Brussell, 8.10.2015

COM(2015) 505 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2013 (Sommarju)

{SWD(2015) 194 final}
{SWD(2015) 195 final}


Rapport dwar is-segwitu għat-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu u mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni ta' kwittanza tiegħu għas-sena baġitarja 2013 

Kummenti preliminari

Dan huwa r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew (PE) u lill-Kunsill dwar is-segwitu għar-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tal-PE 1 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2 għas-sena finanzjarja 2013, skont l-Artikolu 319(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 166 tar-Regolament Finanzjarju (RF) u l-Artikolu 119(5) tar-Regolament Finanzjarju tad-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Artikolu 144 tar-Regolament Finanzjarju tal-10 FEŻ.

Dan huwa l-ewwel rapport ippreżentat mill-Kummissjoni li ħadet il-kariga fl-1.11.2014. Il-Kummissjoni l-ġdida qed issegwi aġenda aktar iffukata skont il-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-President Juncker u tagħti importanza partikolari lill-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa t-tħassib espress mill-PE u mill-Kunsill fil-kwittanza tal-2013.

Fir-riżoluzzjoni ta kwittanza ġenerali tal-PE, ingħatat importanza lil ċertu għadd ta kwistjonijiet bħalma huma t-titjib meħtieġ fil-ġestjoni kondiviża, is-simplifikazzjoni, il-prestazzjoni kif ukoll punti speċifiċi oħrajn. Dawn it-talbiet ġew diskussi b'mod estensiv matul il-proċedura ta' kwittanza, b'mod partikolari mar-relatur u mal-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT). Fl-ittra mill-Viċi President Georgieva 3 , ingħatat evidenza tal-impenn formali tal-Kummissjoni biex timplimenta b'mod sħiħ u f'waqtu sensiela ta' azzjonijiet u miżuri relatati mal-kwistjonijiet identifikati.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tinkludi wkoll kwistjonijiet importanti relatati mal-ħtieġa għal titjib fil-ġestjoni kondiviża, fis-simplifikazzjoni u fil-prestazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tqis dan l-impenn filwaqt li taġġorna, fejn meħtieġ, is-sitwazzjoni f'dak li jirrigwarda l-azzjonijiet ulterjuri li ttieħdu s'issa. Hija akkumpanjata minn żewġ Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (Commission staff working document, CSWD) li fihom it-tweġibiet għal 319-il talba speċifika ta' kwittanza min-naħa tal-PE u 75 min-naħa tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni taqbel li tibda azzjonijiet ġodda fuq 139 talba (115 mill-PE u 24 mill-Kunsill). Hija tqis li għal 218-il talba (168 mill-PE u 50 mill-Kunsill), l-azzjoni meħtieġa diġà ttieħdet jew tinsab għaddejja bħalissa, għalkemm f'xi wħud mill-każijiet hemm il-ħtieġa li jiġu vvalutati r-riżultati tal-azzjonijiet. Fl-aħħar nett, għal raġunijiet marbuta mal-qafas legali u baġitarju eżistenti jew ir-rwol jew il-prerogattivi istituzzjonali tagħha, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta 37 talba (36 mill-PE 4 u 1 mill-Kunsill 5 ). Ġustifikazzjoni dettaljata hija pprovduta fiż-żewġ CSWD mehmużin.

1.    Titjib fil-ġestjoni kondiviża

1.1.Riżervi li jikkwalifikaw id-“dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni” tad-Diretturi Ġenerali rigward l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, il-politika reġjonali u l-impjiegi u l-affarijiet soċjali (il-paragrafi 1-4)

Il-Kummissjoni tqis li r-riżervi jikkonfermaw il-funzjonament tajjeb tal-proċeduri ta’ kontroll fis-seħħ fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri (SM). L-għadd ta’ riżervi fir-Rapporti Annwali tal-Attività (RAA) [21 fl-2013] huwa r-riżultat ta’ approċċ imsaħħaħ u aktar immirat tal-Kummissjoni, fost oħrajn bħala riżultat tal-politika stretta li għaddejja bħalissa ta’ interruzzjoni u sospensjoni ta’ pagamenti u mhux minħabba deterjorazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll jew nuqqas ta’ responsabbiltà. Ir-riżervi huma ġeneralment marbutin ma’ pjanijiet ta’ azzjoni li huma kkontrollati mill-qrib mill-Kummissjoni.

Il-fatt li l-Kummissjoni sistematikament tidentifika nuqqasijiet u riskji, tieħu azzjoni u tirrapporta dwar il-progress li jkun sar jippermetti li l-PE tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni u tal-evoluzzjoni tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja fuq bażi permanenti.

Il-miżuri preventivi, korrettivi u ta' identifikazzjoni implimentati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tas-sistemi pluriennali superviżorji u ta’ kontroll joffru aċċertament raġonevoli li l-baġit tal-UE huwa protett b'mod adegwat min-nefqa bi ksur tal-liġi u mir-riskji li jirriżultaw min-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri.

1.2.Katina ta’ Awditu Uniku u responsabbiltà tal-Kummissjoni u l-Istati Membri (il-paragrafi 44 u 47)

Il-Kummissjoni ilha taħdem għal sistema effettiva ta’ “katina ta' awditu uniku” li tkun aspett ewlieni ta’ parti kbira mir-riżoluzzjoni.

F’dan il-kuntest, is-sorsi prinċipali għall-aċċertament tal-Kummissjoni li r-riżorsi ntużaw f’konformità mal-qafas legali u l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba huma r-riżultati tal-ħidma ta’ awditu tagħha stess, tal-awditi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u tar-rapporti mogħtija mill-OLAF, kif ukoll l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-opinjonijiet tal-awditjar u l-istatistika ta’ kontroll fuq ir-rati ta’ erruri trażmessa bħala parti mir-rapporti annwali ta’ kontroll u l-awditi tas-sistemi nazzjonali pprovduti matul is-sena.

Aspett importanti tal-awditu uniku hija d-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni li tintroduċi rappurtar obbligatorju msaħħaħ għall-Istati Membri, iffirmata mid-Diretturi / mill-kapijiet tal-aġenziji jew tal-korpi. Din id-dikjarazzjoni tiġi akkumpanjata minn rapport li jinkludi sommarju tar-riżultati kollha ta’ kontroll u ta’ awditjar imwettqa, kif ukoll l-azzjonijiet korrettivi meħudin jew ippjanati. Madankollu, il-ħruġ ta' dikjarazzjoni nazzjonali (l-Artikolu 59(1) tar-RF) jista' jikkostitwixxi element importanti ieħor tal-awditu uniku.

Rigward it-talba biex titressaq rakkomandazzjoni għall-promozzjoni tal-użu ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet nazzjonali, il-Kummissjoni, filwaqt li tapprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali 6 , tixtieq tenfasizza li azzjonijiet oħrajn jikkostitwixxu mod aktar xieraq biex jiġi promoss l-użu tagħhom, bħall-inklużjoni ta' informazzjoni f’dokumenti pubbliċi bħar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni, il-ġbir tal-aħjar prattiki, is-sessjonijiet ta’ informazzjoni fil-fora relevanti jew il-promozzjoni tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-Ministri tal-Finanzi, il-Parlamenti Nazzjonali u l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar.

Rigward it-talba tal-PE biex jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet nazzjonali, is-sommarji annwali u d-dikjarazzjonijiet tar-responsabbiltajiet ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma għandhiex id-dritt li tippubblika dawn id-dokumenti.

1.3.L-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri (il-paragrafi 24-25 u 49-50)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kredibbiltà tar-Rapporti Annwali tal-Attività ma tiddgħajjifx bin-nuqqas ta’ affidabbiltà ta' wħud mill-kontrolli tal-ewwel livell imwettqa mill-Istati Membri. Hija fil-fatt għandha idea ġenerali tajba u tibni l-aċċertament tagħha abbażi ta’ proċess b'saħħtu u solidu li jinkludi diversi livelli ta’ kontrolli:

- il-kontrolli tal-ewwel livell li jivverifikaw in-nefqa kollha qabel ma tiġi ddikjarata lill-Kummissjoni;

- il-kontroll tat-tieni livell tal-awtorità taċ-ċertifikazzjoni (il-kontabilista) qabel ma tissottometti l-kontijiet lill-Kummissjoni;

- it-tielet livell ta’ kontroll li jinkludi awditi tal-proġetti u tal-proċeduri fis-seħħ;

- u l-kontrolli proprji tal-Kummissjoni li jimmiraw lejn il-korpi nazzjonali għall-implimentazzjoni u l-kontroll jew direttament lejn il-proġetti li jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni ta' 15-il rekwiżit ewlieni.

Għall-aċċertament tagħha, il-Kummissjoni tqis ir-riżultati mill-ħidma ta’ dawn il-livelli kollha ta’ kontroll kif ukoll ir-riżultati mill-ħidma ta’ awditjar tal-QEA u l-investigazzjonijiet tal-OLAF.

Barra minn hekk, il-kontrolli huma mifruxin maż-żmien b’xi kontrolli li jsiru wara ċ-ċertifikazzjoni tan-nefqa lill-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-valutazzjoni finali tar-riskju residwu u, għaldaqstant, is-suċċess tal-implimentazzjoni jitwettqu mal-ħin tal-għeluq.

Hija tqis li l-informazzjoni pprovduta fir-Rapporti Annwali tal-Attività, fir-Rapport ta’ Sinteżi, fil-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE u fil-kontijiet annwali tipprovdi bażi adegwata għall-valutazzjoni tal-kapaċità korrettiva tas-sistemi fis-seħħ.

L-approċċ prudenti adottat fil-Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni tal-baġit tal-UE 7 ma għandux jinftiehem li l-Istati Membri rrappurtaw informazzjoni mhux affidabbli. Il-kumment tal-Kummissjoni jirreferi għall-prattika ta’ xi awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni li jirrappurtaw ċifra li tinkludi Korrezzjonijiet Finanzjarji (KF) mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni bħala KF. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sistematikament tnaqqas ammont li huwa daqs il-korrezzjonijiet tal-Kummissjoni miċ-ċifri rrapportati mill-Istati Membri sabiex tevita r-riskju ta’ kalkolar doppju.

Id-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL qed jieħdu miżuri biex jiżguraw l-affidabbiltà tal-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji. Il-miżuri jikkonsistu:

fit-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju annwali fuq id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri,

f'kuntatti mal-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni biex jiċċaraw id-dejta rrappurtata meta jinstabu inkonsistenzi,

fit-twettiq ta’ awditi fuq il-post biex jivverifikaw is-sistema kontabilistika tal-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni u l-affidabbiltà tad-dejta rrappurtata dwar korrezzjonijiet finanzjarji bbażati fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju; il-kopertura ta’ dawn l-awditi żdiedet fl-2014 biex jinkiseb aċċertament addizzjonali.

Rigward it-talba biex jitpoġġew fis-seħħ proċeduri li jorbtu l-miżuri korrettivi mas-sena tal-pagament oriġinali, il-Kummissjoni tirrimarka li, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-ewwel hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jpoġġu fis-seħħ proċeduri b'saħħithom biex jikkonfermaw iż-żmien, l-oriġini u l-ammont tal-miżuri korrettivi.

Il-Kummissjoni dejjem qalet li l-irbit tal-korrezzjonijiet mas-sena tal-pagament oriġinali mhijiex fattibbli.

F’każ li l-Kummissjoni tqis, abbażi tal-valutazzjonijiet u l-analiżi tagħha, li d-dejta mingħand l-Istati Membri mhijiex korretta, dan għandu jiġi żvelat b’mod ċar fir-RAA rispettiva tas-servizzi tagħha.

Fuq talba li d-Diretturi Ġenerali jirrappurtaw dwar ir-rati ta’ żball innotifikati mill-Istati Membri u dwar il-korrezzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom, hija tfakkar li din l-informazzjoni hija attwalment ipprovduta mid-Direttorati Ġenerali għall-programmi operattivi kollha fir-riżerva. Mill-2014 dan ġie estiż għall-programmi operattivi kollha fuq bażi ad hoc.

1.4. Ir-Rapport ta' Sinteżi u r-RAA (il-paragrafi 26-27 u 217-218)

B’reazzjoni għat-talba tal-PE, il-Kummissjoni ċċarat il-kalkolu tal-ammont f’riskju fir-Rapport ta’ Sinteżi tal-2014 8 , u ppreżentat ukoll l-impatt stmat tal-azzjonijiet korrettivi.

Fuq talba biex toħroġ "Dikjarazzjoni ta' aċċertament" proprja fir-Rapport ta' Sinteżi, il-Kummissjoni tisħaq li, f'konformità mal-ħtieġa li ssaħħaħ il-kontroll finanzjarju bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tar-riforma amministrattiva tagħha u l-azzjonijiet ta' rinfurzar mis-sena 2000, il-qafas ta' governanza (b'mod partikulari l-Artikolu 66(9) tar-RF) isaħħaħ bis-sħiħ lid-Diretturi Ġenerali, u jagħmilhom personalment responabbli mill-ġestjoni finanzjarja. Għaldaqstant, ir-responsabilità maniġerjali preżunta mid-Diretturi Ġenerali tiżgura l-kontinwità u s-sostenibilità meħtieġa għall-istruttura tal-kontabilità.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Kulleġġ jerfa’ r-responsabbiltà politika abbażi tal-Artikolu 317 tat-TFUE billi kull sena jadotta r-Rapport ta’ Sinteżi li jikkostitwixxi sommarju tar-Rapporti Annwali ta' Attività tas-sena preċedenti (l-Artikolu 66(9) tar-RF). Hija tqis li l-kombinazzjoni tar-Rapporti Annwali ta' Attività u r-rapport ta’ sinteżi tissodisfa l-objettivi interni u esterni tar-responsabbiltà.

Rigward it-talba tal-PE għal kjarifiki tal-istruzzjonijiet għar-Rapporti Annwali ta' Attività (possibbiltà ta' opinjoni avversa, mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet), il-Kummissjoni tenfasizza li dawn l-istruzzjonijiet diġà jippermettu li l-Uffiċjali Awtorizzanti b’Delega (UAD) jikkonkludu li ma hemm l-ebda aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll fis-seħħ jagħtu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

Rigward il-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet, kemm ir-RF kif ukoll ir-Regolamenti tal-Persunal (RP) attwalment diġà jipprevedu li l-UAD ikun responsabbli għal proċeduri dixxiplinari u jkollu responsabbiltà finanzjarja f’każ ta’ attività illegali, frodi jew korruzzjoni.

2.    Simplifikazzjoni

Il-qafas legali għall-2014-2020 jipprovdi bażi għal aktar simplifikazzjoni billi jintroduċi miżuri bħall-għadd imnaqqas ta’ programmi, l-allinjament tad-dispożizzjonijiet bejn il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u strumenti oħrajn tal-UE, it-tisħiħ ta’ għażliet ta' spejjeż issimplifikati (simplified cost options, SCO) jew l-introduzzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni konġunti u t-tnaqqis tal-piż tal-awditjar f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fil-qasam tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-qafas legali l-ġdid jinkludi elementi ta’ simplifikazzjoni bħall-iskema għall-bdiewa ż-żgħar jew l-ispejjeż standard u l-pagamenti ta’ ammont b'rata fissa fl-iżvilupp rurali. Madankollu, billi ħafna minn dawn l-elementi huma volontarji għall-Istati Membri, l-effetti tagħhom fuq l-art jiddependu fuq l-għażliet ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, xi elementi introdotti mill-koleġiżlaturi waqt il-proċedura leġiżlattiva żiedu l-kumplessità tal-proposti inizjali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet eżami analitiku dwar is-simplifikazzjoni, u r-riżultati tiegħu se jiġu kkomunikati dalwaqt lill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Fir-rigward tal-Politika ta’ Koeżjoni, ġew offruti firxiet wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni lill-Istati Membri li issa jridu jibdew filwaqt li jevitaw ir-regolamentazzjoni żejda. Bl-istess mod, dan l-aħħar l-akkwist pubbliku u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ġew simplifikati permezz ta’ leġiżlazzjoni mtejba, li għandha tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-ammont ta’ żbalji ladarba jkunu kompletament fis-seħħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva politika li twaqqaf grupp ta’ esperti biex iwettqu valutazzjoni indipendenti dwar it-tnedija tas-simplifikazzjoni mill-Istati Membri u l-identifikazzjoni ta’ aktar possibilitajiet għas-simplifikazzjoni tar-regoli. Fl-10 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li jitwaqqaf il-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li tħabbar mill-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Corina Creţu fid-9 ta’ Ġunju 2015. L-għan tal-grupp huwa li jivvaluta l-adozzjoni tal-opportunitajiet ta’ simplifikazzjoni mill-Istati Membri biex jaċċessaw u jużaw il-Fondi, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji.

Mill-2016 se tidħol fis-seħħ l-amministrazzjoni elettronika tal-politika ta' koeżjoni. Il-qafas regolatorju għall-2014-2020 issaħħaħ il-possibilità li jintużaw għażliet ta' spejjeż issimplifikati u jistabbilixxi strumenti simplifikati ġodda, bħalma huma l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunti, li huma kompletament definiti f’termini ta’ prestazzjonijiet u riżultati li għandhom jinkisbu u jiġu implimentati permezz ta’ għażliet ta' spejjeż issimplifikati. Barra minn hekk, rigward l-impjiegi, il-Kummissjoni tmexxi seminars ta’ simplifikazzjoni fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta rapport ta' stħarriġ rigward is-simplifikazzjoni dwar l-istat attwali lill-PE u lill-Kunsill sa tmiem l-2015.

L-għażliet ta' spejjeż issimplifikati u r-regoli ta' armonizzazzjoni bejn il-fondi jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u r-riskju ta’ żbalji. Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tgħin biex l-isforz ikun iffukat fuq il-kisba tar-riżultati ta’ proġetti u programmi.

Il-Kummissjoni se tagħmel monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-elementi ta’ simplifikazzjoni f’kull qasam ta’ politika u tissimplifika dawn l-inizjattivi separati permezz ta’ Tabella ta' Valutazzjoni tas-Simplifikazzjoni Amministrattiva sa tmiem l-2015.

Il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati ta’ din l-attività ta' monitoraġġ u ta' koordinazzjoni fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP (li huwa mistenni fi tmiem l-2016) u r-rieżami li jmiss tar-RF.

3.    Prestazzjoni (il-paragrafi 303-310)

Il-ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi ta’ nfiq għall-QFP 2014-2020 se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 billi hija aktar orjentata lejn il-prestazzjoni, kif deskritt fid-dettall fl-ittra tal-Viċi President Georgieva msemmija qabel.

Wara r-riżoluzzjoni tal-PE tat-3.12.2013 dwar “Il-qafas ta’ kontroll intern integrat” (l-entrata 40) 9 , il-Kummissjoni ħadet il-passi meħtieġa biex twaqqaf il-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-Ibbaġitjar ibbażat fuq il-Prestazzjoni matul l-2015.

Il-PE jitlob li l-Pjan ta’ Ġestjoni tad-Diretturi Ġenerali għandu jkollu għadd limitat ta’ miri li jirrappurtaw dwarhom fir-RAA tagħhom. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Rapporti Annwali tal-Attività tal-2013 kienu jinkludu l-progress biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri fit-tul definiti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-2013 u kienu jinkludu wkoll sommarju tal-evalwazzjonijiet u l-awditi tal-prestazzjoni mwettqa.

Ir-riżoluzzjoni titlob li jiġu inklużi żewġ analiżijiet fir-rapport ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw l-effiċjenza, l-effettività u r-riżultati miksuba f’termini ta’ tkabbir u impjiegi rispettivament mill-Pjan ta’ Investiment 10 u mill-pjan għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

Fir-rigward tal-ewwel waħda, u wara l-ftehim li ntlaħaq bejn il-PE u l-Kunsill (5.6.2015), il-Kummissjoni se tippreżenta: (a) evalwazzjoni dwar l-użu u l-funzjonament tal-garanzija tal-UE, akkumpanjata minn opinjoni tal-QEA, u (b) rapport li jinkludi evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament.

Fir-rigward tat-tieni waħda, il-Kummissjoni tindika li r-rapport ta’ evalwazzjoni jipprovdi dejta dwar pjan għat-Tkabbir u l-Impjiegi adottat mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2012 sa fejn l-azzjonijiet ġew iffinanzjati mill-baġit tal-UE.

Żewġ talbiet ulterjuri jikkonċernaw il-koordinazzjoni fl-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. Fil-metodi ta’ ħidma ġodda tagħha, il-Kummissjoni tispjega kif hija tiżgura li l-ħidma tagħha taqa’ fi ħdan l-oqsma ewlenin tal-Linji Gwida Politiċi bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u għandha l-għan li tiżviluppa kultura ta’ prestazzjoni aktar b’saħħitha fir-rigward tal-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-politiki tal-UE huma ġestiti u kkoordinati biex iqisu n-natura trasversali tal-attivitajiet tad-Direttorati Ġenerali.

F’dan il-kuntest, twaqqaf netwerk ta’ Kummissarji li jiffoka fuq baġit tal-UE għar-riżultati.

4.    Kwistjonijiet speċifiċi

4.1.    Kunflitt ta’ interess (KTI) (il-paragrafu 56)

Rigward it-talba tal-PE biex jeżamina s-sitwazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tfakkar li, f’termini ġenerali, l-evitar ta’ kunflitt ta’ interess fil-livell nazzjonali jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, anke meta l-kunflitti ta' interess possibbli jirreferu għall-ġestjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni.

Fir-rigward tat-talba biex tippreżenta rakkomandazzjonijiet jew soluzzjonijiet vinkolanti, il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet legali 11 huma diġà fis-seħħ biex jiġi evitat KTI meta jiġi implimentat il-baġit tal-UE b’ġestjoni kondiviża.

B’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-RF, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw KTI kemm f’attivitajiet ta’ ġestjoni kif ukoll ta' kontroll.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jipprevedi li l-programm operattiv jiżgura separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet meta l-awtorità ta’ ġestjoni tkun benefiċjarja wkoll.

Bl-istess mod, ir-regoli tal-akkwist jipprevedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu miżuri xierqa biex, b'mod effettiv, jipprevjenu, jidentifikaw u jirrimedjaw il-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw fit-twettiq tal-proċeduri tal-akkwist sabiex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni u jiġi żgurat trattament ugwali għall-operaturi ekonomiċi kollha.

4.2.    Prefinanzjament ta’ qabel l-adeżjoni (il-paragrafu 215)

Rigward l-approvazzjoni ta’ disa’ tranżazzjonijiet relatati mal-programmi nazzjonali għal qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li dawn kienu affettwati biss minn żball proċedurali temporanju tal-kontabilità. Il-Kummissjoni sostniet b'mod konsistenti li dan l-iżball la kellu impatt fuq l-affidabbiltà tal-kontijiet, u lanqas fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet involuti.

Barra minn hekk, il-paragrafu kkonċernat jirrifletti biss parzjalment il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-QEA u t-tweġibiet relatati tal-Kummissjoni fir-rapport annwali tal-QEA tal-2013.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-prassi tad-DĠ Tkabbir mal-Artikolu 88 tar-RF u l-Artikolu 100 tar-regoli ta’ applikazzjoni (RAP), il-Kummissjoni tenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu speċifikament għall-approvazzjoni tan-nefqa, li ma tinsab fl-ebda waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet. Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx li l-Artikolu ma ġiex osservat: fl-ebda stadju ma kien hemm komunikazzjoni dwar dawn it-tranżazzjonijiet mal-pajjiż benefiċjarju li tindika li l-Kummissjoni vvalidat in-nefqa relatata.

Il-Kummissjoni tinnota li l-proċedura kontabilistika temporanja ilha fis-seħħ biss għal sentejn, u ġiet ikkanċellata fit-tielet sena. Id-Direttorat Ġenerali issa poġġa fis-seħħ sistema mal-pajjiżi benefiċjarji rilevanti biex jiżgura li r-rikonoxximent tal-ispiża fir-rekords kontabilistiċi jkun konformi bis-sħiħ mar-RF.

4.3.    IMG (il-paragrafi 234-235)

Ir-riżoluzzjoni titlob għal raġunijiet rigward it-tixrid tar-rapport finali tal-OLAF dwar l-IMG kif ukoll biex tieħu deċiżjoni dwar l-istatus legali ta’ din l-organizzazzjoni. Fi ħdan il-limiti ta’ kunfidenzjalità, il-Kummissjoni se tinforma lill-PE dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha dwar iċ-ċirkostanzi tat-tixrid allegat mhux awtorizzat.

Fir-rigward tal-istatus legali tal-IMG hija kkonċernata, il-Kummissjoni diġà għamlitha ċara li, fid-dawl tal-elementi fattwali ġodda li jinsabu fir-rapport finali tal-OLAF, hija mhijiex se tiffirma aktar ftehimiet mal-IMG taħt il-proċedura speċjali applikabbli għall-organizzazzjonijiet internazzjonali sakemm l-IMG ma jiċċarax l-istatus tiegħu.

Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li r-RF u r-RAP tiegħu jipprovdu qafas legali ċar għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mingħajr sejħa għal proposti u għall-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwisti taħt proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel (b’ġestjoni diretta). Il-bażijiet legali jipprovdu s-sitwazzjonijiet speċifiċi fejn dawn l-għotjiet diretti jistgħu jintużaw, bħal għajnuna umanitarja, protezzjoni ċivili u għajnuna għall-maniġġar ta’ kriżijiet, emerġenzi u sitwazzjonijiet ta’ monopolju, korpi identifikati fl-att bażiku mil-leġiżlatur jew azzjonijiet speċifiċi li jeħtieġu tip partikolari ta’ benefiċjarju f’termini tal-kompetenza teknika, il-livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni tiegħu jew is-setgħa amministrattiva speċjali tiegħu l-aktar. Fil-każ ta’ akkwist, jiġi rrapurtat l-għadd ta’ proċeduri negozjati sussegwenti użati matul sena, skont l-Artikolu 53 tar-RAP f’kull RAA (it-Tabelli 11 u 12 tal-Anness 3).

Huwa importanti li tinnota li ma teżisti l-ebda rabta bejn dawn is-sitwazzjonijiet speċifiċi u l-istatus legali tal-benefiċjarju jew tal-kuntrattur. Jekk entità tkunx organizzazzjoni internazzjonali jew le huwa irrilevanti f’dawn il-każijiet partikolari: il-privileġġ allegat li entità tista’ tikseb billi tiġi kklassifikata bħala tali ma jinstabx fil-ġestjoni diretta iżda pjuttost billi jingħata wkoll aċċess għall-ġestjoni konġunta preċedenti, issa ġestjoni indiretta.

Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll li l-PE ikun infurmat dwar l-inkjesta tal-OLAF li nfetħet fl-2011 u li tipprovdilu lista li telenka l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji kollha, korpi jew persuni oħrajn, li tagħti dettalji dwar l-istatus legali tagħhom, li rċevew kuntratti mill-Kummissjoni mingħajr sejħa għal proposti.

Rigward l-ewwel talba, il-Kummissjoni infurmat lill-President u lill-Membri tal-CONT b'mod regolari. B’mod partikolari, hija tfakkar li, fis-17.6.2015, il-President u l-Membri tal-CONT ġew infurmati, waqt laqgħa bil-magħluq, dwar l-imbottatura tas-segwitu mill-Kummissjoni lill-OLAF dwar l-IMG. Il-Kummissjoni tirreferi għal dik l-informazzjoni

Rigward it-tieni talba, il-Kummissjoni tqis li jkun piż ta' ħidma sproporzjonata li tiġi pprovduta l-lista ta’ benefiċjarji tal-kuntratti mogħtija skont il-proċedura nnegozjata jew għotjiet mogħtija direttament u torbothom mal-istatus legali tagħhom, billi din id-dejta mhijiex disponibbli faċilment mill-bażijiet ta’ dejta ċentrali. Barra minn hekk, il-każijiet għal għoti dirett huma elenkati b’mod ċar fir-Rapporti Annwali tal-Attività, kif diġà ssemma hawn fuq.

4.4.    OLAF (il-paragrafi 280-287)

It-talbiet tal-Parlament f’dan il-qasam jikkonċernaw prinċipalment ir-relazzjonijiet bejn l-OLAF u l-Kumitat Superviżorju (KS) tiegħu. Il-Kummissjoni tista’ tassigura lill-PE li dawn jiġu debitament ikkunsidrati.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-indipendenza tal-KS, skont ir-Regolament 883/2013, l-OLAF, sa fejn possibbli, wettaq miżuri li jiggarantixxu l-funzjonament indipendenti u l-awtonomija finanzjarja tal-KS u l-baġit tiegħu. Il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltà li dan jissaħħaħ aktar, speċjalment fir-rigward tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-baġit tiegħu fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Il-PE se jiġi infurmat fi żmien debitu. Bl-istess mod, rigward it-talba biex jiġi kkonsultat il-KS qabel ma jiġu mmodifikati l-istruzzjonijiet lill-persunal dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni u qabel ma’ jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni, l-OLAF diġà kkonsulta mal-KS dwar il-linji gwida tiegħu lill-persunal dwar il-proċeduri ta' investigazzjoni u dwar il-prijoritajiet ta’ investigazzjoni tiegħu f’konformità mar-Regolament 883/2013 u l-Arranġamenti ta’ Ħidma bejn l-OLAF u l-KS, u huwa impenjat li jagħmel dan anke fil-futur.

Sa fejn jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-KS, il-Kummissjoni tista’ taċċerta lill-PE li r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-KS ġew analizzati bir-reqqa mill-OLAF u ġew investiti riżorsi konsiderevoli biex jimplimentaw għadd minnhom. L-2014 kienet l-ewwel sena li fiha l-KS segwa r-rakkomandazzjonijiet li ħareġ matul l-aħħar snin. Bħalissa qed tiġi stabbilita proċedura dwar kif jitwettaq tali segwitu fil-futur. Kemm l-OLAF kif ukoll il-KS qed jaħdmu flimkien biex jikkooperaw tajjeb flimkien f’dan ir-rigward. Il-legalità tal-investigazzjonijiet li nfetħu mill-OLAF fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tiegħu fl-1.2.2012 tqieset fir-Rapport 3/2014 tal-KS tal-20.1.2015. Fid-9.2.2015, l-OLAF ikkummentat dwar ir-Rapport tal-KS, u dawn ġew mehmuża mar-Rapport tal-KS li ntbagħat lill-Istituzzjonijiet fit-12.2.2015. L-istatistika dwar id-durata tal-investigazzjonijiet hija koperta mill-OLAF fir-rapporti annwali tagħha. Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF talab lill-KS biex joħroġ Opinjoni komprensiva dwar l-istatistika tal-OLAF; il-KS inkluda din l-Opinjoni fil-programm ta’ ħidma tiegħu għall-2015.

* * *

(1) Il-Kwittanza tal-Baġit Ġenerali tal-2013, ir-Rapporti Speċjali tal-QEA fil-kuntest tal-Kwittanza tal-Kummissjoni, il-Kwittanza tal-FEŻ, il-Kwittanza tal-Aġenziji. Referenzi għad-dokumenti P8_TA-PROV(2015)0118, P8_TA-PROV(2015)0119, P8_TA-PROV(2015)0120 u P8_TA-PROV(2015)0130 rispettivament disponibbli fuq dan l-indirizz web: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=20150429&secondRef=TOC&language=mt
(2) Referenzi għad-dokumenti 5303/15 ADD 1, 5303//1/15 REV 1, 5304/15, 5305/15, 5305/15 ADD1, 5306/15, 5306/15 ADD 1, 5549/15 ippubblikati fuq: http://www.europarl.europa.eu/committees/en/cont/discharge-2013.html
(3)

     Ares(2015)971353, 4.3.2015.

(4)

     Ara l-paragrafi 2, 10, 12, 26-27, 34-35, 40, 44-45, 58, 91, 94, 103, 110, 137-138, 141, 143-144, 148, 152, 156, 169, 218, 222, 224, 268-269, 271, 282-283, 290, 294-295, 297 tas-CSWD dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-PE.

(5)

     Ara l-paragrafu 50 tas-CSWD dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(6)

     COM(2014) 688 finali.

(7)

     COM(2014)618 finali.

(8)

     COM(2015)279 finali.

(9)

     Disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2013-0319&language=MT&ring=A7-2013-0189

(10)

     COM(2015)10 finali.

(11)

     L-Artikoli 32(3) u 59(1) tar-RF, l-Artikolu 125(7) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri ta' akkwist.