Brussell, 8.10.2015

COM(2015) 484 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

{SWD(2015) 191 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

I.    PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

L-infrastruttura u l-innovazzjoni tal-enerġija, li huma l-mutur tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), għadhom importanti llum daqskemm kienu fl-2009 meta ġie stabbilit l-EEPR.

L-informazzjoni dwar il-proġetti kollha tal-EEPR, kif adottati fl-2010, tidher fuq mappa interattiva prodotta mid-DĠ Enerġija u hija disponibbli fuq is-sit web tiegħu permezz ta' din il-ħolqa: http://ec.europa.eu/energy/eepr/projects/ .

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-proġetti u tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F), għal kull parti tal-EEPR. Dan isegwi r-rapport li ġie adottat fl-2014 1 . Ikopri l-implimentazzjoni tal-proġetti bejn il-31 ta’ Awwissu 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2015 u l-pagamenti li saru matul dak il-perjodu.

II.    IMPLIMENTAZZJONI ĠENERALI TAL-PROĠETT

Fl-aħħar ta' Ġunju 2015, minn 59 proġett tlestew kompletament 34 proġett, u l-benefiċjarji tħallsu ammont totali ta' EUR 1 860 487 739 (wara li jitnaqqsu l-ordnijiet ta' rkupru għall-ammont ta' EUR 112 085 349)

Il-parti l-kbira tal-proġetti tlestew u l-promoturi mistennija jippreżentaw l-aħħar talba għall-pagament sa tmiem din is-sena. Il-qagħda tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku hija ġeneralment pożittiva u t-tmien proġetti li fadal jinsabu tajjeb fi triqthom, filwaqt li proġett wieħed bħalissa jinsab sospiż.

Għad fadal xi diffikultajiet, b’mod partikolari għall-integrazzjoni fil-grilja tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta (OWE), u għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS). Dan hu dovut l-aktar għall-ispejjeż għolja tat-teknoloġiji ġodda u r-riskju involut li hu ogħla milli oriġinarjament mistenni.

Il-Kummissjoni għażlet li żżomm l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-investituri dment li tibqa’ ċara l-possibbiltà ta' Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment (FID).

1.    l-infrastruttura tal-gass u tal-elettriku

Is-subprogramm tal-infrastruttura tal-EEPR jappoġġja 44 proġett fi tliet oqsma ewlenin ta’ attivitajiet.

Il-proġetti jiġu implimentati mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSO) f’kull Stat Membru jew mill-promoturi tal-proġetti. Ġie allokat ammont ta’ EUR 2 267 574, 462, li minnhom, sat-30 ta' Ġunju 2015, kienu ġew żborżati EUR 1 094 297 460 lill-benefiċjarji. Il-pagamenti huma soġġetti għall-impenn sod tal-promoturi li jimplimentaw il-proġett permezz ta’ Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment.

Il-proġetti jkopru tliet oqsma:

- Il-proġetti tal-infrastruttura u tal-ħżin tal-gass:

L-infrastruttura tal-gass hija s-sinsla tal-katina tal-provvista tal-enerġija mill-produttur sal-utent aħħari. Il-pipelines ta’ trażmissjoni, il-faċilitajiet ta’ ħżin u t-terminals ta’ rigassifikazzjoni tal-gass naturali likwifikat (LNG) huma fost l-elementi fiżiċi li jiżguraw li l-gass jasal għand il-klijenti fejn u kull meta jkun hemm bżonnu. L-infrastruttura tal-gass trid tkompli tiġi żviluppata u msaħħa fis-snin li ġejjin. Il-bini tal-kollegamenti nieqsa bejn l-Istati Membri se jgħin biex jissalvagwardja l-provvista sikura u biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ flessibbiltà ġodda u li dejjem jiżdiedu.

- Il-proġetti tal-fluss tal-gass fid-direzzjoni opposta:

Matul il-kriżi tal-gass fl-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, inqatgħet il-provvista tal-gass lejn il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u ma setgħetx tintlaħaq għal kollox id-domanda tal-importazzjoni. Dan ma kienx dovut għal nuqqas ta' gass fl-Ewropa, iżda minħabba li l-infrastruttura eżistenti ma kellhiex it-tagħmir tekniku u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jiġu invertiti l-flussi tal-gass mill-Punent għal-Lvant. Il-programm EEPR ipprovda appoġġ sabiex tiġi indirizzata din il-lakuna u jiġu invertiti l-flussi li hemm fis-seħħ bħalissa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

- Il-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku:

L-integrazzjoni tal-ammonti dejjem jiżdiedu ta' elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli tirrikjedi investimenti kbar f’infrastruttura ġdida. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri għadhom jitqiesu bħala “gżejjer tal-enerġija” billi mhumiex ikkollegati tajjeb mal-ġirien tagħhom u mas-suq intern tal-enerġija.

1.1    il-progress li sar sal-lum

Sal-lum tlestew 31 mill-44 proġett tal-infrastruttura (meta mqabbla mas-27 fil-bidu tal-2014) bi tmien proġetti għadhom għaddejjin u wieħed li jinsab sospiż. Barra minn hekk, l-għajnuna finanzjarja ġiet itterminata għal erba’ proġetti f’Settembru 2014 (Nabucco, Galsi, Poseidon u l-proġett tal-fluss fid-direzzjoni opposta fir-Rumanija). Fis-settur tal-elettriku, tlestew disa' proġetti. L-erba' proġetti li fadal mexjin sew, u wħud minnhom mistennija jitlestew matul din is-sena jew l-aktar tard sal-2016. Fis-settur tal-gass, tlestew 22 proġett; ħamsa mexjin skont l-iskeda, wieħed jinsab attwalment sospiż u erba' ġew itterminati. Il-proġetti kollha tal-fluss fid-direzzjoni opposta u tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant tlestew, ħlief il-proġett tal-fluss fid-direzzjoni opposta fir-Rumanija li ġie tterminat mill-Kummissjoni f’Settembru 2014.

Il-fondi tal-EEPR għenu lill-proġetti biex jiżguraw il-finanzjament tagħhom u, għaldaqstant, biex jevitaw jew inaqqsu d-dewmien. Għaldaqstant, tjiebu kemm is-sikurezza kif ukoll l-affidabbiltà tan-netwerks tal-gass, żdiedu s-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni u tneħħew il-konġestjonijiet kritiċi.

Mill-aħħar rapport ta' implimentazzjoni tal-EEPR tal-2014, sar progress importanti għall-proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass. Pereżempju, l-għajnuna finanzjarja żborżata fl-2014 u fl-2015 għenet biex tissaħħaħ is-sistema Daniża ta’ trażmissjoni tal-gass li tlestiet fi tmiem l-2014. L-infrastruttura l-ġdida se tespandi l-kapaċità tat-trażmissjoni tal-gass mill-punt ta’ dħul ta’ Ellund, fil-fruntiera Daniża/Ġermaniża, u se tipprovdi rabta operazzjonali bejn in-netwerk Ġermaniż u s-sistema tat-trażmissjoni Daniża. Barra minn hekk, il-pipeline il-ġdid iżid b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fid-Danimarka. Dan itaffi l-impatt tal-eżawriment tal-parks tal-enerġija lil hinn mill-kosta u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali lejn id-Danimarka, l-Iżvezja u lejn ir-reġjun Baltiku, u jtejjeb l-integrazzjoni tas-suq.

Storja oħra ta' suċċess kienet it-tlestija tal-proġett “NordBalt 02” fi tmiem l-2014 li għen biex jitlesta l-aġġornament meħtieġ fil-grija ta' trażmizzjoni interna tal-Litwanja sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-elettriku permezz tal-interkonnettur.

Proġett komplut ieħor huwa l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tas-sistema Pollakka tat-trażmissjoni tal-gass fil-punt ta' konnessjoni transfruntier bejn il-Polonja u l-Ġermanja. Il-finanzjament tal-EEPR appoġġja x-xogħlijiet ta' modernizzazzjoni u kostruzzjoni tan-nodu ta' Lasow u l-konnessjoni tal-pipelines fil-Polonja.

L-EEPR appoġġja wkoll il-bini ta’ sezzjoni ta' 48 km ta’ pipeline tal-gass bi fluss fid-direzzjoni opposta bejn Portalegre-Guarda u Cantanhede-Mangualde, li tlestiet fi tmiem l-2014. Il-proġett se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fil-Peniżola Iberika billi se tkompli tiġi żviluppata biex tinħoloq it-tielet interkonnessjoni man-netwerk tal-gass Spanjol.

Proġett ieħor li tlesta huwa l-interkonnessjoni bejn Franza u Spanja, tal-proġett li se tgħaqqad is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għan-netwerk u se tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku ta’ Franza u ta’ Spanja, kif ukoll issaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

Fir-rebbiegħa tal-2015 ġiet inawgurata konnessjoni ġdida b'kejbil sottomarin ta’ 225 MW bejn l-Italja u Malta. Il-proġett itemm l-iżolament tal-grilja Maltija mill-bqija tal-Ewropa filwaqt li jipprovdi l-enerġija ta' riżerva meħtieġa biex tagħmel tajjeb għan-natura intermittenti tal-enerġija rinnovabbli. Dan se jtejjeb is-sigurtà tal-provvista, inaqqas l-użu ta’ fjuwils fossili u jappoġġja l-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’Malta.

It-tlestija ta' sistema ta’ infrastruttura tal-enerġija mal-UE kollha miexja 'l quddiem bis-saħħa tat-tneħħija tal-ostakli u tal-integrazzjoni ulterjuri tal-"gżejjer tal-enerġija” bħat-tliet Stati Baltiċi, il-Peniżola Iberika, l-Irlanda, Sqallija u Malta.

Sal-lum, hu previst li l-maġġoranza tat-tmien proġetti li għaddejjin bħalissa għandhom jitlestew matul l-2015 u l-2016 u żewġ proġetti biss mistennija li jibqgħu għaddejjin sal-2018 u sal-2019.

L-EEPR jappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti ewlenin tal-infrastruttura tal-enerġija Ewropej fil-kuntest tal-prijoritajiet għall-politika tal-enerġija attwali. Il-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea 2 jipprovdu miżuri għall-iżvilupp f'waqtu ta’ proġetti ta’ interess komuni (PCIs) fi tmien kurituri prijoritarji identifikati. B’mod partikolari, il-PCIs huma intitolati li jibbenefikaw minn proċeduri mgħaġġla biex jinkisbu l-permessi għalihom (massimu ta’ tliet snin u nofs), minn inċentivi regolatorji biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera, u jistgħu jkunu eliġibbli li jirċievu fondi mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) 3 .

Minn baġit globali ta’ EUR 30,44 biljun 4 għall-2014-2020 li jkopru t-trasport, l-enerġija, u t-telekomunikazzjoni, l-enerġija tirrappreżenta EUR 5,35 biljun 5 .

Il-mira tas-CEF hija li tappoġġja u tippermetti l-proġetti tal-ogħla rilevanza għall-politika Ewropea dwar l-enerġija. Barra minn hekk, ir-regoli tas-CEF għall-finanzjament tax-xogħlijiet huma stretti ħafna - proġett jista’ jirrikorri għalih bħala “l-aħħar għażla”, meta l-ebda għodda oħra, bħalma huwa l-finanzjament minn tariffi jew il-finanzjament fit-tul bi strumenti ta’ dejn, ma tkun biżżejjed biex tistimola l-investiment.

2. Proġetti għall-Enerġija mir-Riħ Lil Hinn mill-Kosta (OWE)

2.1 Il-progress li sar sal-lum

Is-subprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti minn disa' proġetti li jagħtu EUR 565 miljun ta’ appoġġ maqsuma bejn żewġ tipi ewlenin ta’ attivitajiet:

L-ittestjar, il-manifattura u l-varar fuq skala kbira ta’ turbini innovattivi u strutturi ta’ pedamenti lil hinn mill-kosta (sitt proġetti); kif ukoll

L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq moduli għall-integrazzjoni fil-grilja ta’ ammonti kbar ta’ trażmissjoni elettrika ġġenerata mir-riħ (tliet proġetti).

Tlieta fost disa' proġetti tlestew u tnejn ġew itterminati qabel iż-żmien. Tħallsu EUR 237 603 431 għall-proġetti.

2.2 Il-progress li sar sal-lum skont is-settur

2.2.1 Il-progress fit-Turbini Innovattivi u fl-Istrutturi Lil Hinn mill-Kosta

Il-proġett Nordsee Ost ġarrab xi dewmien minħabba kombinazzjoni ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-2014/15 kif ukoll minħabba kwistjonijiet tekniċi b’konnessjoni mal-grilja u mat-turbini tar-riħ. Ingħatat estensjoni sa tmiem l-2015.

L-implimentazzjoni tal-proġett Aberdeen Offshore Wind Farm - Wind Deployment Centre għadha qed taffaċċja diffikultajiet konsiderevoli. F’Aberdeen, id-diffikultajiet biex jinkisbu kemm il-permessi ta' bini lil hinn mill-kosta kif ukoll dawk ta' fuq l-art (li kienu legalment ikkontestati) dewmu l-proġett. Mhuwiex mistenni li tittieħed deciżjoni finali dwar l-investiment qabel ir-raba’ trimestru tal-2016 (imbagħad isir l-ikkummissjonar fl-2019). Il-proġett Global Tech I ma sabx koinvestitur. Għaldaqstant, f’April 2015 il-Kummissjoni kkonfermat li l-proġett ġie tterminat b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.2.2 Progress fl-Integrazzjoni tal-Grilja tar-Riħ

Proġett wieħed, imsejjaħ HVDC Hub, ġie tterminat. Iż-żewġ proġetti li fadal, Kriegers Flak u Cobra Cable, għadhom għaddejjin wara bosta snin ta' diffikultajiet teknoloġiċi u finanzjarji.

Għal Kriegers Flak, il-proposta l-ġdida li saret mill-kumpaniji hija kompatibbli mal-EEPR. Is-sieħba fil-proġett ħadu d-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment fuq il-kunċett tekniku ġdid billi ffirmaw il-Ftehim ta' Kooperazzjoni aġġornat f’Jannar 2015. L-interkonnettur lil hinn mill-kosta hu ppjanat li jiġi kkummissjonat sa tmiem l-2018.

Għal Cobra Cable, il-ftehim ta’ għotja ġie emendat u l-azzjoni ġiet estiża sa Diċembru 2017. L-akkwist tal-konvertituri u tal-kejbil inbeda u l-kuntratt għandu jingħata f’Novembru 2015. Id-Deċiżjoni Finali dwar l-Investiment se tittieħed fit-tieni trimestru tal-2016 jekk il-permessi kollha rilevanti rigward ir-rotta jiġu ggarantiti u l-kuntratti mal-fornituri dwar il-kejbil u l-istazzjonijiet ta' konverżjoni jidħlu fil-baġit ta’ EUR 621 miljun. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-kejbil għandu jibda jitħaddem sentejn wara.

3. Ġbir u Ħżin tal-Karbonju

Is-subprogramm tal-EEPR kien jikkonsisti f'sitt proġetti u f'EUR 1 biljun ta' appoġġ bl-għan li juru l-proċess sħiħ tal-ġbir, tat-trasport u tal-ħżin tal-karbonju.

Proġett wieħed ġie tterminat u pprovda impjanti pilota operattivi għall-ġbir, għat-trasport u għall-ħżin. Tliet proġetti ġew itterminati qabel iż-żmien. Żewġ proġetti għadhom għaddejjin. Tħallsu EUR 426 982 066għal dawn il-proġetti.

Il-progress tal-proġetti tas-CCS

Iż-żewġ proġetti li fadal, ROAD (fin-Netherlands) u Don Valley (fir-Renju Unit), għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet konsiderevoli biex jiksbu l-finanzjament meħtieġ kemm għall-kostruzzjoni kif ukoll għall-operat.

Il-proġett Don Valley miexi tajjeb fir-rigward tal-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u għall-ħżin tas-CO2 li tkun tintuża flimkien mal-proġett kofinanzjat White Rose NER300 kif ukoll proġetti oħra possibbli fiż-żona ta' Humber. Għall-kuntrarju, il-futur tal-impjant tal-elettriku CCS jiddependi għal kollox fuq il-ksib ta' appoġġ operazzjonali mill-iskema Contract for Difference tar-Renju Unit. F’Awwissu 2014, il-Gvern tar-Renju Unit ippubblika dokument dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika li jiddeskrivi l-passi li jmiss dwar is-CCS li jinkludu l-iżvilupp ta' skema Contract for Difference xierqa għall-proġetti tas-CCS bħal Don Valley. Il-Kummissjoni se tkompli d-diskussjonijiet tagħha kemm mas-sieħba fil-proġett kif ukoll mal-Gvern tar-Renju Unit dwar l-għażla taż-żmien u l-prospetti għall-kisba ta’ deċiżjoni ta’ investiment finali li tkun pożittiva. Se tiddiskuti wkoll l-emenda ta' ftehim tal-għotja biex tqis id-dewmien fl-iżvilupp tal-iskema CfD u tat-teknoloġija ġdida ppjanata għall-qbid ta' CO2 wara l-akkwiżizzjoni tal-koordinatur tal-proġett minn investitur ġdid f’Diċembru 2014.

Fil-każ tal-proġett ROAD, il-prezz baxx tas-CO2 irriżulta f’diskrepanza fil-finanzjament meta mqabbla mal-kalkoli oriġinali. Il-Kummissjoni Ewropea investiet sforz konsiderevoli sabiex tipprova tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri rilevanti, lis-sieħba industrijali kkonċernati u lin-Norveġja biex isibu soluzzjoni. Ir-riżultat kien li l-proġett kien qed jinvestiga soluzzjoni alternattiva dwar il-ħżin, li sadanittant saret disponibbli, u li tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispejjeż tat-trasport u tal-ħżin tas-CO2 minħabba li l-pożizzjoni fejn jista' jinħażen is-CO2 issa hija eqreb lejn il-kosta. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll espressjonijiet ta’ interess tanġibbli għat-twaqqif ta’ Kofond ERA-NET fi ħdan Orizzont 2020 biex jappoġġja l-operazzjoni u juża b'mod sħiħ il-potenzjal ta’ tixrid ta’ dak li jkun l-ewwel proġett fl-Ewropa li juri l-applikazzjoni ta’ teknoloġija CCS ta’ wara l-kombustjoni fuq impjant ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam ta' skala kummerċjali. Dan ikun ifisser ukoll li jintwerew b’suċċess it-teknoloġiji li jippermettu li l-impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam li diġà jeżistu jiġu kkonvertiti għal sorsi differenti ta' enerġija.

III.     IL-FOND EWROPEW GĦALL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA (EEE F)

F’Diċembru 2010, ġew allokati EUR 146,3 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) għal faċilità finanzjarja għal proġetti tal-enerġija sostenibbli 6 . Intużaw EUR 125 miljun b'kontribuzzjoni tal-UE għall-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F), li nħoloq f'Lulju 2011 u li sal-lum laħaq volum totali ta' EUR 265 miljun 7 , appoġġjat minn faċilità ta’ għotjiet ta’ assistenza teknika b’baġit ta’ EUR 20 miljun u EUR 1,3 miljun għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni

L-EEE F jipprovdi finanzjament imfassal apposta (kemm strumenti ta’ dejn u ta’ ekwità) għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-enerġija rinnovabbli u għal proġetti ta’ trasport urban nadif. Il-benefiċjarji huma l-awtoritajiet pubbliċi lokali jew reġjonali jew entitajiet privati li jaġixxu f’isimhom.

1. il-progress li sar sal-lum

Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEE F)

Fl-2014, ġew iffirmati żewġ proġetti ġodda fi Franza u fin-Netherlands. Fi Franza, il-proġett se jipprovdi EUR 5 miljun lil kumpanija privata li tinsab f’idejn ir-Reġjun Rhône Alpes sabiex tiffinanzja r-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi (kulleġġi, skejjel u liċej), matul il-fażi tal-kostruzzjoni u biex twitti t-triq għall-ksib ta’ aktar finanzjament fit-tul. L-approċċ ta’ din il-kumpanija hija eżempju tajjeb tal-mekkaniżmi ta’ aggregazzjoni li huma meħtieġa biex iżidu d-daqs tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fl-Ewropa.

Fin-Netherlands, il-belt ta’ Venlo ffirmat kuntratt ta’ finanzjament fit-tul għal EUR 8,5 miljun biex tiffinanzja t-titjib tat-tidwil tat-toroq bl-għan li tipprovdi mill-inqas 16 000 punt tad-dawl bid-dwal LED (73 % tat-total ta’ punti tad-dawl tal-belt) u tikseb aktar minn 40 % f’iffrankar tal-enerġija.

Sa mill-ħolqien tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Fond iffirma kuntratti ma' disa’ proġetti li jammontaw għal EUR 115-il miljun, li ġġeneraw EUR 216-il miljun ta’ investimenti finali. Barra minn hekk, ġew allokati EUR 70 miljun għal tliet proġetti 8 .

Ġie żviluppat qafas għall-valutazzjoni tal-proġetti u għar-rappurtar dwar l-iffrankar tal-ekwivalenti CO2 u tal-enerġija primarja. Sa tmiem l-2014, l-investimenti tal-EEE F wasslu biex jiġu ffrankati 96 000 tunnellata ta’ CO2, li jistgħu jitqabblu mal-emissjonijiet annwali ta’ekwivalenti CO2 ta’ 12 000 ċittadin Ewropew.

Faċilità ta' Assistenza Teknika

Fl-2014, ġie allokat ammont addizzjonali ta’ EUR 5,5 miljun għal seba’ awtoritajiet lokali 9 biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-proġetti tagħhom. Dan għandu jwassal għal investimenti ta’ EUR 127 miljun, 23 darba ogħla min-nefqa inizjali.

B’kollox, il-faċilità ta’ Assistenza Teknika ffinanzjata mill-Kummissjoni se tkun appoġġjat l-istrutturar ta’ 16-il proġett għall-ammont totali ta’ EUR 17-il miljun 10 . Hemm diversi fatturi li jistgħu jispjegaw għaliex kien hemm ammonti żgħar ta’ fondi mhux allokati. L-ewwel nett, il-proġetti identifikati fil-fażi ta’ eskalazzjoni tal-Fond kienu fi stadju ta’ avvanz/livell ta’ maturità ogħla u għalhekk ma kinux jeħtieġu assistenza teknika. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-faċilità ta’ Assistenza Teknika wriet li l-finanzjament ta’ proġetti għall-effiċjenza enerġetika għandu quddiemu bosta sfidi, bħal livell ta’ tħejjija ta’ talbiet aktar baxx minn dak oriġinarjament mistenni meta nbeda l-fond (mit-talbiet għall-assistenza teknika li waslu, ftit kienu lesti biex jiġu sottomessi), tibdil fil-proġetti b'segwitu għat-tibdil politiku fil-gvernijiet, jew l-adattamenti meħtieġa wara l-ewwel sensiela ta’ studji ta’ fattibbiltà.

Attivitajiet li Jżidu s-Sensibilizzazzjoni

Iċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza dwar il-PPP (EPEC) 11 iffinalizza l-kampanja għaż-żieda tas-sensibilizzazzjoni billi tefa' ħarstu fuq tliet aspetti: l-appoġġ tal-iżvilupp tal-Ikkuntrattar għall-Prestazzjoni tal-Enerġija fl-Istati Membri, it-tħeġġiġ tal-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli u t-tixrid tal-informazzjoni dwar il-bidliet riċenti fil-politika u fil-prijoritajiet għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP). Abbażi tat-tħejjija ta’ diversi dokumenti ta’ informazzjoni u tal-istrateġiji tal-pajjiżi, ġew organizzati workshops u attivitajiet ta’ segwitu mfassla apposta f’diversi Stati Membri.

Konklużjonijiet ewlenin u prospettiva

L-EEE F se jfittex li jżid il-kopertura ġeografika tiegħu, b’mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, biex jakkomoda l-ħtiġijiet differenti tal-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali Ewropej.

Sa issa, il-Fond stabbilixxa progressivament rekord solidu ta’ investimenti li jrendu profitt u se jfittex b'mod attiv aktar investituri avvanzati biex jingrana dejjem aktar il-kontribuzzjoni tal-UE.

IV.    konklużjonijiet ġenerali

L-EEPR ħalla riżultati tajbin. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti tlestew, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastrutturi tal-gass u tal-elettriku. Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li ttemm il-proġetti fejn kien hemm bżonn, u żżomm kontroll strett fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti.

Is-soluzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta wriet li hija aktar kumplessa milli kien mistenni, u f'ħames snin inkiseb ħafna għarfien teknoloġiku. L-istess japplika għall-proġetti tas-CCS, li jħabbtu wiċċhom ukoll ma' diffikultatjiet biex jiksbu l-finanzjament komplementari neċessarju, u dan iwassal għal dewmien jew waqfien tal-proġetti.

L-EEE F irnexxa wkoll: ġie stabbilit fond kummerċjali li se jkompli jikber, filwaqt li jipprovdi soluzzjonijiet finanzjarji u jiġġenera l-profitti li jkopru l-ispejjeż amministrattivi, id-dividendi tal-azzjonisti u r-ripagament tal-ispejjeż tal-istabbiliment.

(1)

   Ir-RAPPORT tal-2014 adottat fit-28 ta’ Ottubru 2014, COM(2014)669

(2)

   Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU L 115, 25.04.2013, p.39.

(3)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(4)

   Wara r-riallokazzjoni ta’ EUR 2,8 biljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-fond tal-FEIS

(5)

     Wara r-riallokazzjoni mill-enerġija tas-CEF (EUR 5,85 biljun) allokati għall-Fond tal-FEIS

(6)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija.

(7)

   Investimenti addizzjonali barra minn dawk tal-Kummissjoni Ewropea saru minn: il-Bank Ewropew tal-Investiment (EUR 75 miljun), Cassa Depositi e Prestiti SpA (CDP) (EUR 60 miljun) u d-Deutsche Bank (DB) bħala maniġer tal-fondi (EUR 5 miljun).

(8)

   Wieħed mill-proġetti li għalih kien allokat il-finanzjament f’Marzu 2014, ma kompliex għaddej.

(9)

   Fin-Netherlands, fil-Belġju, fl-Irlanda, fil-Portugall.

(10)

   Ġie allokat appoġġ mill-faċilità ta’ Assistenza Teknika għal erba’ proġetti oħra.

(11)

   Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza dwar il-PPP (EPEC) huwa inizjattiva konġunta tal-BEI, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi kandidati. L-EPEC jgħin biex isaħħaħ il-kapaċità tal-membri tas-settur pubbliku tiegħu biex jidħlu fi tranżazzjonijiet ta’ Sħubija Pubblika-Privata (PPP). http://www.eib.org/epec/ .


Brussell, 8.10.2015

COM(2015) 484 final

ANNESS

Pagamenti skont l-EEPR

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika

{SWD(2015) 191 final}


Ammont totali ta' pagamenti li saru għall-proġetti tal-EEPR (Eur)
it-30 ta' Ġunju 2015

sena

Total

Interkonnetturi

2010

360 855 255

2011

224 168 978

2012

129 803 681

2013

126 931 210

2014

105 405 090

2015

147 133 246

Total ġenerali

1 094 297 460

Ġbir u Ħżin tal-Karbonju

2010

193 746 615

2011

192 003 912

2012

-5 616 119

2013

26 844 339

2014

16 439 027

2015

3 564 293

Total ġenerali

426 982 066

Enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta

2010

146 307 028

2011

41 300 325

2012

15 624 304

2013

11 990 156

2014

19 996 656

2015

2 384 962

Total ġenerali

237 603 431

Fond tal-Effiċjenza Enerġetika

2010

0

2011

30 000 000

2012

934 251

2013

24 892 027

2014

42 726 026

2015

3 052 478

Total ġenerali

101 604 782

Total Kumplessiv

1 860 487 739

L-ordnijiet ta’ rkupru tnaqqsu mill-pagamenti