IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.10.2015
COM(2015) 495 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq Proċedura għal Ordni ta' Ħlas Ewropea
1.Introduzzjoni
1.1.L-objettiv u l-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura
Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tat-12 ta' Diċembru 2006
ħoloq l-ewwel proċedura ċivili ġenwinament Ewropea, il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea. Din ġiet applikata minn Diċembru 2008 fl-Istati Membri kollha, ħlief fid-Danimarka. Hija proċedura fakultattiva li tista' tintuża f'każijiet transfruntieri bħala alternattiva għal ordnijiet ta' ħlas domestiċi. Dan ir-rapport tħejja skont l-Artikolu 32 tar-Regolament li jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrieżamina l-operat tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.
L-irkupru rapidu u effiċjenti ta' djun pendenti mhux kontestati huwa ta' importanza kbira għall-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea. Pagamenti li jsiru tard huma kawża ewlenija ta' insolvenza, b'mod partikolari ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u jirriżultaw f'għadd konsiderevoli ta' telf ta' impjiegi. Dan wassal biex għadd ta' Stati Membri introduċew imposta ta' proċedura simplifikata ta' ordni ta' ħlas. Proċedura ta' ordni ta' ħlas għandha l-għan li tipprovdi rimedju ġudizzjarju rapidu u kosteffikaċi kontra debitur sabiex iħallas somma ta' flus, fuq is-suppożizzjoni li t-talba ma tkunx se tiġi kkontestata mid-debitur. Madankollu, proċeduri domestiċi sikwit huma inammissibbli jew imprattikabbli f'każijiet transfruntieri u l-livell ta' prestazzjoni tagħhom ivarja b'mod sostanzjali.
Huwa għal dawn ir-raġunijiet li ġiet introdotta l-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea. Din tippermetti li l-kredituri jirkupraw talbiet ċivili u kummerċjali mhux ikkontestati skont proċedura uniformi disponibbli f'27 Stat Membru. Hija proċedura bil-miktub li ma teħtieġx preżenza quddiem il-qorti u lanqas l-assistenza ta' avukat. Ir-rikorrent irid biss iressaq l-applikazzjoni tiegħu. L-ebda evidenza dokumentarja ma hija meħtieġa biex tappoġġa l-applikazzjoni u l-ebda azzjoni oħra tar-rikorrent ma hija meħtieġa matul il-proċedura. L-ordni ta' ħlas Ewropea hi maħruġa minn qrati jew awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Hija tista' tiċċirkola b'mod ħieles fl-Istati Membri kollha mingħajr ebda proċedimenti intermedji għar-rikonoxximent u l-infurzar (exequatur) fl-Istat Membru tal-infurzar. Dan ifisser li ordni ta' ħlas Ewropea tista' tiġi infurzata fi Stati Membri oħra bħal kull ordni ta' ħlas maħruġa hemm, jiġifieri mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà.
Din il-proċedura ssimplifikata u effiċjenti hija maħsuba biss għal talbiet mhux kontestati. Għalhekk, sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt effettiv tad-difiża, il-konvenut jista' jressaq dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni fi żmien 30 jum mill-ħruġ tal-ordni. Il-konvenut irid jindika biss li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr ma għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan, u m'hemmx bżonn li jkun irrappreżentat minn avukat. F'dak il-każ, il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea tiġi tterminata. It-talba tista', madankollu, tkompli tiġi segwita skont ir-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja li jippermettu li l-argumenti tal-konvenut jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ.
Ir-Regolament jipprovdi għal formoli standard bħala parti mill-proċedura simplifikata prevista, u dawn huma disponibbli online fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika fil-lingwi kollha.
Il-formoli ġew aġġornati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta' Ottubru 2012.
Informazzjoni dwar liema qrati għandhom ġuriżdizzjoni sabiex joħorġu ordni ta' ħlas Ewropea hija disponibbli fuq l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali.
In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew ippubblika gwida prattika dwar ir-Regolament fl-2010.
1.2.Il-metodoloġija u l-ġbir ta' informazzjoni
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura minn sorsi differenti.
Sar stħarriġ tal-Ewrobarometru f'Ġunju 2010 fost 26 690 ċittadin fl-UE 27.
Il-Kummissjoni Ewropea kkofinanzjat proġett "simplifikazzjoni tal-ġbir tad-dejn fl-UE" mmaniġġat mill-Università ta' Maribor, is-Slovenja u li jinvolvi 14-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, l-Isvezja). Il-proġett irriżulta f'żewġ rapporti ta' esperti fuq ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 u 14-il rapport nazzjonali.
Sabiex tikseb informazzjoni dwar l-operat tal-proċedura, il-Kummissjoni nediet stħarriġ f'April 2013 billi bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri. Id-dejta statistika dwar l-użu tal-proċedura ġiet aġġornata għal darb' oħra u tlestiet f'Ġunju 2014.
Fil-45 laqgħa tal-punti ta' kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-Materji Ċivili u Kummerċjali tad-29-30 ta' Mejju 2013, l-operat ta' proċeduri Ewropej, inklużi dawk tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, ġie diskuss fil-livell tekniku fuq il-bażi ta' żewġ dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni.
Fl-aħħar nett, tliet deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ġew ikkunsidrati fit-tħejjija ta' dan ir-rapport.
2.Valutazzjoni ġenerali tar-Regolament:
B'mod ġenerali, l-għan tar-Regolament li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta' litigazzjoni f'każijiet li jikkonċernaw talbiet mhux ikkontestati u li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej fl-UE mingħajr exequatur intlaħqet sew, għalkemm f'ħafna mill-Istati Membri l-proċedura ġiet applikata biss f'għadd relattivament żgħir ta' każijiet.
Mill-istudji u l-konsultazzjonijiet li saru, jidher li ma kien hemm l-ebda problemi legali jew prattiċi kbar fl-użu tal-proċedura jew fil-fatt li l-exequatur huw abolit għar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi li jirriżultaw mill-proċedura.
2.1.Dejta statistika
Skont l-informazzjoni disponibbli, bejn 12 000 u 13 000 applikazzjoni għal ordnijiet ta' ħlas Ewropej jaslu għand il-qrati tal-Istati Membri kull sena
. L-ogħla għadd ta' applikazzjonijiet (aktar minn 4 000 fis-sena) huma fl-Awstrija u l-Ġermanja, fejn jinħarġu wkoll il-biċċa l-kbira tal-ordnijiet ta' ħlas Ewropej. Bejn 300 u 700 applikazzjoni huma riċevuti kull sena fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u l-Finlandja. Fl-Istati Membri l-oħra, il-proċedura qed tintuża sa punt iktar limitat. Informazzjoni aktar dettaljata dwar l-użu attwali tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea għal kull Stat Membru tinsab fl-Anness.
2.2.Għarfien dwar l-eżistenza u t-tħaddim tal-proċedura
Ewrobarometru tal-2010
wera li l-għarfien u l-użu tal-proċeduri Ewropej inkluża l-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea huma relattivament baxxi fost iċ-ċittadini: Sitta fil-mija biss ta' dawk li wieġbu kienu semgħu dwar il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li l-proċedura hija prinċipalment użata mill-kumpaniji u l-avukati u mill-fatt li hemm relattivament ftit ċittadini li huma involuti f'litigazzjoni transfruntieri.
Meta ċ-ċittadini jkunu konxji mill-proċedura, il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea hija ġeneralment meqjusa bħala proċedura utli għall-infurzar ta' talbiet monetarji transfruntieri li x'aktarx ma jiġux ikkontestati mill-konvenut.
Il-Kummissjoni implimentat proġett biex tappoġġa l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li joperaw bejn il-fruntieri billi tiffaċilita l-irkupru transfruntieri tad-djun bil-għan li jittejbu l-użu, il-fehim u l-għarfien tal-istrumenti legali disponibbli, inkluż ir-Regolament.
3.Punti Speċifiċi ta' Valutazzjoni
3.1.Ambitu Ġeografiku: "Każijiet transfruntieri"
Ir-Regolament japplika għal tilwimiet transfruntieri fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal imqabbad. Din il-limitazzjoni għal każijiet "transfruntieri" tikkorrispondi mal-kamp ta' applikazzjoni ta' strumenti oħra f'dan il-qasam bħall-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. L-utenti tal-proċedura jistgħu ma jkunux jafu jew ma jifhmux din il-limitazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni. Jistgħu jkollhom l-aspettattiva li aktar mill-każijiet tagħhom ikunu koperti mir-Regolament. Dan huwa kkonfermat minn xi kumpaniji li joħolqu b'mod artifiċjali xenarju transfruntier kif previst fir-Regolament sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu, pereżempju, billi jassenjaw it-talba tagħhom għal kumpanija barranija. Dan huwa eżempju tal-effettività perċepita ta' din il-proċedura.
3.2.Ġuriżdizzjoni
Ħames Stati Membri kkonċentraw il-ġuriżdizzjoni biex jiġu trattati l-ordnijiet ta' ħlas Ewropej f'qorti/awtorità speċifika unika.
Fl-Istati Membri l-oħra, qrati distrettwali u reġjonali (jew nutara, pereżempju fl-Ungerija) huma kompetenti għall-ħruġ ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej.
L-ispeċjalizzazzjoni jista' jkollha ċerti vantaġġi bħalma huma l-iżgurar ta' għarfien speċjalizzat tal-proċedura u ħiliet lingwistiċi. Min-naħa l-oħra, ukoll jekk il-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea hija proċedura bil-miktub, iċ-ċittadini, b'mod partikolari l-konsumaturi, xorta jistgħu jippreferu li jressqu talbiet quddiem il-qorti lokali tagħhom li jkollha ġuriżdizzjoni. Jekk il-vantaġġi ta' speċjalizzazzjoni jegħlbux l-iżvantaġġi jista' jiddependi wkoll fuq id-daqs ġeografiku tal-Istat Membru. Inġenerali, id-dejta dwar l-użu tal-proċedura fl-Anness dwar jekk sistema ċentralizzata twassalx għal użu iktar frekwenti tal-proċedura mhijiex konklużiva. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura ssir bil-miktub u mhijiex kontenzjuża, fejn ma jsir l-ebda dibattitu dwar is-sustanza tat-talba, u li għalhekk hija partikolarment adattata għall-ipproċessar elettroniku (ara hawn isfel taħt 3.5.), il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea tidher li hija adattata aħjar għall-imaniġġar minn qorti ċentralizzata minn proċeduri oħra li jeħtieġu dibattitu dwar is-sustanza u l-kunsiderazzjoni ta' evidenza u għalhekk jistgħu jirrikjedu prossimità aktar mill-qrib bejn il-qorti u min jagħmel l-ilment.
3.3.Applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea
3.3.1.Kapital u imgħax
It-talba trid tkun għal ammont speċifiku li jkun sar dovut fil-mument meta l-applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea tkun ġiet sottomessa. L-ammont tat-talba jinkludi l-kapital u, fejn applikabbli, l-imgħax, il-penali kuntrattwali u l-ispejjeż. Jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, l-applikazzjoni trid tindika r-rata tal-imgħax u l-perjodu ta' żmien li għalih jintalab l-imgħax. Fil-Kawża C-215/11,
il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li f'applikazzjoni r-rikorrent għandu jkun jista' jitlob imgħax dovut sad-data ta' ħlas tal-kapital. F'każ bħal dan, il-qorti nazzjonali hija libera li tiddetermina kif il-formola tal-ordni E għandha timtela, dment li l-konvenut jiġi mgħarraf dwar il-kalkolu tal-imgħax.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 936/2012 tal-4 ta' Ottubru 2012
li emenda l-Annessi tar-Regolament dwar l-ordni ta' ħlas Ewropea, jiżgura li l-konvenut jiġi infurmat, fil-formola E, fit-tabella "informazzjoni importanti għall-konvenut", li jista' jkollu jitħallas l-imgħax, skont il-liġi nazzjonali, sad-data tal-infurzar tal-ordni, f'liema każ dan iżid l-ammont totali pagabbli. Madankollu, il-Formola E ma tidhirx li hi żviluppata biżżejjed biex tinkludi deskrizzjoni xierqa tal-imgħax li għandu jiġu rkuprat. Emenda oħra tal-formoli għandha għalhekk tiġi kkunsidrata.
3.3.2.Il-lingwa tal-applikazzjoni
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi fil-lingwa/i uffiċjali. Madankollu, xi wħud mill-Istati Membri jaċċettaw ukoll lingwi barranin: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru u l-Iżvezja jaċċettaw l-Ingliż; Franza taċċetta l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol.
Rekwiżiti ta' traduzzjoni għandhom impatt negattiv fuq l-ispejjeż u d-dewmien tal-proċedura wkoll jekk il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea hija proċedura fejn il-partijiet mhumiex meħtieġa li jipprovdu u jiddibattu dwar l-evidenza. Il-formola ta' applikazzjoni tista' awtomatikament tiġi tradotta fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-qorti tkun ikkostitwita. Minħabba li fiha kaxxi li jridu jiġu mmarkati, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhijiex meħtieġa traduzzjoni. Sabiex jinkiseb l-għan ta' proċedura tassew Ewropea, l-Istati Membri kollha għandhom jaċċettaw applikazzjonijiet għal ordni ta' ħlas Ewropea f'tal-anqas lingwa waħda oħra barra l-lingwa/i nazzjonali uffiċjali tagħhom.
3.3.3.Sottomissjoni elettronika tal-Applikazzjoni
Bosta Stati Membri jippermettu s-sottomissjoni elettronika tal-applikazzjoni
jew qed jippjanaw li jiżviluppaw l-ipproċessar elettroniku fil-futur fil-qrati kollha b'ġuriżdizzjoni biex jittrattaw il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.
Wara studju mill-Kummissjoni dwar il-fattibbiltà ta' applikazzjoni elettronika għal ordnijiet ta' ħlas Ewropej, proġett pilota dwar din il-kwistjoni qed jiġi kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Disa' Stati Membri qed jipparteċipaw fil-proġett pilota e-CODEX għall-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.
Il-parteċipanti huma attivi jew bħala n-naħa li tibgħat, dik li tirċievi jew it-tnejn. In-naħa li tibgħat tippermetti lill-utenti jibagħtu talbiet (jiġifieri, il-Formola A) għal ordnijiet ta' ħlas Ewropej lin-naħa li tirċievi. In-naħa li tirċievi taċċetta talbiet u tikkonsenjahom elettronikament lill-qorti magħżula fil-Formola A sottomessa. Il-qorti inkwistjoni tista' aktar tard tibgħat lura risposti elettroniċi (pereżempju, il-Formola B, il-Formola E, eċċ.) permezz tal-istess mezz. F'dan l-istadju mhux il-proġetti pilota kollha tal-Istati Membri għandhom sistema operattiva: xi wħud minnhom għadhom fil-fażi tal-ittestjar bi pjanijiet biex jibdew joperaw fl-2015 jew fl-2016. L-Istati Membri li "jibagħtu" ġeneralment jippermettu s-sottomissjoni elettronika ta' talbiet biss għal klijenti ewlenin tal-ġustizzja, pereżempju, avukati, banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u mhux neċessarjament għall-pubbliku ġenerali. Eżempji ta' dawn is-sistemi nazzjonali ta' preżentazzjoni ta' talbiet li huma aċċessibbli għall-konsumaturi ewlenin diġà jeżistu fil-Ġermanja u l-Awstrija. Fil-futur qrib, il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika se joffri, bħala n-naħa li tibgħat, il-possibbiltà għall-pubbliku ġenerali biex huwa wkoll jippreżenta talbiet b'mod elettroniku. Il-preżentazzjoni se tkun possibbli biss għall-Istati Membri li "jirċievu" li jkunu temmew b'suċċess t-testijiet tal-integrazzjoni meħtieġa mal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika u jkunu qed iħaddmu sistema e-CODEX.
3.3.4.Eżami tal-applikazzjoni
Tliet Stati Membri
rrappurtaw proporzjon għoli ta' applikazzjonijiet li ntbagħtu lura mill-qrati għal ikkompletar jew rettifika. Kawżi rrappurtati b'mod frekwenti ta' ritorn huma informazzjoni mhux preċiża jew mhux kompluta dwar il-partijiet (pereżempju l-indirizz tar-rikorrent jew il-firma jkunu nieqsa), applikazzjonijiet mhux kompluti għal imgħax u miżati tal-qorti mhux imħallsa.
Il-formoli dinamiċi disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika diġà jgħinu lill-utenti biex jimlew l-applikazzjonijiet b'mod korrett. Bħalissa, il-Portal jippermetti wkoll lill-utenti, permezz tal-websajt tal-Atlas Ġudizzjarju Ewropew, sabiex jiddeterminae il-qorti kompetenti. Mit-tieni nofs tal-2015, wara t-tnedija tal-Bażi tad-Dejta tal-Qorti Ewropea, il-proċess biex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti li lilha għandha tintbagħat it-talba se jiġi mtejjeb aktar. Jista' jiġi esplorat kif aktar spjegazzjoni dwar kif jimtlew il-formoli tista' tingħata fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u kif il-formoli elettroniċi jistgħu jinkludu aktar dettalji dwar l-imgħax mitlub. Fl-aħħar nett, anki jekk ma hemm l-ebda obbligu legali fuq l-Istati Membri biex joffru assistenza biex jimtlew il-formoli simili għal dak previst fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-assistenza offruta liċ-ċittadini fil-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar għal assistenza skont il-Proċedura tal-Ordni ta' Ħlas Ewropea għall-benefiċċju taċ-ċittadini kif ukoll tal-amministrazzjoni effiċjenti tal-ġustizzja f'termini ta' ħin u spejjeż.
Ir-Regolament jipprevedi b'mod espliċitu li l-eżaminar ta' applikazzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea jista' jsir permezz ta' proċedura awtomatizzata. Dan huwa l-każ fl-Awstrija u fil-Ġermanja. Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea - li hija proċedura bil-miktub mingħajr eżami ta' provi jew seduti - tidher partikolarment adattata għal proċessar kompletament elettroniku. Dan jista' jħalli effetti pożittivi dwar l-ammont ta' żmien meħtieġ biex titwettaq il-proċedura (ara wkoll aktar 'l isfel fil-punt 3.4.). Peress li dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet tista' faċilment tiġi ppreżentata kontra l-ordni ta' ħlas maħruġa fi proċedura awtomatizzata u l-proċedura tiżgura notifika effettiva ta' dokumenti, id-drittijiet tal-konvenut huma debitament issalvagwardati.
3.4.Ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea
Jidher mill-informazzjoni disponibbli li l-obbligu għall-qrati biex joħorġu ordnijiet ta' ħlas Ewropej fi żmien 30 jum mill-applikazzjoni huwa ġeneralment rispettat biss f'xi Stati Membri. Minn dawk l-Istati Membri li pprovdew dejta rilevanti, il-qrati joħorġu l-ordni fiż-żmien f'Malta (ġimgħa waħda), il-Belġju u l-Irlanda (ġimagħtejn), il-Ġermanja (2-3 ġimgħat), il-Bulgarija u l-Litwanja (30 jum). Il-qrati jieħdu d-deċiżjoni tagħhom fi żmien xahrejn fil-Greċja u fil-Lussemburgu, fi żmien xahrejn fi Franza u l-Finlandja, sa erba' xhur fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka, f'Ċipru, fl-Estonja, fil-Polonja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Portugall, fl-Isvezja, fis-Slovenja, sa sitt xhur fl-Ungerija, tmien xhur fi Spanja u sa disa' xhur fis-Slovakkja.
Proċeduri twal ma jistgħux jiġi ġġustifikati fid-dawl tal-fatt li l-proċedura ma teħtieġ l-ebda investigazzjoni ta' evidenza jew smigħ tal-partijiet. Tnaqqis ta' dan it-tul huwa assolutament meħtieġ billi l-irkupru rapidu ta' talbiet mhux ikkontestati għandu impatt kbir fuq il-likwidità tal-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs. Barra minn hekk, nuqqas ta' rispett sistematiku tal-iskadenzi stipulati f'dan ir-Regolament jista' jiġi kkunsidrat bħala ksur ta' dan ir-Regolament. Aktar xogħol fl-iżvilupp ta' pproċessar elettroniku tal-proċedura jista' jgħin biex tiġi indirizzata l-problema. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib dan il-qasam għal titjib.
3.5.Notifika ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej u dokumenti oħra
L-ebda problema kbira dwar in-notifika ta' dokumenti ma ġiet irrappurtata fil-kuntest speċifiku tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea. L-uniċi lmenti li waslu jikkonċernaw l-ispejjeż tan-notifika transfruntiera. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007,
ir-regoli Ewropej għenu biex titħaffef in-notifika ta' dokumenti bejn il-pajjiżi tal-UE, minkejja li kulma jmur qed jiżdiedu l-każijiet. Iż-żmien meħud għall-konsenja ta' dokumenti ġudizzjarji naqas fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fil-Greċja u fil-Portugall. Hemm diversi mezzi ta' notifika fl-Istati Membri. Għall-finijiet tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw metodi rħas ta' notifika bħal servizzi postali b'notifika tal-wasla.
Għalkemm in-notifika elettronika ta' dokumenti hija prevista bħala metodu possibbli ta' notifika fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament, din għadha mhijiex realtà fil-pajsaġġ ġudizzjarju tal-UE. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jkunu kemm ta' natura ġuridika kif ukoll ta' natura teknika. L-Artikoli 13 u 14 jagħmlu n-notifika b'mezzi elettroniċi suġġetta għal-liġi nazzjonali tal-Istat li fih għandha ssir in-notifika. Għalhekk, l-eżistenza ta' liġijiet nazzjonali dwar in-notifika elettronika tad-dokumenti tkun prekundizzjoni għal din in-notifika. Barra dan, skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji
li japplika għan-notifiki elettroniċi magħmula skont ir-Regolament dwar l-Ordni ta' Ħlas Ewropea,
in-notifika elettronika ta' dokument minn qorti lil parti fi Stat Membru ieħor mhijiex possibbli lanqas teoretikament. Fl-aħħar nett, raġunijiet tekniċi u inkompatibbiltajiet tas-sistemi nazzjonali ta' notifika elettronika jistgħu jkomplu jfixklu l-iżvilupp tan-notifika elettronika transfruntiera.
3.6.Kost
Jirriżulta mir-Regolament li l-miżati tal-qorti huma stabbiliti b'mod konformi mal-liġi nazzjonali. Madankollu, f'każ ta' stqarrija ta' oppożizzjoni mill-konvenut għal ordni ta' ħlas Ewropea, ir-Regolament jeħtieġ li l-miżati kombinati tal-qorti għall-ordnijiet ta' ħlas Ewropej u l-proċedimenti ordinarji ma jistgħux jaqbżu dawk għall-proċedimenti ordinarji biss. Id-dejta disponibbli dwar it-tariffi tal-qorti għall-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea juru li dawn it-tariffi huma simili għall-miżati għal litigar skont proċeduri nazzjonali simili u jvarjaw ħafna skont l-Istat Membru fejn it-talba hija sottomessa. Barra minn hekk, metodi ta' kalkolu ta' tariffi jvarjaw bejn l-Istati Membri (tariffi fissi jew miżati kkalkulati bħala proporzjon tal-valur tat-talba jew taħlita ta' dawn it-tnejn). Fil-prattika, iċ-ċittadini minn żmien għal żmien ilmentaw dwar ir-rata tat-tariffi f'xi Stati Membri.
Madankollu, l-akbar problema bil-miżati tal-qorti kif irrappurtata lill-Kummissjoni kienet in-nuqqas ta' trasparenza ta' dawn it-tariffi għal applikanti potenzjali. Sabiex tiġi indirizzata din il-problema, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali ppubblika din l-informazzjoni fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.
3.7.Ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea
Jidher li l-konvenuti jopponu l-ordni ta' ħlas Ewropea biss sa ċertu punt, għalkemm ir-rata ta' oppożizzjoni tvarja bejn l-Istati Membri. Pereżempju, l-oppożizzjoni hija marġinali fl-Awstrija (4%), filwaqt li tammonta għal madwar 16% fi Franza u fil-Ġermanja, u iktar minn 50% fil-Greċja.
B'mod ġenerali, ma ġewx irrappurtati problemi dwar l-oppożizzjoni għall-ordnijiet ta' ħlas Ewropej. Skont l-Artikolu 17(2), l-effett tal-oppożizzjoni huwa t-trasferiment tal-każ għal proċedimenti ordinarji. Billi l-ordnijiet ta' ħlas Ewropej jistgħu jikkonċernaw talbiet żgħar skont it-tifsira tar-Regolament Ewropew dwar Talbiet Żgħar, il-Kummissjoni pproponiet li tagħmilha possibbli, wara oppożizzjoni fi proċedura ta' ordni ta' ħlas Ewropea, li l-każ jiġi trasferit ukoll għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, sa fejn tista' tapplika din il-proċedura.
3.8.Reviżjoni
Ir-rimedju eċċezzjonali fl-Artikolu 20 għandu l-għan li jsewwi s-sitwazzjoni fejn il-konvenut ma kienx jaf dwar il-proċedimenti fl-Istat Membru tal-oriġini u ma kienx kapaċi jiddefendi lilu nnifsu kif xieraq. Dan jista' jseħħ jekk pereżempju l-indirizz fejn tkun intbagħtet l-applikazzjoni ma jkunx korrett. Filwaqt li r-Regolament jippreskrivi l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tad-dritt għal rieżami, il-proċedura nnifisha hija rregolata mid-dritt nazzjonali. L-informazzjoni dwar id-diversi proċeduri ta' reviżjoni fl-Istati Membri hija ppubblikata fl-Atlas Ġudizzjarju Ewropew.
Fil-Kawża C-324/12,
il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta' osservanza tal-limitu ta' żmien għat-tressiq ta' dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għal ordni ta' ħlas Ewropea, minħabba negliġenza tar-rappreżentant tal-konvenut, ma jiġġustifikax rieżami ta' din l-ordni ta' ħlas skont l-Artikolu 20, billi tali nuqqas ta' osservanza tat-terminu ma jikkostitwixxix ċirkustanzi straordinarji jew eċċezzjonali skont it-tifsira ta' dak l-Artikolu.
Proċeduri nazzjonali li jimplimentaw ir-rieżami huma differenti ħafna minn Stat Membru għall-ieħor u xi kultant differenti wkoll minn strument Ewropew għal ieħor (l-ordni Ewropea ta' infurzar, l-ordni ta' ħlas Ewropea, Talbiet Żgħar, Regolamenti dwar il-manteniment). Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-proċedura tar-rieżami skont l-istrumenti msemmija hawn fuq wasslet għal mistoqsijiet u inċertezzi.
Il-Kawżi Magħquda C119/13 u C120/13
kienu jikkonċernaw sitwazzjoni fejn ordnijiet ta' ħlas Ewropej ma ġewx notifikati jew ma ġewx notifikati b'mod effettiv lill-konvenuti għaliex kienu bidlu d-domiċilju tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jrid jiġi interpretat li jfisser li l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament ma humiex applikabbli meta jidher li ordni ta' ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata b'mod li jkun konsistenti mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament. Jekk tali irregolarità tiġi esposta biss wara li ordni ta' ħlas Ewropea tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli, il-konvenut irid ikollu l-opportunità li jqajjem din l-irregolarità skont il-liġi nazzjonali, li, jekk din tiġi stabbilita kif dovut, jinvalida d-dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà.
Ir-riżultat tas-sentenza tal-Qorti fil-Kawżi C119/13 u C120/13 huwa li element fundamentali tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura uniformi tal-ordni ta' ħlas Ewropea, jiġifieri d-dritt ta' konvenut inadempjenti li jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-każ f'każ ta' notifika ħażina tal-ordnijiet, huwa meqjus bħala mhux regolat mir-Regolament, iżda li jiddependi fuq il-liġi nazzjonali.
Sabiex jiġi żgurat li l-konvenut ikun jista' jqajjem tali irregolaritajiet skont il-liġi tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għar-rieżami skont l-Artikolu 20 għandhom jiġu ċċarati fil-ġejjieni billi tittieħed ispirazzjoni mid-dispożizzjonijiet aktar reċenti fir-Regolament tal-Manteniment u l-proposta ta' rieżami tat-Talbiet iż-Żgħar. Dan isaħħaħ ukoll il-konsistenza tal-istrumenti dwar il-proċedura tal-liġi ċivili fil-livell tal-UE.
3.9.Infurzar
Ma ġewx irrappurtati problemi speċifiċi li jikkonċernaw l-infurzar ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej. Ostaklu wieħed li ġie rrappurtat huwa n-nuqqas ta' trasparenza tal-assi tad-debituri għal skopijiet ta' infurzar f'kuntest transfruntier. Din il-kwistjoni kienet, madankollu, ta' natura orizzontali, u tikkonċerna l-infurzar transfruntier fl-UE, mhux speċifikament l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' ħlas Ewropej.
3.10.Il-Ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar Termini Kuntrattwali Inġusti u l-Proċeduri ta' Ordni ta' Ħlas
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġiet imsejħa, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur, sabiex teżamina l-applikazzjoni ta' proċeduri ta' ordni ta' ħlas nazzjonali u l-infurzar tagħhom fid-dawl tal-prinċipji ta' ekwivalenza u tal-effettività tad-dritt tal-UE. Tqajmu mistoqsijiet dwar jekk id-deċiżjonijiet tal-Qorti għandhomx impatt fuq il-proċeduri ta' ordni ta' ħlas f'tilwim li jinvolvi l-konsumaturi. Fil-fatt, in-natura stess tal-proċeduri ta' ordni ta' ħlas hija bbażata fuq il-kunċett li l-ġustifikazzjoni sostantiva ta' talba fil-prinċipju mhijiex eżaminata – b'kuntrast mal-proċeduri ġudizzjarji ordinarji.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali għall-irkupru ta' talbiet mhux ikkontestati, il-modalitajiet għall-implementazzjoni ta' proċeduri ta' ordni ta' ħlas nazzjonali huma taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali, skont il-prinċipju ta' awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (il-prinċipju tal-ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju tal-effettività).
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet speċifikament fil-Kawża C-618/10 fejn irreferiet għall-Kawża C-473/00 li l-prinċipju ta' effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti responsabbli fil-każ fejn konsumatur ma ressaqx oġġezzjoni, milli tevalwa ex officio, anki jekk diġà jkollha l-elementi ta' dritt u ta' fatt neċessarji għal dan l-għan għad-dispożizzjoni tagħha, jekk klawżola dwar interessi moratorji inkluża f'kuntratt konkluż bejn bejjiegħ u konsumatur hijiex inġusta.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ġudizzjarji, li jseħħu fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista' jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika l-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE. Madankollu, il-Qorti enfasizzat ukoll fil-kuntest tar-rieżami ta' deċiżjonijiet ta' arbitraġġ li jkollhom l-effett ta' res judicata li l-ħtieġa li jikkonformaw mal-prinċipju ta' effettività ma jistax jiġi estiż bħala li jfisser li qorti nazzjonali hija meħtieġa li tagħmel tajjeb għal kollox għall-inerzja totali min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat.
Sentenzi oħrajn tal-Qorti dwar il-prinċipju ta' effettività jikkonċernaw il-proċedura ta' ordni ta' ħlas wara li tkun ġiet irreġistrata oppożizzjoni, ladarba t-talba titkompla fi proċeduri ċivili ordinarji jew oħrajn. F'C-618/10, Banco Español, il-Qorti tiddistingwi s-sitwazzjoni speċifika qabel oppożizzjoni fi proċedura għal ordni ta' ħlas b'mod ċar minn sitwazzjonijiet oħra. Din il-kawża kienet tikkonċerna d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet tal-qorti nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE, fil-kuntest ta' proċedura ta' ordni għal ħlas, qabel ma l-konsumatur ikun ressaq ilment. Il-Qorti tisħaq li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi analizzat b'referenza għar-rwol ta' dik id-dispożizzjoni fil-proċedura, il-progress tagħha u l-fatturi speċjali, meta wieħed jarahom fit-totalità tagħhom, quddiem id-diversi korpi nazzjonali.
L-Artikolu 8 tar-Regolament jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk it-talba tidhirx fondata fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli għaliha. Il-qrati għandhom il-possibbiltà, jekk prima facie jkollhom dubji dwar il-ġustifikazzjoni tat-talba jew parti minnha (eż. l-imgħax), li jipproponu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament biss ordni parzjali lir-rikorrent.
Barra minn hekk, apprezzament sħiħ tas-sustanza tat-talba huwa żgurat wara oppożizzjoni għall-ordni ta' ħlas Ewropea, ladarba t-talba tiġi eżerċitata fi proċedimenti ordinarji. Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-karatteristiċi ta' proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea debitament jiżguraw il-konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
4.Konklużjonijiet
Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea kienet introdotta sabiex tissimplifika, tħaffef u tnaqqas l-ispejjeż ta' rkupru ta' dejn pendenti, u sabiex tipprovdi lill-kredituri, b'mod partikolari lill-SMEs, b'għodda ġudizzjarja rapida u effiċjenti, objettiv ta' politika li hu validu llum bl-istess mod kif kien meta ġie adottat ir-Regolament.
Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ta' hawn fuq tal-funzjonament tal-proċedura, jidher li r-Regolament ġeneralment jaħdem b'mod tajjeb u sodisfaċenti. L-applikazzjoni tar-Regolament b'mod ġenerali tejbet, issimplifikat u aċċellerat it-trattament ta' talbiet pekunjarji mhux ikkontestati f'tilwim transfruntier. Fid-dawl ta' dan, huwa għalhekk meqjus mhux xieraq f'dan il-mument li jinbidlu l-parametri fundamentali tal-proċedura Ewropea.
Madankollu, il-proċedura Ewropea mhijiex magħrufa biżżejjed fost in-negozji, iċ-ċittadini, il-prattikanti u l-qrati. Aktar ħolqien ta' kuxjenza huwa meħtieġ, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Għandu jkun hemm promozzjoni effiċjenti u attiva tar-Regolament, li tipprovdi lill-pubbliku ġenerali u lill-membri tal-professjonijiet b'informazzjoni dwar il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.
Barra minn hekk, it-tħaddim tar-Regolament jista' jittejjeb permezz ta' miżuri mhux leġiżlattivi u ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se tuża l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali b'mod proattiv sabiex ittejjeb l-implimentazzjoni u tippromwovi l-użu ta' dan l-istrument utli. L-operat tal-proċedura jista' jittejjeb aktar billi jiġi żgurat l-ipproċessar elettroniku tagħha u billi l-Istati Membri jagħtu aktar kunsiderazzjoni għal jekk għandux ikun hemm ċentralizzazzjoni tat-trattament tal-każijiet skont il-proċedura.
Anness
Dejta statistika dwar l-użu tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea
Id-dejta tkopri s-snin 2012 - 2013. Jekk mhuwiex indikat mod ieħor fit-Tabella, id-dejta tirrigwarda s-sena 2012.
|
Numru ta' applikazzjonijiet
|
Ordnijiet ta' ħlas għall-infurzar
|
Applikazzjonijiet mibgħuta lura għat-tlestija/rettifika
|
Modifikazzjoni tal-applikazzjoni
|
Numru ta' oppożizzjonijiet
|
Numru ta' ordnijiet ta' ħlas maħruġa
|
It-tul tal-proċedimenti
|
Il-Belġju
|
319
|
|
ftit
|
ftit
|
|
261
|
1-2 ġimgħat
|
Il-Bulgarija
|
109
|
54
|
14
|
1
|
4
|
82
|
30 jum
|
Ir-Repubblika Ċeka
(2013)
|
358
|
|
|
|
|
210
|
26 ġimgħa sa 6 xhur
|
Il-Ġermanja
|
4,130
|
|
85%
|
5%
|
633
|
90%
|
2-3 ġimgħat
|
L-Estonja
|
6
|
2
|
3
|
2
|
1
|
2
|
ġimgħa sa 5 xhur
|
L-Irlanda
|
189
|
11
|
65
|
0
|
51
|
134
|
ġimagħtejn
|
Il-Greċja
|
168
|
|
|
0
|
>50%
|
149
|
1-2 xhur
|
Spanja
|
63
|
|
|
|
|
72***
|
8 xhur
|
Franza
|
335
|
|
118
|
|
+/- 16%
|
305
|
xahrejn
|
Ċipru
(2013)
|
11
|
4
|
1
|
0
|
2
|
9
|
ġimagħtejn - 5 xhur
|
Il-Litwanja
|
9
|
23
|
0
|
|
5
|
7
|
30 jum
|
Il-Lussemburgu
(2013)
|
218
|
173
|
102
|
59
|
31
|
127
|
1-2 xhur
|
L-Ungerija
(2013)
|
442
|
144
|
|
|
24
|
489***
|
0-3 xhur (350 każ);
3-6 xhur (139 każ)
|
Malta
|
1
|
0
|
0
|
|
0
|
4***
|
ġimgħa
|
In-Netherlands
|
372 (fl-2011)
|
|
80%
|
10%
|
80
|
194
|
5 xhur
|
L-Awstrija
|
4,367 (2012)
2,119
(2013)
|
|
237 (2012)
129 (2013)
|
2 (2012)
1 (2013)
|
175 (2012)
212 (2013)
|
4,092 (2012)
2,074
(2013)
|
1.5 - 4 xhur
(2013)
|
Il-Polonja
|
1,800 sa mill-2008
|
0
|
263
|
50
|
194
|
1,016
|
4.5 xhur
|
Il-Portugall
|
485
(2012)
296
(2013)
|
97 (2012)
166
(2013)
|
10
(2012)
25
(2013)
|
|
|
|
(2012)
5 xhur
|
Is-Slovenja
|
12
|
35
|
1
|
5
|
1
|
7
|
5 xhur
|
Is-Slovakkja
(2013)
|
86
|
8
|
14
|
4
|
16
|
54
|
1-9 xhur
|
L-Iżvezja
(2013)
|
91
|
27
|
83
|
|
23
|
62
|
142 jum
(85 jum għal applikazzjonijiet iddikjarati mhux ammissibbli eċċ.)
|
Il-Finlandja
(2013)
|
633
|
|
inqas minn 10
|
inqas minn 10
|
52
|
madwar 400
|
xahrejn
|
Ir-Renju Unit
(2013)
|
208
|
108
|
Ebda dejta mill-Ingilterra u Wales jew l-Iskozja
5 (l-Irlanda ta' Fuq)
|
Ebda dejta mill-Ingilterra u Wales jew l-Iskozja
1 (l-Irlanda ta' Fuq)
|
Ebda dejta mill-Ingilterra u Wales jew l-Iskozja
5 (l-Irlanda ta' Fuq)
|
Ebda dejta mill-Ingilterra u Wales
1 (l-Iskozja)
23 (l-Irlanda ta' Fuq)
|
Ebda dejta mill-ġuriżdizzjonijiet tar-Renju Unit
|
Il-Kroazja*
|
|
|
|
|
|
|
|
L-Italja**
|
|
|
|
|
|
|
|
Il-Latvja
|
|
|
|
|
|
|
|
Ir-Rumanija
|
|
|
|
|
|
|
|
L-ebda dejta pprovduta
* Jekk jogħġbok innota li l-Kroazja ssieħbet fl-UE biss fl-1 ta' Lulju 2013.
** Ma hemm l-ebda statistika separata għall-Ordnijiet ta' Ħlas Ewropej; dawn huma statistikament trattati flimkien ma' ordnijiet ta' ħlas nazzjonali.
*** Inklużi applikazzjonijiet minn snin preċedenti.