IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2015
COM(2015) 462 final
2015/0219(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol
{SWD(2015) 176 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2015
COM(2015) 462 final
2015/0219(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol
{SWD(2015) 176 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-raġunijiet u l-għanijiet
Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja bejn l-2008 u l-2009, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri esperjenzaw tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku li wassal għal deterjorament qawwi fis-suq tax-xogħol tagħhom. Fil-livell tal-UE, ir-rata tal-qgħad żdiedet għal livell storikament għoli. Attwalment ir-rata qiegħda tmajna.
Il-qgħad għadu għoli b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ 1 u dawk li ilhom qiegħda fit-tul. Il-qgħad fit-tul (qgħad li jdum għal iktar minn sena) 2 irdoppja mill-2007 ’l hawn u jirrappreżenta nofs it-total tal-qgħad: 12.1-il miljun persuna, jiġifieri 5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE, li 62 % minnhom ilhom qiegħda għal minn tal-inqas sentejn wara xulxin fl-2014 3 . Fil-livell tal-UE, il-qgħad fit-tul baqa’ f’livelli għoljin ħafna matul l-2013 u l-2014.
Il-qgħad fit-tul jaffettwa lill-Istati Membri b’mod mhux ugwali skont l-impatt tal-kriżi, is-sitwazzjoni makroekonomika, l-istruttura ekonomika u l-funzjonament tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Dan jaffettwa varjetà ta’ nies li ġeneralment ikunu kkaratterizzati minn impjegabbiltà baxxa, ħafna minnhom jiffaċċjaw diversi żvantaġġi. Il-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet jew ta’ kwalifiki u ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi għandhom probabbiltà doppja li jesperjenzaw il-qgħad fit-tul. Il-persuni b’diżabilità u l-minoranzi żvantaġġati bħar-Rom ukoll jiġu affettwati b’mod sproporzjonat.
Anke meta r-reklutaġġ jerġa’ jirranka fl-Istati Membri, hemm ir-riskju li bosta persuni li ilhom qiegħda jibqgħu lura minħabba li huma l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Iżjed ma n-nies idumu qiegħda, iktar ma jkun diffiċli għalihom li jerġgħu jiġu impjegati peress li gradwalment jitilfu l-ħiliet tagħhom. Dan ikun ifisser tbatija personali, inqas użu ta’ kapital uman, ħela ta’ potenzjal ekonomiku u żieda fin-nefqa soċjali, li jkompli jiggrava l-impatt tad-deklin demografiku. Ħafna minn dawk li jdumu qiegħda għal sena jew iktar, jissograw li jispiċċaw barra għalkollox mis-suq tax-xogħol. Kull sena, wieħed minn kull ħamsa minnhom ma jibqgħux ifittxu impjieg ieħor u jiġu kkunsidrati bħala mhux attivi fis-suq tax-xogħol.
Il-qgħad fit-tul jista’ jwassal għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali. Dan iwassal ukoll sabiex fil-familji mingħajr impjieg, il-faqar jingħadda lit-tfal, peress li kif intwera, it-tfal minn familji qiegħda jmorru inqas tajjeb minn tfal oħra fl-edukazzjoni. L-impjieg iwitti t-triq sabiex kemm il-ħaddiema affettwati kif ukoll il-familji tagħhom ikunu jistgħu joħorġu mill-faqar, ladarba nofs dawk li jsibu impjieg jiskansaw ir-riskju tal-faqar.
L-indirizzar tal-qgħad fit-tul jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u għall-koeżjoni billi jkun hemm iżjed nies impjegati, u jista’ wkoll jtaffi l-piż fuq il-finanzi pubbliċi ladarba n-nefqa fl-assistenza soċjali tkun inqas u l-introjtu mit-taxxi jkun ogħla.
Il-qgħad fit-tul huwa wieħed mill-isfidi ewlenin tal-aġenda tal-impjiegi u tat-tkabbir li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fil-Programm ta’ Ħidma tal-2015 4 . Il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker jidentifikaw il-konsegwenzi negattivi tal-qgħad bħala sfida politika ewlenija. Il-qgħad fit-tul ġie identifikat mill-Parlament Ewropew 5 , mill-Kunsill 6 u mill-Bank Ċentrali Ewropew 7 bħala xkiel kbir għat-tkabbir.
L-indirizzar tal-qgħad fit-tul jeħtieġ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, fosthom ir-riformi strutturali fl-oqsma kollha ta’ politika (l-impjieg, l-ekonomija, il-politiki fiskali, l-investiment fil-kapital uman) u miżuri ta’ kura flimkien ma’ dawk ta’ prevenzjoni. L-UE għandha strateġija multidimensjonali fis-seħħ sabiex jiġi żgurat ambjent makroekonomiku li jkun ta’ appoġġ, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-ħiliet u sabiex jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-qgħad fit-tul. Għall-persuni li ilhom qiegħda, it-tranżizzjonijiet lejn impjieg ma jiddependux biss fuq il-kwalità tas-servizzi li jiġu offruti iżda wkoll fuq il-qagħda makroekonomika, fuq l-istruttura ekonomika u fuq l-funzjonament tas-suq tax-xogħol f’kull Stat Membru.
L-Istati Membri diġà qegħdin jaġixxu sabiex jgħinu lil min ilu qiegħed fit-tul isib impjieg. Madankollu, fl-2014, il-proporzjon ta’ nies li ilhom qiegħda u li reġgħu bdew jaħdmu qabel it-tmiem tat-tieni sena ta’ qgħad, kien ivarja fost l-Istati Membri, minn 11 % għal iżjed minn 46 %. Filwaqt li ta’ min jiġi rikonoxxut li hemm ħafna fatturi li jistgħu jinfluwenzaw din il-prestazzjoni, din id-diskrepanza turi li hemm lok li x-xogħol li jsir ikompli jinbena fuq il-prattiki li rnexxew minn madwar l-UE.
B’hekk, l-azzjoni fil-livell tal-UE biex l-Istati Membri jingħataw appoġġ sabiex jiġi żgurat li l-persuni li ilhom qiegħda jerġgħu jibdew jaħdmu, twassal għal valur miżjud. L-azzjonijiet li diġà huma stabbiliti għandhom jiġu akkumpanjati minn oħrajn sabiex jiġi żgurat li dawk li għandhom bżonn l-appoġġ ikun jista’ jkollhom aċċess għalih u sabiex tissaħħaħ mill-ġdid l-effettività ta’ dan l-appoġġ, b’mod partikolari billi dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg jiġu mgħejuna biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Dawn jistgħu jissejsu fuq snin ta’ tagħlim reċiproku u fuq l-esperjenza li nkisbet bis-saħħa tal-koordinazzjoni tal-politiki tal-impjieg, kif ukoll permezz tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew.
F’dan il-kuntest, l-għan ta’ din l-inizjattiva speċifika huwa li l-Istati Membri jkollhom gwida dwar it-twassil tas-servizzi sabiex tiżdied ir-rata ta’ tranżizzjoni minn qgħad fit-tul għall-impjieg. Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi biex jissaħħaħ l-appoġġ personalizzat li jkun immirat lejn dawk li ilhom qiegħda, li jiġi implimentat permezz tas-servizzi ta’ impjieg u tas-servizzi soċjali.
L-isfidi speċifiċi li ġew indirizzati mill-inizjattiva jinkludu n-nuqqas ta’ appoġġ biex dawk li ilhom qiegħda jsibu xogħol, li jnaqqas l-ammont ta’ nies li jirreġistraw mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg f’xi Stati Membri (kopertura baxxa), id-diffikultà li tiġi indirizzata l-kumplessità tal-fatturi tal-qgħad (jiġi żgurat li l-appoġġ ikun rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ min iħaddem u adattat għall-individwu) u n-nuqqas ta’ kontinwità fit-twassil tas-servizzi meta jintemmu l-benefiċċji tal-qgħad.
Dawn il-miżuri se jkollhom jitqiesu f’sensiela iktar komprensiva ta’ azzjonijiet ta’ politika fil-livell tal-UE u/jew fil-livell nazzjonali li jiffaċilitaw l-aġġustament tas-swieq tax-xogħol, filwaqt li jitqies li n-natura tax-xogħol qiegħda tinbidel, u li jixprunaw it-tkabbir ekonomiku – inklużi sforzi biex tiġi żgurata qagħda makroekonomika ta’ appoġġ, it-tfassil ta’ sistemi tal-benefiċċji u tas-sigurtà soċjali, u t-tfassil ta’ sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol u tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjieg.
Il-konsistenza ma’ miżuri eżistenti
Għadd ta’ politiki, ta’ strumenti u ta’ inizjattivi fil-livell tal-UE huma diġà fis-seħħ biex jiġi appoġġat l-impjieg, speċjalment il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), kif ukoll l-inizjattiva tat-tagħlim komparattiv fil-qafas tan-netwerk tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg.
Ir-Rakkomandazzjoni se tappoġġa l-proċess ta’ riformi li nbeda bl-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi għall-għan li tiżdied ir-rata tal-impjieg u għall-għan li jitnaqqas il-faqar. Tirriżulta wkoll mis-sejħa tal-Kunsill “biex jiġu żviluppati proposti li jgħinu biex il-persuni li ilhom mingħajr impjieg jiġu appoġġati, billi jiġu meħuda t-tagħlimiet mill-introduzzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ madwar l-UE, filwaqt li jiġu integrati bis-sħiħ fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjieg” 8 .
L-għanijiet ġenerali tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma appoġġati mil-linji gwida integrati, li jinkludu kemm il-Linji gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi kif ukoll il-Linji gwida dwar l-Impjiegi. Il-Linji gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi jkopru prijoritajiet bħall-ixprunar tal-investiment, it-tisħiħ tat-tkabbir billi jiġu implimentati r-riformi strutturali, it-tneħħija tal-ostakli ewlenin għat-tkabbir u għall-impjiegi fil-livell tal-UE u t-titjib tas-sostenibbiltà u tax-xejra favorevoli għat-tkabbir tal-finanzi pubbliċi. Il-Linji gwida dwar l-Impjiegi jkopru prijoritajiet bħall-iffaċilitar tal-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet, it-tisħiħ tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u t-trawwim tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar kif ukoll il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs.
Ir-Rakkomandazzjoni tkompli tibni fuq il-Linji gwida dwar l-Impjiegi, previsti skont l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jappellaw għat-tnaqqis u għall-prevenzjoni sinifikanti tal-qgħad fit-tul. Il-Linji gwida attwali dwar l-Impjiegi jimmiraw li jindirizzaw ix-xkiel strutturali marbut mar-riġidità fis-suq tax-xogħol, il-ħiliet mhux adegwati jew in-nuqqas ta’ investiment fil-kapital uman. Fost l-elementi f’dawn l-oqsma li huma preżenti b’mod prominenti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi hemm it-tnaqqis tad-diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol, l-aġġustament tal-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-pagi, it-tneħħija tal-piż tat-taxxi mill-qasam tax-xogħol, it-tisħiħ tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-immodernizzar tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali kif ukoll tal-apprendistati. Il-Linji gwida l-ġodda li ġew proposti dwar l-Impjiegi jappellaw biex permezz ta’ strateġiji komprensivi, jitnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta’ persuni li ilhom qiegħda, u li jingħata appoġġ attiv speċifiku lil dawk li ilhom qiegħda biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol 9 .
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2015 10 jirrikonoxxu li hemm bżonn li l-qgħad fit-tul jiġi indirizzat, billi l-protezzjoni soċjali effettiva timxi id f’id mal-impjegabbiltà. Fir-rigward ta’ dan, jisħqu li l-programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali effiċjenti, effettivi u li jħarsu ’l quddiem, inkluż it-tagħlim immirat għall-adulti, jaqdu rwol ewlieni sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet jisħqu wkoll li hemm bżonn li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg jissaħħu f’uħud mill-Istati Membri u li l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol jistgħu jimmiraw b’mod iktar effiċjenti għal dawk li huma l-iżjed imbiegħda mis-suq tax-xogħol.
Fir-rigward tal-qsim tal-prattiki tajbin, qegħdin iseħħu azzjonijiet li jappoġġaw l-istrateġija Ewropa 2020 permezz tat-tagħlim ta’ politika. In-Netwerk tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (SPI) qiegħed jiżviluppa proċess ta’ tagħlim komparattiv sabiex titqabbel il-prestazzjoni tas-SPI fl-Istati Membri kollha u sabiex jitgħallmu minn xulxin.
Hemm ukoll kontribut sinifikanti tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul. Abbażi tal-ipprogrammar attwali mill-2014 sal-2020, minn tal-inqas 10 % tan-nies li jiġu appoġġati mill-FSE huma persuni li ilhom qiegħda. L-allokazzjonijiet tal-FSE jagħtu lok kemm li jiżdied il-finanzjament ta’ appoġġ għall-integrazzjoni kif ukoll li titjieb l-effiċjenza tiegħu. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista’ jakkumpanja l-miżuri ffinanzjati mill-FSE. Fost l-eżempji hemm l-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg.
Ir-Rakkomandazzjoni tista’ tgħin biex issaħħaħ mill-ġdid l-enfasi tal-interventi tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej fil-qafas tal-ipprogrammar attwali, b’mod partikolari tal-FSE, għall-integrazzjoni ta’ persuni li ilhom qiegħda u sabiex tiżdied l-effettività tal-miżuri li huma mmirati lejhom. Ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-qafas bażiku ta’ skema ta’ appoġġ personalizzat li tkun immirata lejn dawk li ilhom qiegħda u li fuqu jistgħu jinbnew iktar interventi tal-FSE.
Ir-Rakkomandazzjoni se jikkumplimenta dawn l-għodod eżistenti billi jpoġġi fis-seħħ qafas għall-azzjoni mmirata lejn l-integrazzjoni ta’ persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol, li se jkopri l-Istati Membri kollha u li se jkollu l-għan li jikkontribwixxi għal titjib ġenerali fl-effiċjenza tal-proċess ta’ integrazzjoni tas-suq tax-xogħol. Ir-Rakkomandazzjoni se tipprovdi sies sabiex is-sejba tal-impjiegi għal dawk li ilhom qiegħda tingħata prijorità fil-livell nazzjonali, u tippermetti li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji, inkluż l-appoġġ mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Għandha l-għan li tixpruna iktar kapaċità amministrattiva, kooperazzjoni aħjar bejn il-fornituri tas-servizzi, sħubija iżjed b’saħħitha mas-settur privat u effiċjenza fin-nefqa pubblika.
Ir-Rakkomandazzjoni se tibni fuq l-esperjenzi li nkisbu u fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġiet stabbilita mill-Kunsill fl-2013 biex jiġu indirizzati l-livelli għoljin ta’ qgħad u ta’ inattività fost iż-żgħażagħ li rriżultaw mill-kriżi u biex jitjiebu it-tranżizzjonijiet mill-iskola għad-dinja tax-xogħol. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ uriet li l-inizjattivi tal-UE li jkunu mmirati sew jistgħu jimmobilizzaw u jsaħħu l-azzjoni nazzjonali biex jiġi indirizzat sors ta’ ineffiċjenza tas-suq tax-xogħol u ta’ għawġ soċjali. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ qanqlet xprun politiku għar-riforma tat-twassil tal-appoġġ, li ssaħħaħ mill-ġdid u nżamm permezz tas-sorveljanza multilaterali.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
Il-bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skontu l-Kunsill jadotta r-Rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni, flimkien mal-Artikolu 149 li jipprevedi miżuri ta’ inċentiv mfassla biex tiġi appoġġata l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-impjieg.
It-Titolu IX tat-TFUE jiddefinixxi l-kompetenza tal-UE fir-rigward tal-politiki tal-impjieg, b’mod partikolari l-Artikolu 145 dwar l-iżvilupp ta’ strateġija koordinata għall-impjieg u l-Artikolu 147 dwar il-kontribuzzjoni għal livell għoli ta’ impjieg billi tiġi appoġġata u akkumpanjata l-azzjoni tal-Istati Membri. Il-proposta se tikkontribwixxi għall-għanijiet tat-Trattat, speċjalment billi tippromwovi livell massimu ta’ impjieg u l-koeżjoni soċjali (Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).
Is-sussidjarjetà
Fil-ħidma għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-impjieg, l-UE għandha l-kompetenza li tikkoordina, li tħeġġeġ il-kooperazzjoni u li tappoġġa l-azzjoni tal-Istati Membri. Filwaqt li tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni tagħti kontenut konkret lil din l-ambizzjoni, b’mod partikolari billi tikkapitalizza fuq l-iskambju tal-aqwa prattiki.
Il-prestazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali, fir-rigward tar-rati ta’ qgħad fit-tul u tat-tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol, jista’ jkollhom impatt ekonomiku negattiv u jfixklu l-koeżjoni soċjali u ekonomika madwar l-UE. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku nnifsu huwa fattur kruċjali, il-persistenza tal-qgħad fit-tul tista’ toħnoq it-tkabbir ekonomiku u is-sostenibbiltà tiegħu.
Hemm bosta sfidi marbuta mas-servizzi ta’ appoġġ ipprovduti għall-persuni li ilhom qiegħda (ara l-Analiżi fit-Taqsima 4). Inizjattiva ġdida tal-UE se tappoġġa l-approċċ lejn iżjed effiċjenza u standards ogħla fit-twassil tas-servizzi lil dawk li ilhom qiegħda. Din tissejjes fuq il-prattiki li rnexxew tal-Istati Membri u ssarraf it-tagħlimiet meħuda f’qafas għall-azzjoni li jgħin lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-servizzi tal-impjieg u s-servizzi soċjali tagħhom.
Il-proporzjonalità
Ir-Rakkomandazzjoni tagħti indikazzjoni ta’ liema azzjonijiet iridu jittieħdu fil-livell nazzjonali. Din tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li toffri qafas flessibbli u gwida għall-proċessi ta’ modernizzazzjoni u ta’ riformi fl-Istati Membri. Ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi li diversi sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata. L-Istati Membri se jaħtru l-awtoritajiet inkarigati, li jistgħu jkunu servizzi tal-impjieg jew organizzazzjonijiet oħra, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.
Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi qafas għall-azzjoni ta’ appoġġ għal dawk li ilhom qiegħda u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-għoti ta’ gwida għas-servizzi tal-impjieg jew għal organizzazzjonijiet oħra inkarigati u għall-imsieħba tagħhom dwar il-passi għat-twaqqif ta’ skema ta’ appoġġ personalizzat li tkun immirata lejn il-persuni li ilhom qiegħda biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. It-titjib tal-effiċjenza tal-proċess ta’ integrazzjoni huwa fattur importanti fi ħdan il-ġlieda ġenerali kontra l-qgħad fit-tul. Ir-Rakkomandazzjoni tikkonserva grad għoli ta’ flessibbiltà għall-Istati Membri kemm fit-tfassil kif ukoll fis-sustanza tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.
L-azzjoni proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi fil-qasam soċjali. Din tilqa’ għall-bżonn tal-Istati Membri li jkollhom approċċ differenzjat li jirrifletti l-qagħdiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti, il-kundizzjonijiet varji tas-suq tax-xogħol u l-eteroġeneità tas-sitwazzjonijiet li jwasslu għall-qgħad fit-tul.
3.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI
Bejn id-19 ta’ Frar 2015 u l-15 ta’ Mejju 2015, fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, twettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa fir-rigward tal-għoti ta’ servizzi lil dawk li ilhom qiegħda. Waslu madwar 159 kontribuzzjoni 11 . Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qablu mal-isfidi li ġew identifikati fil-konsultazzjoni u saħqu dwar l-importanza li l-għoti tas-servizz u s-servizzi individwalizzati jiġu integrati għal dawk li ilhom qiegħda. Iżjed minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu appoġġaw li jsiru bidliet fl-appoġġ għall-persuni li ilhom qiegħda, fosthom l-introduzzjoni ta’ offerta individwali ta’ appoġġ attiv, punt ta’ kuntatt waħdieni, ir-responsabbiltajiet reċiproċi u li tiżdied il-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ appoġġ attiv. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li wieġbu appoġġaw iktar azzjoni tal-UE sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul, bi prinċipji ġenerali għal qafas u gwida effettivi u attivi tas-suq tax-xogħol.
Fil-konsultazzjoni li kienet immirata lejn il-partijiet ikkonċernati, in-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg saħqu dwar ir-rilevanza tas-servizz individwalizzat, ta’ koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ, tal-obbligi reċiproċi tal-appoġġ għal min iħaddem. Il-Kumitat tal-Fond Soċjali Ewropew enfasizza li fl-ipprogrammar attwali, il-FSE jista’ jaqdi rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva, u li l-inizjattiva tista’ iżżid l-effettività tal-azzjonijiet tal-FSE. Il-Kumitat tal-Impjiegi saħaq li d-diversità tal-persuni li ilhom qiegħda titlob li jkun hemm approċċ individwalizzat għall-appoġġ attiv u li hemm bżonn li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jfasslu il-politiki tagħhom skont dan. Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali saħaq li jeħtieġ li jinżammu r-riżorsi għall-gruppi li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ bosta xkiel għall-impjieg. Fl-24 ta’ April 2015, waqt smigħ tal-imsieħba soċjali ddedikat għall-inizjattiva, ġie indikat li approċċ ibbażat fuq l-istrumenti tal-integrazzjoni jista’ jimxi id f’id ma’ gwida ġenerali ta’ politika.
L-eżitu tal-konsultazzjoni wera li hemm bżonn li tittieħed azzjoni b’mod urġenti, sabiex jiġu bbilanċati aħjar il-komponenti marbuta mal-proċessi u mal-għodod flimkien ma’ gwida ġenerali ta’ politika, sabiex tiġi rrispettata d-diversità tas-sitwazzjonijiet fost l-Istati Membri billi l-approċċ jinżamm flessibbli u sabiex tiġi rikonoxxuta d-diversità tal-persuni li ilhom qiegħda bħala grupp billi jiġi promoss approċċ individwalizzat.
4.L-ANALIŻI
Il-Kummissjoni wettqet analiżi dwar l-effettività u l-impatt potenzjali li jkollha Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ippubblikata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta. Għall-analiżi intuża kemm l-għarfien espert intern kif ukoll dak estern, b’mod partikolari l-immappjar tal-kuntratti ta’ inklużjoni u l-koordinazzjoni tal-appoġġ għad-dħul flimkien mal-attivazzjoni, ġabra ta’ inizjattivi ta’ prattika tajba tal-FSE, rieżami tal-istudji eżistenti tal-kostijiet u tal-benefiċċji dwar l-interventi għall-qgħad fit-tul, fosthom valutazzjoni dettaljata għal ħames Stati Membri u rapporti minn avvenimenti ta’ tagħlim reċiproku dwar l-indirizzar tal-qgħad fit-tul.
L-analiżi ffukat fuq is-servizzi ta’ integrazzjoni tas-servizzi pprovduti għal dawk li qegħdin ifittxu impjieg u fuq l-impatt possibbli tal-introduzzjoni ta’ skema ta’ appoġġ personalizzat li tkun immirata lejn il-persuni li ilhom qiegħda, li tikkonsisti fi ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg appoġġat minn gwida ġenerali ta’ politika dwar l-involviment ta’ min iħaddem u ppreċedut minn valutazzjoni individwali.
Intgħażel approċċ analitiku li ma jinvolvix valutazzjoni tal-impatt għal diversi raġunijiet. Ir-Rakkomandazzjoni toffri gwida ġenerali dwar it-twaqqif ta’ skema ta’ appoġġ personalizzat li tkun immirata lejn il-persuni li ilhom qiegħda biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol, li tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw elementi fakultattivi u flessibbli varji skont il-prattiki nazzjonali tagħhom. L-impatt tar-Rakkomandazzjoni mhux se jiddependi biss fuq il-mod kif l-Istati Membri x’aktarx jimplimentaw il-miżuri iżda wkoll fuq ħafna karatteristiċi speċifiċi importanti għall-pajjiżi, bħall-qagħda makroekonomika, l-istruttura ekonomika u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol, li b’hekk jagħmluha diffiċli li jinfired l-impatt speċifiku tal-proposta minn fatturi oħra. Valutazzjoni iżjed fil-fond tar-Rakkomandazzjoni li qiegħda tiġi proposta tkun teħtieġ ukoll li tinkludi sensiela ta’ politiki possibbli ta’ akkumpanjament li jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali kif ukoll karatteristiċi istituzzjonali speċifiċi għall-pajjiżi. Peress li t-tagħrif ma jistax jinġema’ faċilment u ma jistax jinġabar malajr, valutazzjoni kwantitattiva dettaljata tkun sproporzjonata 12 .
Għalhekk, l-approċċ analitiku huwa ibbażat fuq analiżi u studji eżistenti fil-qasam li l-biċċa l-kbira jaqblu fis-sejbiet u fil-pariri ta’ politika tagħhom. L-approċċ jiġbor l-evidenza disponibbli mir-riformi li hemm fis-seħħ dwar l-effettività u l-kost ta’ ġabra ta’ miżuri simili.
Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni se ttejjeb il-ġbir tad-dejta fil-livell tal-UE billi tippermetti monitoraġġ mill-qrib tal-azzjonijiet fl-Istati Membri. Klawsola speċifika ta’ evalwazzjoni hija inkluża fir-Rakkomandazzjoni sabiex tipprovdi evalwazzjoni sħiħa tal-impatt tal-azzjonijiet meħuda bħala segwitu għar-Rakkomandazzjoni wara perjodu inizjali ta’ implimentazzjoni.
Is-sejbiet ewlenin tal-analiżi
Filwaqt li rrikonoxxiet li l-qgħad fit-tul għandu għeruq strutturali b’saħħithom marbuta mal-ħiliet, mal-kisbiet u mar-realizzazzjonijiet fil-qasam edukattiv, il-qagħda makroekonomika u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol, l-analiżi ffukat fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ li jkunu mmirati lejn il-persuni li ilhom qiegħda biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Ġew identifikati diversi fatturi li jillimitaw l-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-integrazzjoni, meta jiġu biex jakkumpanjaw lil dawk li ilhom qiegħda lura fis-suq tax-xogħol, fosthom:
Meta persuna mingħajr impjieg tirreġistra jkollha aċċess għall-appoġġ. Ir-rati baxxi ta’ nies jirreġistraw jindikaw li l-appoġġ huwa aċċessibbli biss għal parti minn dawk li ilhom qiegħda. Ir-rata medja tal-UE ta’ nies jirreġistraw hija ta’ 73 %, filwaqt li f’diversi Stati Membri r-rata hija taħt il-50 %. Fl-2012, id-dejta disponibbli tindika li 13.5 % biss tal-persuni li ilhom qiegħda u li għandhom iżjed minn 25 sena kienu qegħdin jieħdu sehem fil-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jagħtu l-benefiċċji bil-kundizzjoni ta’ tfittxija għal impjieg jew ta’ rekwiżiti minimi ta’ attivazzjoni. Madankollu, din il-kundizzjonalità mhux dejjem tiġi infurzata, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet minħabba lakuni fl-offerta ta’ miżuri attivi. F’diversi Stati Membri, is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg jaqdu primarjament lill-persuni qiegħda li jkunu eliġibbli għall-benefiċċji tal-qgħad, u jimmiraw l-interventi tagħhom fi żmien bikri matul il-perjodu ta’ qgħad minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza.
F’ħafna pajjiżi, l-benefiċċji tal-qgħad jieqfu fi żmien sena. Meta tintemm l-eliġibbiltà, il-persuni li ilhom qiegħda jistgħu jkunu eliġibbli għal dħul minimu mhux kontributorju jew għal benefiċċji oħra ta’ assistenza soċjali, u r-responsabbiltà għalihom tvarja bejn l-Istati Membri (ħafna drabi tkun tal-aġenziji tal-assistenza soċjali jew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg). Jistgħu jintervjenu sensiela ta’ servizzi soċjali oħra mwassla permezz tal-muniċipalitajiet, is-servizzi soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. B’hekk, il-persuni li ilhom qiegħda jistgħu jesperjenzaw bidla fl-aġenziji li jkunu qegħdin jassistuhom.
L-integrazzjoni mill-ġdid tista’ tiġi mfixkla meta l-appoġġ individwali jinbidel minn assigurazzjoni tal-qgħad ipprovduta mis-servizzi pubbliċi tal-impjieg għal benefiċċji soċjali pprovduti mill-awtoritajiet tal-assistenza soċjali. Jekk id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn l-aġenziji ma tkunx ċara, id-dokumenti bit-tagħrif dwar il-persuna qiegħda ma jiġux trasferiti u l-koordinazzjoni tas-servizzi tkun limitata. Minħabba f’hekk, dawn in-nuqqasijiet ta’ kontinwità jistgħu jittardjaw il-proċess biex dak li jkun isib impjieg. Filwaqt li xi Stati Membri diġà integraw is-servizzi u jipprovdu punti ta’ kuntatt waħdieni, oħrajn ma għandhomx koordinazzjoni ta’ politika fil-livell nazzjonali, u dan iwassal għal frammentazzjoni u għal inkonsistenzi fl-għoti tas-servizz. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva enfasizzat l-importanza ta’ approċċi koordinati u integrati għat-twassil tas-servizzi u għall-politiki tal-impjiegi, inklużi l-punti ta’ kuntatt waħdieni li jorbtu l-impjieg mal-protezzjoni soċjali 13 .
Is-servizzi individwalizzati bħall-valutazzjoni u t-tfassil ta’ profili mhux dejjem ikunu aċċessibbli għal dawk li ilhom qiegħda. L-interventi bbażati fuq programmi li jiffukaw fuq is-sottogruppi ta’ persuni li ilhom qiegħda, mhumiex jindirizza l-firxa sħiħa ta’ bżonnijiet individwali speċifiċi. Barra minn hekk, sehem baxx biss tan-nefqa fuq il-miżuri attivi għal dawn in-nies jiġi allokat għat-taħriġ jew għall-appoġġ tal-bidu. Il-probabbiltà li l-persuni qiegħda bi ftit kompetenzi professjonali jieħdu sehem fit-tagħlim tul il-ħajja hija ta’ erba’ darbiet anqas, u t-taħrig fil-ħiliet bażiċi qajla jiġi inkluż fl-appoġġ inġenerali.
Il-programmi għal dawk li ilhom qiegħda mhumiex orjentati lejn il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. F’xi pajjiżi, hemm enfasi fuq l-iskemi tax-xogħlijiet pubbliċi (huwa stmat li fl-2012, 31 % tal-infiq attwali fuq il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol għal dawk li ilhom qiegħda), li mhux dejjem iwittu t-triq biex dak li jkun jerġa’ lura fis-suq tax-xogħol. B’mod ġenerali, min iħaddem ma jkunx involut biżżejjed fl-attivitajiet immexxija mis-servizz tal-impjieg u mis-servizzi soċjali.
Ladarba d-dħul fil-qgħad fit-tul huwa wara 12-il xahar ta’ qgħad, u hemm tnaqqis kbir fit-tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol bejn it-12-il xahar u l-24 xahar, ikun xieraq li tittieħed azzjoni qabel mhux iktar tard mit-18-il xahar. Dan huwa konformi mal-prattiki eżistenti fl-iktar Stati Membri li rnexxielhom inaqqsu l-qgħad fit-tul.
L-analiżi indikat għadd ta’ fatturi ewlenin għas-suċċess tat-twassil tas-servizzi fit-tfassil, fl-organizzazzjoni u l-enfasi tal-politiki ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.
Approċċ ta’ servizzi individwalizzati, li jiġbor flimkien l-appoġġ intensiv, il-monitoraġġ tal-eżiti u l-enfasi fuq min iħaddem, huwa mistenni li jgħin biex iżid it-tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol u li jtejjeb it-tqabbil tal-persuni li ilhom qiegħda mal-opportunitajiet ta’ impjieg. Xi Stati Membri b’rati għoljin ta’ tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol diġà għandhom fis-seħħ l-elementi li ġew proposti fir-Rakkomandazzjoni. Għalhekk, l-impatt ta’ inizjattiva se jkun ogħla fl-Istati Membri bi strutturi iżjed dgħajfa ta’ appoġġ u b’rati ogħla ta’ qgħad fit-tul. Il-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg huma mistennija li jħeġġu li ssir bidla lejn strutturi ta’ appoġġ iktar b’saħħithom. Jekk din il-bidla twassal biex jingħalaq id-distakk ma’ Stati Membri bi prestazzjoni aħjar, kull sena iżjed nies jistgħu jkunu mistennija li jsibu impjieg permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-proposta 14 .
Madankollu, dawn l-effetti jiddependu fuq varjetà ta’ fatturi oħra. Meta din ir-Rakkomandazzjoni timxi id f’id ma’ riformi strutturali oħra li jagħtu spinta għall-ħolqien tal-impjiegi, tista’ tappoġġa żieda ġenerali fir-rata tal-impjieg permezz ta’ potenzjal akbar ta’ tkabbir u ta’ tnaqqis fil-qgħad strutturali, permezz ta’ tnaqqis tad-diskrepanza bejn id-domanda u l-provvista tax-xogħol b’servizzi personalizzati għall-persuni li ilhom qiegħda jew permezz ta’ tnaqqis tar-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali.
It-tibdil tal-enfasi tal-allokazzjonijiet finanzjarji eżistenti favur skemi li jappoġġaw l-integrazzjoni diretta fis-suq tax-xogħol, bħas-sussidji għar-reklutaġġ, tista’ tikkontribwixxi biex jiżdied l-involviment ta’ min iħaddem. F’kuntest ta’ domanda baxxa għall-ħaddiema u ta’ spazju fiskali limitat, inċentivi bħal dawn jistgħu jkunu strument attraenti għall-appoġġ tal-impjieg, filwaqt li jtejbu wkoll l-impjegabbiltà tal-persuni li ilhom qiegħda. Madankollu, jeħtieġ li jkunu mfassla sew, inkella jistgħu jirriżultaw fit-tberbiq tal-flejjes pubbliċi, b’mod partikolari jekk l-impjiegi li jiġu ssussidjati kienu jinħolqu xorta waħda (telf minħabba allokazzjoni mhux effiċjenti tar-riżorsi), jew jekk l-inċentivi sempliċement iħeġġu lil min iħaddem biex jimpjega lil ċerti ħaddiema minflok oħrajn (effetti ta’ spustament), jew jistgħu joħolqu frammentazzjoni bla bżonn tas-sistema tat-taxxa.
Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji differenti, bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, bħas-servizzi soċjali u bħall-muniċipalitajiet, permezz ta’ punt ta’ kuntatt waħdieni, ittejjeb il-kontinwità tas-servizzi u żżid ir-rilevanza u l-effettività tas-servizzi li jiġu offruti, b’effetti pożittivi fuq il-protezzjoni soċjali u fuq il-gruppi li huma l-iżjed imbiegħda mis-suq tax-xogħol. B’hekk, il-persuni li ilhom qiegħda jibbenefikaw minn aċċess simplifikat għas-servizz, filwaqt li l-awtoritajiet soċjali u tal-impjiegi u l-fornituri tas-servizzi jkollhom bżonn jaġġustaw il-proċessi u jikkooperaw sabiex iwasslu l-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg.
Ma huma previsti l-ebda kostijiet ta’ konformità għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju u għal min iħaddem. L-internet jista’ jintuża biex jitwettqu il-valutazzjonijiet, biex jiġu ssorveljati u aġġornati l-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg u biex min iħaddem ikollu aċċess għas-servizzi u għall-inċentivi.
L-inizjattiva ssaħħaħ mill-ġdid il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. It-titjib tal-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ u l-adozzjoni ta’ approċċ ta’ servizzi individwalizzati għall-persuni li ilhom qiegħda jiggarantixxi u jkompli jsaħħaħ id-dritt għall-aċċess ta’ servizzi ta’ kollokament mingħajr ħlas, kif stipulat fl-Artikolu 29 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, l-għoti ta’ protezzjoni aħjar lil persuni li ilhom qiegħda, josserva kif jixraq il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, peress li jtejjeb l-intitolament għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għall-protezzjoni tas-servizzi soċjali f’każ li persuna li ilha qiegħda terġa’ titlef l-impjieg, jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-aħħar nett isaħħaħ mill-ġdid id-dinjità tal-bniedem.
5.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se jkollha implikazzjonijiet fuq l-allokazzjonijiet tar-riżorsi fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-allokazzjoni mill-ġdid tal-programmi tal-FSE lejn is-servizzi diretti għall-klijenti u permezz tal-investiment inizjali fil-kapaċità tas-servizz u tal-koordinazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi qafas flessibbli ta’ intervent, li bih l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw l-allokazzjonijiet eżistenti tar-riżorsi biex jiġu appoġġati l-persuni qiegħda u għal servizzi soċjali oħra skont il-qagħda baġitarja tagħhom.
Minkejja li l-implimentazzjoni tinvolvi kost amministrattiv inizjali biex jiġu stabbiliti t-twassil ikkoordinat u l-appoġġ individwalizzat, l-impatt baġitarju ġenerali huwa mistenni li jkun limitat jew saħansitra pożittiv fit-terminu medju jekk din issarraf f’iżjed tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol, speċjalment jekk tkun akkumpanjata minn riformi rilevanti oħra tas-suq tax-xogħol.
L-allokazzjonijiet tal-baġit għall-qafas finanzjarju multiannwali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jintużaw biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni, inkluż l-investiment addizzjonali fil-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol.
Permezz ta’ sejħiet għall-proposti, il-proġetti tal-innovazzjoni soċjali biex il-persuni li ilhom qiegħda jerġgħu lura għad-dinja tax-xogħol, jistgħu jiġu kofinanzjati fi ħdan il-baġit maqbul tat-taqsima dwar il-Progress tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u għall-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) għall-perjodu mill-2014 sal-2020.
Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ma teħtieġ l-ebda baġit addizzjonali tal-UE u l-ebda riżorsi ta’ persunal għall-Kummissjoni.
6. DESKRIZZJONI FUQ FUQ TAL-PROPOSTA
L-għan ġenerali tal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa li jiżdiedu r-rati tat-tranżizzjonijiet għad-dinja tax-xogħol ta’ dawk li ilhom qiegħda. L-għanijiet speċifiċi li se tikkontribwixxi għalihom din l-inizjattiva huma li: (1) tiżdied il-kopertura b’iżjed reġistrazzjonijiet u appoġġ attiv għall-persuni li ilhom qiegħda, (2) tiġi żgurata l-kontinwità u l-koordinazzjoni bejn is-servizzi rilevanti u (3) tiżdied l-effettività tal-interventi mmirati kemm għall-persuni li ilhom qiegħda kif ukoll għal min iħaddem.
B’mod essenzjali, tipproponi tliet passi konkreti li jwittu t-triq għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol:
(1) it-tħeġġiġ tar-reġistrazzjoni ma’ servizz għall-impjieg;
(2) il-valutazzjoni tal-bżonnijiet individwali u l-potenzjal tal-persuni li ilhom qiegħda qabel ma jagħlqu 18-il xahar qiegħda;
(3) l-offerta ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg għall-persuni li ilhom qiegħda, mhux iżjed tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda.
Din ir-Rakkomandazzjoni timmira għall-integrazzjoni tal-grupp fil-mira fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-kwalità tal-offerti u tal-miżuri li jiġu proposti fi ħdan il-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg jeħtieġ li tikkorrispondi ma’ dan l-għan u se jitkejlu skontu.
Diversi elementi tar-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari il-miżuri biex titħeġġeġ ir-reġistrazzjoni, l-approċċ individwalizzat u s-servizzi għal min iħaddem jistgħu jiġu implimentati bi grad għoli ta’ flessibbiltà, li jippermetti lill-Istati Membri jużaw jew ilaqqgħu flimkien il-prattiki u l-miżuri eżistenti.
It-tħeġġiġ tar-reġistrazzjoni ma’ servizz għall-impjieg
It-tħeġġiġ tar-reġistrazzjoni tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda ma’ servizzi pubbliċi tal-impjieg jew ma’ servizzi oħra ta’ assistenza soċjali permezz tal-għoti ta’ informazzjoni li jkun appoġġat minn sħubijiet, li jiċċaraw x’inhi l-offerta disponibbli ta’ appoġġ li għandha twassal għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u li tkun imfassla skont il-bżonnijiet individwali.
Il-valutazzjoni u l-approċċ individwali
Taħlita ta’ miżuri li jirrikonoxxu u li jippruvaw jindirizzaw l-isfidi kollha li jiġu ffaċċjati huma meħtieġa biex jiġu mgħejuna il-persuni li ilhom qiegħda. Ir-Rakkomandazzjoni li qiegħda tiġi proposta fiha stedina biex fil-perjodu bejn it-12-il xahar u t-18-il xahar ta’ qgħad, jiddaħħlu fis-seħħ il-valutazzjonijiet individwali ddettaljati għall-persuni li ilhom qiegħda. Dan ma jipprekludix il-valutazzjonijiet individwali fi stadji iktar bikrin tal-perjodu ta’ qgħad – fil-fatt, valutazzjoni bikrija u miżuri mmirati, jistgħu jnaqqsu s-sogru li dak li jkun jispiċċa jħabbat wiċċu mal-qgħad fit-tul. Il-valutazzjonijiet individwali mtejba għandhom jinkludu verifika tal-ħiliet u għandhom iwasslu għal konsulenza u għal gwida abbażi tal-esperjenza tal-persuna, tar-rendikont tat-tfittxija għal impjieg, tax-xkiel għall-impjieg marbut mal-ġeneru u li jitqiesu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.
Il-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg
Il-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg jikkonsisti f’offerta mfassla apposta ta’ intervent li jiġbor flimkien il-miżuri pprovduti minn organizzazzjonijiet differenti (is-servizzi tal-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi soċjali) u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi. Dan se jiġi offrut lil dawk kollha li ilhom qiegħda fit-tul u li għalihom ma japplikax il-mandat tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, mhux iktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda.
Il-valutazzjoni individwali tirriżulta fi pjan li jimmira li jwitti t-triq lura għad-dinja tax-xogħol. Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li jiġi segwit l-approċċ ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg.
Dan għandu jinvolvi:
Offerta ta’ servizz individwali li tirrifletti l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-persuni li ilhom qiegħda u li tibni fuq il-miżuri disponibbli fil-livell nazzjonali (l-assistenza tat-tfittxija għal impjieg, l-edukazzjoni, it-taħriġ inkluż dak tal-lingwa, l-esperjenza ta’ xogħol, il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, l-għoti ta’ pariri, il-konsulenza dwar id-dejn, ir-riabilitazzjoni, is-servizzi għat-tfal u dawk tal-kura, l-akkomodazzjoni u l-appoġġ għat-trasport), li tindika triq individwali biex dak li jkun jerġa’ lura għad-dinja tax-xogħol.
Ftehim bil-miktub bejn il-persuna li ilha qiegħda u punt ta’ kuntatt waħdieni li jagħti d-dettalji dwar l-offerta, fl-għamla ta’ drittijiet u ta’ responsabbiltajiet rispettivi, sabiex jiġi żgurat impenn konġunt (eż. il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, fl-intervisti, u fil-konsulenza) kemm mill-benefiċjarju kif ukoll mill-organizzazzjoni involuta.
It-twaqqif ta’ punt ta’ kuntatt personali waħdieni biex jiġu żgurati l-kontinwità u l-konsistenza tal-appoġġ offrut mill-aġenziji differenti bħas-servizzi pubbliċi tal-impjieg, is-servizzi soċjali u l-muniċipalitajiet. L-Istati Membri se jistabbilixxu l-arranġamenti legali u istituzzjonali biex iwasslu firxa kkoordinata ta’ servizzi lil dawk li ilhom qiegħda. Il-punt ta’ kuntatt waħdieni għandu jkopri l-organizzazzjonijiet inkarigati mit-tfittxija għal impjieg, il-ġestjoni tal-benefiċċji u tas-sanzjonijiet, is-servizzi ta’ assistenza soċjali u ta’ appoġġ, eċċ. Dan jinkludi mekkaniżmi biex jinġema’ t-tagħrif u, fejn possibbli, biex tiġi kondiviża d-dejta, sabiex b’hekk dan jippermetti lill-aġenti xierqa kollha li jkollhom aċċess għar-reġistri bit-tagħrif dwar il-klijenti.
L-involviment ta’ min iħaddem
Sabiex il-persuni li ilhom qiegħda jiġu mgħejuna biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol primarju, anke l-bżonnijiet ta’ min iħaddem iridu jiġu moqdija aħjar mis-servizzi ta’ impjieg u ta’ appoġġ. L-effettività tal-miżuri ta’ integrazzjoni jistgħu jittejbu permezz tal-involviment iżjed b’saħħtu ta’ min iħaddem.
Firxa mtejba ta’ servizzi u inċentivi iktar iffukati għal min iħaddem jistgħu jżidu l-involviment ta’ min iħaddem filwaqt li jimminimizzaw il-piż amministrattiv, b’mod partikolari biex l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jkollhom aċċess għal dan l-appoġġ.
Ir-Rakkomandazzjoni tappella biex l-Istati Membri jwettqu rieżami tal-politiki tagħhom u jadattawhom bil-ħsieb li jinvolvu iktar lil min iħaddem biex dawk li ilhom qiegħda jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali tista’ tagħti spinta biex dan isir. Dawn l-iskemi jkunu iżjed attraenti għal min iħaddem bl-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi eżistenti lejn l-inċentivi finanzjarji li jkunu mmirati sew, akkumpanjata minn servizzi għal min iħaddem, fosthom l-iskrinjar minn qabel tal-kandidati potenzjali, l-appoġġ ta’ kollokament u ta’ wara l-kollokament, kif ukoll it-taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol.
Il-Kummissjoni b’dan qiegħda tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.
2015/0219 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fil-livell tal-UE, ir-rata tal-qgħad żdiedet għal livell storikament għoli wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008 u tal-2009. Attwalment ir-rata qiegħda tmajna iżda l-qgħad fit-tul għadu għoli ħafna. Il-qgħad fit-tul ma jaffettwax l-Istati Membri bl-istess mod, partikolarment minħabba li l-impatt tal-kriżi kien irregolari u l-qagħda makroekonomika kif ukoll l-istruttura ekonomika u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor.
(2)Fl-2014, wara snin ta’ tkabbir batut u l-livell baxx ta’ ħolqien tal-impjiegi, il-qgħad fit-tul, iddefinit bħala qgħad li jdum għal iżjed minn 12-il xahar, affettwa iktar minn 12-il miljun ħaddiem jew 5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE, u 62 % minnhom ilhom mingħajr impjieg għal minn tal-inqas sentejn wara xulxin.
(3)Il-qgħad fit-tul qiegħed jaffettwa lill-persuni kkonċernati, qiegħed inaqqas il-potenzjal għat-tkabbir tal-ekonomiji tal-UE u qiegħed iżid ir-riskju tal-esklużjoni soċjali, tal-faqar u tal-inugwaljanzi, filwaqt li qiegħed ikompli jżid il-kostijiet tas-servizzi soċjali u tal-finanzi pubbliċi. Il-qgħad fit-tul iwassal għal telf ta’ dħul, tagħwir tal-ħiliet, inċidenza ogħla ta’ problemi tas-saħħa u żieda tal-faqar fil-familji.
(4)Il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet jew ta’ kwalifiki, il-persuni minn pajjiżi terzi, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi żvantaġġati bħar-Rom huma fost dawk li huma l-iżjed vulnerabbli għal qgħad fit-tul. L-impjieg preċedenti jaqdi rwol importanti wkoll, peress li f’xi pajjiżi, l-aspetti settorjali u ċikliċi huma essenzjali biex tiġi spjegata l-persistenza tal-qgħad fit-tul.
(5)Kull sena, kważi wieħed minn kull ħamsa minn dawk li ilhom qiegħda jaqtgħu qalbhom u jsiru inattivi frott l-isforzi ta’ tfittxija ta’ impjieg li ma jkunux irnexxew. Peress li x-xkiel għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol huma varji u ta’ sikwit jakkumulaw, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol teħtieġ approċċ imfassal apposta u individwalizzat.
(6)Nofs it-total ta’ persuni qiegħda fl-UE huma persuni li ilhom qiegħda u dawn jirrappreżentaw inqas minn wieħed minn kull ħamsa tal-parteċipanti fil-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Bl-istess mod, proporzjon baxx tal-persuni li ilhom qiegħda (medja ta’ 24 %) huma koperti mill-benefiċċji tal-qgħad.
(7)Hemm bżonn li l-investiment fil-kapital uman jitjieb u jsir iżjed effiċjenti, bl-għan li iktar nies ikollhom f’idejhom kompetenzi tajbin u rilevanti, li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet, li titwitta t-triq għal tranżizzjoni mingħajr intoppi mit-tagħlim għad-dinja tax-xogħol u għal impjegabbiltà kontinwa. It-titjib tal-prestazzjoni u tar-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ se jgħin biex jitrażżan l-influss ta’ persuni qiegħda ġodda. Għalhekk, l-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jeħtieġ jitwettaq skont is-Semestru Ewropew, bil-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u fit-Taħriġ (ET 2020) 15 , ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja 16 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol 17 .
(8)Bil-ħsieb li tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjieg, il-Linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 18 jappellaw għat-tnaqqis sinifikanti tal-qgħad strutturali u fit-tul permezz ta’ strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin, fosthom l-appoġġ attiv individwalizzat biex il-persuni qiegħda jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol.
(9)Il-linji gwida jappellaw biex l-Istati Membri jippromwovu l-impjegabbiltà billi jinvestu fil-kapital uman, permezz ta’ sistemi xierqa tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, sabiex ikunu effettivi u effiċjenti biex jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, il-linji gwida jappellaw speċifikament biex l-Istati Membri jħeġġu s-sistemi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, bħas-sistemi ta’ tagħlim imtenni, u jaġġornaw it-taħriġ professjonali. B’mod iktar ġenerali, il-linji gwida jitolbu li l-Istati Membri jqisu l-prinċipji tal-flessigurtà u jsaħħu l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol billi jkunu iżjed effettivi, immirati, jappellaw għan-nies, ikopru lil kulħadd u jinteraġġixxu mal-appoġġ għad-dħul u mal-għoti tas-servizzi soċjali.
(10)L-azzjonijiet li ġew proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu kompletament kompatibbli mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li nħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u l-implimentazzjoni tagħhom għandha sseħħ f’konformità sħiħa mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir.
(11)Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument finanzjarju prinċipali tal-Unjoni Ewropea għall-indirizzar tal-qgħad fit-tul. Għall-perjodu mill-2014 sal-2020, l-Istati Membri allokaw finanzjament sostanzjali biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol. Fondi oħra, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jistgħu wkoll jakkumpanjaw il-miżuri ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, f’konformità mal-allokazzjonijiet għall-prijoritajiet rilevanti ta’ investiment għall-perjodu mill-2014 sal-2020, jiġifieri bl-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi u bil-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u l-edukazzjoni vokazzjonali.
(12)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, tappella biex tittieħed azzjoni biex l-individwi jingħataw l-opportunità li juru dak li jkunu tgħallmu lil hinn mill-edukazzjoni u mit-taħriġ formali.
(13)Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu tal-2013 19 enfasizza li l-indirizzar tal-qgħad huwa l-iżjed sfida soċjali importanti u li huwa kruċjali li jitnaqqas il-qgħad fit-tul u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-ħaddiema li huma iktar imdaħħlin fiż-żmien.
(14)Il-Kunsill tal-Impjieg, tal-Politika Soċjali, tas-Saħħa u tal-Affarijiet tal-Konsumatur 20 ikkonkluda li l-qgħad fit-tul sar problema kritika li teħtieġ attenzjoni u azzjoni b’mod urġenti. Il-qgħad fit-tul ġie identifikat ukoll mill-Parlament Ewropew 21 u mill-Kunsill 22 bħala xkiel kbir għat-tkabbir.
(15)Għandhom jiġu żviluppati sforzi intensifikati għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li ntlaqtu l-iktar mill-qgħad fit-tul. Dan jeħtieġ li jimxi id f’id mar-reġistrazzjoni mtejba mas-servizzi tal-impjieg u ma’ aġenziji kompetenti oħra sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kopertura tal-miżuri ta’ appoġġ.
(16)Hemm bżonn li jiġu kkumplimentati l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ attivazzjoni li jiffukaw prinċipalment fuq il-bidu tal-perjodu ta’ qgħad. L-azzjoni speċifika għall-persuni li ilhom qiegħda trid tittieħed mhux iżjed tard mill-perjodu ta’ madwar 18-il xahar qgħad, peress li dan huwa ż-żmien meta l-mekkaniżmi u s-servizzi ta’ appoġġ għal dan il-grupp partikolari jinbidlu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
(17)Jeħtieġ li l-approċċi individwalizzati biex jiġu appoġġati l-persuni li ilhom qiegħda, jindirizzaw ix-xkiel li jwassal għal qgħad persistenti, u jaġġornaw u jakkumpanjaw il-valutazzjoni inizjali li ssir mar-reġistrazzjoni. Dan jiggwida lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg lejn is-servizzi ta’ appoġġ bħal konsulenza dwar id-dejn, ir-riabilitazzjoni, il-ħidma soċjali, is-servizzi tal-kura, l-integrazzjoni tal-migranti, l-akkomodazzjoni u l-appoġġ għat-trasport, li jindirizzaw l-ostakli għax-xogħol u jagħtu s-setgħa lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg biex jilħqu għanijiet ċari li jwasslu għal impjieg.
(18)Dan jiggwida lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg lejn is-servizzi ta’ appoġġ bħal konsulenza dwar id-dejn, ir-riabilitazzjoni, il-ħidma soċjali, is-servizzi tal-kura, l-integrazzjoni tal-migranti, l-akkomodazzjoni u l-appoġġ għat-trasport, li jindirizzaw l-ostakli għax-xogħol u jagħtu s-setgħa lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu impjieg biex jilħqu għanijiet ċari li jwasslu għal impjieg.
(19)Inizjattivi reċenti ta’ politika bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ 23 jappellaw għal ħidma fi sħubija bħala metodu ġdid għat-twettiq tal-politika soċjali u tal-impjieg. L-għoti ta’ servizz integrat huwa kruċjali, b’mod partikolari fl-Istati Membri li fihom ir-responsabbiltajiet għall-appoġġ tal-persuni li ilhom qiegħda huma maqsuma bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, l-aġenziji tas-sigurtà soċjali u l-gvern lokali.
(20)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg ifisser ftehim bil-miktub bejn il-persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg u l-punt ta’ kuntatt waħdieni, bl-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn impjieg fis-suq tax-xogħol. Dawn il-ftehimiet, li jitfasslu sabiex jirriflettu s-sitwazzjoni individwali tal-persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg, jagħtu d-dettalji dwar pakkett ta’ miżuri individwalizzati li jkunu disponibbli fil-livell nazzjonali (is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-servizzi soċjali), u li jkollhom l-għan li jappoġġaw u li jagħtu s-setgħa lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg sabiex jgħelbu l-ostakli speċifiċi tagħhom għal impjieg. Il-ftehimiet jiddefinixxu l-għanijiet, l-iskedi taż-żmien, ir-responsabbiltajiet reċiproċi u l-klawsoli ta’ rieżami, u jindikaw il-miżuri disponibbli ta’ appoġġ attiv u ta’ appoġġ għad-dħul u s-servizzi disponibbli ta’ appoġġ soċjali. Il-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg jorbtu r-riċeviment tal-benefiċċji mal-parteċipazzjoni fil-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u fl-attivitajiet ta’ tfittxija ta’ impjieg, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti.
(21)L-azzjonijiet li ġew proposti f’din ir-Rakkomandazzjoni iqisu d-diversità tal-Istati Membri u l-punti differenti ta’ tluq tagħhom, fir-rigward tal-qagħda makroekonomika, tal-livell tal-qgħad fit-tul, il-qafas istituzzjonali u l-kapaċità tal-partijiet varji tas-suq tax-xogħol. Dawn jakkumpanjaw u jsaħħu mill-ġdid l-approċċ ta’ politika li attwalment huwa implimentat minn bosta Stati Membri, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ komponenti flessibbli bħall-approċċ individwalizzat, l-involviment ta’ min iħaddem u s-servizzi integrati.
(22)L-azzjonijiet li hemm f’din ir-Rakkomandazzjoni proposta josservaw kif jixraq, isaħħu u jintensifikaw id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari kif stipulat fl-Artikolu 29 u fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
Jappoġġaw ir-reġistrazzjoni tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg u jappoġġaw orjentazzjoni tal-miżuri ta’ integrazzjoni li tkun iktar qrib is-suq tax-xogħol. Jipprovdu valutazzjoni individwali lill-persuni rreġistrati li jkunu ilhom qiegħda. Joffru ftehim speċifiku ta’ integrazzjoni f’impjieg, għall-persuni li jkunu ilhom qiegħda, mhux iżjed tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda. Għal dak l-għan:
Ir-reġistrazzjoni
(1)Iħeġġu r-reġistrazzjoni tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda ma’ servizz tal-impjiegi, b’mod partikolari permezz tal-għoti mtejjeb ta’ informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli.
Il-valutazzjoni u l-approċċ individwali
Is-servizzi tax-xogħol, flimkien ma’ imsieħba oħra li jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jipprovdu gwida personalizzata lil dawk li huma kkonċernati.
(2)Jiżguraw li l-persuni kollha li jkunu ilhom qiegħda jingħataw valutazzjonijiet individwali ddettaljati u gwida mhux iktar tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda. Il-valutazzjoni għandha tkopri l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, l-ostakli għall-impjieg u l-isforzi preċedenti ta’ tfittxija ta’ impjieg.
(3)Jinfurmaw lill-persuni li jkunu ilhom qiegħda dwar l-offerti ta’ impjieg u dwar l-appoġġ disponibbli f’setturi differenti tal-ekonomija, f’reġjuni differenti u fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk tas-Servizzi Ewropej tal-Impjieg (EURES).
Il-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg
Il-persuni rreġistrati li jkunu ilhom qiegħda li ma jkunux koperti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jiġu offruti ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg mhux iżjed tard minn meta jagħlqu 18-il xahar qiegħda. Dan għandu jinkludi, minn tal-inqas, offerta ta’ servizz individwali li tkun immirata biex jinstab impjieg u l-identifikazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt waħdieni.
(4)Jagħmlu offerta li jkollha fil-mira l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda u tgħaqqad flimkien is-servizzi u l-miżuri pprovduti minn organizzazzjonijiet differenti fl-għamla ta’ ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg.
(a)L-offerta għandha tiddeskrivi l-għanijiet espliċiti u l-obbligi li l-persuna li tkun ilha qiegħda trid tissodisfa, fosthom it-teħid ta’ passi attivi biex jinstab impjieg, l-aċċettazzjoni ta’ offerti ta’ xogħol adattat, l-attendenza u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, u l-miżuri għall-kwalifiki jew għax-xogħol.
(b)L-offerta għandha tispjega wkoll lill-persuni li jkunu ilhom qiegħda, x’inhuma l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi. Skont iċ-ċirkostanzi individwali, dan l-appoġġ jista’ jinkludi l-assistenza għat-tfittxija ta’ impjieg, il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, ir-riabilitazzjoni, il-konsulenza u l-gwida, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-esperjenza tax-xogħol u s-servizzi ta’ appoġġ soċjali bħall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija, is-servizzi tal-kura fit-tul u tas-saħħa, il-konsulenza dwar id-dejn, l-akkomodazzjoni u l-appoġġ għat-trasport.
(5)Jistabbilixxu l-arranġamenti legali u istituzzjonali biex tiġi żgurata l-kontinwità u biex tingħata offerta ta’ servizz kkoordinat permezz ta’ punt ta’ kuntatt waħdieni li għandu jipprovdi l-konsulenza lill-benefiċjarji u aċċess issimplifikat għall-benefiċċji soċjali, għall-impjieg u għas-servizzi ta’ appoġġ soċjali.
Jiffaċilitaw t-trażmissjoni sigura u mingħajr intoppi tat-tagħrif rilevanti bid-dettalji dwar l-appoġġ li jkunu rċevew il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg u tal-valutazzjonijiet individwali bejn il-fornituri tas-servizzi, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, biex b’hekk tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz.
Jipprovdu s-servizzi kollha involuti bit-tagħrif rilevanti dwar il-postijiet tax-xogħol li jkunu battala u dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ. Jiżguraw li dan jasal għand il-persuni li jkunu ilhom qiegħda, irrispettivament minn min ikun qiegħed jipprovdi s-servizz.
(6)Jissorveljaw regolarment il-ftehim ta’ integrazzjoni f’impjieg fid-dawl tal-bidliet fis-sitwazzjonijiet individwali, u jekk ikun neċessarju, jiġi adattat il-ftehim biex jiġi żgurat li titwitta t-triq lura fis-suq tax-xogħol.
Rabtiet iktar mill-qrib ma’ min iħaddem
(7)Jistabbilixxu sħubijiet bejn min iħaddem, l-imsieħba soċjali, is-servizzi tal-impjieg, l-awtoritajiet tal-gvern u s-servizzi soċjali sabiex jiġi żgurat li l-offerti jkunu mmirati għall-bżonnijiet reali tal-impriżi u tal-impjegati.
(8)Jiżviluppaw servizzi għal min iħaddem bħall-iskrinjar tal-postijiet tax-xogħol battala, bħall-appoġġ ta’ kollokament, bħall-għoti ta’ pariri u bħat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u bħall-appoġġ ta’ wara l-kollokament sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.
(9)Jiffukaw l-inċentivi finanzjarji fuq skemi li jappoġġaw l-integrazzjoni diretta fis-suq tax-xogħol, fosthom is-sussidji għar-reklutaġġ u l-eżenzjonijiet mill-ħlas tal-bolla, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol.
Il-valutazzjoni u l-monitoraġġ
(10)Fi ħdan il-Kumitat tal-Impjiegi, sa … [fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni], ifasslu sensiela ta’ indikaturi u ta’ linji gwida għall-monitoraġġ tal-evalwazzjonijiet nazzjonali, inkluż mekkaniżmu ta’ rappurtar. L-indikaturi għandhom jippermettu li ssir analiżi dwar kemm minn dawk li jkunu ilhom qiegħda reġgħu kisbu impjieg, dwar jekk l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hijiex sostenibbli, u dwar l-użu u l-impatt tal-ftehimiet ta’ integrazzjoni f’impjieg.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:
(11)Tħeġġeġ il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg b’rabta mal-integrazzjoni tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol, il-qsim tal-esperjenzi u l-iskambju tal-prattiki tajbin skont il-proċess ta’ tagħlim komparattiv tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg, stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 573/2014/UE.
(12)Tikkoopera mal-Istati Membri biex isir l-aqwa użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, skont il-prijoritajiet tagħha ta’ investiment rilevanti għall-programmi tal-perjodu mill-2014 sal-2020.
(13)Tappoġġa u tikkoordina l-inizjattivi u l-alleanzi volontarji tal-kumpaniji involuti fl-integrazzjoni tal-persuni li jkunu ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.
(14)Tappoġġa l-proġetti ta’ innovazzjoni soċjali biex il-persuni li jkunu ilhom qiegħda jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari permezz tat-taqsima dwar il-Progress tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u għall-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).
(15)Tevalwa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, u tirrapporta lill-Kunsill sa … [tliet snin wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni] dwar it-tagħlimiet meħuda.
Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riformi, ĠU 215/C 272, 18.8.2015