Brussell, 7.12.2015

COM(2015) 598 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa

{SWD(2015) 261 final}


STRATEĠIJA TAL-AVJAZZJONI GĦALL-EWROPA

I. INTRODUZZJONI – L-AVJAZZJONI TILĦAQ QUĊĊATI ĠODDA

1.1 Għaliex l-avjazzjoni hija importanti għall-UE

L-avjazzjoni hija mutur b’saħħtu tat-tkabbir ekonomiku, tal-impjiegi, tal-kummerċ u tal-mobilità għall-Unjoni Ewropea. Għandha rwol kruċjali fl-ekonomija tal-UE u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha ta' tmexxija globali. Strateġija tal-Avjazzjoni hija meħtieġa biex tiżgura li s-settur tal-avjazzjoni Ewropew jibqa' kompetittiv u jaħsad il-benefiċċji ta' ekonomija globali li qiegħda tiżviluppa u tinbidel malajr. Din l-Istrateġija tal-Avjazzjoni għalhekk se tipprovdi kontribut qawwi lejn it-twassil tal-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea.

Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jimpjega direttament bejn 1.4 1 sa 2 2 miljun ruħ u jappoġġa minn 4.8 3 sa 5.5 4 miljun impjieg. Il-kontribuzzjoni diretta tal-avjazzjoni għall-PDG tal-UE hija ta’ EUR 110 biljuni 5 , filwaqt li l-impatt totali, inkluż it-turiżmu, huwa ta' EUR 510 biljuni 6 permezz tal-effett multiplikatur. Id-disponibbiltà tat-titjiriet interkontinentali diretti hija effettivament element deċiżiv ewlieni fl-għażliet tal-lokazzjoni tal-kwartieri ġenerali ta' kumpaniji kbar fl-Ewropa: żieda ta' 10% fil-provvista tat-titjiriet interkontinentali tirriżulta f’żieda ta' 4% fin-numru ta’ kwartieri ġenerali ta’ kumpaniji kbar 7 . Żieda ta' 10% ta’ passiġġieri li jkunu se jitilqu f’reġjun metropolitan iżżid l-impjieg lokali fis-settur tas-servizzi b' 1% 8 . 

Matul l-aħħar 20 sena, il-liberalizzazzjoni tal-UE tas-suq intern għas-servizzi tal-ajru u t-tkabbir sostanzjali tad-domanda għat-trasport bl-ajru fl-UE u madwar id-dinja wasslu għall-iżvilupp sinifikanti tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. L-utenti tat-trasport bl-ajru qed igawdu minn għażla mingħajr preċedent ta' opportunitajiet ta' vvjaġġar bl-ajru bi prezzijiet kompetittivi. In-numru u l-frekwenza tar-rotot internazzjonali u dawk ġewwa l-UE u n-numru ta’ passiġġieri żdiedu b’mod sostanzjali 9 . It-trasportaturi bi prezzijiet baxxi issa jinsabu fost it-trasportaturi ewlenin kemm f’termini ta’ passiġġieri kif ukoll f’termini ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq. Il-manifattura tal-ajrunawtika Ewropea wkoll kienet bl-istess mod qawwija.

Is-settur tal-avjazzjoni internazzjonali barra l-Ewropa wkoll ilu jara għal xi żmien żviluppi sinifikanti, ikkaratterizzati minn tkabbir rapidu ħafna f’ċerti reġjuni tad-dinja. Dan huwa marbut maċ-ċaqliq taċ-ċentru ta’ gravità ekonomiku tad-dinja lejn il-Lvant, partikolarment l-Asja 10 . Bħala riżultat ta’ dan tfaċċaw bosta linji tal-ajru u ajruporti ġodda li qed jirrappreżentaw sfida ġdida konsiderevoli għall-ajruporti ewlenin u t-trasportaturi Ewropej.

Fl-istess waqt, iż-żieda fit-traffiku bl-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja jeħtieġ li tiġi rikonċiljata maż-żamma tal-istandards tas-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni, kif ukoll mat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-avjazzjoni u mal-kontribut fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fi ftit kliem l-avjazzjoni trid tikber b'mod sostenibbli.

1.2 Strateġija komprensiva għal settur aktar kompetittiv tal-avjazzjoni tal-UE

Billi l-kontribut tal-avjazzjoni lejn il-prestazzjoni tal-ekonomija ġenerali tal-UE u lejn il-preżenza globali tagħha huwa tant sinifikanti, huwa importanti ħafna li s-settur tal-avjazzjoni tal-UE jibqa' kompetittiv, iżomm il-pożizzjoni ta' tmexxija tiegħu u jkun jista' jikber. L-Ewropa trid tkun attur ewlieni fl-avjazzjoni internazzjonali u mudell globali għal avjazzjoni sostenibbli, b’livell għoli ta’ servizz u standards ambizzjużi tal-UE. L-għan ta’ din l-istrateġija tal-avjazzjoni huwa li jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE tan-netwerk tal-valur tat-trasport kollu bl-ajru.

Il-Kummissjoni identifikat għaldaqstant tliet prijoritajiet ewlenin:

Nisfruttaw is-swieq li qed jikbru, billi ntejbu s-servizzi, l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet ta' investiment ma' pajjiżi terzi, filwaqt li niggarantixxu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

Nindirizzaw il-limiti għat-tkabbir ekonomiku kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art, billi nnaqsu l-limiti għall-kapaċità u ntejbu l-effiċjenza u l-konnettività;

Inżommu standards għoljin ta’ sikurezza u ta’ sigurtà fl-UE, permezz ta’ bidla fil-mentalità bbażata fuq ir-riskju u l-prestazzjoni;

F'dan il-kuntest jeħtieġu wkoll azzjonijiet tal-UE f'dawn l-oqsma:

Insaħħu l-aġenda soċjali u noħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja fl-avjazzjoni;

Nipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri;

Inħaddnu era ġdida ta’ innovazzjoni u teknoloġiji diġitali;

Nikkontribwixxu lejn Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u lejn Politika dwar it-Tibdil fil-Klima orjentata lejn il-ġejjieni.

Din l-Istrateġija tal-Avjazzjoni kienet iggwidata minn konsultazzjoni pubblika 11 u bbenefikat minn kontributi mill-Istati Membri tal-UE, mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u mill-partijiet ikkonċernati, u minn djalogu intensiv magħhom. Hija se tiġi promossa f’konformità mal-prinċipji ta’ "Regolamentazzjoni Aħjar" 12 . L-azzjonijiet kollha b’impatti sinifikanti se jkunu soġġetti għal konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt.

II. NIKSBU LURA L-POŻIZZJONI FUQ QUDDIEM TAL-AVJAZZJONI TAL-UE

2.1 Nisfruttaw it-tkabbir billi ntejbu s-servizzi u l-aċċess għas-swieq li qed jespandu

Kompetituri ġodda u swieq emerġenti

L-avjazzjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi kompetittivi ġodda f'suq globali li qed jevolvi rapidament, b’mod partikolari bħala riżultat tal-ispustament tat-tkabbir ekonomiku lejn il-Lvant. Dawn il-kompetituri ġodda qed igawdu mit-tkabbir ekonomiku rapidu tar-reġjun kollu, b'mod partikolari l-Asja, u mill-avjazzjoni li qed issir element strateġiku fil-politika ta' żvilupp ekonomiku ta' pajjiżhom.

Bi previżjoni ta' tkabbir annwali ta' 6%, it-traffiku tal-ajru skedat fir-reġjun tal-Paċifiku Asjatiku x'aktarx li jikber b'mod aktar rapidu minn dak ta' reġjuni oħra sal-2034, meta se jkun jirrappreżenta 40% tat-traffiku tal-ajru dinji. Iċ-Ċina mistennija li ssir l-ikbar suq tat-trasport bl-ajru fid-dinja, meta fl-2023 se taqbeż lill-Istati Uniti tal-Amerka għal dak li huwa ġarr ta' passiġġieri 13 .

Għall-kuntrarju ta' industriji oħra, it-trasport bl-ajru jbati minn għadd ta' restrizzjonijiet għal dak li huwa investiment u aċċess għas-suq li jxekklu t-tkabbir sostenibbli u dinamiku tas-settur. Dawn l-ostakoli tneħħew fil-parti l-kbira tagħhom minn ġewwa l-Unjoni Ewropea permezz tal-ħolqien tas-Suq Uniku tal-Avjazzjoni tal-UE. Pereżempju, mhemmx limitazzjoni dwar drittijiet tat-traffiku ġewwa l-Ewropa għat-trasportaturi tal-ajru tal-UE, kemm-il darba jkunu ngħataw liċenzja biex joperaw fl-UE. It-trasportaturi tal-ajru jistgħu joperaw lejn kull destinazzjoni Ewropea biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-passiġġieri fl-Ewropa. Mhemmx limitu fuq l-investiment mill-investituri tal-UE fil-linji tal-ajru. Iżda r-restrizzjonijiet u l-ostakli għadhom komuni ħafna barra mill-Ewropa u fil-kuntest tas-servizzi internazzjonali u s-swieq ta' pajjiżi terzi. Pereżempju, it-trasportaturi tal-ajru għad għandhom restrizzjonijiet fil-kapaċità tagħhom li jidħlu fi swieq ta' pajjiżi terzi, li jkollhom aċċess għal sorsi differenti ta' investiment (l-iktar fil-każ ta' investimenti barranin), u biex joħolqu fużjoni ta' gruppi kbar ta' linji tal-ajru integrati fis-sħiħ mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet tat-traffiku tagħhom.

Politika tal-avjazzjoni esterna ambizzjuża tal-UE mmirata lejn swieq ta’ tkabbir

Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jrid jitħalla jisfrutta dawn is-swieq ta’ tkabbir ġodda fejn se jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti fid-deċennji li ġejjin. Il-ġeografija mhix l-uniku fattur li jiddetermina fejn jinsabu l-ajruporti ewlenin u tat-trasportaturi tal-ajru internazzjonali li jirnexxu. Id-disponibbiltà ta’ infrastruttura adegwata, in-natura ta’ reġimi regolatorji, fiskali u ekonomiċi, u r-rabtiet storiċi, kulturali u kummerċjali, kollha għandhom rwol 14 . Dawn il-parametri jistgħu jiġu ġestiti tajjeb u l-Ewropa għandha l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħmel dan.

L-esperjenza wriet li n-negozjar fil-livell tal-UE ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni ma' pajjiżi terzi hija għodda effettiva.  Pereżempju, minn wara l-iffirmar tal-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru tal-UE mal-Istati tal-Balkani tal-Punent, l-għadd ta' passiġġieri ttripla. Fil-każ tal-Marokk, irdoppja. Mill-konklużjoni tal-ftehimiet mal-Istati Uniti u l-Kanada t-tkabbir ikkombinat fil-passiġġieri bejn l-UE u dawn is-swieq kien aktar minn tliet miljuni.

Bl-adozzjoni ta' politika esterna tal-avjazzjoni ambizzjuża permezz tan-negozjar ta’ ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni, b'attenzjoni sħiħa fuq is-swieq ta’ tkabbir, l-UE tista’ tikkontribwixxi biex ikun hemm titjib fl-aċċess mill-avjazzjoni Ewropea għas-swieq u għall-opportunitajiet importanti ta’ investiment fis-swieq barranin, biex tiżdied il-konnettività internazzjonali tal-Ewropa, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-suq ġusti u trasparenti għal-linji tal-ajru tal-UE. Kif deher mill-esperjenza fis-suq tal-avjazzjoni tal-UE, il-ftuħ tas-swieq miksub permezz ta' dawn il-ftehimiet se joħloq ukoll opportunitajiet għal parteċipanti ġodda, u opportunitajiet biex jitfaċċaw mudelli ġodda ta' operat. Il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura li jsir progress rapidu fin-negozjati kollha li jmiss b'mod li tiżgura tkabbir mingħajr waqfien tal-industrija tal-ajru Ewropea.

Barra minn hekk, sabiex tagħti l-appoġġ tagħha lill-kummerċ dinji fl-inġenji tal-ajru u prodotti marbuta magħhom, l-UE għandha twessa' l-medda ta' ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bl-għan li tikseb rikonoxximent reċiproku ta' standards ta' ċertifikazzjoni ta' sikurezza. Dawn il-ftehimiet inaqqsu b’mod sinifikanti l-prezz nett tat-tranżazzjoni tal-esportazzjoni tal-inġenji tal-ajru, filwaqt li jiżguraw standards għoljin ta’ sikurezza f’pajjiżi sħab u jgħinu sabiex jiġu armonizzati l-istandards tal-prodotti madwar id-dinja. Wara li kkonkludiet b'mod sodisfaċenti ftehimiet bħal dawn mal-Istati Uniti tal-Amerka, il-Brażil, u l-Kanada, l-UE għandha tfittex li twettaq negozjati ma' msieħba oħra ewlenin tal-ajrunawtika, speċjalment maċ-Ċina u mal-Ġappun.

Aċċess għas-suq ibbażat fuq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni

Sabiex l-industrija tal-avjazzjoni tal-UE tibqa' kompetittiva, huwa essenzjali li l-aċċess għas-suq ikun ibbażat fuq qafas regolatorju li jippromwovi l-valuri u l-istandards tal-UE, li jippermetti opportunitajiet reċiproċi u li jipprevjeni d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Minħabba li attwalment m’hemm l-ebda qafas legali internazzjonali biex tiġi indirizzata l-possibilità ta’ prattiki kummerċjali inġusti fl-avjazzjoni internazzjonali, huwa importanti u leġittimu li l-UE tindirizza tali prattiki biex tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta u sostenibbli. Ir-Regolament 868/2004 15 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet ikopri din il-kwistjoni iżda, kif inhu attwalment, mhux meqjus effettiv fost il-partijiet ikkonċernati. Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tan-negozjati ta’ ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru mill-UE u billi tiġi intensifikata l-azzjoni politika korrispondenti fil-livell tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tikkunsidra tipproponi miżuri ġodda tal-UE li jindirizzaw prattiki inġusti kemm jista' jkun malajr fl-2016 16 .

Id-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll jiffurmaw element essenzjali tal-qafas regolatorju internazzjonali attwali. Fil-fatt il-linji tal-ajru qegħdin isiru dejjem aktar interessanti għall-investituri u l-fondi ta’ investiment globali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll fl-ambitu tal-qafas internazzjonali fihom elementi ta' nazzjonalità u ta’ kontroll li jistgħu jiskoraġġixxu l-investimenti minn ċittadini barranin.

L-investituri barranin jistgħu jinvestu f’linji tal-ajru tal-UE iżda ma jistgħux jaqbżu 49% tas-sjieda 17 , filwaqt li l-kontroll tal-kumpanija jrid jibqa' f’idejn l-UE. Kien hemm bosta investimenti barranin ewlenin f’diversi linji tal-ajru tal-UE matul dawn l-aħħar snin li wasslu għal reviżjonijiet tar-regoli ta’ investiment mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili u mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi żgurat li l-kontroll tal-linji tal-ajru tal-UE jibqa’ f’konformità mal-liġijiet tal-UE. Bosta investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Dawn l-investigazzjonijiet juru l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-ħtieġa ta' fehim komuni ta’ kif għandha ssir il-valutazzjoni tal-kriterji tal-"kontroll" u l-applikazzjoni korretta tagħhom.

Filwaqt li jitqiesu l-importanza kummerċjali u finanzjarja ta’ bosta linji tal-ajru u l-ħtiġijiet finanzjarji sinifikanti tal-bidu tal-linji tal-ajru biex dawn joperaw b’mod effiċjenti f’ambjent kompetittiv ħafna, ir-rilevanza u l-importanza tas-sjieda u r-rekwiżiti ta’ kontroll, kif inklużi fir-Regolament 1008/2008 18 għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa fid-dawl ta' dan. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex li tikseb il-flessibbiltà tar-regoli dwar is-sjieda u l-kontroll abbażi tar-reċiproċità effettiva permezz ta’ servizzi tal-ajru u ftehimiet kummerċjali bilaterali bl-għan fit-tul li tagħmel dan fuq livell multilaterali.

Il-Kummissjoni:

Tirrakkomanda lill-Kunsill il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet biex tkun tista’ tinnegozja ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE mal-pajjiżi u r-reġjuni li ġejjin: Iċ-Ċina, l-ASEAN (Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja), it-Turkija, l-Arabja Sawdija, il-Baħrejn, l-UAE (l-Emirati Għarab Magħquda), il-Kuwajt, il-Qatar, l-Oman il-Messiku u l-Armenja;

Tirrakkomanda li l-UE tinnegozja aktar ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ma' nazzjonijiet b'manifattura ajrunawtika importanti bħalma huma ċ-Ċina u l-Ġappun;

Tipproponi li tniedi djalogi ġodda dwar l-avjazzjoni ma’ sħab tal-avjazzjoni importanti bħall-Indja;

Se tinnegozja dispożizzjonijiet effettivi ta' kompetizzjoni ġusta fil-kuntest tan-negozjati ta’ ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru tal-UE u tikkunsidra miżuri ġodda li jindirizzaw prattiki inġusti minn pajjiżi terzi u operaturi ta’ pajjiżi terzi;

Tipproponi li tippubblika linji gwida interpretattivi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 1008/2008 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru tal-UE biex ikun hemm aktar ċertezza legali kemm għall-investituri kif ukoll għall-kumpaniji tal-ajru.

2.2 Nindirizzaw il-limiti għat-tkabbir ekonomiku kemm fl-ajru kif ukoll fuq l-art

L-isfida ewlenija għat-tkabbir tal-avjazzjoni Ewropea hija li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-kapaċità u tal-effiċjenza li qed ixekklu serjament lis-settur tal-avjazzjoni Ewropea milli jikber b’mod sostenibbli u milli jikkompeti internazzjonalment, u li qed jikkawżaw konġestjoni u dewmien u jżidu l-ispejjeż.

L-ajruporti, flimkien mal-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jikkostitwixxu l-elementi ewlenin tal-infrastruttura tal-avjazzjoni ċivili. Il-kwalità, l-effiċjenza u l-prezz nett ta’ dawn is-servizzi saru dejjem aktar importanti għall-kompetittività tal-industrija. Fl-Ewropa, l-ajruporti u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jifilħu b’mod sigur sa 33,000 titjira kuljum. Iżda l-ispazju tal-ajru Ewropew fl-intier tiegħu huwa ġestit b’mod ineffiċjenti u frammentat mingħajr bżonn, u d-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ ftehim ta' qafas tal-Ajru Uniku Ewropew ifisser spejjeż ogħla għall-kumpaniji tal-ajru, li jaffettwa direttament il-kompetittività tagħhom. L-istima tal-ispejjeż tal-spazju tal-ajru fframmentat tal-UE hija mill-inqas ta' EUR 5 biljuni fis-sena. Dan l-użu ineffiċjenti tal-ispazju tal-ajru jikkawża prezzijiet ogħla u dewmien għall-passiġġieri, aktar konsum ta' fjuwil u aktar emissjonijiet ta’ CO2 għall-operaturi, u jfixkel l-isforzi tagħna biex intejbu l-prestazzjoni ambjentali 19 . Barra minn hekk, hemm tbassir li l-ajruporti ewlenin Ewropej se jiffaċċjaw problemi ta’ kapaċità fil-futur qrib.

Niffinalizzaw l-Ajru Uniku Ewropew

L-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew hija eżempju konkret ta’ fejn l-UE tista’ tagħmel differenza billi żżid il-kapaċità, ittejjeb is-sigurtà u tnaqqas l-ispejjeż filwaqt li timminimizza l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni. Din kienet l-ambizzjoni inizjali ta' aktar minn għaxar snin ilu, iżda l-proġett għadu mhux qed jikseb ir-riżultati mistennija. Minkejja li kien hemm progress lejn netwerk bi prestazzjoni aħjar, il-livell ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tal-Istati Membri għadu lura ħafna, u t-teknoloġija użata mhijiex armonizzata u lanqas ma hija tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. L-Istati Membri tal-UE jridu jegħlbu dawn l-isfidi sabiex jintlaħaq Ajru Uniku Ewropew veru, u din hija waħda mill-aktar sfidi fundamentali li jaffettwaw il-prestazzjoni u l-kompetittività tas-sistema tal-avjazzjoni tal-UE llum. Pereżempju, sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mtejba kemm jista’ jkun tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw minn ineffiċjenzi (dewmien, u rotot itwal, eċċ.).

Bħala pass importanti biex nisfruttaw dan il-potenzjal għas-settur tal-avjazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw il-proposti tal-Ajru Uniku Ewropew (SES2+) 20 , sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-blokki funzjonali tal-ispazju tal-ajru u tal-funzjonijiet tan-netwerk u l-implimentazzjoni rapida tal-miri mal-UE kollha għall-iskema ta’ prestazzjoni bbażata fuq korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni indipendenti għalkollox.

Governanza effiċjenti tal-Ajru Uniku Ewropew tibqa’ prijorità għall-Kummissjoni. Il-kompiti rispettivi tal-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea u l-Eurocontrol għandhom jiġu definiti b’mod li jiżgura li ż-żewġ organizzazzjonijiet jikkomplimentaw ix-xogħol ta’ xulxin, sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u jitnaqqsu l-ispejjeż.

Il-kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk fil-koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru fuq livell Ewropew gradwalment se jiġu estiżi biex jinkludu servizzi komuni li se jkomplu jnaqqsu l-ispejjeż; dawn il-kompiti għandhom jevolvu lejn sħubija industrijali. Fid-dawl ta’ dan, in-nomina ta’ Maniġer tan-Netwerk biex jaġixxi lil hinn mill-2020 se sseħħ fl-2017.

L-għanijiet ewlenin tal-modernizzazzjoni teknoloġika tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru permezz tal-varar tal-proġett ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) huma li jippermettu tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, żieda fl-effiċjenza operattiva għall-utenti tal-ispazju tal-ajru billi jitnaqqsu d-dewmien, il-konsum ta’ fjuwil u l-ħin tat-titjira, żieda fil-kapaċità u tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2. Dawn l-elementi kollha se jżidu l-benefiċċji ambjentali tas-soluzzjonijiet SESAR, u huma marbuta bis-sħiħ mal-iskema tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kumplessiva.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu implimentati u varati soluzzjonijiet teknoloġiċi f’waqthom u b’mod ikkoordinat. Għadd ta’ strumenti ta’ implimentazzjoni ġew żviluppati għal dan il-għan, bħall-Pjan Regolatorju għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, Proġetti Komuni u l-Programm ta’ Mobilizzazzjoni. Dawn huma implimentati permezz ta’ soċjetajiet pubbliċi-privati, b’mod partikolari l-Impriża Konġunta SESAR għall-attivitajiet ta’ definizzjoni u ta' żvilupp u s-soċjetà għall-qafas ta' mobilizzazzjoni SESAR għall-mobilizzazzjoni. Kemm l-attivitajiet ta’ żvilupp kif ukoll dawk ta’ mobilizzazzjoni jeħtieġu appoġġ finanzjarju xieraq. S’issa, l-UE qed tikkontribwixxi permezz ta’ programmi bħal Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

F’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet esterni, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn il-Maniġer tan-Netwerk u s-sħab ewlenin tal-UE bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Hija se tappoġġa wkoll azzjoni mill-Impriża Konġunta SESAR u mill-Maniġer tal-Mobilizzazzjoni SESAR. Bis-saħħa ta’ SESAR, l-UE tinsab ukoll f’qagħda li jkollha rwol ta’ influwenza fuq livell globali b’mod partikolari fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ armonizzazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili.

Sabiex jista' jkun hemm kontinwità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, għandu jiġi żgurat livell minimu ta’ servizz fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew, li jippermetti tal-inqas il-moviment ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq iż-żona (titjiriet li jaqsmu l-ispazju tal-ajru ta’ Stat jew żona li jkun/tkun affettwat/a) li jikkawżaw l-inqas ammont ta’ tfixkil fin-netwerk. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se ġġib 'il quddiem l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

Nindirizzaw ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità 

Fl-2035, skont l-Eurocontrol, l-ajruporti Ewropej mhux se jkunu kapaċi jakkomodaw kważi 2 miljun titjira minħabba nuqqasijiet fil-kapaċità 21 . Se jkun hemm aktar minn 20 ajruport joperaw b’kapaċità sħiħa jew kważi sħiħa għal 6 siegħat jew aktar kuljum, meta mqabbel ma’ 3 sigħat biss fl-2012, li jwassal għal medja ta' dewmien addizzjonali marbut mal-ajruporti ta’ 5-6 minuti għal kull titjira. L-istima tal-kost ekonomiku li wieħed ma jkunx jista’ jakkomoda d-domanda ġiet stmata għal bejn 434,000 sa 818,000 impjieg mitluf sal-2035 u telf annwali fil-PDG ta’ bejn EUR 28 biljun u EUR 52 biljun 22 fil-livell tal-UE.

Dawn il-projezzjonijiet dwar "il-kriżi tal-kapaċità" tal-ajruporti juru li minkejja netwerk ta’ ajruporti żviluppat u estensiv, ħafna mill-ajruporti ewlenin tal-Ewropa huma ferm ikkonġestjonati, u dan qed jhedded it-tkabbir sostenibbli fis-sistema tal-avjazzjoni tal-UE tal-ġejjieni. Fl-istess ħin, ajruporti oħra fl-Ewropa ma jintużawx biżżejjed u għandhom kapaċità żejda. Għalhekk huwa essenzjali li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità eżistenti u li jsir ippjanar sew minn qabel biex jiġu assorbiti l-ħtiġijiet imbassra għall-futur. Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat ippjanar strateġiku aħjar tal-ajruporti fil-livell tal-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ l-ħidma tal-Osservatorju tal-Ajruporti 23 li b’mod partikolari rrakkomanda li jiġu żviluppati l-oqfsa għall-ippjanar strateġiku tal-ajruporti f’kull Stat Membru, inklużi pjanijiet direttur għal ajruporti ewlenin, skont l-aħjar prattiki komuni. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni se titlob lill-Osservatorju tal-Ajruporti biex ikompli jaħdem fuq il-konġestjoni tal-ajruporti, b’mod partikolari fuq miżuri ta’ mitigazzjoni, iżda wkoll fuq il-ġestjoni tat-tnaqqis tal-espożizzjoni tal-popolazzjoni għall-istorbju mill-inġenji tal-ajru.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw malajr ir-Regolament rivedut dwar ir-regolamentazzjoni tal-orarji 24 sabiex ikun jista' jseħħ l-aqwa użu tal-aktar ajruporti traffikużi tagħna u jiġu pprovduti benefiċċji ċari għall-ekonomija tal-UE 25 .

Inżidu l-effiċjenza tas-servizzi tal-ajruporti 

Id-disponibbiltà ta’ servizzi tal-ajruport kompetittivi bi prestazzjoni għolja, inklużi runways, terminals tal-passiġġieri u servizzi ta’ groundhandling, hija kritika għall-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE u l-esperjenza tal-kwalità tas-servizz tal-passiġġieri.

Il-partijiet ikkonċernati esprimew dubji dwar l-adegwatezza tal-qafas legali attwali u dan kien rifless fir-rapport tal-Kummissjoni 26 ppubblikat fl-2014 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti 27 .

Il-Forum ta’ Salonka dwar ir-Regolaturi tal-Imposti tal-Ajruporti se jkompli l-ħidma tiegħu fuq l-implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva attwali, u se jipprovdi lill-Kummissjoni sejbiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-valutazzjoni tas-setgħa tas-suq bħala mezz biex jiġi ddeterminat l-aħjar approċċ regolatorju. Tabilħaqq meta l-ajruporti jkunu suġġetti għal kompetizzjoni effettiva, is-suq għandu jiddetermina l-livell tal-imposti tal-ajruporti u mhemm l-ebda ħtieġa għal regolamentazzjoni. Madankollu, meta l-ajruporti ma jkunux soġġetti għal kompetizzjoni effettiva, xorta waħda jista' jkun meħtieġ qafas regolatorju speċifiku. Il-Forum ta’ Salonka għandu jaħdem ukoll fuq it-trasparenza tal-imposti tal-ajruporti u l-konsultazzjoni effettiva bejn il-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti. Il-Kummissjoni mbagħad se tivvaluta sa liema punt id-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti jista’ jkollha bżonn li tiġi riveduta.

Is-servizzi ta’ groundhandling jinkludu servizzi pprovduti f’ajruporti li huma essenzjali għall-użu sikur u effiċjenti tal-ħin li l-inġenji tal-ajru jdumu fl-art, pereżempju l-għoti tal-fjuwil, l-immaniġġjar tal-passiġġieri u t-tneħħija tas-silġ minn fuq l-ajruplani. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex li tikseb l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 28 eżistenti, b’enfasi fuq l-aċċess għas-suq għall-groundhandling fl-ajruporti tal-UE u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-groundhandlers. Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-groundhandling u mbagħad tiddeċiedi jekk teħtieġx li tiġi riveduta.

Fl-aħħar nett, l-ajruporti Ewropej għandhom ukoll itejbu l-konnessjonijiet multimodali tagħhom biex ikun hemm netwerk tat-trasport aktar effiċjenti u mobilità aħjar tal-passiġġieri.

Konnettività aħjar fi ħdan l-UE u madwar id-dinja

Il-konsultazzjoni pubblika turi b’mod ċar li l-konnettività (b’mod wiesa’ ddefinita bħala l-għadd, il-frekwenza u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn żewġ punti) hija rilevanti għall-pubbliku li jivvjaġġa u għan-negozji u għall-ekonomija b’mod ġenerali. L-istħarriġ 29 juri li aktar ma belt, reġjun jew pajjiż ikun konness bl-ajru ma' destinazzjonijiet oħra fl-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja, aktar jista' jiġi ġġenerat tkabbir.

Filwaqt li ż-żieda fil-konnettività għall-parti l-kbira tal-ajruporti tal-UE kienet waħda impressjonanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, dan ma jistax jittieħed bħala fatt fir-rigward tal-ajruporti tal-UE li għadhom iwasslu l-ikbar parti tal-konnettività tal-Ewropa. L-analiżi tal-komponenti differenti tal-konnettività tal-ajruporti 30 turi b’mod partikolari li għadd ta’ ajruporti li mhumiex Ewropej kienu kapaċi jżidu l-fluss tal-passiġġieri u l-konnettività tagħhom ta’ komunikazzjoni fuq skala ħafna akbar. Il-konnettività tal-ajruporti fl-Ewropa tvarja b’mod sinifikanti bejn ċentri ewlenin fuq naħa waħda li joffru mijiet ta’ destinazzjonijiet u fuq in-naħa l-oħra ajruporti żgħar reġjonali bi ftit destinazzjonijiet. Filwaqt li dan jista’ jiġi attribwit l-aktar għal kundizzjonijiet differenti ta' domanda u ta' provvista (eż. il-popolazzjoni taż-żona, il-livell ta’ kompetizzjoni fuq in-naħa tal-provvista, il-PDG per capita), dan jista’ xorta waħda jirriżulta fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-ibliet, reġjuni jew pajjiżi iktar iżolati.

Studji li saru b’mod partikolari mill-Bank Dinji 31 wrew l-importanza tal-monitoraġġ tal-livell tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru disponibbli għaċ-ċittadini f’belt, reġjun jew pajjiż partikolari. Li tista' tiddetermina fuq bażi trasparenti u newtrali sa fejn il-konnettività hija disponibbli u/jew soċjalment mixtieqa huwa importanti għat-tfassil ta’ politika infurmata u jista' jippermetti parametraġġ referenzjarju tal-livelli ta’ servizz disponibbli tal-ajruporti tal-UE li qed jiffaċċaw kundizzjonijiet simili ta' domanda u ta' provvista.

Jekk ikun evidenti li s-suq innifsu ma jwassalx livell aċċettabbli ta’ servizzi ta' trasport bl-ajru għal reġjuni partikolari fl-Ewropa, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-Obbligi ta’ Servizz Pubbliku biex jiggarantixxu servizz minn u lejn reġjuni fejn is-servizz huwa minimu. Ir-Regolament 1008/2008 32 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli fil-mira, inter alia, il-prevenzjoni ta' applikazzjoni ħażina possibbli ta’ dawn l-obbligi. Saret evalwazzjoni komprensiva tar-Regolament 1008/2008 bejn l-2011 u l-2013 u r-regoli dwar l-Obbligi ta’ Servizz Pubbliku tqiesu bħala adattati għall-iskop, iżda li jkun hemm gwida rigward l-applikazzjoni korretta tagħhom tqies bħala valur miżjud 33 .

It-taxxi u l-imposti tal-avjazzjoni attwali applikati mill-Istati Membri fuq il-profitt normali tat-taxxa jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-konnettività u l-kompetittività. Il-Kummissjoni se tippubblika inventarju ta’ dawn it-taxxi u imposti u se teżamina l-impatt tagħhom.

Il-Kummissjoni:

Tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw b'mod rapidu l-proposti dwar l-Ajru Uniku Ewropew (SES 2+) u se tkompli taħdem mal-Istati Membri u ma' partijiet ikkonċernati oħra lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew;

Se tevalwa l-ħtieġa għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti;

Se taħdem flimkien mal-Osservatorju tal-Ajruporti biex jiġu mmonitorjati x-xejriet ta' konnettività fl-Ewropa intra-UE u extra-UE, tidentifika kwalunkwe nuqqasijiet u l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu;

Se tippubblika linji gwida interpretattivi li jispjegaw ir-regoli attwali li jirregolaw l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku.

2.3 Inżommu standards għoljin ta' sikurezza u sigurtà fl-UE

Matul l-aħħar 20 sena, l-ambjent regolatorju u ekonomiku tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa nbidel b’mod sinifikanti u r-regolamentazzjoni teknika nbidlet kif xieraq skont dan it-tibdil. Matul l-aħħar 10 snin, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni żviluppat ukoll f’waħda mill-awtoritajiet ta' sikurezza l-aktar avvanzati fis-settur tal-avjazzjoni fid-dinja. Is-sistema tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE mhux biss tikkontribwixxi lejn standards għoljin ta’ sikurezza, iżda wkoll lejn kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-industrija. Madankollu, minħabba l-isfidi l-ġodda li ġejjin, il-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-Suq Uniku tal-Avjazzjoni Ewropew issa għandhom jissaħħu sabiex tiġi żgurata l-kompetittività futura tiegħu. L-adattament tal-qafas regolatorju huwa ċentrali għal dawn l-isforzi.

Is-sikurezza u s-sigurtà huma prerekwiżiti għal settur tal-avjazzjoni kompetittiv. Bit-traffiku tal-ajru fl-Ewropa mbassar li jilħaq 14.4 miljun titjira fl-2035, 50% aktar mill-2012, l-għan ewlieni huwa li flimkien ma’ żieda fit-traffiku tal-ajru jinżammu l-istandards għoljin ta’ sikurezza attwali. Bis-saħħa ta' dan, is-settur tal-avjazzjoni tal-UE se jkompli jiżviluppa b’mod sikur fil-ġejjieni. Għal dan l-għan, is-sistema regolatorja għandha tkun mgħammra aħjar biex tidentifika u ttaffi r-riskji għas-sigurtà, aktar malajr u b'mod aktar effettiv. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-introduzzjoni ta’ approċċ imsejjes fuq ir-riskju u l-prestazzjoni għal dak li huwa marbut mar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-sikurezza, billi jingħalqu l-lakuni eżistenti tas-sikurezza u billi jiġu integrati aktar fil-fond oqsma ta’ regolamentazzjoni teknika oħra marbuta mas-sikurezza, bħalma hija s-sigurtà tal-avjazzjoni.

Filwaqt li s-sikurezza hija kruċjali, ma tistax tiġi kkunsidrata għaliha wahedha. Il-qafas regolatorju għandu wkoll jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-industrija tal-avjazzjoni tista’ tirnexxi filwaqt li tibqa' kompetittiva fis-suq globali. Dan jinkludi l-integrazzjoni ta’ mudelli kummerċjali ġodda u teknoloġiji emerġenti, bħal magni li jaħdmu bl-elettriku jew inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ. Dan jitlob ukoll approċċ iktar proporzjonat fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-għarfien tad-differenzi fir-riskji involuti f’diversi setturi tal-avjazzjoni ċivili. Fl-aħħar nett, dan ifisser it-tneħħija ta’ regoli u proċeduri li jżidu d-dewmien, il-piż u l-prezz nett u li ma jikkontribwixxux għas-sikurezza, kif ukoll it-tneħħija ta' dawk li joħonqu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Hemm ukoll lok għal dipendenza akbar fuq l-istandards tal-industrija rikonoxxuti. Fl-aħħar mill-aħħar dan se jipprovdi aktar flessibbiltà regolatorja, filwaqt li jinkiseb l-istess livell jew livell ogħla ta’ sikurezza.

Barra minn hekk, effiċjenza u sikurezza akbar jistgħu jinkisbu permezz ta’ użu aħjar tar-riżorsi disponibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Għal dan l-għan għandu jitwaqqaf qafas ta’ akkomunament u kondiviżjoni ta’ riżorsi tekniċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Dan għandu jippermetti li l-Istati Membri jittrasferixxu fuq bażi volontarja r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, jew lil Stat Membru ieħor. Hekk ir-responsabbiltà regolatorja ssir aktar ċara u tiġi evitata d-duplikazzjoni. Awtorità tal-Avjazzjoni Ewropea unika għandha tkun ambizzjoni fit-tul.

Ħafna inċidenti li jinvolvu liċ-ċittadini Ewropej jiġru barra mill-UE. Li wieħed ifittex li jikseb standards ta’ sikurezza globali għoljin, ibbażati fuq standards komuni maħruġa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, għandu għalhekk jibqa' għan ewlieni tal-azzjoni tal-UE. L-UE tieħu interess leġittimu fis-sikurezza ta’ linji tal-ajru barranin li joperaw lejn l-UE jew il-linji tal-ajru użati miċ-ċittadini tal-UE meta jivvjaġġaw barra mill-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tniedi valutazzjoni fil-fond tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet tal-operat 34 u dwar ir-regoli dwar l-investigazzjoni tal-inċidenti tal-ajru 35 , biex tiżgura li l-objettivi tal-UE jintlaħqu bl-aħjar mod possibbli. Se tiġi promossa l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet militari nazzjonali, l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bil-ħsieb li jinkisbu l-effiċjenza u s-sikurezza.

It-theddida tat-terroriżmu għall-avjazzjoni ċivili x’aktarx li tibqa’ għolja fil-ġejjieni prevedibbli. Standards ta’ sigurtà tal-avjazzjoni għoljin huma kruċjali għall-funzjonament u l-kompetittività tas-sistema tat-trasport bl-ajru. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġu kkombinati miżuri effettivi ta' sigurtà ma' metodi u teknoloġiji li jiffaċilitaw il-flussi ta’ passiġġieri fl-ajruporti u jnaqqsu l-inkonvenjenzi u d-dewmien għall-passiġġieri. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni se tfittex ukoll modi ġodda biex jitnaqqas il-piż tal-kontrolli tas-sigurtà fuq il-passiġġieri, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġija ġdida u permezz tal-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju u bir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Għodda oħra importanti għall-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tas-sigurtà hija l-kunċett ta’ sigurtà one-stop, li tippermetti lill-passiġġier li jgħaddi minn kontrolli ta’ sigurtà fil-punt tal-oriġini, b'mod li ma jkunx hemm bżonn ta’ kontrolli ta’ sigurtà ulterjuri fil-punti ta’ trasferiment. L-UE se tfittex li tikseb l-approċċ ta' rikonoxximent reċiproku u ta’ sigurtà one-stop mas-sħab kummerċjali ewlenin sabiex titnaqqas l-ispiża tas-sigurtà li tirriżulta minn duplikazzjoni u mill-inkompatibbiltà tar-reġimi ta’ sigurtà.

Bħal ħafna setturi oħrajn, l-avjazzjoni qed issir diġitalizzata b’pass mgħaġġel. Filwaqt li dan iġib miegħu ħafna benefiċċji, huwa jirriżulta f'vulnerabbiltà akbar għar-riskji taċ-ċibersigurtà jew taċ-ċibersikurezza għall-avjazzjoni. L-istess bħalma tagħmel għal riskji oħrajn li jaffettwaw is-sikurezza tat-titjiriet, il-Kummissjoni se titlob lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex tindirizza r-riskji ċibernetiċi wkoll 36 , sabiex titrawwem sigurtà sa mill-ippjanar u biex tiġi stabbilita l-kapaċità ta’ reazzjoni ta’ emerġenza meħtieġa. L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni se tikkoopera ma’ korpi kompetenti oħra għal dan l-għan.

Il-Kummissjoni:

Tipproponi Regolament Bażiku rivedut għar-regoli komuni fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, li jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 attwali;

Tippreżenta dokument rivedut ta’ Programm Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni li jiddeskrivi l-mod kif tiġi ġestita s-sikurezza fl-Ewropa llum.

2.4 Insaħħu l-aġenda soċjali u noħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja fl-avjazzjoni

L-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE jiddependu fuq il-kapaċità tas-settur biex jiġġenera tkabbir sinifikanti permezz ta’ riformi strutturali. Huwa wkoll kruċjali li tinżamm pożizzjoni ta’ tmexxija fl-avjazzjoni permezz ta’ forza tax-xogħol b'esperjenza, ikkwalifikata u b'livell għoli ta' edukazzjoni. Is-sħubijiet bejn ir-riċerka, l-universitajiet u l-industrija dwar l-edukazzjoni se jiffaċilitaw il-moviment ta’ esperti bejn dawn is-setturi, li fl-aħħar ikun ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew.

Għad iridu jiġu żviluppati ħiliet u kompetenzi ġodda, li wħud minnhom għadhom mhumiex disponibbli b’mod wiesa’, bħal dawk ta' speċjalisti ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u analisti tad-dejta tat-titjiriet. It-taħriġ għandu jingħata prijorità. F’dan ir-rigward, l-Akkademja Virtwali tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ewropea se tkompli tiżviluppa netwerk Ewropew veru ta’ istituti ta’ taħriġ fl-avjazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll standards komuni rigward il-kompetenzi tal-ispetturi tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

Fil-kuntest tal-internazzjonalizzazzjoni tal-industrija u l-kompetizzjoni globali li dejjem qed tikber, il-pressjoni fuq il-linji tal-ajru biex inaqqsu l-ispejjeż operattivi kienet sinifikanti. Bosta trasportaturi bl-ajru tal-UE, li wħud minnhom qed jitħabtu biex jirristrutturaw l-attivitajiet tagħhom, esternalizzaw l-attivitajiet mhux ewlenin u, gradwalment, anki l-attivitajiet ewlenin biex itejbu l-produttività u l-profittabbiltà. Tfaċċaw mudelli ta’ negozju u impjiegi ġodda, bħall-multiplikazzjoni tal-bażijiet operattivi, ir-reklutaġġ ta’ ekwipaġġi tal-ajru permezz ta’ aġenziji, forom atipiċi ġodda ta’ impjieg jew skemi pay-to-fly għall-ekwipaġġi tat-titjiriet. Il-monitoraġġ bla waqfien u l-iskambju regolari ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jistgħu wkoll jikkontribwixxu lejn għarfien aħjar ta' dawn it-tendenzi ġodda u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti f'dan is-settur.

Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li huma mobbli ħafna li għandhom il-bażi operattiva tagħhom (“bażi residenzjali”) li tinsab barra mit-territorju fejn il-linja tal-ajru hija liċenzjata, jistħoqqilha attenzjoni speċifika. Huwa importanti li jkun hemm ċarezza dwar il-liġi tax-xogħol applikabbli u dwar il-qorti kompetenti responsabbli mit-tilwim. F’dan il-kuntest se tinħareġ gwida prattika dwar il-liġi tax-xogħol applikabbli u l-qorti kompetenti fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali. Il-Kummissjoni se tikkunsidra, wara valutazzjoni, jekk hemmx ħtieġa ta' linji gwida interpretattivi jew ta' bidliet regolatorji għas-settur tal-avjazzjoni abbażi ta' kriterji oġġettivi.

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, djalogu soċjali attiv u komprensiv fir-relazzjonijiet industrijali huwa essenzjali. Barra minn hekk, meta r-regoli jista’ jkollhom implikazzjonijiet soċjali importanti, huwa ta’ rilevanza partikolari li l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-imsieħba soċjali tal-Unjoni, jiġu kkonsultati kif suppost. Dan japplika wkoll għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni meta jiġu żviluppati regoli ta’ implimentazzjoni dwar is-sikurezza.

Barra minn hekk, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tfittex li tiżgura li l-politiki u l-liġijiet rispettivi tal-partijiet jappoġġaw livelli għoljin ta’ protezzjoni fil-qasam tax-xogħol u dak soċjali u li l-opportunitajiet maħluqa mill-ftehim ma jdgħajfux il-leġiżlazzjoni domestika u l-istandards tax-xogħol u l-infurzar tagħhom.

Il-Kummissjoni se:

Tappoġġa d-djalogu soċjali, b’mod partikolari permezz tal-kumitat għad-djalogu soċjali settorjali dwar l-avjazzjoni ċivili;

Issaħħaħ l-analiżi tagħha tal-impjiegi u l-impjieg fl-avjazzjoni mal-Istati Membri u tagħmilha disponibbli għall-partijiet interessati;

Tippubblika gwida ta' prattika dwar il-liġijiet tax-xogħol applikabbli u l-qorti kompetenti, li trid tinħareġ min-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali;

Tikkunsidra l-ħtieġa ta' aktar kjarifika tal-liġi applikabbli u l-qrati kompetenti fir-rigward ta’ kuntratti ta’ impjieg ta’ ħaddiema mobbli fl-avjazzjoni.

2.5 Nipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri

Il-proċess leġiżlattiv biex tiġi adottata r-reviżjoni tar-Regolament 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru f'każ li ma jitħallewx jitilgħu abbord, f'każ ta’ dewmien twil u f'każ ta' kanċellazzjonijiet 37 għadu għaddej fl-2015. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex jadottaw ir-reviżjonijiet proposti malajr. Sadanittant, il-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni stretta mill-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE stabbiliti bir-Regolament 261/2004 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tadotta linji gwida interpretattivi sabiex tipprovdi gwida liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-ajru dwar l-istat attwali tal-liġi, li se jkunu rilevanti sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni se tevalwa wkoll kif tista’ tippromwovi aktar il-kooperazzjoni bejn il-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar u l-awtoritajiet responsabbli mir-regoli orizzontali tal-konsumatur.

2.6 Inħaddnu era ġdida permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali

L-innovazzjoni għandha rwol ċentrali fis-settur tat-trasport bl-ajru. Din ittejjeb il-kompetittività u b'hekk trawwem ideat, opportunitajiet tas-suq u teknoloġiji ġodda biex jissaħħu s-sikurezza u l-prestazzjoni fl-avjazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm esperjenza ta' vvjaġġar mingħajr xkiel għal kulħadd. Hemm bżonn ta’ tmexxija Ewropea fl-iżvilupp tat-teknoloġiji għall-ġenerazzjoni li ġejja u l-promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġiji tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. Dan jista’ jinkiseb billi r-riżorsi finanzjarji u l-kreattività tal-Ewropa jiġu direzzjonati b'mod effettiv.

L-inġenji tal-ajru huma tabilħaqq fil-qalba tal-avjazzjoni u għalhekk industrija ajrunawtika kompetittiva hija kruċjali għal settur tal-avjazzjoni bi prestazzjoni għolja. L-industrija tal-ajrunawtika hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-aħjar ħames setturi ta’ teknoloġija avvanzata fl-Ewropa. Illum, ir-riċerka u l-isforzi tal-innovazzjoni jibqgħu fattur ewlieni tas-suċċess tal-industrija ajrunawtika. Il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u l-katina ta’ provvista tagħhom jagħmlu sforzi kbar biex itejbu l-impronta ambjentali tal-avjazzjoni, iżidu s-sikurezza tat-traffiku tal-ajru, inaqqsu l-ispejjeż operattivi u jlaħħqu ma’ domanda li dejjem qed tikber għal inġenji tal-ajru ġodda. Is-sħubija pubblika-privata Clean Sky 2 hija eżempju tajjeb ta' dan. L-iżvilupp ta’ proċessi ta’ manifattura avvanzata, l-użu ta’ materjali u azzjonijiet ġodda skont l-ekonomija ċirkolari huma eżempji oħra ta’ dawn l-isforzi.  38
 

Iċ-ċertifikazzjoni hija dik li twassal mir-riċerka għall-iżvilupp, bħala garanzija mandatorja ta' konformità fir-rigward tas-sikurezza u l-ambjent. L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni trid tkun f'qagħda li tħejji u twettaq iċ-ċertifikazzjoni fil-mument xieraq u b'mod effiċjenti filwaqt li żżomm l-indipendenza u l-imparzjalità.

L-użu effettiv u l-ottimizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma wkoll partikolarment rilevanti għall-kapaċità, għall-prestazzjoni u għall-kwalità tas-servizz tal-ajruporti. Jista' jkun li r-regoli tal-UE li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-biljetti tal-arju fil-Kodiċi ta’ Mġiba għas-Sistema ta’ Prenotazzjoni Kompjuterizzata 39 m'għadhomx xierqa għas-suq tal-lum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk hemmx bżonn li tirrevedi r-regoli eżistenti fid-dawl tal-bidliet osservati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilqa’ t-tnedija tal-proġett tal-avjazzjoni Big Data 40 mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti tal-kapaċitajiet ta’ analiżi u kondiviżjoni ta’ volumi kbar ta’ dejta, li jgħinu biex titjieb is-sikurezza fl-avjazzjoni permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.

Inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ: nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom

L-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ huma teknoloġija li diġà qed twassal għal bidliet radikali, billi toħloq opportunitajiet għal servizzi u applikazzjonijiet ġodda, kif ukoll sfidi ġodda. Huma jirrappreżentaw opportunità kbira kemm għall-industrija tal-manifattura ajrunawtika tagħna, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll għall-ħafna impriżi kummerċjali fl-avjazzjoni u mhux fl-avjazzjoni li se jkunu jistgħu jintegraw l-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ fl-attivitajiet tagħhom, u jżidu l-effiċjenza u l-kompetittività tagħhom. Ir-regoli tas-sikurezza tal-avjazzjoni attwali mhumiex adattati għall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ. Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ tipi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ li qed jintużaw taħt kundizzjonijiet operattivi differenti ħafna, jeħtieġ li jiġi stabbiliti malajr qafas ibbażat fuq ir-riskju. Dan il-qafas se jiżgura l-użu tagħhom mingħajr periklu fl-ispazju tal-ajru ċivili u se joħloq ċertezza legali għall-industrija. F’dan il-kuntest se jiġi kkunsidrat ukoll it-tħassib dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta, is-sigurtà, ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni jew l-ambjent.

Sabiex tiġi żgurata interazzjoni b'sigurtà mal-utenti tal-ispazju tal-ajru eżistenti li jaqgħu taħt ir-regoli tal-UE u biex jinħoloq suq wieħed domestiku kbir ta' rilevanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi ġodda dan il-qafas irid jiġi stabbilit fil-livell tal-UE. Għal raġunijiet ta’ sikurezza, l-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ kollha jridu ikunu koperti, anke dawk żgħar. Iżda, r-regoli għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju biex jiġi żgurat li l-iżviluppi ġodda ma jkunux imxekkla minn regoli u proċeduri mingħajr bżonn, ta’ piż u ta' prezz għoli, b'konformità mal-approċċ ta' Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni . Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li, kemm jista’ jkun, tibbaża ruħha fuq l-istandards tal-industrija. 

Il-Kummissjoni:

Tipproponi qafas legali bażiku għall-iżvilupp sikur tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ fl-UE, bħala parti tar-Regolament bażiku l-ġdid dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni li jieħu post ir-Regolament 216/2008;

Tinkariga lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni bit-tħejjija ta’ regoli aktar dettaljati li jippermettu l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u l-iżvilupp ta’ standards tal-industrija.

2.7 Nikkontribwixxu lejn Unjoni tal-Enerġija reżiljenti u Politika dwar it-Tibdil fil-Klima orjentata lejn il-ġejjieni

Il-kompetittività fil-ġejjieni tas-settur Ewropew tat-trasport bl-ajru u s-sostenibbiltà ambjentali tiegħu jmorru id f’id. Monitoraġġ regolari u aktar olistiku u rapportar dwar l-impatti ambjentali u l-progress fl-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi differenti fis-sistema tat-trasport bl-ajru kollha tal-UE se jkun ta' għajnuna billi jipprovdi informazzjoni dwar l-impatti tas-settur fuq l-ambjent u billi jipprovdi kontribut siewi għal teħid ta’ deċiżjonijiet ulterjuri. Jeħtieġ li matul iż-żmien jiġu ppreservati u mtejba standards ambjentali għoljin sabiex jiġi żgurat li l-avjazzjoni tiżviluppa b’mod sostenibbli, filwaqt li jiġu evitati jew minimizzati l-effetti ta’ ħsara fuq l-ekosistemi u ċ-ċittadini.

Rigward l-emissjonijiet mill-avjazzjoni, l-UE daħħlet fis-seħħ għodod regolatorji b’saħħithom bħall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) li tindirizza l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra 41 , inkluż mill-avjazzjoni.

L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tiżvolġi rwol importanti fl-iżvilupp ta’ soluzzjoni globali li tindirizza l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali. L-UE, permezz tal-Istati Membri li jaġixxu fil-qafas tal-ICAO, tfittex li tikseb Mekkaniżmu Bbażat fuq is-Suq Globali b’saħħtu biex jinkiseb tkabbir ħieles mill-karbonju mill-2020 li jrid jiġi analizzat mill-ġdid maż-żmien kif xieraq, u li għandu jsir operattiv mill-2020, kif ukoll li tadotta l-ewwel standard tas-CO2 għall-inġenji tal-ajru. Fl-Assemblea tal-ICAO fl-2016, l-Ewropa għandha tilħaq reġjuni oħra tad-dinja biex jinkiseb mekkaniżmu verament globali.

Skont l-aġenda tal-Unjoni tal-Enerġija, kontribut importanti għat-tnaqqis tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni attwali se jiġi minn azzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi innovattivi, inkluż l-iżvilupp u t-twassil fis-suq ta’ bijokarburanti avvanzati. Il-programmi tal-UE koprew prinċipalment il-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u t-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent (Clean Sky). Il-proġett ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew se jikkontribwixxi lejn iffrankar ta’ fjuwil u tnaqqis potenzjali ta’ 50 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2.L-industrija ħadet ukoll inizjattivi diġà u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki għandha tiġi kkunsidrata b’mod xieraq. Għandu jinkiseb aktar tnaqqis fl-emissjonijiet ta' NOx tal-inġenji tal-ajru sabiex jitnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem.

Il-prestazzjoni ambjentali tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru saret parti mill-iskema tal-prestazzjoni skont l-Ajru Uniku Ewropew. Il-prestazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru “gate-to-gate” għandha tittejjeb f’termini ta’ objettivi ambjentali, inkluż it-tnaqqis tal-istorbju u l-emissjonijiet li jirriżultaw minn movimenti tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti.

L-istorbju tat-traffiku tal-ajru madwar l-ajruporti jaffettwa direttament madwar 4 miljun ċittadin fl-Ewropa 42 . Regolament ġdid tal-UE dwar il-ġestjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju se jiżgura li l-aħjar prattiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza dwar restrizzjonijiet operattivi se jiġu applikati fl-Ewropa kollha minn Ġunju 2016. L-UE se tadotta wkoll standard tal-istorbju internazzjonali ġdid li jrid jiġi applikat għal tipi ġodda ta’ inġenji tal-ajru kbar mill-2017. Madwar l-ajruporti, apparti l-istorbju, iċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom ma’ kwalità ħażina ta' arja, bl-impatt ewlieni ta’ saħħa pubblika ġej minn partikuli ultrafini. Biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkomplu jaħdmu mal-industrija u s-sħab internazzjonali fi ħdan l-ICAO sabiex jittaffew l-effetti ta’ tniġġis tal-arja kkawżati mill-ajruplani.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-pubblikazzjoni ta’ “European Air Transport Environment Report" (Rapport dwar l-Ambjent li jirriżulta mit-Trasport bl-Ajru Ewropew) imħejji mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, l-Eurocontrol u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li se jippermetti lill-UE, lill-Istati Membri u lill-industrija jsegwu aħjar il-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport bl-ajru, u jossorveljaw l-effettività ta’ miżuri u politiki differenti.

III. INWETTQU L-ISTRATEĠIJA TAL-AVJAZZJONI U NĦARSU ‘L QUDDIEM

3.1 Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv

L-avjazzjoni Ewropea tista’ tibqa’ kompetittiva biss jekk il-partijiet ikkonċernati kollha mis-settur pubbliku u privat jużaw approċċ olistiku fl-indirizzar tal-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom illum l-avjazzjoni Ewropea, u jaġixxu b’mod komplementari u koordinat. Dan l-approċċ huwa dak li huwa meħtieġ biex il-miżuri proposti f’din l-Istrateġija jsiru riżultati tanġibbli.

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż il-linji tal-ajru, l-ajruporti, il-fornituri tas-servizzi tal-ajru, il-manifatturi, u l-imsieħba soċjali għandhom rwol x'jiżvolġu: kooperazzjoni effettiva biss tista' tiżgura li l-avjazzjoni Ewropea tirnexxi fil-livell globali fil-ġejjieni. L-interessi jistgħu xi kultant ikunu konfliġġenti. Madankollu għandna nsibu mod biex naġixxu bħala grupp wieħed kull meta jkun possibbli. Id-djalogu soċjali, b’mod partikolari l-kumitat tad-djalogu soċjali settorjali dwar l-avjazzjoni ċivili, għandu jaqdi rwol importanti.

Jeħtieġ li jkun hemm l-unità fil-livell internazzjonali. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ pajjiżi terzi. Apparti milli tinnegozja ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru tal-UE bħala l-ġebla tax-xewka tal-azzjoni esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tinsisti dwar il-konklużjoni rapida tal-proċess ta’ ratifika tal-Konvenzjoni riveduta tal-Eurocontrol u l-Protokoll tal-Adeżjoni tal-UE. Se tappoġġa wkoll bis-sħiħ l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali dwar standards ta’ sikurezza u sigurtà, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-ambjent.

3.2 Ninvestu fir-riċerka dwar l-avjazzjoni

L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni se jkunu l-katalisti għall-iżvilupp tal-avjazzjoni u tal-funzjoni tagħha bħala faċilitatur tat-tkabbir. Il-Kummissjoni hija konvinta li l-investimenti xierqa privati u pubbliċi fit-teknoloġija u l-innovazzjoni għandhom jiżguraw ir-rwol mexxej tal-Ewropa fl-avjazzjoni internazzjonali. L-Unjoni Ewropea ppjanat li tinvesti EUR 430 miljun 43 kull sena, sal-2020, fil-proġett ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR). Ġie stmat li l-implimentazzjoni f’waqtha tas-soluzzjonijiet SESAR tista' potenzjalment twassal għall-ħolqien ta’ aktar minn 300 000 impjieg ġdid.

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni permezz ta’ sħubiji pubbliċi-privati, il-Programm Qafas Orizzont 2020, il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi filwaqt li jiġi żgurat li l-azzjonijiet ikunu f’konformità mal-politika tal-UE dwar is-sikurezza. L-isforzi ta’ riċerka u innovazzjoni fl-ajrunawtika u l-karburanti avvanzati huma essenzjali wkoll, kif ġie enfasizzat fil-“Flightpath 2050”, rapport imħejji minn grupp ta’ livell għoli dwar ir-Riċerka fil-qasam tal-Avjazzjoni. Dawn l-isforzi għandhom ikunu appoġġati minn taħlita effiċjenti ta’ finanzjament pubbliku u privat, inkluż pereżempju, fil-livell tal-UE, kontribuzzjonijiet importanti minn sħubijiet pubbliċi-privati bħal SESAR u Clean Sky ikkumplimentati minn azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni direttament iffinanzjati skont il-Programm ta’ Riċerka Orizzont 2020, il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi..

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi b’mod attiv il-koordinazzjoni effiċjenti bejn dawn l-istrumenti u se teżamina kif il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa 44 jista’ jappoġġa s-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni ta’ prodotti u servizzi ajrunawtiċi avvanzati Ewropej. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ infrastrutturi strateġiċi u trasport sostenibbli huma objettivi ewlenin tal-Politika ta’ Self għat-Trasport tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) 45 .

3.3 Konklużjonijiet, u nħarsu 'l quddiem

L-avjazzjoni saret katalist għat-tkabbir ekonomiku: settur tal-avjazzjoni bi prestazzjoni għolja jikkontribwixxi għal ekonomija tal-UE b'saħħitha.

L-Unjoni Ewropea diġà ħadet ir-rwol ta’ “riformatriċi” permezz tal-ħolqien ta’ suq uniku tal-avjazzjoni. Bl-iżvilupp ta' dan is-suq, l-għan tagħha kien li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi, tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ, iżżomm kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi, tħeġġeġ l-innovazzjoni, iżżomm l-ogħla livelli ta’ sikurezza u tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess.

Dawn il-prinċipji għandhom jiġu segwiti wkoll globalment. Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jrid ilaħħaq mal-pass tat-tkabbir u t-tibdil, billi jkun żgurat l-aċċess għal swieq ta’ tkabbir ewlenin mill-industrija tal-UE u miċ-ċittadini tagħha. Is-suċċess tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-UE u l-prinċipji u r-regoli li fuqhom huwa bbażat għandhom jiġu promossi fil-livell internazzjonali permezz ta' politika ambizzjuża tal-avjazzjoni esterna tal-UE u ta' negozjati mas-sħab ewlenin.

Azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa biex jingħelbu r-restrizzjonijiet tal-kapaċità u l-effiċjenza li jirriżultaw minn użu ineffiċjenti ta’ riżorsi attwali (spazju tal-ajru, ajruporti) u minn restrizzjonijiet tas-suq. L-avjazzjoni għandha ssir element integrali tat-trasport intermodali għall-aħjar livell ta' konnettività, li bħala riżultat se tgħin biex jiġi xprunat it-tkabbir għall-ekonomija tal-Ewropa.

L-UE għandha ssegwi politiki bil-għan li jiġu ottimizzati l-investiment u l-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw l-industrija tal-avjazzjoni u t-titjib tal-qafas regolatorju filwaqt li jinżammu l-ogħla standards tal-UE għas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u għaċ-ċittadini tagħha. Il-Kummissjoni hija konvinta wkoll li l-investimenti magħmula b'mod intelliġenti fit-teknoloġija u l-innovazzjoni għandhom jiżguraw ir-rwol mexxej tal-Ewropa fl-avjazzjoni internazzjonali.

L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ din l-Istrateġija tal-Avjazzjoni se tiddependi fuq ir-rieda tal-atturi kollha li jikkollaboraw b’mod koerenti u konsistenti. L-avjazzjoni hija industrija dinjija u l-partijiet kollha tan-netwerk tal-avjazzjoni tal-UE joħolqu l-valur. Settur tat-trasport tal-ajru kompetittiv u sostenibbli biss se jippermetti lill-Ewropa żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fl-interess taċ-ċittadini tagħha u tal-industrija tagħha.



PJAN TA’ AZZJONI INDIKATTIV TAL-ISTRATEĠIJA TAL-AVJAZZJONI

IT-TLESTIJA TA’ PROĊESS INTERISTITUZZJONALI

2016

Reviżjoni tar-Regolament dwar ir-regolamentazzjoni tal-orarju Nru 545/2009

2016

Reviżjoni tar-Regolament Nru 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

2016

SES2+: Reviżjoni tal-qafas tal-Ajru Uniku Ewropew 

2016-7

Konklużjoni tal-proċess ta’ ratifika tal-protokoll ta' adeżjoni tal-UE mal-Eurocontrol

PROPOSTI LEĠIŻLATTIVI TAL-KUMMISSJONI*

2015

Reviżjoni tar-Regolament Nru 216/2008 inkluż l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ

2016

Miżuri biex jiġu indirizzati l-prattiki inġusti (reviżjoni Regolament 868/2004)

ATTI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

2017

Reviżjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inkluża l-għażla tal-Maniġer tan-Netwerk

2019

Reviżjoni tal-skema ta’ prestazzjoni (gate-to-gate)

DIMENSJONI INTERNAZZJONALI

2015

Awtorizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jiġu nnegozjati ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE

2016

Awtorizzazzjonijiet biex ikunu jistgħu jiġu nnegozjati Ftehimiet bilaterali dws-Sikurezza fl-Ajru maċ-Ċina u l-Ġappun

2016-7

Tnedija ta’ djalogi ġodda dwar l-avjazzjoni ma’ sħab ewlenin

DOKUMENTI TA’ GWIDA

2016

Linji gwida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

2016

Linji gwida dwar is-sjieda u l-kontroll

2016

Linji gwida dwar l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku

2016-7

L-Aħjar Prattiki f’livelli minimi ta’ servizz fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru

STUDJI U EVALWAZZJONIJIET**

2017-8

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru

2016-7

Ir-Regolament (KE) Nru 996/2010 dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni

2016-7

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 dwar il-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE

2016-7

Id-Direttiva 2009/12/KE dwar l-imposti tal-ajruporti

2017

Id-Direttiva 96/67/KE dwar is-servizzi tal-groundhandling

* Il-proposti leġiżlattivi se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni

* * Il-valutazzjonijiet jistgħu jissuġġerixxu l-inizjazzjoni ta' proposti leġiżlattivi

(1)

-3-5-6 Steer Davies Gleave – Study on employment and working conditions in air transport and airports, Final report 2015.

(2)

-4 Aviation: Benefits Beyond Borders, Report prepared by Oxford Economics for ATAG, April 2014.

(3)

Germa Bèl, Xavier Fageda Getting there fast: globalization, intercontinental flights and location of headquarters - Journal of Economic Geography 8 (2008) .

(4)

Jan K. Brueckner, Airline Traffic and Urban Economic Development, Urban Studies, 2003.

(5)

Illum hemm aktar minn 3500 rotta bejn l-Istati Membri tal-UE u aktar minn 2500 rotta 'l barra mill-UE, Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 1, taqsima 2.

(6)

Ir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku huwa mistenni li jikber bl-aktar rata mgħaġġla, u se jirrappreżenta 40% tat-traffiku bl-ajru fid-dinja sal-2034; id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni kapitlu 1, taqsima 4.

(7)

 http://ec.europa.eu/transport/modes/air/consultations/doc/2015-aviation-package/synopsis-report.pdf

(8)

 Il-Kummissjoni Ewropea, il-Komunikazzjoni “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar”, COM(2015)215 final tad-19.05.2015

(9)

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 1 taqsima 4

(10)

(UK) Airports Commission, Final Report, July 2015.

(11)

 Ir-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-21 ta’ April 2004, ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1–7.

(12)

Il-proposti leġiżlattivi se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni.

(13)

L-Istati Membri tal-UE jew iċ-ċittadini tal-UE jrid ikollhom sjieda ta' aktar minn 50% tal-impriża.

(14)

 Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-24 ta’ Settembru 2008, ĠU L293, 31.10.2008, p. 3-20.

(15)

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 2 taqsima 5.1

(16)

COM(2013)409 final u COM(2013)410 final tal-11.06.2013

(17)

Fl-aktar xenarju probabbli tal-Eurocontrol, dan jammonta għal 12% tad-domanda totali fl-2035, b'kemm tiswa' kapaċità ta' 240 miljun moviment ta’ passiġġieri jew disa’ runways tal-ajruport. B’kollox, hemm previżjonijiet ta' nuqqas ta’ kapaċità fi 24 ajruport madwar 21 belt.

(18)

Osservatorju dwar il-kapaċità u l-kwalità tal-ajruporti - 2015

(19)

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 2, taqsima 5.3

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tat-18 ta’ Ġunju 2009, ĠU L 167, 29.6.2009, p. 24–25.

(21)

Pereżempju, l-introduzzjoni tal-kummerċ sekondarju biss tista’ tippermetti li fis-sistema tal-avjazzjoni tal-UE jiġi moqdi ammont addizzjonali ta’ 14-il miljun passiġġier fis-sena, li jrendu EUR 300 miljun f’benefiċċji ekonomiċi annwali.

(22)

COM/2014/0278 finali

(23)

Id-Direttiva 2009/12/KE tal-11 ta’ Marzu 2009, ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11–16

(24)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996, ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36–45

(25)

 Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 2, taqsima 3

(26)

direct, indirect, onward and hub connectivity – Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal kapitolu 2, taqsima 3.1

(27)

 http://elibrary.worldbank.org/doi/abs/10.1596/1813-9450-5722

(28)

Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

(29)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2013)208 finali tas-6.6.2013

(30)

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-14 ta’ Diċembru 2005, ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15-22

(31)

Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-20 ta’ Ottubru 2010, ĠU L295 tat-12.11.2010, p. 35-50

(32)

 filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti fl-abbozz tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, COM (2013) 48, fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u notifika tal-inċidenti, inkluż fis-settur tat-trasport.

(33)

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, ĠU L46, tas-17.02.2004, p. 1-7

(34)

 Il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari – għad irid jiddaħħal

(35)

 Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-14 ta’ Jannar 2009, ĠU L 35, tal-4.2.2009, p. 47.

(36)

Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, kapitlu 5.

(37)

Id-Direttiva 2003/87/KE tat-13 ta' Ottubru 2003 ĠU L 275, 25.10.2003, p.32

(38)

http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/exposure-to-and-annoyance-by-1/assessment

(39)

 Kontribuzzjoni annwali medja mbassra matul 2014-2020

(40)

 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa - COM/2014/0903final

(41)

Il-Politika ta’ Self għat-Trasport tal-BEI riveduta fl-2011: http://www.eib.org/infocentre/publications/all/eib-transport-lending-policy.htm