Brussell, 10.2.2016

COM(2015) 401 final/2

CORRIGENDUM

This document corrects document COM(2015)401 final of 19.8.2015

Concerns all language versions.

Correction of identified clerical errors on page 8, section 6, first paragraph.

The text shall read as follows:

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2014


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea fl-2014

1.Il-kuntest tar-Rapport Annwali dwar l-Attivitajiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp Teknoloġiku (RTD)

Ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku tal-Unjoni Ewropea (UE) jitħejja skont l-Artikolu 190 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ewlenin li ttieħdu matul is-sena ta’ rappurtaġġ.

2.Il-kuntest politiku aktar mifrux fl-2014

Is-sena 2014 kienet waħda ta’ tibdil politiku kbir fl-UE. Ġie elett Parlament Ewropew ġdid, f’Novembru daħlet fil-kariga Kummissjoni ġdida, u daħal fil-kariga wkoll President ġdid tal-Kunsill Ewropew li hu l-ewwel wieħed li nħatar mill-Istati Membri l-ġodda ta’ wara l-2004. Biex titkompla l-ħidma li diġà saret mill-Istati Membri biex jiggwidaw lill-Ewropa lura lejn l-irkupru ekonomiku, il-President elett il-ġdid, Jean-Claude Juncker inawgura Aġenda għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku. L-aġenda hija msejsa fuq tliet pilastri, li huma: ir-riformi strutturali, ir-responsabbiltà fiskali u l-investiment; u tistabbilixxi 10 prijoritajiet ċari bil-għan li jitkattru l-impjiegi u tkompli tikber l-ekonomija Ewropea. Ġie propost pjan ta’ investiment ġdid bil-mira li tul dawn it-tliet snin li ġejjin tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat li jiswew EUR 315 biljun. F’Jannar tal-2015 inħarġet Proposta tal-Kummissjoni Ewropea favur Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); huwa mistenni li din il-Proposta tiġi adottata mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE fis-sajf tal-2015. Il-programm Orizzont 2020 se jagħmel il-parti tiegħu f’dan billi jikkontribwixxi għall-fond ta’ garanzija tal-FEIS. Dan se jippermetti li jsir aktar investiment fil-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Baqgħu jsiru sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali tul l-2014, u dawn issa bdew jagħtu l-frott tagħhom fil-maġġoranza tal-Istati Membri. L-irkupru pass b’pass tal-ekonomija Ewropea, li beda fit-tieni kwart tal-2013 kompla jiżdied fl-2014, u wara li t-tkabbir tal-PDG fl-Ewropa tilef ftit mill-momentum tiegħu fir-rebbiegħa li għaddiet, reġa’ qabad ir-ritmu lejn l-aħħar tal-2014 u żdied b’1.4 % fis-sena 1 .

3.L-implimentazzjoni tas-Sejħiet tal-Orizzont 2020

F’Diċembru tal-2013 tnieda l-akbar programm li qatt sar ta’ riċerka u innovazzjoni fl-UE: l-Orizzont 2020, li ngħata fondi ta’ EUR 80 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin. Minnufih inbeda l-ewwel Programm ta’ Ħidma għall-2014 sal-2015, li ngħata baġit ta’ EUR 15-il biljun, u jinkludi 12-il qasam imsejħa oqsma ta’ mira. Is-sejħiet infetħu fiż-żmien ippjanat, u s-Sistemi Informatiċi faċli għall-utent tal-Orizzont 2020 bdew jaħdmu sa mill-bidu nett. Tfassal il-Programm ta’ Ħidma ssimplifikat fuq sentejn, li jimplimenta sistema ġdida bbażata fuq l-isfidi b’mod li jintegra l-għanijiet tal-politika tal-UE permezz ta’ proċess ta’ programmazzjoni strateġiku li jrawwem l-integrazzjoni, jinkorpora l-karatteristiki ewlenin u kwistjonijiet ġodda, u jiġġenera l-ħolqien ta’ impatt u valur ikbar. Saret kampanja ta’ tagħrif komprensiva f’34 pajjiż, li ġibdet madwar 10,000 parteċipanti fl-avvenimenti. Ġew organizzati attivitajiet oħra ta’ tagħrif, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali.

L-ewwel 100 sejħa, liattiraw total ta’ 37,000 proposta, ingħalqu sal-1 ta’ Diċembru tal-2014. Sa tmiem April tal-2015 ġew iffirmati 3,200 għotja li talbu fondi totali ta’ EUR 5.4 biljun. Il-proposti kellhom rata ta’ suċċess medja ta’ bejn it-12 u l-14%.

L-implimentazzjoni tal-ewwel sejħiet u l-effiċjenza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni kienu ssorveljati mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-eżerċizzju ta’ sorveljanza ġew ikkonsultati l-Istati Membri, il-komunità tar-riċerka, l-industrija u l-partijiet ikkonċernati. Ir-riżultati li ħarġu jidhru fil-qosor hawn taħt.

It-tweġiba għas-sejħiet

It-tweġiba numeruża għall-ewwel sejħiet ikkonfermat li s-sistema bbażata fuq l-isfidi tal-Orizzont 2020 u d-domanda għall-kooperazzjoni transkonfinali fir-riċerka u l-innovazzjoni ngħoġob. Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, fosthom l-SMEs, b’mod speċjali laqgħu tajjeb is-suġġetti ġenerali tal-ewwel sejħiet. Ġie rreġistrat għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għas-sejħiet tal-2014. Dan issarraf f’rata ta’ suċċess aktar baxxa minn dik tal-Programm Qafas ta’ qabel. Filwaqt li minn naħa kien hemm aktar lok ta’ għażla, li rawmet l-eċċellenza, min-naħa l-oħra, fuq tul ta’ żmien, din tista’ tirrendi l-programm inqas attraenti. Għaldaqstant, għall-Programmi ta’ Ħidma tal-ġejjieni, qegħdin jiġu ppjanati l-miżuri għall-ġestjoni tad-domanda kbira filwaqt li tinżamm is-sistema bbażata fuq l-isfidi u li mhijiex preskrittiva.

Minkejja l-għadd kbir ta’ proposti li waslu bi tweġiba għall-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020, u minkejja l-pressjoni li saret fuq is-sistemi ta’ valutazzjoni, inżammu l-istandards għoljin fl-għażla tal-esperti u tal-għamla tal-proposti fil-proċess tal-evalwazzjoni.

Is-Simplifikazzjoni

Is-sistema online tal-Portal tal-Parteċipanti kienet apprezzata ħafna mill-komunità tal-partijiet ikkonċernati 2 . Din hija passarella unika biex wieħed jidħol fl-Orizzont 2020, kemm għall-preżentazzjoni tal-proposti, kif ukoll għar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni tal-parteċipant u għar-reġistrazzjoni u l-ħlas tal-esperti. Il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Orizzont 2020, tas-sistemi tal-IT li jieħdu ħsieb il-proposti u l-għotjiet mingħajr ħafna tidwir ta’ karti (firem elettroniċi), u s-simplifikazzjoni tal-proċessi kummerċjali, naqqsu d-diffikultajiet burokratiċi għall-parteċipanti. Skont l-ewwel statistika, il-limitu ta’ żmien ta’ tmien xhur sa meta jingħataw l-għotjiet, intlaħaq fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet (madwar 94%). 

Iċ-Ċiklu tar-Riċerka u l-Innovazzjoni

Is-sehem tal-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-ewwel sejħiet kien ta’ 31% ta’ ftehimiet ta’ għotjiet iffirmati u ta’ 28% kontribut finanzjarju tal-UE. Ir-rati korrispondenti tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) huma rispettivament 30% u 25%. Il-parteċipazzjoni tas-settur privat hija għolja ħafna kemm fil-pilastru tat-Tmexxija Industrijali, kif ukoll f’dak tal-Isfidi Soċjali.

Intrapriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs)

L-Orizzont 2020 jattira l-SMEs. Ir-riżultati juru li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex talloka 20 % tal-baġit ikkombinat għall-Isfidi tas-Soċjetà u għat-Teknoloġiji Ewlenin u Abilitanti (LEITs) lill-SMEs. L-Istrument il-ġdid għall-SMEs fl-Orizzont 2020 tnieda b’suċċess, u b’aktar minn 8,100 applikazzjoni (6,900 fl-ewwel fażi u 1,200 fit-tieni fażi), kien l-aktar skema popolari tal-2014. Huwa ġibed applikanti ġodda u SMEs ta’ potenzjal ekonomiku u innovattiv promettenti. Pereżempju, madwar 50% tal-ewwel benefiċjarji fl-ewwel fażi (155 proġett iffinanzjat sal-ewwel data ta’ skadenza) diġà kienu attivi fis-suq Ewropew u/jew globali.

Ix-Xjenzi soċjali u l-Istudji Umanistiċi (SSH)

L-Orizzont 2020 żied b’mod sinifikattiv il-potenzjal tal-kontributi tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi permezz ta’ politika sistematika ta’ integrazzjoni tax-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi fl-isfidi soċjetali kollha, kif ukoll fil-partijiet tal-Programm li jinvolvu t-Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin. Medja ta’ 37% tas-suġġetti fil-programmi: Sfidi Soċjetali, LEIT, Xjenza mas-Soċjetà u għas-Soċjetà, Inżidu l-Eċċellenza u Nkabbru l-Parteċipazzjoni, u Infrastrutturi għar-Riċerka, flimkien, kienu mmarkati għar-rilevanza tagħhom għax-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi fis-sejħiet tal-2014 u l-2015. Barra minn hekk, ix-Xjenzi soċjali u l-Istudji Umanistiċi kellhom rwol ewlieni fl-Isfida Soċjetali Soċjetajiet Inklussivi, Innovattivi u Riflettivi, li fiha 80% tas-suġġetti kienu mmarkati bħala Xjenzi Soċjali u Studji Umanistiċi. Fl-2014 ingħataw EUR 212 miljun lil benefiċjarji fix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. EUR 194 miljun ingħataw fil-qafas tal-pilastru tal-Isfidi Soċjetali u EUR 18 miljun ingħataw fil-qafas tal-pilastru LEIT.

Deher ukoll li kien hemm rappreżentanza tajba ta’ għarfien espert fil-qasam tax-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi fil-kumitati tal-evalwazzjoni. Minn 688 evalwatur li nħatru għas-suġġetti mmarkati bħala rilevanti għax-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi, 10% kellhom għarfien ta’ mill-inqas dixxiplina waħda f’dan il-qasam, filwaqt li 42% kellhom għarfien interdixxiplinarju kemm f’dan il-qasam kif ukoll f’dixxiplini barra x-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi, jew f’dixxiplini mħaltin b’komponent mix-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi. B’kollox, 375 mis-688 espert kellhom xi tip ta’ għarfien espert fix-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi, u dawn jammontaw għal aktar minn 50% tal-esperti.

Ir-Riżorsi Umani u l-Mobbiltà

Fl-2014 dan il-fokus ewlieni tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) kien qed jippromwovi sistemi innovattivi ta’ taħriġ għar-riċerka li jistimulaw il-mobbiltà interdixxiplinarja, internazzjonali u intersettorjali.

L-Azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie saru l-istrument ewlieni tal-UE għat-trawwim tat-taħriġ innovattiv għad-dottorat. Fl-2014 ġew iffinanzjati 137 netwerk tat-taħriġ b’baġit totali ta’ aktar minn EUR 400 miljun. Dawn kienu jinkludu dottorati industrijali, li permezz tagħhom l-intrapriżi tar-riċerka u l-universitajiet flimkien jiżviluppaw programm li jwassal għal dottorat u li l-parti l-kbira minnu jinkiseb f’settur mhux akkademiku, u programmi li jwasslu għal dottorat doppju jew konġunt. Kien hemm total ta’ 600 kumpannija li ħadu sehem f’din l-attività. Barra minn hekk, EUR 30 miljun ġew allokati għall-kofinanzjament ta’ 12-il programm ta’ dottorati, biex jiżdied l-effett ta’ lieva fuq il-programmi ta’ finanzjament reġjonali, nazzjonali u internazzjonali fl-Ewropa.

L-Azzjoni dwar il-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli

Ġiet stabbilita l-mira li mill-inqas 35% tal-baġit tal-Orizzont 2020 jiġu investiti f’azzjonijiet favur il-klima u 60% fil-progress tal-UE lejn is-sostenibbiltà. Filwaqt li f’dan l-istadju d-dejta tkopri biss l-azzjonijiet programmabbli (jiġifieri LEIT u l-Isfidi Soċjetali), l-iżjed stima riċenti tal-progress li sar fl-Iżvilupp Sostenibbli u fl-Azzjonijiet dwar il-Klima tindika ċifri ta’ 50% u 35% rispettivament. Mingħajr mira, il-progress fil-bijodiversità huwa stmat għal 3%.

L-Ugwaljanza Bejn is-Sessi

Fil-Programm ta’ Ħidma tal-2014-2015, issemmew kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi f’aktar minn 100 suġġett f’kważi kull taqsima. Dawn is-suġġetti ġew immarkati bħala rilevanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-portal tal-parteċipanti biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-applikanti. Wieħed mill-għanijiet tal-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Orizzont 2020 huwa li jkun żgurat li jkun hemm mill-inqas 40% tal-esperti fil-kumitati tal-evalwazzjoni u l-gruppi ta’ esperti li jkunu nisa. Dan l-għan kważi ntlaħaq, u l-ewwel riżultati juru li 35% tal-esperti kienu nisa.

Il-ftehimiet u l-kooperazzjoni internazzjonali

L-Orizzont 2020 huwa kompletament miftuħ għall-parteċipazzjoni internazzjonali u barra minn hekk huwa mmirat lejn oqsma ta’ kooperazzjoni strateġiċi ma’ pajjiżi u reġjuni sħab ewlenin internazzjonali. 20% tas-suġġetti fil-Programm ta’ Ħidma tal-2014-2015 ġew immarkati bħala speċifikament rilevanti għall-kooperazzjoni internazzjonali, u l-kwantità ta’ azzjonijiet tvarja minn parti għall-oħra. Ġie propost l-appoġġ għall-inizjattivi importanti bħalma huma l-Kollaborazzjoni fir-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv, l-Alleanza Globali kontra l-Mard Kroniku, il-Konsorzju Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Mard Rari 3 , u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġappun fil-qasam tan-netwerks essenzjali u l-pjattaformi tal-informatika. Billi kien hemm xaqliba lejn suġġetti usa’ u inqas preskrittivi, il-kooperazzjoni internazzjonali tħeġġet pjuttost bl-inkoraġġiment milli permezz tal-użu ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà. Madankollu, u minħabba li l-korpi minn ħames ekonomiji emerġenti kbar (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Messiku) m’għadhomx eliġibbli għall-finanzjament mill-Orizzont 2020 b’mod awtomatiku, fil-bidu nstab li kien hemm tnaqqis ġenerali fil-parteċipazzjoni min-naħa ta’ pajjiżi sħab internazzjonali.

Tul l-2014 kien hemm total ta’ 12-il pajjiż li ssieħbu fl-Orizzjont 2020 permezz ta’ Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni. In-Norveġja u l-Iżlanda ssieħbu f’Mejju tal-2014. Il-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerżegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja), ir-Repubblika tal-Moldova, it-Turkija u l-Iżrael iffirmaw ftehimiet mal-Unjoni Ewropea fis-sajf tal-2014. F’Diċembru tal-2014 ġie ffirmat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Gżejjer Faroe. Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni se jippermettu lill-korpi ta’ riċerka ta’ dawn il-pajjiżi jibbenefikaw mill-opportunitajiet ta’ finanzjament li joffri l-Orizzont 2020.

Fil-5 ta’ Diċembru 2014 ġie ffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Iżvizzera u partijiet mill-Orizzont 2020. L-Iżvizzera ffirmat ftehim li bih issieħbet fil-pilastru “Xjenza Eċċellenti” tal-Orizzjont 2020, li fih il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti, tal-Infrastrutturi tar-Riċerka u l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie; l-azzjonijiet tal-għan speċifiku “It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni”; u fl-aħħar nett, il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom u l-attivitajiet imwettqa mill-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni bejn l-2014 u l-2020. Dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mistenni li jibqà jseħħ sal-31 ta’ Diċembru 2016. Skont jekk l-Iżvizzera tirratifikax jew le l-Protokoll li jestendi l-Moviment Liberu tal-Persuni lill-Kroazja, dan l-istadju għandu jew iwassal għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sħiħa tal-Iżvizzera, inkella din tkompli bl-istatus ta’ pajjiż terz.

Żieda fil-parteċipazzjoni



L-Orizzont 2020 jintroduċi miżuri speċifiċi għat-tixrid tal-eċċellenza u għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni f’dawk l-Istati Membri u r-reġjuni fejn isiru relattivament inqas riċerka u innovazzjoni. L-Orizzont 2020 jiffinanzja l-azzjonijiet li jmorru f’dawn id-direzzjonijiet: l-għaqda f’timijiet ta’ istituzzjonijiet tar-riċerka (li ħolqot ċentri ta’ eċċellenza jew tejbet dawk eżistenti), li għaliha kien hemm 167 applikazzjoni eliġibbli mill-Istati Membri kollha li qed jieħdu sehem; ‘Il-Katedri taż-ŻER’ (li jiġbdu riċerkaturi eċċellenti lejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka li għandhom potenzjal kbir ta' eċċellenza fir-riċerka)’ li rċeviet 85 applikazzjoni eliġibbli mill-Istati Memri kważi kollha li qed jieħdu sehem; ‘Il- Ġemellaġġ’ (li jsaħħaħ b'mod sinifikanti qasam ta' riċerka speċifikat permezz ta' rabtiet ma' istituzzjonijiet ta’ riċerka ewlenin f’livell internazzjonali), appoġġati permezz ta’ sejħa li nfetħet fl-2014, iżda li se tagħlaq fl-2015. Jingħata wkoll l-appoġġ lill-COST (European Cooperation in Science and Technology) li huwa fost l-ewwel oqfsa ta’ kooperazzjoni fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni intergovernamentali li nħolqu fl-Ewropa. Dawn l-azzjonijiet għandhom baġit ta’ madwar EUR 800 miljun tul il-perjodu ta’ seba’ snin.

4. L-Isħubija mal-Industrija

Il-Pakkett ta’ Investiment fl-Innovazzjoni 4

Fl-2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat sensiela ta’ proposti dwar l-inizjattivi ta’ sħubija pubblika-privata u pubblika-pubblika. Wara sena, f’Mejju tal-2014, ġie adottat uffiċjalment mill-Istati Membri l-Pakkett ta’ Investiment fl-Innovazzjoni.

Dan jistabbilixxi ġenerazzjoni ġdida ta’ sħubiji pubbliċi u privati li se jaqsmu bejniethom investimenti ta’ aktar minn EUR 22 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-pakkett jinkludi disa’ Inizjattivi ta’ Teknoloġija Konġunta (ITK) li jorganizzaw l-aġendi tar-riċerka tagħhom huma, u jagħtu l-finanzjament għal proġetti abbażi ta’ sejħiet miftuħa. F’Lulju tal-2014 diġà kienu tniedu erba’ sħubiji pubbliċi-pubbliċi (l-inizjattivi stabbiliti fl-Artikolu 185). Il-kontribut ta’ EUR 9 biljun għall-pakket se jiftaħ investiment ta’ EUR 10 biljun mis-settur privat u EUR 4 biljun mill-Istati Membri

Sħubiji Pubbliċi-Privati Kuntrattwali (SPPK)

F’Diċembru tal-2013, il-Kummissjoni Ewropea nediet tmien Sħubiji Pubbliċi-Privati Kuntrattwali ta’ importanza strateġika għall-industrija Ewropea. Għall-kuntrarju tal-Inizjattivi ta’ Teknoloġija Konġunta, is-Sħubiji Pubbliċi-Privati kuntrattwali ma jorganizzawx is-sejħiet tagħhom huma stess, iżda l-finanzjament jingħata mill-Kummissjoni permezz ta’ sejħiet miftuħa fil-qafas tal-Programm ta’ Ħidma tal-Orizzont 2020. L-arranġamenti Kuntrattwali li stabbilixxew dawk it-tmien Sħubiji Pubbliċi-Privati kuntrattwali ġew iffirmati mill-Kummissjoni u mill-presidenti ta’ assoċjazzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali maħluqin apposta, li jirrappreżentaw aktar minn 1,000 intrapriża żgħira u ta’ daqs medju madwar l-Ewropa. F’ Ottubru tal-2014 ġiet inawgurata d-disa’ Sħubija Pubblika-Privata Kuntrattwali. Id-disa’ Sħubiji Pubbliċi Privati Kuntrattwali tnedew b’pakkett ta’ finanzjament indikattiv tal-Kummissjoni li tat total ta’ EUR 6.7 biljun tul il-programm. Fil-Programm ta’ Ħidma tal-2014 sal 2015, l-interess tal-industrija ġiet imħajra permezz ta’ finanzjament ta’ madwar EUR 800 miljun għas-Sħubiji Pubbliċi-Privati Kuntrattwali, fost affarjijiet oħra.

5.Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) 

F’Settembru tal-2014, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni Rapport tal-Progress taż-ŻER 5 li jagħti stampa ġenerali tal-progress li sar fl-implimentazzjoni taż-ŻER fl-Istati Membri u f’għadd żgħir tal-Pajjiżi Assoċjati. Dan juri li s-Sħubija taż-ŻER kienet ta’ suċċess u li l-erba’ kundizzjonijiet taż-ŻER li jwasslu għas-suċċess huma stabbiliti, dawn huma:

L-Istati Membri jadottaw dejjem iżjed miżuri li jappoġġaw iż-ŻER;

L-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-Pjattaforma għall-Partijiet Ikkonċernati taż-ŻER għadhom jaħdmu flimkien biex jiksbu ŻER li taħdem tajjeb f’kull livell.

Fil-livell tal-UE hemm stabbiliti miżuri ta’ appoġġ għall-politiki, u ż-ZER tifforma parti integrali mis-Semestru Ewropew;

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ taż-ŻER qiegħed jitħaddem u qiegħed dejjem iżjed jagħti dejta robusta.

Il-koordinazzjoni tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali

Fl-Orizzont 2020, żdiedet il-parteċipazzjoni tal-UE f’sejħiet konġunti implimentati mill-programmi tal-Istati Membri permezz tal-istrument tan-Netwerks il-ġodda taż-Żona ta’ Riċerka Ewropea (ERA-NET). Fl-istess ħin, l-Orizzont 2020 jsostni l-għaxar Inizjattivi ta’ Programmazzjoni Konġunta (Joint Programming Initiatives - JPIs) li stabbilixxa l-Kunsill. Il-JPIs jikkonformaw lill-programmi nazzjonali għall-aġendi ta’ riċerka strateġiċi madwar l-UE. Huma mezzi importanti li jiżguraw it-tlestija taż-ŻER.

6.Qafas ta’ politika

Is-Semestru Ewropew

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (RI) ġew adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-2014, ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ġew adottati fil-kuntest tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas għall-kummerċ tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RI), il-prijoritizzazzjoni tal-investimenti pubbliċi fir-RI, iż-żieda fl-effiċjenza ta’ dawn l-investimenti, u l-effett ta’ lieva tagħhom fuq il-kummerċ tar-RI permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u tal-kooperazzjoni pubblika-privata.

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala Sorsi ta’ Tkabbir Imġedded 6

Il-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2014 dwar “Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala Sorsi ta’ Tkabbir Imġedded” tipprovdi narrattiva politika qawwija dwar l-importanza tal-kwalità tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-Ewropa. Il-Komunikazzjoni tipproponi li tressaq tliet prijoritajiet biex jiffukaw fuqhom l-Istati Membri: Il-kwalità tal-iżvilupp tal-istrateġiji u tal-proċess tat-tfassil tal-politiki; il-kwalità tal-programmi, inklużi l-enfasi fuq ir-riżorsi u t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament; u l-kwalità tal-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 enfasizza l-ħtieġa ta’ riformi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-investimenti pubbliċi fir-RI, u jrawmu ambjent li jiffavorixxi l-kummerċ u l-investiment fir-RI.

Il-Fondi Ewropej Strutturali u tal-Investiment (FSIE)

L-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma għodod importanti biex tingħata spinta lill-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni fil-kuntest tal-baġit tal-UE, u biex jenfasizzaw l-opportunitajiet għal sinerġiji bejn iż-żewġ oqfsa ta’ politika fil-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni. L-FSIE se jipprovdu aktar minn EUR 100 biljun ta’ finanzjament f’għotjiet bejn l-2014 u l-2020 għall-innovazzjoni b’mod ġenerali, li jinkludi għajnuna ta’ xi EUR 40 biljun għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fondamentali.

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

Il-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija 7 għall-perjodu mill-2014 sal-2020 huwa ta’ EUR 2.38 biljun, kif stabbilit fl-Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Fl-2014 l-ewwel sett ta’ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) ġarrbu tkabbir regolari fil-baġits, fl-attivitajiet u fir-riżultati tagħhom. Il-Komunità tal-EIT tkabbret ukoll bil-ħolqien ta’ żewġ Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni ġodda fl-oqsma tal-għajxien fis-saħħa u tat-tixjiħ attiv (Saħħa EIT) u bl-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ u s-sostituzzjoni sostenibbli tal-materja prima (Materja Prima EIT).

L-Istrumenti Finanzjarji

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) niedu strument finanzjarju ġdid tal-UE fis-Sajf tal-2014. InnovFin – Finanzjament tal-UE għall-Innovaturi se jkun jgħin lill-SMEs, lill-kumpanijji l-kbar u lil kumpaniji innovattivi oħrajn biex ikollhom aċċess eħfef għall-finanzjament. L-InnovFin ikompli jibni fuq is-suċċess tal-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji, żviluppata fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru. Il-prodotti tal-InnovFin se joffru EUR 24 biljun ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-InnovFin jikkonsisti minn firxa ta’ prodotti, minn garanziji għall-intermedjarji li jsellfu lill-SMEs, sa self dirett lill-intrapriżi - li jgħinu fl-appoġġ tal-iżgħar sal-ikbar proġetti tar-RI fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati mal-Orizzont 2020.

L-Innovazzjoni u l-Intraprenditorija

Il- Pjan ta’ Azzjoni 2020 dwar l-Imprenditorija tnieda fl-2014 b’segwitu tar-rieżami tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar. Il-pjan jistabbilixxi l-miżuri ta’ għajnuna, promozzjoni u monitoraġġ tal-intraprenditorija fl-Ewropa (dan jinkludi l-intraprenditorija diġitali). L-inizjattiva Ewropea ta’ għajnuna għan-negozji l-ġodda, li hija parti minn dan il-pjan, għandha l-għan li ssaħħaħ l-ambjent tan-negozju għall-intraprendituri fuq il-web u tat-Teknoloġiji tal-Informatika (ICT) biex dan jgħin lill-ideat u lin-negozji tagħhom iqumu fuq saqajhom u jikbru fl-UE. Ir-Radar tal-Innovazzjoni huwa inizjattiva pilota li tnediet fl-2014 u li l-għan tagħha huwa li tidentifika l-innovazzjonijiet ta’ potenzjal kbir u l-innovaturi ewlenin fil-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru (FP7), tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Politiki dwar l-ICT (PSP) u tal-Orizzont 2020.

Ix-Xjenza Miftuħa

F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenzjati bdew jiffavorixxu l-aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika, iċ-ċittadini ġew aktar involuti fir-riċerka, u bil-Big Data nfetħu modi ġodda ta’ kif issir ir-riċerka. F’Lulju tal-2014 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar ix-Xjenza 2.0, biex tivvaluta l-livell ta’ għarfien tal-partijiet ikkonċernati, tax-xejra favur ix-Xjenza Miftuħa, biex tidentifika l-implikazzjonijiet possibbli tal-politika u biex tidentifika l-azzjonijiet li jistgħu jsaħħu l-kompetittività tas-sistema Ewropea tax-xjenza u r-riċerka. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jkunu ppubblikati fis-sit web Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa 8 .

L-aċċess miftuħ huwa aspett importanti tas-sistema xjentifika li qed tinbidel. Fl-Orizzont 2020, l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi huwa obbligatorju għall-benefiċjarji kollha. F’dak li jikkonċerna d-dejta, qed jitfassal pilota flessibbli għall-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka wkoll. Il-pilota huwa bbażat fuq sistema flessibbli ta’ “inklużjoni/esklużjoni fakultattiva”, li tqis il-bżonn li jinżamm bilanċ bejn l-għotja tal-informazzjoni xjentifika u l-ħarsien tagħha, il-kwistjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali , il-privatezza, is-sigurtà, il-ġestjoni u l-preżervazzjoni tad-dejta.

Il-Grupp Internazzjonali ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima

Il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ltaqa’ fl-2014 u ppubblika l-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu (RV5) fit-2 ta’ Novembru 2014. Bosta proġetti ta’ riċerka tal-UE ffinanzjati mis-Sitt sProgramm Kwadru u -Seba' Programm Kwadru kellhom rwol ewlieni fil-konklużjonijiet tar-Rapport.

Bit-titolu ta’ “Climate Change 2014: Ir-rapport “Impacts, Adaptation, and Vulnerability” 9 , jikkonkludi li r-rispons għat-tibdil fil-klima jinvolvi għażliet dwar ir-riskji f’dinja li qiegħda tinbidel. Dan ir-rapport se jkun strumentali fin-negozjati li se jsiru dwar it-Tibdil fil-Klima.

It-tifqigħa tal-Ebola

It-tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent kienet waħda mill-iżjed emerġenzi internazzjonali serji tas-saħħa tal-2014. Il-Kummissjoni Ewropea minnufih appoġġat ir-riċerka urġenti dwar l-Ebola u għall-ewwel darba (għall-azzjonijiet ta’ riċerka) għamlet użu eċċezzjonali mir-Regolament Finanzjarju għall-każijiet ippruvati ta’ emerġenza, u ffirmat il-ftehimiet tal-għotjiet f’inqas minn xahrejn wara li rċeviet il-proposti.  Intużaw EUR 24.4 miljun mill-Orizzont 2020 għar-riċerka dwar l-Ebola, bi qbil mal-prijoritajiet identifikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u b’kooperazzjoni ma’ finanzjaturi internazzjonali oħrajn.  Barra minn hekk, flimkien mal-industrija farmaċewtika, il-Kummissjoni nediet is-sejħa tal-IMI Ebola+ permezz tal-isħubija pubblika-privata tal-Inizjattiva dwar il-Mediċini Innovattivi (IMI). Intużaw EUR 140 miljun mill-Orizzont 2020, li ffinanzjaw investiment addizzjonali ta’ EUR 101 miljun mill-industrija farmaċewtika.

7.Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

Fl-2014 iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka wieġeb għad-domanda dejjem ikbar ta’ appoġġ xjentifiku tal-politika mis-servizzi politiċi tal-Kummissjoni li għandhom x’jaqsmu mal-prijoritajiet tal-UE, b’mod speċjali fil-qafas tal-Ewropa 2020: l-istrateġija Ewropea tat-tkabbir. Il-JRC ipprovda appoġġ xjentifiku dirett għall-oqsma tematiċi ta’ politika bħalma huma: L-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-Suq Uniku, l-Innovazzjoni, it-Tkabbir u l-Impjiegi, l-Ekonomija b’Użu Baxx tal-Karbonju u l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi, l-Agrikultura u s-Sigurtà Globali tal-Ikel, is-Saħħa Pubblika, is-Sikurezza u s-Sigurtà, is-Sikurezza u s-Sigurtà Nukleari (il-programm Euratom), u r-Regolazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Impatti Imtejbin.

8.    It-tixrid u l-utilizzazzjoni

Is-Seba’ Programm Kwadru 10

Tul is-seba’ snin tas-Seba’ Programm Kwadru, 487 sejħiet konklużi rċevew kważi 136,000 proposta li kienu jinvolvu aktar minn 601,000 applikant, li minnhom insabu eliġibbli għall-proċedura tal-valutazzjoni 97%. Aktar minn 25,000 proposta b’aktar minn 130,000 parteċipant inżammu għan-negozjati. Dan involva finanzjament mill-UE ta’ EUR 41.7 biljun. Il-proposti kellhom rata ta’ suċċess medja ta’ 19 %. Dwar il-parteċipazzjoni tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs), 18.6% tal-parteċipanti kollha fil-ftehimiet ta’ għotja li ġew iffirmati fl-2013 kienu SMEs.

Il-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru sa issa ġġeneraw 32,461 pubblikazzjoni minn mindu nbeda l-programm fl-2007. L-għadd kumulattiv ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi, li huwa indikatur tajjeb tal-potenzjal tal-innovazzjoni li jista’ jiġi utilizzat, kien ta’ 1,185 fi tmiem is-sena 11 .

L-impatt u l-valur miżjud tal-Programmi u tal-Proġetti tal-UE 12

L-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għandu għan ġenerali wieħed: Li jikseb impatt. Permezz tal-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha, l-UE qed tagħmel sforz biex tikseb impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali, u biex tikkontribwixxi għall-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll għas-soluzzjoni tal-isfidi soċjetali. L-għajnuna tal-UE lir-riċerka u l-innovazzjoni tingħata biss meta din tista’ tkun aktar effettiva mill-finanzjamenti nazzjonali. Hawn taħt jidhru xi eżempji ta’ proġetti li rnexxew li ġew iffinanzjati bis-Seba’ Programm Kwadru u li juru l-valur miżjud Ewropew tal-għajnuna mogħtija kif ukoll ir-riżultati konkreti u l-impatti li nkisbu:

In-“Netwerk tal-Infrastruttura tar-Riċerka Klinika Ewropea” (ECRIN) żviluppa żona sħiħa Ewropea għar-riċerka klinika billi jintegra l-faċilitajiet nazzjonali tar-riċerka klinika f’netwerk wieħed madwar l-UE li jista’ jagħti l-għajnuna f’kull qasam mediku permezz tas-servizzi u l-infrastruttura speċjalizzati. Dan ħoloq jew saħħah lill-infrastrutturi nazzjonali, u se jtejjeb il-kura tas-saħħa u l-kompetittività xjentifika u industrijali tal-Ewropa.

L-aħjar mod biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali komuni tal-Ewropa huwa fil-livell tal-UE. Il-proġett WeSenseIt żviluppa l-kunċett ta’ osservatorju tal-ilma mħaddem miċ-ċittadini, fejn iċ-ċittadini jistgħu jkunu attivi permezz tat-telefowns ċellulari u l-midja soċjali, biex jieħdu r-ritratti, jevalwaw u jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-livelli tal-ilma, - bħalma huma l-gwardjani tal-għargħar voluntiera fir-Renju Unit, jew il-voluntiera tal-protezzjoni ċivili fl-Italja, li huma kosteffikaċi u jservu ta’ sistemi ta’ twissija bikrija għall-awtoritajiet lokali li jkollhom wisq ma xiex ilaħqu.

Il-proġett ta’ riċerka SOLAR-JET, iffinanzjat mill-UE ħoloq l-ewwel fjuwil “solari” dinji għall-ġetts, sempliċiment mill-ilma u d-diossidu tal-karbonju. Din hija teknoloġija promettenti li fl-istess ħin iżżid is-sigurtà tal-enerġija u taħdem kontra t-tibdil fil-klima billi tutilizza l-gass b’effett serra bħala riżors utli. Il-proġett għadu fi stadju esploratorju, iżda r-riżultati li nkisbu s’issa juru li fih il-potenzjal li jrendi forniment sikur, sostenibbli u li jista’ jiżdied ta’ fjuwil għall-avjazzjoni, diżil, petrol u anki ta’ plastiks. .

Ix-xandir tar-riżultati fl-Orizzjont 2020

L-użu effettiv u x-xandir tar-riżultati tal-proġetti fl-Orizzont 2020 huwa importanti ħafna u se jagħmel l-aħjar użu possibbli tal-valur miżjud u tal-impatt tal-Programm Qafas il-ġdid. Miżuri speċifiċi li jiffukaw fuq l-użu tajjeb tar-riżultati diġà nbdew bl-Orizzont 2020 permezz ta’ inizjattivi bħal premji biex iħajru l-inizjattivi, l-istrument għall-SMEs, proġetti ta’ dimostrazzjoni u l-istrumenti ta’ investiment InnovFin.

9.    Il-prospetti għall-2015

Il-Kummissjoni għadha impenjata li tilħaq il-miri tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020. Il-progress ġie vvalutat fuq l-impenji tal-inizjattivi ewlenin tal-“Unjoni tal-Innovazzjoni” 13 . Dan b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-progress fit-twettiq tal-azzjonijiet li ġew stabbiliti biex iseħħu l-impenji, u l-eżempji ta’ kif qegħdin jiġu implimentati dawn l-azzjonijiet.

Fl-2014, iċ-ċiklu tal-Programm ta’ Ħidma 2016-2017 beda jimplimenta l-prijoritajiet politiċi tal-President Juncker. L-Orizzont 2020 se jagħmel il-parti tiegħu f’dan billi jikkontribwixxi EUR 2.2 biljun għall-fond ta’ garanzija tal-Fond Ewropew tal-Investimenti Strateġiċi. Fil-Programm ta’ Ħidma tal-2016 sa 2017 se jitqiesu l-lezzjonijiet li tgħallimna mill-ewwel sejħiet tal-Orizzont 2020 u jkun żgurat li dawn jibqgħu joffru suġġetti b’aproċċ ibbażat fuq l-isfidi. Suġġetti bħall-kooperazzjoni internazzjonali, ix-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi, l-ugwaljanza bejn is-sessi se jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv fil-Programm ta’ Ħidma, u se jsir użu aħjar tal-firxa kollha ta’ strumenti finanzjarji biex tiġi promossa l-innovazzjoni fil-firxa kollha tal-Orizzont 2020.

Fl-aħħar nett, l-analiżi tas-sejħiet ġejjin tal-Orizzont 2020 se jitwettqu biex ikun żgurat li l-impatti xjentifiċi, soċjali, ambjentali u ekonomiċi tiegħu jkunu aħjar minn tal-predeċessuri tiegħu.

(1)   Il-Previżjoni Economika Ewropea tar-Rebbiegħa 2015  
(2) Studju Ecorys, 2014.
(3)  Qabbel is-suġġetti fis-sejħa għall-Attivitajiet ta’ Koordinazzjoni dwar is-Saħħa li għandhom baġit indikattiv ta’ madwar EUR 17-il miljun.
(4)   Il-Pakkett ta’ Investiment fl-Innovazzjoni
(5)   Ir-Rapport ta’ Progress taż-ŻER għall-2014
(6)   Il-Komunikazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni bħala Sorsi ta’ Tkabbir Imġedded
(7)  Ir-ir-responsabbiltà tal-EIT hija f’idejn id-DĠ tal-Edukazzjoni u l-Kultura
(8)   Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa
(9)   Climate Change 2014: Impacts, Adaptation, and Vulnerability
(10)  Il-Kummissjoni Ewropea (2014): Is-Seba’ Rapport ta’ Monitoraġġ tas-Seba’ Programm Kwadru
(11) Iċ-ċifri li jidhru hawn inħarġu minn SESAM (l-għodda ta’ rappurtaġġ dwar il-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru fuq l-internet tal-Kummissjoni Ewropea)/CORDA (il-Maħżen tad-Dejta Komuni tar-Riċerka). Iċ-ċifri jirreferu għall-parti tas-Seba’ Programm Kwadru implimentata mid-DĠ RTD. Il-Programm Speċifiku “Nies” tħalla barra għar-raġuni li, minkejja li dan fil-bidu kien ġestit mid-DĠ RTD, issa qiegħed jiġi ġestit mid-DĠ tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Il-Programm Speċifiku “Ideat” tħalla barra wkoll għaliex ma jużax is-SESAM. Il-parti tas-Seba’ Programm Kwadru li huwa implimentat mid-DĠ CONNECT tħalla barra wkoll għaliex ma użax is-SESAM.
(12)   Ir-Rapport tal-Attività Annwali tad-DĠ RTD għall-2014
(13)   L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Rendikont 2010-2014