Brussell, 2.9.2015

COM(2015) 419 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Lejn is-Summit Umanitarju Dinji: Sħubija globali għal azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji u effettiva

{SWD(2015) 166 final}


I.Is-Summit Umanitarju Dinji — it-tfassil mill-ġdid tal-azzjoni umanitarja f’xenarju li qed jinbidel

a)Introduzzjoni

Fit-23-24 ta’ Mejju 2016 is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) se jlaqqa' f'Istanbul l-ewwel Summit Umanitarju Dinji li qatt sar. Is-summit huwa r-rispons għal żieda mingħajr preċedent tal-għadd ta' persuni milquta mill-kunflitti u minn diżastri naturali, inkluż l-akbar għadd ta' spostamenti mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn. Is-summit jippreżenta opportunità unika lill-komunità dinjija biex tistabbilixxi kunsens internazzjonali li jafferma mill-ġdid il-prinċipji tal-għajnuna umanitarja u t-tisħiħ tal-azzjoni umanitarja. Is-summit ser ilaqqa' flimkien il-gvernijiet, id-donaturi, l-organizzazzjonijiet implimentattivi, 1 is-settur privat u r-rappreżentanti ta’ popolazzjonijiet milquta li, fejn meħtieġ, għandhom jikkommettu ruħhom għal modi aktar effikaċi biex jaħdmu flimkien għall-għan komuni li jiġu salvati l-ħajjiet u li tittaffa s-sofferenza. Bħala riżultat ta’ dan, is-summit ser tinfluwenza, u possibbilment anke tibdel, il-modus operandi umanitarju sabiex dawk fil-bżonn jiġu moqdija aħjar.

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha huma donaturi umanitarji kbar. Flimkien, dawn jikkostitwixxu formulatur ta' politiki ewlieni b’esperjenza operattiva globali. Dawn huma mistennija minn ħafna partijiet ikkonċernati li jikkontribwixxu għas-suċċess tas-summit. Din il-Komunikazzjoni, li tibni fuq il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, 2 tfisser il-viżjoni tal-Unjoni għat-tfassil mill-ġdid tal-azzjoni umanitarja u tipproponi rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġi approvati mis-summit. Il-messaġġ fundamentali huwa li jinbnew u jissaħħu s-sħubiji fost għadd kbir ta’ atturi. Huwa biss permezz ta’ azzjoni koordinata u konnessa li l-komunità globali tkun tista’ twieġeb għad-diżastri u l-kriżijiet dejjem jiżdiedu u multidimensjonali li jeżiġu l-assistenza umanitarja.

b)Xenarju umanitarja li qed jinbidel

Matul dawn l-aħħar 25 sena il-kriżijiet umanitarji żdiedu fl-għadd, fil-kumplessità u fis-severità. Fl-2014, kien hemm aktar minn 400 kunflitt li kienu mmotivati politikament li kellhom impatt fuq il-ħajja ta’ 50 miljun ruħ. Aktar minn 40 minn dawn il-kunflitti kienu jinvolvu gwerra konvenzjonali jew terroriżmu 3 . Ħafna minnhom kienu ispirati ideoloġikament u kellhom riperkussjonijiet reġjonali drammatiċi b’effetti diretti fuq l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, fuq il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet milquta u fuq is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji. In-nuqqas ta’ rieda fost xi atturi biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi tfisser li dawn il-kriżijiet twalu u ġġeneraw il-bżonn għal għajnuna umanitarja għal snin jekk mhux deċennji.

Id-diżastri naturali — uħud relatati mal-bidla fil-klima u marbuta max-xejriet il-kbar, bħal pereżempju l-iskarsezza tal-ilma, l-urbanizzazzjoni u l-pressjonijiet demografiċi — għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ 100 miljun ruħ kull sena. 4 Ħafna minn dawn id-diżastri jerġgħu jseħħu qabel ma l-komunitajiet ikollhom l-opportunità li jerġgħu jinbnew.

Il-fraġilità soċjali u ekonomika tkompli talimenta l-kriżijiet umanitarji. Mill-1990 'l hawn, il-proporzjon tal-persuni estremament foqra jgħixu fi stati fraġli — fejn il-gvernijiet mhumiex kapaċi jew ma jridux jipprovdu servizzi bażiċi jew l-ugwaljanza soċjali — żdied. Dan ifisser li llum aktar minn 250 miljun ruħ huma diġà affettwati minn, jew esposti għall-kriżijiet umanitarji 5 .

Dawn ix-xejriet, u l-interdipendenza tagħhom, wasslu għal tbatija umana qatt bħalha u għal ammont rekord ta' ħtiġijiet umanitarji . F’nofs l-2015, kważi 79 miljun ruħ f’37 pajjiż huma fil-bżonn ta’ għajnuna umanitarja, inklużi aktar minn 59 miljun persuna spostata 6 .

Is-sistema umanitarja qed tiffaċċja sfida biex tagħmel aktar, għal aktar nies, u bi spiża akbar. Minħabba l-iskala tal-kriżijiet u d-diżastri tal-lum, il-finanzjament sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet umanitarji ma jistax ilaħħaq, minkejja kontribuzzjonijiet rekord mid-donaturi. 7

Iżda, ix-xenarju umanitarju nbidel mhux biss minħabba li l-isfidi mmultiplikaw. Huwa qed jevolvi wkoll minħabba li għadd akbar ta’ atturi aktar differenti qed jikkontribwixxu għall-isforzi umanitarji. Dan iġib riżorsi addizzjonali, iżda wkoll jibdel il-mod kif il-komunità umanitarja tippjana, tikkoordina u tirrispondi 8 . Konsegwentement, is-sistema koordinata tan-NU trid tadatta ruħha biex tibqa' rilevanti u tikkontribwixxi valur miżjud. Minkejja l-progress li sar bħala riżultat tar-riforma umanitarja tal-2005 u l-Aġenda Trasformattiva tal-2011, 9 is-sistema xorta spiss ma tilħaqx l-aspettattivi rigward it-tmexxija, il-koordinazzjoni u r-responsabbiltà. Fuq kollox, ma tistax tibqa’ titqies bħala grupp żgħir ta’ organizzazzjonijiet u donaturi mmexxija minn “valuri tal-Punent”. Is-summit għandu b’hekk jirrikonoxxi u jħaddan id-diversità tal-atturi umanitarji, filwaqt li jikkonferma mill-ġdid il-prinċipji umanitarji u jindirizza n-nuqqasijiet fl-azzjoni umanitarja.

II.Rakkomandazzjonijiet ewlenin għas-Summit Umanitarju Dinji

Firxa wiesgħa ta’ atturi umanitarji pparteċipaw fit-tħejjijiet għas-summit u qasmu l-ideat tagħhom dwar it-titjib tal-għajnuna umanitarja. Din il-Komunikazzjoni tibni fuq dawn id-diskussjonijiet. Hija tirrakkomanda sħubija globali biex tissaħħaħ is-solidarjetà tal-komunità dinjija mal-vittmi ta’ kunflitti u diżastri, bl-użu tal-prinċipji umanitarji bħala punt tat-tluq u billi tisħaq fuq titjib konkret tas-sistema umanitarja. Ir-rakkomandazzjonijiet huma komplementari u interkonnessi u għandhom għan wieħed: li l-komunità umanitarja tkun tista' taħdem flimkien lejn l-għanijiet komuni tagħha li jiġu salvati l-ħajjiet, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u d-diżastri, u li jkun jista' jsir l-irkupru.

1.Sħubija globali għal azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji

`)Ir-riaffermazzjoni tal-valuri li jirfdu l-għajnuna umanitarja u l-impenn għall-azzjoni

Il-valuri ta’ dinjità, integrità u s-solidarjetà huma universali. Huma ċentrali għall-kulturi kollha, irrispettivament mill-ġeografija, l-etniċità jew ir-reliġjon. Il-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza huma espressjoni konkreta ta’ dawn il-valuri komuni 10 . Huma wkoll ħtieġa operattiva li jgħinu biex jingħata aċċess għall-assistenza, sabiex jiġu protetti dawk li huma l-aktar vulnerabbli u sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji.

Madankollu, minħabba li għadhom ma nstabux soluzzjonijiet komprensiv għall-kriżijiet, dawn il-valuri bażiċi qed jiġu dejjem aktar imwarrba. Dan huwa rifless fiż-żieda tal-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra rratifikati universalment u l-inkapaċità li għandhom l-Istati u l-komunità internazzjonali li jżommu responsabbli lil dawk li jwettquh.

Il-biċċa l-kbira tal-ħidma umanitarja ssir f’kunflitti fil-kuntest ta’ ambjent politiku fraġli u żvilupp soċjoekonomiku dgħajjef. Ir-riżoluzzjoni ta’ konflitti li jikkawżaw tbatija umana mhijiex il-kompitu tar-rispons umanitarju. Madankollu, l-atturi umanitarji għandhom jifhmu l-ambjent politiku u soċjoekonomiku li joperaw fih. Filwaqt li huwa ċar li l-għajnuna umanitarja la hija għodda politika jew militari u lanqas għodda biex tinbena l-paċi, l-atturi umanitarji jridu jaħdmu ma’ oħrajn — u jġibu għall-attenzjoni tagħhom l-atroċitajiet tal-kriżijiet umanitarji — biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa. 11

Rakkomandazzjoni:

Is-summit jippreżenta opportunità unika għal tiġdid tal-impenn kollettiv li jikkonferma r-responsabbiltà kollettiva tagħna biex inħarsu l-ħajja umana u nwasslu l-għajnuna umanitarja. Għandha ssejjaħ biex jinġabru l-mezzi kollha, kemm jekk huma ta’ natura politika, ta' żvilupp jew umanitarja, għal dan l-għan mill-atturi rispettivi. Ir-riżultat tas-summit għandu jikkonferma l-pedamenti komuni: il-valuri ta’ dinjità, integrità u solidarjetà; il-prinċipji umanitarji; ir-rispett tal-obbligi skont id-dritt umanitarju internazzjonali; u l-impenn li l-ħidma umanitarja tinżamm 'lil hinn mill-aġendi politiċi.

a)L-iżgurar ta’ aċċess

L-esperjenza operattiva turi li l-prinċipji umanitarji tabilħaqq jiffaċilitaw l-aċċess. L-aċċess huwa primarjament dwar il-fatt li n-nies ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna, u l-iffaċilitar tal-aċċess tal-atturi umanitarji għal dawk milquta huwa prerekwiżit fundamentali tal-għajnuna umanitarja.

Madankollu, in-natura tal-kunflitti wasslet għal żieda fl-attakki fuq il-persunal umanitarju u s-serq ta’ assi. Konsegwentement, ħafna reġjuni milquta inbidlu f’żoni fejn il-ħaddiema umanitarji ma jistgħux imorru. Bħala riżultat ta' dan, il-popolazzjonijiet vulnerabbli huma regolarment imċaħħda mill-aċċess għall-għajnuna. Għandu jsir kull sforz biex jiżdied l-għarfien dwar il-valuri universali li jirfdu l-azzjoni umanitarja, b’mod partikolari fi stati fraġli. Id-djalogu mal-partijiet fil-kunflitt, speċjalment mal-atturi mhux tal-istat, għandu jerġa’ jiffoka fuq il-bżonnijiet oġġettivi tal-persuni milquta.

Xi gvernijiet ospitanti jew atturi mhux tal-istat jostakolaw l-aċċess umanitarju billi jimponu restrizzjonijiet fuq il-moviment kif ukoll jimponu ostakli burokratiċi fuq il-ħaddiema u l-provvisti jew billi ma jiżgurawx il-protezzjoni tagħhom. Il-ħidma li għaddejja mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali dwar il-“Protezzjoni ta’ persuni fil-każ ta’ diżastri” għandha tipprovdi gwida f’dan ir-rigward 12 . Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet implimentattivi xi kultant joqogħdu lura milli jkunu preżenti f’żoni diffiċli. Barra minn hekk, f’xi sitwazzjonijiet, il-miżuri kontra t-terroriżmu ta' ċerti gvernijiet id-donaturi jistgħu potenzjalment jolqtu l-ħidma tal-atturi umanitarji, li jistgħu jiffaċċjaw dilemma bejn li ma jweġbux għall-ħtiġijiet umanitarji jew ir-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali. Bħala riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet, it-twassil ta' assistenza kritika jkun hemm jew jista' jkun irregolari.

Rakkomandazzjonijiet

L-atturi umanitarji għandhom jimpenjaw ruħhom fi djalogu u sostenn aktar b’saħħtu mal-partijiet fil-konflitti sabiex jiżguraw l-aċċess, il-protezzjoni u s-sigurtà. Il-komunitajiet lokali, u s-soċjetà ċivili lokali b’mod partikolari, għandhom ikunu mħeġġa u mogħtija s-saħħa li jippromwovu mal-partijiet fil-kunflitt il-valuri universali li jirfdu l-azzjonijiet umanitarji.

Il-gvernijiet għandhom l-ewwel u qabel kollox jiżguraw ambjent sigur u mingħajr periklu għall-azzjoni umanitarja. Huma għandhom ukoll ikollhom fis-seħħ qafas legali u ta’ politika xierqa biex jiffaċilita l-aċċess umanitarju: a) għall-persunal li jkun qed iwassal l-għajnuna: dak li jirrigwarda privileġġi u immunitajiet, ir-rekwiżiti tal-viża u tad-dħul, permessi tax-xogħol, il-libertà ta’ moviment; kif ukoll il-faċilità li tittieħed azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu; b) għal tagħmir u oġġetti rigward: rekwiżiti doganali u tariffi, tassazzjoni u trasport.

L-organizzazzjonijiet implimentattivi għandhom iżidu l-preżenza tagħhom f’reġjuni mbiegħeda u perikolużi sabiex jiżguraw il-prossimità għall-popolazzjonijiet milquta. Dan jeħtieġ protokolli ta' sigurtà li huma stretti iżda li jabilitizzaw, l-iskjerament ta’ persunal ikkwalifikat u mħarreġ, u kooperazzjoni ma’ dawk li għandhom aċċess.

b)Il-protezzjoni titpoġġa fil-qalba tar-rispons umanitarju

Minħabba l-kriżijiet umanitarji l-popolazzjonijiet milquta spiss isiru vulnerabbli għall-isfruttament u t-trattament ħażin. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni għall-prinċipji umanitarji u l-liġi umanitarja internazzjonali jesponihom għal aktar insigurtà, diskriminazzjoni, abbuż jew theddid għall-ħajja. It-tfal, in-nisa u t-tfajliet, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità huma ħafna drabi l-aktar vulnerabbli. Għandu jkun enfasizzat li l-Istati għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jipproteġu lill-persuni milquta minn kriżijiet umanitarji. Iżda meta jonqsu jew jekk huma stess iwettqu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, l-atturi umanitarji għandhom id-dmir li jaġixxu.

Il-protezzjoni tan-nies għadha ma ġietx indirizzata fl-azzjoni umanitarja sal-limitu li għandha tkun 13 . Dan huwa r-riżultat ta’ fatturi bħal pereżempju n-nuqqas ta’ direzzjoni strateġika, kapaċità limitata, interpretazzjonijiet diverġenti ta’ protezzjoni, u n-nuqqas ta' konnessjoni mal-komunitajiet milquta fl-ambjenti ta’ konflitt. Għandha tiġġedded is-sejħa biex il-protezzjoni titqiegħed iċ-ċentru tar-rispons umanitarju. Filwaqt li huma bbażati biss fuq il-bżonnijiet, l-attivitajiet umanitarji għandhom jimmiraw biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-individwi kollha f’konformità mad-dritt internazzjonali umanitarju, mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi dwar ir-refuġjati. Fl-istess ħin l-azzjoni umanitarja għandha tappoġġa, u mhux tkun sostitut għal, mekkaniżmi ta' protezzjoni effikaċi bbażati fil-komunità li jkunu diġà jeżistu.

L-atturi umanitarji waħedhom ma jistgħux jiżguraw il-protezzjoni tal-benefiċjarji. Għandhom jiġu stabbiliti rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-atturi umanitarji u l-komunità tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, jrid ikun ċar li l-azzjoni umanitarja għandha tibqa’ newtrali, imparzjali u indipendenti sabiex jiġi evitat li l-popolazzjoni milquta u l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna jiġu milquta minn attakki mill-partijiet fil-kunflitt, u jkun hemm ir-riskju li jiċċaħħad l-aċċess 14 .

Rakkomandazzjonijiet:

Il-komunità umanitarja għandha sistematikament tintegra l-protezzjoni fir-rispons umanitarju, billi tikkunsidra l-vulnerabbiltajiet u l-kapaċitajiet ta’ gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni f’ċerti kuntesti u t-theddidiet li jħabbtu wiċċhom magħhom. L-organizzazzjonijiet implimentattivi, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni rilevanti bħalma huma timijiet jew raggruppamenti umanitarji tal-pajjiżi, għandhom jiżviluppaw strateġiji ta’ protezzjoni komprensivi li jkopru l-analiżi, l-ipprogrammar u l-monitoraġġ, u għandu jkollhom persunal li jaħdem speċifikament fuq il-protezzjoni.

Il-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet umanitarji u dawk tad-drittijiet tal-bniedem, li huma t-tnejn atturi tal-protezzjoni, għandha tissaħħaħ. Madankollu, il-persunal umanitarju għandu jibqa' eżentat minn rekwiżiti ta’ rrappurtar li jista' jikkomprometti n-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza tiegħu, jew ikun ta’ detriment għall-aċċess.

2.Sħubija globali għal azzjoni umanitarja effettiva

a)Sħubija globali dwar l-elementi bażiċi tal-effettività umanitarja

Ix-xenarju umanitarju li qed jinbidel jirrikjedi li l-komunità umanitarja tkun ħafna aktar effettiva milli hi llum. L-ebda kriżi umanitarja hija l-istess is-sitwazzjonijiet ivarjaw. Madankollu, f’ħafna aspetti, is-sistema umanitarja għadha ssegwi approċċ ta' wieħed tajjeb għal kulħadd, li mhux dejjem jissodisfa b’mod adegwat il-ħtiġijiet jew jiżgura l-aħjar riżultati ta' effiċjenza. Barra minn hekk, attwalment ma hemm l-ebda valutazzjoni komparattiva tal-ħtiġijiet umanitarji. Is-sistema kurrenti tinvolvi ġbir ta’ dejta multiplu u analiżijiet differenti li jwasslu għal valutazzjonijiet li jvarjaw u kompetizzjoni għall-fondi. Dawn l-ineffiċjenzi ma jistgħux ikomplu.

Azzjoni umanitarja effettiva teħtieġ informazzjoni affidabbli diżaggregata dwar il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet disponibbli, inklużi l-atturi mhux tradizzjonali jekk jagħmlu kontribut rilevanti. Dan jeħtieġ il-ġbir sistematiku tad-dejta minn dawk preżenti fuq il-post. Ladarba d-dejta tinġabar, għandha titqassam fost l-atturi umanitarji u tiġi użata għal analiżi konġunta u koordinata tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet.

Il-kwalità, ir-riżultati, il-kost-effiċjenza u r-responsabbiltà għall-popolazzjonijiet milquta huma wkoll elementi ċentrali tal-effettività umanitarja. Hemm bżonn ta’ għodod komuni biex jitkejjel jekk l-assistenza tindirizzax il-ħtiġijiet reali u l-impatt mistenni. B’mod parallel, sabiex jiġi massimizzat l-ilħuq u r-rilevanza tal-azzjoni, għandu jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-opinjonijiet tal-popolazzjonijiet milquta, b’mod partikolari n-nisa, ikunu kkunsidrati matul ir-rispons. Dawn l-isforzi kollha għandhom ikunu mirfuda minn traċċar finanzjarju li jiffunzjona, jekk ikun possibbli sal-livell ta’ għajnuna attwali mogħtija lill-benefiċjarji, biex jiġu evitati l-lakuni u d-duplikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dan l-approċċ għandu jiffaċilita l-evalwazzjoni tar-riżultati biex isir aktar titjib.

Ir-riċerka, l-innovazzjoni, u soluzzjonijiet xjentifiċi jistgħu jgħinu biex tittejjeb l-effettività tal-azzjoni umanitarja, kemm fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll fit-twassil tal-għajnuna. Minbarra s-sħubijiet tradizzjonali, il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, netwerks ta’ riċerka, komunitajiet xjentifiċi, u s-settur privat hija kruċjali f’dan ir-rigward.

L-effettività umanitarja tirrikjedi li r-responsabbiltà kollettiva tieħu prijorità fuq l-interessi istituzzjonali individwali. Huwa biss permezz tal-ippuljar tal-għarfien, tal-kompetenzi u tar-riżorsi kollha li l-komunità umanitarja tkun tista’ tikseb impatt akbar. Is-sistema tan-NU għandha tkun parti integrali minn dan l-isforz u l-partijiet individwali tagħha għandhom iwettqu l-mandati tagħhom f’manjiera kkoordinata u effiċjenti. Jekk le, se jkun hemm il-bżonn li jiġu riveduti l-metodi attwali ta’ ħidma biex tinstab aktar effettività. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Trasformattiva tibqa’ kruċjali f’dan ir-rigward.

Rakkomandazzjonijiet:

Il-komunità umanitarja għandha tiżviluppa sett komprensiv ta' ideat għall-effettività umanitarja sabiex tiffaċilita ċ-ċiklu ta’ rispons kollu. L-atturi kollha involuti fir-rispons umanitarju għandhom jalimentaw dan il-qafas u jużawh. Dan jista' jinkludi:

repożitorju ta’ dejta kondiviża dwar il-ħtiġijiet, ir-riskji, il-vulnerabbiltajiet u l-aċċess;

inventarju ta’ kapaċitajiet disponibbli;

pjattaforma għall-analiżi ta’ riskju konġunt u għall-koordinazzjoni ta’ valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet;

bażi tad-dejta għal ittraċċar sħiħ tal-allokazzjonijiet finanzjarji kollha mis-sorsi kollha u dwar is-sottokuntrattar li l-imsieħba lokali sal-benefiċjarji;

indikaturi komuni tal-kwalità;

indikaturi komuni tar-riżultati;

evalwazzjoni tar-riżultati u tal-impatt;

u riċerka.

Id-donaturi għandhom jeħtieġu li l-organizzazzjonijiet implimentattivi jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, filwaqt li jqisu l-kuntest u l-kapaċitajiet, l-użu ta’ dejta diżaggregati u l-indikaturi tal-kwalità. Id-donaturi għandhom jużaw valutazzjonijiet bħal dawn f’deċiżjonijiet dwar l-allokazzjonijiet tal-finanzjament. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom ukoll sabiex jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi tar-rappurtar kuntrattwali tagħhom, filwaqt li jikkonformaw mal-obbligi legali u tiġi żgurata r-responsabbiltà lill-kostitwenzi tagħhom. L-organizzazzjonijiet implimentattivi għandhom jirrappurtaw fuq il-kwalità u r-riżultati.

Id-donaturi għandhom jimpenjaw ruħhom għal inklużjoni sistematika ta’ responsabbiltà għall-popolazzjonijiet milquta fi programmi ffinanzjati minnhom. L-organizzazzjonijiet implimentattivi għandhom jistabbilixxu standards dwar l-involviment tal-popolazzjonijiet milquta matul iċ-ċiklu tar-rispons, inklużi approċċi sensittivi għal gruppi speċifiċi, u jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati.

In-NU u organizzazzjonijiet implimentattivi oħra rrappreżentati fuq il-Kumitat Permanenti Interaġenziji (IASC) għandhom juru l-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Trasformattiva, u l-applikazzjoni tagħha minn hemm’ il quddiem. Id-donaturi għandhom jimmonitorjaw u jinċentivaw din l-implimentazzjoni u għandhom jikkunsidraw f’liema oqsma rieżami tal-metodi ta’ ħidma umanitarja internazzjonali jew l-arkitettura ikun meħtieġ biex ikunu żgurati r-riżultati.

b)Sħubija ma’ atturi lokali, nazzjonali u reġjonali: sussidjarjetà u solidarjetà

L-effettività umanitarja teħtieġ ukoll użu aħjar tal-firxa sħiħa ta’ kapaċitajiet disponibbli mill-atturi kollha. Is-sistema umanitarja internazzjonali, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni 46/182 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, hija bbażata fuq il-premessa li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà ewlenija biex jintlaħqu l-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjonijiet milquta. Bosta atturi lokali, nazzjonali u reġjonali, speċjalment f’pajjiżi bi dħul medju, tejbu l-kapaċità tagħhom biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, b’mod partikolari id-diżastri naturali. Ir-rwol dejjem jikber ta’ dawn l-atturi għandu jiġi rikonoxxut b’mod aktar ċar fil-mod kif ir-rispons internazzjonali huwa mfassal, ikkoordinat u implimentat.

L-għajnuna umanitarja għandha tkun ibbażata fuq iż-żewġ prinċipji tas-sussidjarjetà u s-solidarjetà, bl-atturi lokali, nazzjonali u reġjonali bħala l-persunal tal-ewwel intervent, u l-komunità internazzjonali tintervjeni b’appoġġ komplimentari, fejn meħtieġ. Il-komunità internazzjonali għandha taġixxi biss meta l-kapaċità tal-persunal ta' intervent lokali tkun f’diffikultà, meta dawn l-atturi ma jkunux iridu jew ma jkunux jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet kollha milquta, jew meta ma jkunux jistgħu jevitaw li l-effetti sekondarji ta’ emerġenza jinfirxu fil-pajjiżi ġirien.

Is-sistema internazzjonali teħtieġ tkun konnessa ma’ grupp usa’ ta’ persunal ta' intervent, u trid tkun inklussiva sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-atturi rilevanti kollha, skont l-ispeċifiċitajiet ta’ kull kriżi. Għandu jkun hemm sforz komuni biex titrawwem l-interazzjoni u l-interoperabilità sabiex jiġu mminimizzati n-nuqqasijiet u d-duplikazzjonijiet. Sabiex dan ikun effikaċi, il-komunità globali tista’ tikkunsidra l-possibilità ta’ inventarju dinji komprensiv ta’ assi li jistgħu jiġu invokati f’każ ta' rispons. Bl-istess mod, għandu jkun hemm sforz mill-gvernijiet u mill-atturi ta’ implimentazzjoni kollha biex jiġu żgurat li l-azzjonijiet tagħhom ikunu kompatibbli ma’ standards internazzjonali ewlenin.

Dan l-approċċ jeħtieġ fehim ċar ta’ meta u sa liema punt għandha tintervjeni s-sistema umanitarja internazzjonali. Pereżempju, il-ksur tal-prinċipji umanitarji u d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jkun indikazzjoni ċara biex tiġi attivata l-assistenza internazzjonali fil-qadi tal-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet milquta.

Il-gvernijiet u l-atturi għall-iżvilupp — bl-għajnuna tal-komunità umanitarja — għandhom jinvestu fil-bini ta' kapaċità lokali sostenibbli sabiex il-komunitajiet lokali ikunu jistgħu jifilħu għall-konsegwenzi ta’ diżastru u biex jiffaċilitaw ir-rispons umanitarju. L-organizzazzjonijiet reġjonali għandhom jappoġġaw dawn l-isforzi billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-għarfien u jikkoordinaw l-għajnuna bejn l-Istati. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni differenti tad-dinja fil-ġestjoni tad-diżastri u fir-rispons għall-kriżijiet tista’ tkompli ssaħħaħ l-interoperabbiltà, tnaqqas l-impatti tal-kriżijiet, ittejjeb l-ippjanar u tħejji aħjar għall-kriżijiet u d-diżastri.

Rakkomandazzjonijiet:

Strutturi ta’ koordinazzjoni ffaċilitati internazzjonalment u nazzjonalment għandhom jinkludu l-atturi kollha involuti f’kull ripons speċifiku. Dan jista’ jsir, pereżempju, billi jinfetħu t-timijiet jew ir-raggruppamenti umanitarji nazzjonali tal-IASC. Fil-każ li ma tkunx possibbli l-kooperazzjoni fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti, l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) għandu jiffaċilita metodi oħra biex tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi.

Ir-rispons umanitarju għandu primarjament ikun ibbażat fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-solidarjetà. Għandhom ikunu stabbiliti valutazzjonijiet tar-riskju jew analiżi tal-fraġilità għall-pajjiżi kollha. Għandha tingħata ħarsa ġenerali fuq l-istat ta’ tħejjija u l-kapaċitajiet ta’ rispons tal-atturi lokali, nazzjonali, reġjonali, u internazzjonali rilevanti. Fuq il-livell internazzjonali, dan l-immappjar tad-diversi partijiet interessati jista' jkun iffaċilitat mill-OCHA.

Il-komunità umanitarja għandha tiżviluppa gwida dwar xenarji speċifiċi għall-kuntest li jiċċaraw ir-rwoli tal-persunal ta’ intervent u jiġu stabbiliti l-iskattaturi għall-assistenza internazzjonali. Dan għandu jkun akkumpanjat minn mekkaniżmu li jiżgura dixxiplina fl-applikazzjoni sistematika ta’ dawn l-approċċi differenti. L-OCHA jista’ jiffaċilita tali proċess f’kooperazzjoni mal-imsieħba rilevanti.

Il-gvernijiet u d-donaturi għandhom jappoġġaw il-bini tal-kapaċità tal-persunal lokali ta' intervent u għandhom iqisu li jappoġġawhom, fejn xieraq, matul ir-rispons.

L-organizzazzjonijiet reġjonali għandhom ikunu appoġġati biex jiġi stabbilit netwerk għall-iskambju tal-esperjenzi u għall-eżerċizzji ta’ taħriġ. L-organizzazzjonijiet reġjonali għandhom ikunu inkoraġġiti jinkludu dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà fil-mandati tagħhom sabiex jipprovdu għajnuna lill-membri milquta minn diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem.

c)Sħubija mad-donaturi, mas-settur privat, mal-organizzazzjonijiet tal-karità, mal-fondazzjonijiet u mal-organizzazzjonijiet implimentattivi għal finanzjament umanitarju effiċjenti u suffiċjenti

L-eżiti umanitarji jrid jkollhom biżżejjed riżorsi. Dan għandu jiġi indirizzat b’żewġ modi: billi jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti ta’ kull euro ta’ għajnuna u billi titwessa’ l-bażi ta’ finanzjament.

L-ineffiċjenzi reali u perċepiti fl-infiq umanitarju jistgħu jkunu ta' theddida kemm għall-impatt kif ukoll għall-kredibbiltà tar-rispons umanitarju. Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita stampa kompleta u koerenti tal-ħtiġijiet kollha li, min-naħa tagħha tagħti appoġġ biex ikun hemm koordinazzjoni akbar tal-appelli u jitjieb l-ippjanar tal-kontinġenza finanzjarja. L-inkoraġġiment ta' metodi ta’ twassil innovattivi, bħal approċċi bbażati fuq il-flus kull fejn ikun xieraq għall-kuntest, jista’ jnaqqas l-ispejjeż ġenerali u l-kosti tal-unitajiet u tat-tranżazzjonijiet. Dawn l-azzjonijiet kollha jeħtieġu sħubijiet mill-qrib bejn ir-rappreżentanti tal-benefiċjarji, l-organizzazzjonijiet implimentattivi, u d-donaturi, u mas-settur privat.

Filwaqt li huwa essenzjali li titjieb l-effiċjenza tal-iffinanzjar umanitarju, huwa ċar li l-livelli ta’ finanzjament attwali mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet umanitarji madwar id-dinja. Il-kriżijiet fit-tul huma partikolarment milquta, għaliex il-profil pubbliku tagħhom jisfuma hekk kif jibdew jiddominaw emerġenzi ġodda.

Is-sistema sofriet minn dipendenza żejda fuq ftit donaturi. Filwaqt li d-donaturi, li mhumiex membri tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD (DAC), u s-settur privat inklużi karitajiet u fondazzjonijiet f’xi kriżijiet kienu strumentali biex l-affarijiet jieħdu żvolta, is-sistema ma sabitx t-triq it-tajba biex dawn jinvolvu ruħhom bl-aħjar mod possibbli u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom. Is-sistema teħtieġ li ssir aktar attraenti għal atturi ġodda u differenti billi tenfasizza l-kontribut vitali tagħhom, u turi l-impatt tal-appoġġ li jipprovdu u tiġi ffaċilitata s-sħubija fil-post. Is-sistema internazzjonali għandha tikkonċentra fuq li jinstabu inċentivi għal atturi ġodda, li jiġi stabbilit djalogu aktar regolari, u jiġu identifikati kuntesti fejn il-parteċipazzjoni tagħhom tkunu ta’ interess partikolari għalihom.

Rakkomandazzjonijiet:

L-arkitettura u l-effiċjenza tal-azzjoni umanitarja jeħtieġ li jittejbu. L-organizzazzjonijiet implimentattivi, taħt il-gwida tal-IASC, għandhom jirriformaw is-sistema tal-appelli biex jiżguraw li din tkun tirrifletti stampa kompleta tal-ħtiġijiet u r-rekwiżiti ta’ finanzjament dan jista’ jsir permezz ta’ għodda ta’ traċċar proposti fis-sett t' ideat ta' hawn fuq. L-organizzazzjonijiet implimentattivi individwali għandhom idealment jingħaqdu ma' din is-sistema u jevitaw milli jagħmlu appelli individwali f’emerġenzi umanitarji. Minflok, huma għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex tiġi evitata kompetizzjoni bla bżonn għad-detriment ta’ effiċjenza. Fl-istess ħin, l-appelli għandhom jiffaċilitaw it-twassil ta’ għajnuna ta’ kwalità. Ir-rappurtar dwar it-twettiq tal-appelli għandu jkopri dejta kemm dwar il-ħtiġijiet li ġew issodisfati kif ukoll dawk li ma ġewx.

Id-donaturi għandhom sistematikament jikkoordinaw l-isforzi tagħhom u jevalwaw il-prattiki ta' twassil tal-organizzazzjoni implimentattiva biex jiġi identifikat il-valur miżjud tagħhom u l-kosteffiċjenzi possibbli, abbażi ta' standards umanitarji komuni 15 .

Id-donaturi u l-organizzazzjonijiet implimentattivi għandhom iżidu l-proporzjon ta’ nies li jirċievu assistenza bbażata fuq il-flus filwaqt li jikkunsidraw il-kuntest speċifiku. Jista' jkun hemm objettiv fil-mira.

Is-sistema tan-NU u l-komunità tradizzjonali tad-donaturi għandhom jidħlu fi djalogu eqreb ma’ donaturi li mhumiex tad-DAC, ma' pajjiżi bi dħul medju, ma' organizzazzjonijiet reġjonali, mas-settur privat, mal-karitajiet u mal-fondazzjonijiet fil-finanzjament ta’ azzjoni umanitarja. Dan jista’ jsir permezz ta' laqgħat regolari, formali jew informali, laqgħat taħt il-Grupp ta’ Appoġġ tad-Donaturi tal-OCHA 16 jew l-Inizjattiva “Good Humanitarian Donorship” 17 .

Is-settur privat għandu jingħata inċentivi biex jikkontribwixxi għal assistenza umanitarja, pereżempju meta jimpenja ruħu għal miri ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva.

d)Sħubija mal-atturi tal-iżvilupp

Il-volum ta' każijiet umanitarji itqal għamel is-sħubija bejn l-atturi umanitarji u l-atturi tal-iżvilupp dejjem iktar importanti. Il-kriżijiet umanitarji rikorrenti u fit-tul u l-ispostament furzat prolungat ifissru li l-għajnuna umanitarja ta’ emerġenza ma tistax iġġorr il-piż waħedha. Hemm eżiġenza li l kooperazzjoni bejn l-azzjoni umanitarja u l-iżvilupp titfassal mill-ġdid sabiex din is-sħubija ssaħħaħ ir-riżultati taż-żewġ flussi. Diġà rriżulta l-objettiv komuni ta' reżiljenza aktar b'saħħitha għaż-żewġ atturi umanitarji u ta’ żvilupp.

L-interazzjoni bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tibda fl-istadju ta’ qabel il-kriżi, b’analiżi konġunta, li għandha tinkludi, fost l-oħrajn, ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet, segwiti minn investimenti fir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju sabiex ikun hemm antiċipazzjoni, tħejjija, u rispons aħjar għall-kriżijiet jew id-diżastri 18 . Matul u fil-ġranet suċċessivi ta' kriżi jew diżastru, għandhom jiġu stabbiliti ppjanar strateġiku konġunt u programmazzjoni pluriennali. Ippjanar konġunt bħal dan għandu jipprogramma l-isforzi magħquda, jibni sinerġiji fuq il-kapaċitajiet rispettivi, u — fejn ikun rilevanti — jagħti ħjiel ta' tranżizzjoni flessibbli minn għajnuna umanitarja għal għajnuna ta' żvilupp ibbażata fuq punti ta’ ħruġ fejn l-azzjoni umanitarja għandha ċċedi postha għall-isforzi ta' żvilupp.

L-iffinanzjar għandu jiġi minn strumenti umanitarji u ta’ żvilupp, b’diviżjoni ċara ta' ħidma skont il-valur miżjud rispettiv biex il-kopertura tal-ħtiġijiet immedjati tiġi kkombinata mar-rispons fil-perijodu medju u twil immirat lejn il-kawżi ewlenin. Il-finanzjament għall-iżvilupp fit-tul huwa partikolarment importanti fi kriżijiet fit-tul sabiex titwitta t-triq għal soluzzjonijiet sostenibbli, speċjalment biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-komunitajiet ospitanti u lokali biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni spostata.

Rakkomandazzjonijiet:

Hemm bżonn ta' mudell ġdid ta’ kooperazzjoni umanitarju/tal-iżvilupp. Dan għandu jinkludi analiżi konġunta tar-riskju ta' perikli multipli u, fejn rilevanti, ipprogrammar u finanzjament pluriennali, u strateġiji ta’ ħruġ għall-atturi umanitarji. Huwa għandu jindirizza kwistjonijiet bħat-tħejjija u r-refuġjati u l-popolazzjonijiet spostati internament, speċjalment f’sitwazzjonijiet fit-tul.

Id-donaturi għandhom ifittxu li jiffaċilitaw aktar finanzjament pluriennali prevedibbli permezz ta’ fondi umanitarji u għall-iżvilupp konġunt, speċjalment għal kriżijiet fit-tul.

Id-donaturi għandhom jikkunsidraw li jintroduċu fil-programmi ta’ żvilupp modifikaturi tal-kriżijiet li jippermettu r-riallokazzjoni ta’ riżorsi għar-rispons għall-kriżijiet, li jippermetti approċċ aktar flessibbli.

III.Il-kontribuzzjoni tal-UE u l-passi li jmiss

Is-Summit Umanitarju Dinji u l-proċess li wassal għalih joħolqu l-momentum politiku biex tissaħħaħ il-komunità globali tas-solidarjetà ma’ persuni milquta mill-kriżijiet umanitarji u mid-diżastri. Hija okkażjoni biex wieħed jilħaq pajjiżi terzi, ċittadini Ewropej, u sħab oħra sabiex jiġi kkomunikat l-obbligu morali li tingħata għajnuna lill-vittmi tal-kunflitti u d-diżastri u li jiġu evitati effetti konsegwenzjali, bħan-nuqqas ta’ stabbiltà u l-ispostamenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u sħab oħra biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jikkollaboraw għal dan l-għan.

Is-Summit ser ikun pass importanti għal azzjoni umanitarja effettiva u msejsa fuq il-prinċipji u ser tistabbilixxi aġenda għal għadd ta’ bidliet fis-sistema. L-implimentazzjoni tal-eżiti tagħha għalhekk se jeħtieġu sforzi mill-komunità globali u minn atturi individwali. Għalhekk, l-impenji li saru f’Istanbul għandhom ikunu verifikabbli u li jistgħu jitkejlu. Ikun utli jekk f'intervalli regolari isir rendikont ta' dak li nkiseb biex jinżamm il-fokus fuq il-progress.

Wara s-summit, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-kontribut speċifiku tal-UE biex jiġu implimentati l-eżiti tas-summit. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jagħti xi eżempji ta’ xogħol li diġà jinsab għaddej fl-UE sabiex l-għajnuna umanitarja tkun aktar adattata għall-iskop tagħha.

(1)

 L-organizzazzjonijiet implimentattivi jwasslu l-għajnuna umanitarja, pereżempju, l-aġenziji tan-NU, organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Movimenti tas-Salib l-Aħmar u tal-Qamar l-Aħmar, NGOs. Dawn jistgħu jkunu internazzjonali, reġjonali, nazzjonali, jew ibbażati fil-komunità.

(2)

 Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1-12.

(3)

Heidelberg Institute for International Conflict Research, Conflict Barometer 2014, pp. 14-15, http://www.hiik.de/de/konfliktbarometer/pdf/ConflictBarometer_2014.pdf.

(4)

International Federation of Red Cross and Red Crescent Societies, World Disasters Report 2014, p. 223, https:// www.ifrc.org/Global/Documents/Secretariat/201410/WDR%202014.pdf

(5)

World Bank, Fragility, Conflict and Violence,

http://www.worldbank.org/en/topic/fragilityconflictviolence/overview.

(6)

OCHA, Global Humanitarian Overview June 2015, https://www.humanitarianresponse.info/en/programme-cycle/space/document/global-humanitarian-overview-2015-june-status-report; UNHCR, Global Trends Report 2014, http://www.unhcr.org/556725e69.html.

(7)

Fl-2014, in-NU talbet EUR 17-il biljun għall-għajnuna umanitarja, l-ogħla appell li qatt sar. Id-donaturi wieġbu b’somma rekord ta’ EUR 10 biljun, iżda din xorta ma kienitx biżżejjed biex tkopri l-bżonnijiet kollha. OCHA, Global Humanitarian Overview December 2014, op cit.

(8)

 Il-komunità umanitarja tfisser l-atturi umanitarji kollha flimkien. L-atturi umanitarji jinkludu l-entitajiet kollha li huma involuti f’kull aspett tal-azzjoni umanitarja, eż.: il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet implimentattivi, id-donaturi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-atturi privati, id-dinja akkademika, jew il-komunitajiet lokali.

(9)

L-Aġenda Trasformattiva għandha l-għan li ttejjeb ir-rispons għall-emerġenzi tal-komunità umanitarja. Hija tiffoka fuq it-tmexxija, il-koordinazzjoni u l-kontabilità. Hija tibni fuq ir-riforma umanitarja. Għal aktar informazzjoni: https://interagencystandingcommittee.org/iasc-transformative-agenda

(10)

 Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, op cit., p.1, paragrafu 10.

(11)

 L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni, (JOIN(2013)30).

(12)

International Law Commission, Protection of persons in the event of disasters, Draft Articles, GE 14-60901, http://legal.un.org/docs/?symbol=A/CN.4/L.831.

(13)

UNHCR, Placing Protection at the Centre of Humanitarian Action 2015, http://www.refworld.org/pdfid/557ea67c4.pdf; IASC, Principals' Statement on the Centrality of Protection in Humanitarian Action 2015, https://interagencystandingcommittee.org/protection-priority-global-protection-cluster; OCHA, Background Paper on Protection 2015, https://docs.unocha.org/sites/dms/documents/oom_protection_english.pdf .

(14)

 Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) — Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-aġenda tal-UE, (JOIN (2015) 16).

(15)

 Dawn l-istandards għandhom l-għan li jiżguraw il-kwalità tal-għajnuna, eż. dwar: ir-responsabbiltà, il-ġestjoni, il-koordinazzjoni, eċċ.

(16)

 Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/echo/partnerships/relations/ocha-odsg_en.

(17)

Għal aktar informazzjoni: http://www.ghdinitiative.org/.

(18)

 L-approċċ tal-UE għar-Reżiljenza, COM(2012) 586 finali; Pjan ta’ Azzjoni għar-Reżiljenza fil-Pajjiżi Suxxettibbli għal Kriżijiet, SWD (2013) 227 finali; Il-Qafas ta' Hyogo għal Azzjoni wara l-2015, COM(2014) 216 finali.