ-ċertifikati u miżuri oħra

Ir-Regolament Nru 216/2008 jirrikjedi li l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EASA jikkooperaw bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament u mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Apparti s-sorveljanza taċ-ċertifikati li huma jkunu ħarġu, l-Istati Membri huma mitluba jwettqu investigazzjonijiet, inkluż spezzjonijiet fir-rampa, u jieħdu kwalunkwe miżura li titqies li hija neċessarja, inkluż li l-inġenji tal-ajru ma jitħallewx jittajru. Meta jkun ġie identifikat nuqqas ta’ konformità tad-detenturi taċ-ċertifikati mill-awtorità kompetenti (awtorità nazzjonali jew l-EASA), jew meta l-awtorità kompetenti tkun ġiet informata dwar dan, hija tista’ jew ikollha temenda (tillimita), tissospendi jew tirtira ċ-ċertifikat f’konformità mad-dispożizzjoni applikabbli fir-Regolament Nru 216/2008 u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru jew tal-EASA, tista’ tibda proċedura biex tiddeċiedi jekk ċertifikat maħruġ f’konformità mar-Regolament Nru 216/2008 u mar-Regolamenti ta’ implimentazzjoni tiegħu effettivament jikkonformax magħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-awtorità kompetenti tieħu azzjoni korrettiva xierqa, bħal limitazzjoni jew sospensjoni ta’ dak iċ-ċertifikat. Barra minn hekk, ladarba l-Kummissjoni toħroġ Deċiżjoni bħal din, l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ma jibqax japplika għall-Istati Membri l-oħra. Ladarba l-Kummissjoni jkollha biżżejjed evidenza li ttieħdet azzjoni korrettiva xierqa, hija tiddeċiedi li r-rikonoxximent reċiproku għandu jerġa’ japplika.

Minbarra dawn il-miżuri, l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ politiki nazzjonali ta’ infurzar sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali.

2.IL-ĠESTJONI EWROPEA TAR-RISKJI GĦAS-SIKUREZZA

L-Unjoni Ewropea qiegħda tersaq lejn sistema tas-sikurezza li tkun iżjed proattiva u bbażata fuq id-dejta. Din ma tistax taħdem b’mod effettiv waħedha fil-livell tal-UE iżda trid tapplika kullimkien fil-livelli kollha. L-Istandards tal-ICAO, fil-Kapitolu 4 tal-Anness 19, jistabbilixxu r-rekwiżit għal Sistemi ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza għall-fornituri tas-servizzi u jirrikjedu li s-Sistemi kollha ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza għandhom ikunu aċċettabbli għall-Istat responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, l-Anness 19 tal-ICAO jirrikjedi li l-Istati jiżviluppaw programm għall-ġestjoni tas-sikurezza, il-Programm għas-Sikurezza tal-Istat (SSP), li jeħtieġ politiki u għanijiet ċari, mezz għall-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza u għall-aċċertament tas-sikurezza, u fl-aħħar nett attivitajiet li jippromwovu s-sikurezza.

F’dan l-istadju, l-UE ma tordnax lill-Istati Membri jadottaw, bħala tali, Programm għas-Sikurezza tal-Istat. Madankollu, irriflettiet l-ispirtu tal-Istandards rilevanti tal-ICAO f’diversi Regolamenti Ewropej, b’mod partikolari fir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008.

2.1.Ir-Rekwiżiti tas-Sikurezza għall-Organizzazzjonijiet u għall-Awtoritajiet

L-iżvilupp tar-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008 irriżulta fl-adozzjoni ta’ żewġ settijiet ta’ rekwiżiti għall-awtoritajiet u għall-organizzazzjonijiet rispettivament:

a.Ir-Rekwiżiti għall-Awtoritajiet li jqisu kif imiss it-tmien elementi kritiċi ta’ sistema tas-sorveljanza tas-sikurezza kif definit mill-ICAO, sabiex b’hekk jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ SSPs, filwaqt li jservu wkoll għall-għan ta’ standardizzazzjoni stabbilit fir-Regolament Nru 216/2008. Jinkludu wkoll elementi li huma essenzjali biex tiġi stabbilita sistema komprensiva tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE, li tinkorpora r-responsabbiltajiet tal-UE u tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tas-sikurezza.

b.Ir-Rekwiżiti għall-Organizzazzjonijiet, f’ħafna oqsma tal-avjazzjoni, li jinkludu rekwiżiti ġenerali kkonsolidati għas-sistemi ta’ ġestjoni (tas-sikurezza). L-adozzjoni ta’ regoli li jirrikjedu sistemi ta’ ġestjoni fil-qasam tal-ajrunavigabbiltà inizjali u kontinwa għadha għaddejja. Ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet huma mfassla biex jinkorporaw l-Istandards tal-ICAO b’mod li tiġi żgurata kompatibbiltà ma’ sistemi eżistenti ta’ ġestjoni u tiġi mħeġġa l-ġestjoni integrata. Ir-rekwiżiti tas-sistema ta’ ġestjoni huma adattati skont id-daqs, in-natura jew il-kumplessità tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni u joqogħdu fi kwalunkwe mudell kummerċjali li jsegwu, sabiex b’hekk ikun hemm applikazzjoni proporzjonata.

Għall-oqsma tekniċi differenti, dawn ir-Rekwiżiti ġenerali għall-Awtoritajiet u għall-Organizzazzjonijiet huma akkumpanjati wkoll b’rekwiżiti iżjed speċifiċi (pereżempju: ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ tad-dejta tat-titjir għall-operaturi tal-ajru).

Ir-Rekwiżiti għall-Awtoritajiet u għall-Organizzazzjonijiet ġew stabbiliti sabiex jiġu riflessi livelli simili ta’ sikurezza għas-setturi kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti komuni tas-sistema ta’ ġestjoni jikkostitwixxu qafas uniku ta’ ġestjoni tas-sikurezza għall-organizzazzjonijiet approvati kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 216/2008.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti, ir-Regolament Nru 376/2014 jiżgura li l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-perikli u jġestu r-riskji għas-sikurezza permezz tal-ġbir, tal-analiżi u tas-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.

2.2.Il-Ġestjoni tar-Riskji għas-Sikurezza fil-livell tal-UE: il-proċess biex jiġi żviluppat u aġġornat il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

Il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni huwa l-qofol tal-proċess ta’ Ġestjoni tar-Riskji għas-Sikurezza fil-livell Ewropew u jinvolvi l-Istati Membri, l-industrija u l-EASA.

Dan il-proċess huwa magħmul mill-kompiti li ġejjin li huma deskritti fid-dijagramma ta’ hawn taħt.

Dijagramma 4. Il-proċess tal-Ġestjoni tar-Riskji għas-Sikurezza fil-livell tal-UE

1.L-identifikazzjoni ta’ problemi għas-sikurezza (jew perikli) li jaffettwaw is-sistema tal-avjazzjoni Ewropea;

2.Il-valutazzjoni ta’ problemi għas-sikurezza (jew perikli), li timmira li jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-konsegwenzi ta’ problemi għas-sikurezza (jew perikli) li jkunu ġew identifikati fil-fażi preċedenti;

3.Id-definizzjoni u l-ipprogrammar ta’ azzjonijiet dwar is-sikurezza li jfittxu li jidentifikaw strateġiji (jew azzjonijiet ta’ mitigazzjoni) sabiex jiġu indirizzati dawk il-problemi (jew perikli) li l-livell ta’ riskju tagħhom ma jistax jiġi ttollerat wara l-valutazzjoni;

4.L-implimentazzjoni u s-segwitu li huma mmirati għat-traċċar tal-istatus tal-istrateġiji maqbula u għar-rapportar dwarhom; kif ukoll

5.Il-Prestazzjoni tas-Sikurezza li tkun immirata għall-eżaminar mill-ġdid tal-oqsma ta’ riskju li ġew identifikati, sabiex jiġi vvalutat jekk kienx hemm mitigazzjoni tar-riskji li ġew identifikati preċedentement u sabiex jitqabblu ma’ indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

2.2.1L-identifikazzjoni tal-Problemi għas-Sikurezza

Matul l-identifikazzjoni tal-problemi għas-sikurezza, b’mod kontinwu u proattiv is-sistema tal-avjazzjoni Ewropea qiegħda tiġi miflija sabiex jitfittxew problemi għas-sikurezza, bil-ħsieb li jiġu identifikati l-problemi li jirrikjedu azzjoni ta’ mitigazzjoni fil-livell tal-UE u/jew fil-livell tal-Istati Membri.

L-identifikazzjoni ta’ problemi għas-sikurezza tista’ tasal minn tagħrif li l-Aġenzija jkollha aċċess għalih, iżda wkoll mis-sistemi ta’ ġestjoni li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew l-organizzazzjonijiet tal-industrija jkollhom fis-seħħ. Dan il-proċess jista’ jinbeda minn isfel għal fuq (mill-identifikazzjoni ta’ problemi speċifiċi għas-sikurezza mill-partijiet ikkonċernati li huma direttament esposti għalihom) jew minn fuq għal isfel (mill-analiżi tal-oqsma prinċipali ta’ riskju tas-sistema tal-avjazzjoni).

Mod biex jiġu identifikati problemi għas-sikurezza huwa permezz ta’ analiżi sistematika tad-dejta dwar l-okkorrenzi, b’mod partikolari skont il-kategoriji tal-aċċidenti (eż. It-telf tal-kontroll waqt it-titjir, il-Kolliżjoni fl-Ajru, eċċ.) jew skont il-qasam tal-avjazzjoni (it-Trasport Kummerċjali bl-Ajru, l-Avjazzjoni għan-Negozju, l-Avjazzjoni Ġenerali, eċċ).

Madankollu, l-analiżi tad-dejta dwar l-okkorrenzi tista’ tidentifika biss problemi għas-sikurezza li jkunu viżibbli fl-okkorrenzi investigati. Għalhekk, bil-ħsieb li jiġu identifikati problemi bħal dawn fuq skala usa’, iridu jitqiesu sorsi oħra ta’ tagħrif, fosthom rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza, studji eżistenti dwar is-sikurezza, tagħrif miġbur permezz ta’ fora stabbiliti (in-Netwerk ta’ analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni (NoA), timijiet tal-Inizjattiva Ewropea ta’ Sikurezza Strateġika (ESSI) u Gruppi assoċjati ta’ Kollaborazzjoni u ta’ Analiżi (CAGs), in-Netwerk tal-Fatturi Umani, l-ENCASIA, eċċ), il-parir tal-esperti, it-tagħrif li jirriżulta minn attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ jew it-tekniki ta’ tbassir.

Għall-identifikazzjoni ta’ problemi għas-sikurezza u l-valutazzjoni tagħhom, l-interfaċċa mal-Istati Membri sseħħ permezz ta’ NoA. In-NoA huwa riżorsa ewlenija fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji, permezz tal-analiżi tal-okkorrenzi li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR) (ara wkoll it-taqsima 3.2) kif ukoll permezz tal-għoti ta’ dejta mill-Istati Membri. Dan jippermetti b’mod partikolari, meta jkun neċessarju, li jiġu vvalidati r-riżultati u li tiġi appoġġata r-rabta bejn l-isforzi fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali.

It-timijiet tal-ESSI (ara wkoll it-taqsima 4.1.2) jappoġġaw il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji billi jipprovdu kontribut operazzjonali meta jkun neċessarju. Fl-aħħar nett, il-CAGs jappoġġaw il-validazzjoni tad-dejta u tal-valutazzjonijiet tar-riskji fl-oqsma rilevanti tagħhom kif ukoll l-iżvilupp ta’ miżuri potenzjali ta’ mitigazzjoni.

Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar tal-problemi għas-sikurezza lill-Aġenzija minn kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew awtorità, hija disponibbli formola tal-identifikazzjoni tal-problemi għas-sikurezza.

2.2.2Il-Valutazzjoni tal-Problemi għas-Sikurezza

L-EASA, appoġġata minn gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, twettaq valutazzjoni tal-livell ta’ riskji assoċjat mal-konsegwenzi ta’ kull problema għas-sikurezza li tkun ġiet irrappurtata.

L-EASA ġġesti Portafoll tar-Riskji għas-Sikurezza (SRP). Il-portafoll fih rekords dwar il-problemi għas-sikurezza li ġew identifikati mill-Aġenzija u mill-partijiet ikkonċernati esterni, valutazzjoni tal-livell ta’ riskji, rekord tal-azzjonijiet meħuda, kif ukoll valutazzjoni tal-livell residwu ta’ riskju wara li l-azzjonijiet ikunu ġew implimentati.

Il-valutazzjoni tar-riskji hija analiżi mfissra f’termini ta’ frekwenza u ta’ severità mbassra, tal-konsegwenza/i ta’ problema għas-sikurezza, filwaqt li jittieħdu bħala referenza x-xenarji kollha possibbli, u jiġi stabbilit jekk ir-riskju huwiex aċċettabbli, tollerabbli jew inaċċettabbli.

L-SRP huwa dokument ħaj li jiġi eżaminat mill-ġdid f’intervalli regolari kif isir disponibbli tagħrif ġdid. Sabiex jiġi żviluppat l-SRP, l-Aġenzija:

teżamina mill-ġdid id-dejta reċenti ġdida li tkun disponibbli dwar is-sikurezza jew tagħrif ieħor sabiex jiġi stabbilit jekk il-problemi l-ġodda għas-sikurezza jridux jiġu identifikati u vvalutati, jew jekk il-valutazzjoni ta’ problemi eżistenti għas-sikurezza hijiex qiegħda tiġi kkontestata;

teżamina mill-ġdid u tivvalida l-valutazzjoni ta’ problemi għas-sikurezza;

tipproponi li tiġi stabbilita l-aċċettabbiltà tal-livell ta’ riskji assoċjat ma’ problema għas-sikurezza;

tipproponi azzjonijiet dwar is-sikurezza;

tissorvelja l-progress ta’ azzjonijiet li jkunu għaddejin attwalment dwar is-sikurezza;

tipproponi indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza;

tissorvelja l-prestazzjoni tas-sikurezza; kif ukoll

tivvalida l-kontenut tal-eżiti tal-analiżi tas-sikurezza/tal-materjal ta’ promozzjoni tas-sikurezza tal-EASA.

Ladarba l-SRP jiġi aġġornat, dan jitqassam lill-korpi konsultattivi għal konsultazzjoni. F’dan l-istadju tal-proċess, il-korpi konsultattivi jagħtu parir dwar liema riskji għas-sikurezza jistgħu jiġu ttollerati u liema minnhom jeħtieġ li tittieħed azzjoni dwarhom.

2.2.3Id-Definizzjoni u l-Ipprogrammar ta’ Azzjonijiet dwar is-Sikurezza

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni dwar dawk ir-riskji li, matul il-fażi preċedenti, ikun ġie stabbilit li mhumiex tollerabbli. L-Aġenzija tagħmel l-ewwel rakkomandazzjoni dwar l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu sabiex jitnaqqas ċertu riskju. Ir-rakkomandazzjoni tfittex li tidentifika għażliet li jwasslu l-ogħla benefiċċji ta’ sikurezza bl-inqas spiża possibbli, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tal-impatt.

Valutazzjoni preliminari tal-impatt titwettaq fil-waqt meta jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni. Din tkejjel l-impatt possibbli ta’ azzjoni flimkien mal-benefiċċji tagħha, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-opportunitajiet ta’ mitigazzjoni u filwaqt li jitqiesu r-regolamentazzjoni, is-sorveljanza u l-promozzjoni tas-sikurezza bħala soluzzjonijiet possibbli.

Qabel ma tiġi implimentata kwalunkwe strateġija, huwa kruċjali li jiġi identifikat bil-quddiem u b’mod ċar l-eżitu li huwa mixtieq u kif l-effettività tagħha se tiġi vvalutata. Dan jippermetti li f’fażi futura jiġi evalwat kemm l-istrateġiji ppjanati qegħdin ikunu effettivi.

Meta jkunu nstabu l-aqwa alternattivi possibbli, l-Aġenzija tidentifika dawk il-partijiet ikkonċernati li huma l-iktar adattati biex imexxu l-inizjattivi u jidħlu f’fażi ta’ konsultazzjoni li tkun immirata biex jiġi ffaċilitat l-appoġġ mill-partijiet ikkonċernati li jkunu affettwati.

Il-proposti biex riskju jittaffa jistgħu jinkludu azzjoni regolatorja, attivitajiet iffukati ta’ sorveljanza tas-sikurezza jew proġetti ta’ promozzjoni tas-sikurezza (bħall-iżvilupp ta’ fuljetti, filmati, proġetti ta’ riċerka, taħriġ, jew kampanji ta’ kooperazzjoni internazzjonali).

L-azzjonijiet rikjesti huma stabbiliti mill-EASA u mill-korpi konsultattivi rispettivi (għall-Istati Membri u għall-Industrija).

Il-fażi ta’ konsultazzjoni tintemm bi ftehim dwar għadd ta’ proġetti sabiex jiġu indirizzati r-riskji li ġew identifikati, li jkunu mdaħħlin kif jixraq fl-SRP u inkorporati b’mod formali fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Dawn imbagħad jiġu integrati fid-diversi programmi tal-EASA meta l-EASA trid tieħu r-riedni f’idejha jew fil-programmi u fil-pjanijiet rilevanti tal-Istati Membri meta jkunu kompetenti.

Huwa mistenni li l-Istati jinkludu dawn il-miżuri fil-livell nazzjonali u li l-implimentazzjoni tiġi eżaminata mill-ġdid matul l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni sabiex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni jew jiġi ġġustifikat li l-miżura mhijiex effiċjenti għas-sikurezza fl-ambjent speċifiku tagħhom.

Filwaqt li jqis l-għan tal-Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jista’ jinkludi livell aċċettabbli ta’ prestazzjoni tas-sikurezza li jrid jintlaħaq fl-Unjoni.

L-approvazzjoni finali tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sseħħ fil-Bord ta’ Ġestjoni tal-EASA.

2.2.4L-Implimentazzjoni u s-Segwitu

Ladarba l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni jiddaħħlu, jiġu maqbula u jiġu integrati kif jixraq fil-programmi u fil-pjanijiet xierqa, tibda l-fażi ta’ implimentazzjoni u ta’ segwitu.

Din il-fażi hija mmirata lejn it-traċċar tal-istatus ta’ implimentazzjoni ta’ dawk l-istrateġiji li ġew impenjati permezz tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Din tibda bl-identifikazzjoni ta’ mexxejja tal-proġetti għal kull waħda mill-azzjonijiet tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Il-mexxejja tal-proġetti jinkludu mhux biss il-persunal tal-EASA iżda wkoll il-persunal mill-Istati u mill-industrija li impenjaw ruħhom li tittieħed azzjoni permezz tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Għal dawk l-azzjonijiet li jkunu ġew integrati fil-programmi u fil-pjanijiet tal-Aġenzija, jintuża l-mekkaniżmu ġenerali ta’ segwitu stabbilit mid-dipartiment tal-Istrateġiji u tal-Programmi tal-EASA.

Meta l-azzjonijiet huma taħt it-tmexxija tal-Istati Membri, ir-rappurtar isir permezz tan-netwerk ta’ punti ċentrali nnominati. F’dan il-każ, il-mudell speċifiku tar-rappurtar jitqassam lin-netwerk fl-ewwel kwart ta’ sena partikolari u jinġabar matul it-tielet kwart tas-sena, meta jsir sommarju tal-kontributi kollha sabiex jitħejja r-rapport finali.

Il-problemi ta’ implimentazzjoni relatati mal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni jiġu diskussi fil-Forum tal-SSPs, li fih jiġu indirizzati wkoll problemi relatati mal-Programmi għas-Sikurezza tal-Istat.

Wara li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu ġew ikkonsultati, jintbagħat rapport finali li jagħmel sommarju tal-istatus tal-azzjonijiet kollha li ġew impenjati, lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-EASA għall-approvazzjoni. Ir-rapport jidentifika l-isfidi prinċipali li ġew iffaċċjati f’sena partikolari kif ukoll dawk l-oqsma li fihom sar progress sinifikanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet.

2.2.5Il-Prestazzjoni tas-Sikurezza

Din il-fażi tivvaluta jekk ir-riskji li jkunu ġew identifikati preċedentement u li ddaħħlu fl-SRP tabilħaqq ġewx imnaqqsa wara l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula. Ir-riskju residwu li jifdal wara li jiġu implimentati l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni jiġi vvalutat billi l-SRP jiġi eżaminat mill-ġdid f’intervalli ddefiniti minn qabel.

Il-portafoll tar-riskji jsejjes ukoll il-bażi biex jiġi stabbilit sett ta’ oqsma ta’ riskju li jridu jiġu ssorveljati fuq bażi regolari permezz tal-Indikaturi tal-Prestazzjoni tas-Sikurezza (SPIs). Il-monitoraġġ ta’ oqsma ta’ riskju permezz tal-SPIs jiddependi fuq id-disponibbiltà tad-dejta u fuq l-appoġġ ipprovdut min-NoA.

Meta l-valutazzjonijiet jistabbilixxu li r-riskji ma ġewx imnaqqsa sew, l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni jaf ikun hemm bżonn jerġgħu jiġu kkunsidrati jew jaf tkun meħtieġa valutazzjoni ulterjuri.

2.3.Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza

2.3.1Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet

L-EASA qiegħda tindirizza l-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Madankollu, din għadha ma qablitx dwar il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza mal-organizzazzjonijiet li hija responsabbli għalihom.

Fil-livell tal-Istati Membri bdew diskussjonijiet biex ikun hemm ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza mal-organizzazzjonijiet tagħhom. Madankollu, f’dan l-istadju, inkiseb biss ftehim dwar il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fil-qasam tal-ATM/tal-ANS.

Fil-livell tal-UE ġiet stabbilita skema ta’ prestazzjoni 11 fil-qasam tal-ATM/tal-ANS bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport bl-ajru billi tittejjeb l-effiċjenza ġenerali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fl-erba’ oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-kapaċità (tad-dewmien) u tal-kosteffiċjenza.

L-iskema ta’ prestazzjoni ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2009 fil-kuntest tal-Ajru Uniku Ewropew. L-iskema tipprevedi li jiġu stabbiliti miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għal perjodi fissi ta’ referenza ta’ bejn tliet snin u ħames snin fl-erba’ oqsma ewlenin ta’ prestazzjoni. Fil-livell ta’ blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru (FABs), l-Istati Membri jridu jiżviluppaw pjanijiet ta’ prestazzjoni li jinkludu miri vinkolanti fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ FABs li jkunu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

Il-miri għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta’ referenza (RP2, mill-2015 sal-2019) ġew stabbiliti fl-2014. Fir-rigward tas-sikurezza, il-miri għall-Unjoni kollha ġew stabbiliti fuq il-livell ta’ effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza (EoSM) u fuq l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni tas-severità abbażi tal-metodoloġija tal-għodda għall-analiżi tar-riskji (RAT).

Għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, il-Kummissjoni hija megħjuna mill-Korp indipendenti ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni maħtur permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/672/UE 12 .

2.3.2Il-Ftehim dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri fil-livell tal-UE

Sa issa, ma hemm l-ebda mira speċifika ta’ prestazzjoni tas-sikurezza imposta fuq l-Istati Membri mill-UE minbarra dawk deskritti iktar ’il fuq fil-kuntest tal-Ajru Uniku Ewropew.

Madankollu, għadha għaddejja l-ħidma fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni sabiex tiġi żviluppata l-metrika xierqa ta’ prestazzjoni. Kif enfasizzat fit-taqsima 2.2.3, il-Pjan jista’ jinkludi livell aċċettabbli ta’ prestazzjoni tas-sikurezza li jrid jintlaħaq fl-Unjoni.

Barra minn hekk, ċerti Stati Membri adottaw miri nazzjonali ta’ prestazzjoni li imponew fuqhom stess.

3.L-AĊĊERTAMENT TAS-SIKUREZZA EWROPEA

3.1Is-Sorveljanza tas-Sikurezza 13

Is-sorveljanza tas-sikurezza fl-Unjoni Ewropea tinkludi l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ superviżjoni fuq dawk l-organizzazzjonijiet li ġew approvati mill-EASA kif ukoll fuq dawk li ġew approvati mill-Istati Membri. Din tinkludi wkoll il-monitoraġġ tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni.

3.1.1Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fl-Istati Membri

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 628/2013 14 (minn hawn ’il quddiem “Ir-Regolament Nru 628/2013”) jistabbilixxi l-metodi ta’ ħidma għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tas-sikurezza mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni flimkien mas-segwitu tagħhom jitwettqu mill-EASA (ara wkoll it-taqsimiet 3.3.11.5.1).

3.1.2Is-sorveljanza fuq organizzazzjonijiet iċċertifikati

Is-sorveljanza tas-sikurezza hija l-parti mill-proċess regolatorju tas-sikurezza li hija ddedikata għall-iżgurar tal-konformità effettiva mar-rekwiżiti tas-sikurezza u mal-proċeduri assoċjati li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

Is-sorveljanza tas-sikurezza tiżgura li l-industrija Ewropea tal-avjazzjoni tipprovdi livell ta’ sikurezza li jkun konformi ma’ dak li ġie ddefinit bir-regoli Ewropej. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali u tal-EASA għas-sorveljanza tas-sikurezza hija l-pedament li fuqu jinbnew l-operazzjonijiet sikuri tal-inġenji tal-ajru u li fuqu huma bbażati r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji u taċ-ċertifikati fl-Unjoni Ewropea.

Bl-introduzzjoni tar-Rekwiżiti għall-Awtoritajiet, din is-sorveljanza tinkludi monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet li tqis ir-riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħhom (ara wkoll it-taqsima 3.3.2).

3.2Il-Ġbir, l-Analiżi u l-Iskambju tad-Dejta dwar is-Sikurezza

It-tagħrif dwar is-sikurezza huwa riżorsa importanti sabiex jiġu identifikati l-perikli potenzjali għas-sikurezza. Għadd ta’ Regolamenti tal-UE jiżguraw li d-dejta u t-tagħrif rilevanti jinġabru, jiġu analizzati u jiġu skambjati meta dan ikun xieraq. Dawn jinkludu b’mod partikolari t-tagħrif dwar l-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili (fl-2015 ir-Repożitorju Ċentrali Ewropew fih iżjed minn 1 000 000 okkorrenza), it-tagħrif dwar it-trasportaturi tal-ajru barranin fil-kuntest tas-sistema tas-SAFA (fl-2015 il-bażi ta’ dejta tas-SAFA fiha iżjed minn 130 000 rapport), it-tagħrif dwar ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza skont is-sistema ta’ informazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza (fl-2015 il-bażi ta’ dejta tal-SRIS fiha iżjed minn 1 200 rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza) u t-tagħrif li nġabar, ġie analizzat u ġie skambjat fil-kuntest tal-awtorizzazzjonijiet ta’ operaturi minn pajjiżi terzi u fil-kuntest tal-lista Ewropea ta’ sikurezza tal-inġenji tal-ajru li ma jistgħux jintużaw għat-titjir.

Fl-UE l-ġbir, l-analiżi u l-iskambju ta’ okkorrenzi huma rregolati bir-Regolament Nru 376/2014. Din il-leġiżlazzjoni tirrikjedi li kull organizzazzjoni, kull Stat Membru u l-EASA, jistabbilixxu sistema li tippermetti l-ġbir u l-ħżin ta’ okkorrenzi rilevanti. L-okkorrenzi li jinġabru jiġu analizzati u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni jiġu implimentati meta dan ikun rilevanti. L-okkorrenzi kollha li jinġabru, kif ukoll it-tagħrif rilevanti dwar l-analiżi u s-segwitu tagħhom, jiġu ttrasferiti fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

It-tagħrif dwar l-okkorrenzi li jitpoġġew fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew ikun disponibbli għall-Istati Membri (għall-awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni u għall-awtorità għall-investigazzjoni tas-sikurezza), għall-EASA u għall-Kummissjoni. In-Netwerk ta’ analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni (NoA) stabbilit skont ir-Regolament Nru 376/2014 huwa mitlub janalizza r-Repożitorju Ċentrali Ewropew sabiex jiġi appoġġat il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

Parti essenzjali mis-sistema stabbilita skont ir-Regolament Nru 376/2014 hija d-definizzjoni ta’ “Kultura Ġusta”, li l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tat-tagħrif dwar is-sikurezza billi jinħoloq ambjent ta’ fiduċja li fih in-nies iħossuhom kunfidenti li jirrappurtaw l-okkorrenzi. Dan l-ambjent ta’ “Kultura Ġusta” jiġi stabbilit permezz ta’ prinċipji ewlenin definiti fir-Regolament, inkluż il-protezzjoni milli wieħed jingħata tort u kastig (għajr f’każijiet ta’ mġiba ħażina apposta jew ta’ mġiba inaċċettabbli).

3.3 L-immirar tas-sorveljanza ta’ oqsma li huma iktar inkwetanti jew li għandhom iktar bżonn, permezz tad-dejta tas-sikurezza

3.3.1L-immirar tal-monitoraġġ tal-Istati Membri permezz tad-dejta tas-sikurezza

Fl-UE, l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tal-Istati Membri mill-Aġenzija qegħdin isegwu approċċ abbażi tar-riskji. Tabilħaqq, l-intervall bejn l-ispezzjonijiet, l-ambitu tal-investigazzjonijiet u kemm jidħlu fil-fond, kif ukoll id-daqs u l-kompożizzjoni tat-tim, jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat u ta’ kull settur.

Dan il-monitoraġġ jitwettaq fuq bażi kontinwa, jindirizza s-sistema kollha tal-avjazzjoni u huwa abbażi tar-riskju, filwaqt li jitqies it-tagħrif kollu li jkun disponibbli għall-EASA. Għal dak l-għan, l-EASA tivvaluta l-ħila tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza. Dan jinvolvi l-ġbir u l-analiżi tad-dejta, it-twettiq ta’ spezzjonijiet kif ikun meħtieġ u segwitu għas-sejbiet li jkun hemm, sabiex jiġi żgurat li l-korrezzjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi xierqa jiġu implimentati fil-pront.

L-istandardizzazzjoni hija parti mill-ġbir tad-dejta dwar is-sikurezza fil-livell tal-UE li huwa meħtieġ biex jiġu identifikati l-perikli u jippermetti l-immirar tas-sorveljanza ta’ oqsma li huma iktar inkwetanti jew li għandhom iktar bżonn, permezz tad-dejta tas-sikurezza.

L-istrateġija ta’ standardizzazzjoni hija ffukata fuq l-oqsma ewlenin li ġejjin:

L-implimentazzjoni ta’ Approċċ ta’ Monitoraġġ Kontinwu: Ir-Regolament Nru 628/2013 jintroduċi sistema għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni uniformi tar-Regoli Ewropej tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li għandha tiġi estiża għall-oqsma kollha tal-avjazzjoni.

L-ippjanar abbażi tar-riskji tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni: fl-approċċ ta’ monitoraġġ kontinwu, l-intervall bejn l-ispezzjonijiet, l-ambitu tal-investigazzjonijiet u kemm jidħlu fil-fond, kif ukoll id-daqs u l-kompożizzjoni tat-tim, jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat u ta’ kull settur. Dan jirriżulta f’użu iżjed flessibbli u iżjed effiċjenti tar-riżorsi u f’piż imnaqqas għal dawk l-Istati Membri li jkollhom prestazzjoni tajba u għaldaqstant jistgħu jiġi spezzjonati inqas ta’ sikwit. Il-verifika tal-konformità regolatorja kulma jmur qiegħda tiddaħħal mas-sistema/mal-proċess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni, filwaqt li tiġi vverifikata l-effettività sistemika tas-Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Awtoritajiet Kompetenti u tal-Programmi għas-Sikurezza tal-Istati.

L-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tal-EASA u tal-Programm Universali ta’ Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza (USOAP) tal-ICAO: l-arranġament eżistenti ta’ ħidma jħaddan iżjed kooperazzjoni u integrazzjoni tal-attivitajiet bejn l-EASA u l-ICAO. L-għodod identifikati għal dan l-iskop huma d-djalogu kostanti, l-iskambju ta’ tagħrif u ta’ dejta, il-parteċipazzjoni fl-ispezzjonijiet u fl-awditjar ta’ xulxin, bl-għan li kemm ir-rekwiżiti u l-istandards tal-UE kif ukoll dawk tal-ICAO jkunu jistgħu jiġu ssodisfati kemm jista’ jkun permezz ta’ proċess integrat wieħed biss.

L-involviment tal-persunal tal-Awtoritajiet Kompetenti fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni: sabiex tinkiseb standardizzazzjoni proattiva u sabiex jiġi promoss livell adegwat ta’ ksib tal-kwalifiki mill-persunal madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, il-laqgħat ta’ standardizzazzjoni jipprovdu l-fora sabiex ikun hemm qbil komuni dwar ir-rekwiżiti, jiġu pprovduti interpretazzjonijiet u jkun hemm kondiviżjoni tal-aqwa prattiki, u b’hekk tiġi appoġġata l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli.

Il-mekkaniżmu msaħħaħ ta’ feedback regolatorju: il-mekkaniżmu eżistenti ta’ feedback qiegħed jittejjeb u jiġi ssimplifikat sabiex b’mod sistematiku tiġi evalwata l-effettività tar-regoli u sabiex l-eżitu tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni jiddaħħal fil-ġestjoni tas-sikurezza, fit-tfassil tar-regoli u fl-attivitajiet li jippromwovu s-sikurezza.

3.3.2L-immirar tas-sorveljanza tal-industrija permezz tad-dejta tas-sikurezza

Sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet li hija meħtieġa skont ir-rekwiżiti għall-Awtoritajiet li jinsabu fil-liġi tal-UE, ġie żviluppat materjal, inklużi definizzjonijiet u kunċetti għat-twettiq ta’ sorveljanza abbażi tar-riskji u abbażi tal-prestazzjoni. Dan jiffoka fuq l-identifikazzjoni tar-riskji tal-avjazzjoni u fuq l-effettività tal-mitigazzjoni tagħhom, iktar milli unikament fuq il-kontroll tal-konformità bir-rekwiżiti applikabbli.

Dan l-immirar tas-sorveljanza permezz tad-dejta jtaffi wkoll il-problemi assoċjati mal-għadd, mad-daqs u mal-kumplessità li dejjem jiżdiedu ta’ entitajiet regolati, kif ukoll ir-riżorsi disponibbli limitati fl-Istati Membri u fl-EASA.

Sistema ta’ sorveljanza bħal din li tħeġġeġ ħsieb u mġiba ta’ ġestjoni tas-sikurezza tagħti s-setgħa lill-organizzazzjonijiet biex iġestu r-riskji li mhumiex indirizzati b’Regolamenti u toħloq inċentivi għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni tas-sikurezza permezz ta’ tnaqqis possibbli tal-piż tas-sorveljanza. Din tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tas-sistema ta’ ġestjoni fir-regoli ta’ implimentazzjoni għall-organizzazzjonijiet.



4.IL-PROMOZZJONI TAS-SIKUREZZA EWROPEA

Il-promozzjoni tas-sikurezza hija parti ewlenija ta’ programm tas-sikurezza u ta’ ġestjoni effettiva tas-sikurezza. Ir-riskji għas-sikurezza jistgħu jittaffew billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tat-tagħlimiet meħuda dwar is-sikurezza, billi jiġu kkomunikati l-aqwa prattiki u billi jiġu spjegati l-proċeduri u r-Regolamenti dwar is-sikurezza. Fis-sistema tal-avjazzjoni Ewropea, dan huwa parti miż-żamma ta’ kultura tajba ta’ sikurezza.

Il-promozzjoni tas-sikurezza tinvolvi ħidma ġenerali jew immirata li tikkomunika u xxerred it-tagħrif dwar is-sikurezza lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-avjazzjoni. L-attività titħaddem permezz ta’ proċessi ta’ Intelligence dwar is-Sikurezza li janalizzaw id-dejta u jiġġeneraw azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskji għas-sikurezza, kif deskritt fit-taqsima 3.2.

Għadd ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni tas-sikurezza jitwettqu mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali u huma deskritti fil-Programmi għas-Sikurezza tal-Istati Membri.

Fil-livell Ewropew, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ta’ promozzjoni tas-sikurezza huma kkoordinati mill-EASA. F’dan il-kuntest, l-EASA qiegħda tibni attività integrata ta’ programmar li tiżgura li l-promozzjoni tas-sikurezza u l-attivitajiet regolatorji jindirizzaw ir-riskji għas-sikurezza bl-iżjed mod effiċjenti, filwaqt li jakkumpanjaw lil xulxin f’ċerti oqsma. F’dan il-kuntest, l-EASA qiegħda toħloq pakketti Ewropej distintivi ta’ promozzjoni tas-sikurezza sabiex il-prodotti ta’ promozzjoni tas-sikurezza jilħqu iktar nies. B’mod parallel, l-attivitajiet ta’ sħubija dwar is-sikurezza jissaħħu.

4.1L-Attivitajiet fil-Livell tal-UE

4.1.1Il-komunikazzjoni dwar is-sikurezza

Il-komunikazzjoni dwar is-sikurezza tgħin sabiex tinbena kultura b’saħħitha ta’ sikurezza. Il-prodotti ta’ Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza fl-Unjoni Ewropea jinkludu rapporti ta’ analiżi tas-sikurezza; bullettini, fuljetti u posters; materjal awdjoviżiv; kaxxi tal-għodda, manwali u gwidi; pjanijiet u programmi; sessjonijiet ta’ ħidma u avvenimenti oħra ta’ sikurezza.

4.1.1.1Komunikazzjoni obbligatorja dwar is-sikurezza

Ir-Regolament Nru 216/2008 jirrikjedi li l-EASA tippubblika Analiżi Annwali dwar is-Sikurezza 15 sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf dwar il-livell ġenerali ta’ sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili. L-Analiżi Annwali dwar is-Sikurezza tippreżenta tagħrif dwar is-sikurezza Ewropea u dinjija tal-avjazzjoni ċivili.

Ir-Regolament Nru 996/2010 jirrikjedi t-twaqqif ta’ bażi ta’ dejta tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza. Din il-bażi ta’ dejta hija disponibbli pubblikament fuq l-internet 16 .

4.1.1.2Komunikazzjoni mhux obbligatorja dwar is-sikurezza

L-EASA tippubblika Bullettini ta’ Informazzjoni dwar is-Sikurezza (BIS) 17 sabiex tinforma lill-partijiet ikkonċernati. Il-BIS huma disponibbli pubblikament u jiġu analizzati u aġġornati regolarment. L-Aġenzija tippubblika wkoll analiżi tal-progress dwar is-segwitu tar- Rakkomandazzjonijiet dwar is-Sikurezza 18 .

4.1.1.3Is-sessjonijiet ta’ ħidma u l-konferenzi dwar is-sikurezza

L-EASA tagħmel kampanji dwar is-sikurezza sabiex jiġu indirizzati problemi speċifiċi ta’ sikurezza li jkunu ġejjin mill-okkorrenzi, mir-riskji identifikati għas-sikurezza, mill-problemi emerġenti jew mill-awditjar tas-sikurezza.

L-EASA regolarment twettaq ukoll sessjonijiet ta’ ħidma u konferenzi li jintużaw biex ixerrdu t-tagħrif dwar is-sikurezza lill-partijiet ikkonċernati Ewropej u biex jipprovdu opportunità għal diskussjonijiet dwar suġġetti relatati mas-sikurezza, inklużi r-riżultati tal-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, l-Aġenzija kull sena torganizza Konferenza dwar is-Sikurezza.

B’mod regolari, il-Kummissjoni Ewropea torganizza konferenzi u seminars dwar problemi relatati mas-sikurezza tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, twettaq sessjonijiet ta’ ħidma u attivitajiet biex tappoġġa t-tixrid u l-fehim xierqa ta’ ċerti regoli dwar is-sikurezza, fosthom ir-Regolamenti Nru 376/2014 u Nru 996/2010.

4.1.1.4It-tagħrif fuq l-internet

Firxa wiesgħa ta’ tagħrif u ta’ dokumentazzjoni hija disponibbli pubblikament fuq is- sit web tal-EASA 19 u fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea li huwa ddedikat għall- Politika Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni 20 .

Barra minn hekk, in-netwerks b’aċċess ristrett jintużaw ta’ sikwit għall-iskambju ta’ tagħrif relatat mas-sikurezza bejn l-EASA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll mal-industrija.

4.1.2L-Inizjattiva Ewropea ta’ Sikurezza Strateġika (ESSI)

L-Inizjattiva Ewropea ta’ Sikurezza Strateġika (ESSI) hija grupp tas-sikurezza tal-avjazzjoni li jiġbor flimkien ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-industrija. L-għan prinċipali tagħha huwa li ttejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni bix-xogħol volontarju, filwaqt li jkun hemm impenn għal titjib kosteffettiv tas-sikurezza. L-ESSI għandha tliet timijiet: it-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Kummerċjali (ECAST), it-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Ħelikopters (EHEST) u t-Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ġenerali (EGAST). Il-laqgħat plenarji tat-Timijiet tas-Sikurezza jsiru sabiex tingħata direzzjoni, sabiex tiġi allokata l-ħidma lill-gruppi għall-iżvilupp u sabiex jiġu analiżżati r-riżultati tas-sikurezza. It-Timijiet tas-Sikurezza huma kopreseduti minn membru mill-komunità tal-avjazzjoni u ieħor mill-EASA.

4.1.2.1L-avjazzjoni kummerċjali

L-ECAST jindirizza l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru l-kbar bi ġwienaħ fissi, u jimmira li jkompli jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni kummerċjali fl-Ewropa u taċ-ċittadini Ewropej madwar id-dinja. L-ECAST huwa sħubija bejn l-EASA, awtoritajiet Ewropej oħra u l-industrija tal-avjazzjoni. L-ECAST jikkoopera mat-Tim tal-Istati Uniti tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (US CAST) u ma’ inizjattivi ewlenin oħra tas-sikurezza fid-dinja kollha, b’mod partikolari mal-Gruppi Reġjonali tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (RASG) tal-ICAO.

4.1.2.2Il-ħelikopters

L-EHEST ilaqqa’ flimkien il-manifatturi tal-ħelikopters, l-operaturi, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-awtoritajiet u l-investigaturi tal-aċċidenti minn madwar l-Ewropa. L-EHEST jaħdem mill-qrib mat-Tim Internazzjonali tas-Sikurezza tal-Ħelikopters (IHST).

4.1.2.3L-avjazzjoni ġenerali

L-EGAST jiġbor flimkien ir-rappreżentanti mill-komunità tal-Avjazzjoni Ġenerali, mill-assoċjazzjonijiet u mill-klabbijiet, mill-industrija, mill-EASA u minn awtoritajiet oħra minn madwar l-Ewropa. Huwa forum għall-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki, għall-ġbir ta’ dejta u għall-promozzjoni tas-sikurezza. Peress li dan it-tim ikompli jibni fuq il-ħidma mwettqa mill-membri tiegħu, jamplifika l-isforzi tagħhom. L-EGAST jaħdem mal-Kumitat Konġunt ta’ Tmexxija tal-Avjazzjoni Ġenerali (GA JSC), kopresedut mill-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) u mill-Fondazzjoni tas-Sikurezza tal-Ajru tal-Assoċjazzjoni tas-Sidien u tal-Bdoti tal-Inġenji tal-Ajru (AOPA).

4.2Il-kooperazzjoni internazzjonali fil-livell tal-UE

Kulma jmur is-sikurezza tal-avjazzjoni hija frott sforz kooperattiv u globali. F’dan il-kuntest, il-politika tal-UE tas-sikurezza tal-avjazzjoni għandha dimensjoni internazzjonali dejjem aktar b’saħħitha.

Il-Kummissjoni, l-EASA u l-Istati Membri jikkoordinaw mill-qrib dwar għadd ta’ attivitajiet internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni. L-għan huwa li jittejbu s-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, li jiġi appoġġat il-moviment ħieles tal-prodotti u tas-servizzi, kif ukoll li jiġu promossi standards Ewropej u globali ta’ sikurezza.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE taħdem ma’ pajjiżi li jkunu sħab u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali fil-livell regolatorju kif ukoll f’dak operazzjonali. Dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u ta’ arranġamenti ta’ ħidma, kif ukoll permezz ta’ assistenza teknika u ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni. L-assistenza teknika għandha l-għan li jkun hemm titjib fis-sikurezza tal-avjazzjoni fil-pajjiżi jew fir-reġjuni li qegħdin jiżviluppaw; il-kooperazzjoni teknika u l-isħubijiet jiġu żviluppati ma’ pajjiżi emerġenti u ma’ pajjiżi avvanzati

4.3It-taħriġ fil-livell tal-UE

Fl-UE, l-attivitajiet ta’ taħriġ jinkludu l-organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni li huma involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni: L-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili (CAAs), l-SIAs u l-industrija tal-Istati Membri.

Skont ir-Regolament Nru 376/2014, il-Kummissjoni u l-Aġenzija huma mitluba jappoġġaw l-Istati Membri b’taħriġ xieraq. B’mod partikolari, dan it-taħriġ jitwettaq fil-kuntest tan-NoA u tal-Kumitat ta’ Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni (ECCAIRS).

Skont ir-Regolament Nru 216/2008, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli biex jinżamm il-livell ta’ taħriġ tal-persunal tagħhom sabiex il-livell tal-kompetenzi tagħhom jiżgura li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom sew. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti huma mitluba jiffaċilitaw it-twettiq tal-obbligi min-naħa tal-organizzazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni b’edukazzjoni jew b’taħriġ rilevanti meta dan ikun fattibbli jew xieraq.

Barra minn hekk, qegħdin jiġu żviluppati kapaċitajiet ġodda ta’ taħriġ sabiex jiġi żgurat li dawk kollha li jkunu involuti jkollhom il-ħiliet rilevanti u b’hekk jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-approċċ abbażi tal-prestazzjoni tirnexxi.

B’mod simili, l-EASA tistinka biex iżżomm livelli għoljin ta’ għarfien u ta’ kompetenza, filwaqt li tibqa’ aġġornata dwar l-iżjed żviluppi reċenti fl-avjazzjoni fi ħdan l-oqsma tal-attivitajiet tagħha, billi tiżviluppa u tipprovdi korsijiet ta’ taħriġ lill-impjegati tagħha iżda anke lill-partijiet ikkonċernati, inklużi dawk mill-Istati Membri u mill-industrija.

L-Aġenzija żviluppat ukoll u tieħu ħsieb sistema elettronika ta’ eżamijiet permezz tas-sit web tagħha, li hija bbażata fuq bażi ta’ dejta magħmula minn mistoqsijiet. Dan jiġi offrut fuq bażi volontarja lill-istudenti tal-organizzazzjonijiet tat-taħriġ jew lill-istudenti li jitħarrġu waħedhom permezz ta’ sistema ta’ ċentri stabbiliti tal-eżamijiet, li tipprovdi l-opportunità li wieħed jirċievi ċertifikat.

Barra minn hekk, l-EASA tipprovdi wkoll assistenza lill-awtoritajiet li jkunu sħab biex jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħhom (eż. tal-ICAO, ir-Regolamenti tal-UE), u timplimenta proġetti ta’ Kooperazzjoni tal-UE fl-Avjazzjoni Ċivili f’diversi reġjuni tad-dinja, inkluż fil-pajjiżi ġirien, fir-Reġjun tal-Asja/tal-Paċifiku u fl-Afrika.

4.3.1Il-Grupp ta’ Inizjattivi Komuni ta’ Taħriġ (CTIG)

Il-Grupp ta’ Inizjattivi Komuni ta’ Taħriġ (CTIG) huwa grupp orizzontali li jlaqqa’ flimkien ir-rappreżentanti tal-Awtoritajiet għall-kondiviżjoni u għall-koordinazzjoni ta’ inizjattivi ta’ taħriġ li jkunu mmirati għall-ksib tal-kwalifiki mill-persunal tar-regolaturi. Il-proċedimenti tal-grupp jitqiesu bħala materjal ta’ gwida biss, li jagħtu parir dwar l-aqwa prattiki maqbula.

L-ambitu tal-attivitajiet tas-CTIG jiffoka fuq dan li ġej:

Li jiġi stabbilit fehim komuni dwar ir-rwol tal-ispetturi tal-Awtoritajiet, tal-inġiniera u ta’ esperti oħra, kif ukoll dwar l-isfond tagħhom fir-rigward tal-ksib ta’ kwalifika/i u tal-esperjenza tagħhom;

Li jiġu identifikati l-aqwa prattiki komuni u x-xejriet ġodda fit-taħriġ, fil-valutazzjoni tal-għarfien, fil-valutazzjoni tal-kompetenzi u fil-ksib tal-kwalifiki mill-persunal tal-Awtoritajiet;

Li jiġu identifikati, żviluppati, implimentati u kkoordinati attivitajiet komuni ta’ taħriġ, fosthom l-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet, ta’ korsijiet u ta’ programmi;

Li t-tagħrif dwar il-korsijiet ta’ interess komuni jiġi kondiviż mal-EASA, mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni u mal-partijiet ikkonċernati.

4.3.2Il-kunċett ta’ taħriġ

L-EASA nediet l-Akkademja Virtwali tal-EASA sabiex tiżgura li jkun disponibbli taħriġ armonizzat u ta’ kwalità għolja speċjalment għall-persunal tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni. Għal din l-offerta ta’ taħriġ flessibbli flimkien ma’ preżenza estensiva (ġeografikament u kif ukoll fir-rigward tal-lingwi), l-Aġenzija tiddependi fuq fornituri esterni kkwalifikati ta’ taħriġ li jkunu ntgħażlu bir-reqqa permezz ta’ proċedura adegwata ta’ approvazzjoni. L-ambitu ta’ dan it-taħriġ jiffoka fuq l-appoġġ u fuq it-titjib tal-ksib tal-kwalifiki mill-persunal tal-Istati Membri li jkun involut f’attivitajiet ta’ approvazzjoni u ta’ sorveljanza.



Lista ta’ akronimi

AMC

Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità

ANS

Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru

ATM

Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru

CAA

Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili

CAGs

Gruppi ta’ Kollaborazzjoni u ta’ Analiżi

CS

Speċifikazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni

CTIG

Grupp ta’ Inizjattivi Komuni ta’ Taħriġ

EASA    

Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

ECAST

Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Kummerċjali

ECCAIRS

Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni

ECR

Repożitorju Ċentrali Ewropew

EFTA

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

EGAST

Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ġenerali

EHEST

Tim Ewropew tas-Sikurezza tal-Ħelikopters

ENCASIA

Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili

EPAS

Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

ESSI    

Inizjattiva Ewropea ta’ Sikurezza Strateġika

UE

Unjoni Ewropea

FABs

Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru

GM

Materjal ta’ Gwida

ICAO

Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

NoA

Netwerk ta’ Analisti tas-sikurezza tal-avjazzjoni

SAFA

Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Inġenji tal-Ajru Barranin

SES

Ajru Uniku Ewropew

SIA

Awtorità għall-Investigazzjoni tas-Sikurezza

SIB

Bullettini ta’ Informazzjoni dwar is-Sikurezza

SPI

Indikatur tal-Prestazzjoni tas-Sikurezza

SRP

Portafoll tar-Riskji għas-Sikurezza

SSP

Programm għas-Sikurezza tal-Istat

TCO

Operatur minn Pajjiżi Terz

USOAP

Programm Universali ta’ Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza

(1)

     Għall-fini ta’ dan id-dokument, l-organizzazzjonijiet jinftehmu bħala organizzazzjonijiet tal-industrija li jipprovdu prodott jew servizzi tal-avjazzjoni.

(2)

      http://eur-lex.europa.eu/browse/directories/legislation.html ; Il-politika tat-trasport; It-Trasport bl-Ajru; Is-sikurezza tal-ajru

(3)

     Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)

     Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u ta’ inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35.

(5)

     Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 122, 24.04.2014, p. 18.

(6)

     Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpanija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE, (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.

(7)

     Iżjed tagħrif huwa disponibbli fuq is-sit web: http://ec.europa.eu/transport/modes/air/safety/air-ban/index_mt.htm  

(8)

     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14.

(9)

     Id-dettalji proċedurali huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni; ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(10)

   Preċedentement, il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, kien jismu l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Isem dan il-pjan ġie mibdul sabiex ma jkunx hemm konfużjoni bejn il-Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASP) u l-Pjan Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASp).

(11)

   L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas); ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1.

(12)

     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/672/UE tal-24 ta’ Settembru 2014 dwar l-estensjoni tal-ħatra tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew; ĠU L 281, 25.9.2014, p. 5.

(13)

     Għall-fini ta’ dan id-dokument “sorveljanza” tirreferi kemm għas-sorveljanza li titwettaq fuq organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-awtorità kompetenti tagħhom kif ukoll għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fl-Istati Membri tal-UE li titwettaq mill-EASA fil-kuntest tal-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni.

   Is-sorveljanza tas-sikurezza fl-UE hija rregolata prinċipalment bir-Regolament Nru 216/2008 u bir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu (ara d-Dijagramma 1 għal iżjed tagħrif dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli).

(14)

     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 628/2013 tat-28 ta’ Ġunju 2013 dwar metodi ta’ operat tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli fir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 179, 29.6.2013, p. 46.

(15)

      http://easa.europa.eu/newsroom-and-events/general-publications  

(16)

      http://eccairs-dds.jrc.ec.europa.eu/pubsris/default.asp  

(17)

      http://ad.easa.europa.eu/sib-docs/page-1  

(18)

      http://easa.europa.eu/easa-and-you/safety-management/accident-and-incident-investigation-support/safety-recommendations  

(19)

      http://easa.europa.eu/  

(20)

      http://ec.europa.eu/transport/modes/air/safety/index_en.htm