Brussell, 31.7.2015

COM(2015) 382 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

skont l-Artikolu 10.2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri


I.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jeżamina l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament") dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u t-twaqqif ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' klassi ta’ tagħmir, materjali u komponenti.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq studju indipendenti, b’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament imsemmi hawn fuq 1 .

Fil-qadi tar-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera, l-amministrazzjonijiet tal-bandiera jistgħu jiddelegaw responsabbiltajiet statutorji li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali għal organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri ("soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni"). Kull organizzazzjoni hija responsabbli u twieġeb lejn l-amministrazzjoni tal-bandiera għall-ħidma li twettaq f’isem l-amministrazzjoni.

Ir-responsabbiltajiet ewlenin ddelegati lil dawn l-organizzazzjonijiet huma deskritti f’konvenzjonijiet internazzjonali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jew taħt il-liġi rilevanti tal-Unjoni. Fi ħdan l-UE, ir-Regolament kif ukoll id-Direttiva 2009/15/KE 2 jistabbilixxu regoli u standards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u jistabbilixxu l-qafas legali għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi tal-Istati Membri li jistgħu jawtorizzaw biss organizzazzjonijiet rikonoxxuti taħt ir-Regolament (l-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti mill-UE) għax-xogħol statutorju msemmi hawn fuq.

Fil-livell internazzjonali, il-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti u l-Kodiċi għall-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali li ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015, jistabbilixxu l-qafas legali rilevanti. Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mal-imsemmija Kodiċijiet, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/111/UE 3 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 4 .

Il-premessa (25) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 tikkjarifika li l-iskema għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-klassi għall-materjali, it-tagħmir u l-komponenti stabbilita bl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 hija eżegwibbli biss fl-Unjoni fir-rigward ta’ vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Fejn jidħlu l-bastimenti barranin, l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati rilevanti tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati tal-bandiera mhux tal-UE rilevanti huma u jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni esklużiva tagħhom, primarjament skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (l-UNCLOS).

Fit-twettiq tal-attività tagħhom, is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni jobbligaw lill-manifatturi biex jikkonformaw ma’ settijiet differenti ta’ rekwiżiti li huma żviluppati minn kull soċjetà. Dawn ir-rekwiżiti huma importanti għall-bini u l-operat tal-vapuri u għandhom rwol biex jassiguraw lil sid il-vapur u lill-assiguratur, u fl-aħħar mill-aħħar lill-Istat tal-bandiera dwar is-sikurezza tal-bastiment.

In-nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-klassi bejn is-soċjetajiet jirriżulta fil-ħtieġa għal ċertifikazzjonijiet multipli: sabiex ikunu jistgħu joperaw fuq skala globali (u jkollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ sidien ta' vapuri li jagħżlu soċjetà ta’ klassifikazzjoni biex tissorvelja l-bini ta’ bastiment), il-fornituri ta’ tagħmir marittimu jridu jiksbu, għall-istess biċċa ta' tagħmir, ċertifikat minn soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni differenti li jiċċertifika l-konformità ma’ rekwiżiti li bosta drabi jkunu simili ħafna u xi kultant ibbażati fuq l-istess testijiet saħansitra mwettqa fl-istess laboratorji (li ħafna drabi ikun dak tal-manifattur). Din il-kwistjoni hija indirizzata fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 peress li mill-perspettiva tas-suq intern tal-UE, huwa importanti li jkun magħruf jekk prodott iridx jiġi ċċertifikat minn soċjetà waħda ta' klassifikazzjoni jew aktar.

Ir-Regolament jobbliga lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE biex jarmonizzaw ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tagħhom u jwaqqfu sistema ta’ rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta’ klassifikazzjoni tagħhom għatagħmir, materjali u komponenti. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, "L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin perjodikament bil-ħsieb li jżommu ekwivalenza u jimmiraw għal armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom u għall-implimentazzjoni tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw ma’ xulxin bil-ħsieb li jaslu għal interpretazzjoni konsistenti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati tal-bandiera.

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom, f'każijiet fejn dan ikun xieraq, jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tekniċi u proċedurali li taħthom jirrikonoxxu reċiprokament iċ-ċertifikati tal-klassi għal materjali, tagħmir u komponenti abbażi ta' standards ekwivalenti, bl-użu tal-aktar standards eżiġenti u rigorużi bħala referenza." 

Din it-tip ta’ armonizzazzjoni għandha tiġi distinta mill-armonizzazzjoni tal-UE għal rekwiżiti statutorji għat-tagħmir marittimu. Id-Direttiva Dwar it-Tagħmir Marittimu 5 (MED) tirregola t-tagħmir installat abbord bastiment li għalih jeżisti "rekwiżit tal-ġarr" taħt waħda jew bosta mill-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti (eż. għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, il-protezzjoni min-nirien, in-navigazzjoni, it-tagħmir ta' salvataġġ). L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid abbord vapur bil-bandiera tal-UE ta’ tagħmir marittimu li jikkonforma mal-MED, u lanqas jirrifjutaw li joħorġu ċertifikati relatati mal-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom. It-tagħmir rispettiv għandu jġorr l-hekk imsejħa "marka tat-tmun" bħala sinjal viżibbli ta’ konformità mal-MED. L-Unjoni kkonkludiet Ftehim ta’ Rikonoxximent Reċiproku 6 mal-Istati Uniti biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u biex jiġu evitati ċertifikazzjonijiet multipli ta’ tagħmir bil-marka tat-tmun.

Madankollu, firxa wiesgħa ta’ tagħmir marittimu (eż. it-tagħmir mhux inkluż fil-konvenzjonijiet internazzjonali) ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tagħmir Marittimu iżda huwa suġġett għal rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ta’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni. Dan it-tagħmir huwa mmirat mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

II.Il-progress li sar s'issa

Ir-Regolament ma jistabbilixxix modi speċifiċi li bihom għandu jiġi implimentat ir-rikonoxximent reċiproku. Lanqas ma jistabbilixxi dati ta’ skadenza speċifiċi. Għalhekk ipprovda flessibilità lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE biex jikkooperaw bejniethom, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra, pereżempju l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Bastimenti u t-Tagħmir Marittimu (European Ships and Maritime Equipment Association, SEA Europe) u jiddeċiedu dwar il-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu.

Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit (l-armonizzazzjoni), l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE implimentaw approċċ sistematiku biex jarmonizzaw il-kundizzjonijiet tekniċi u proċedurali għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti eliġibbli għall-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku. Permezz ta' dan, l-organizzazzjonijiet qalu li bħala referenza użaw l-aktar standards eżiġenti u rigorużi. F’termini tal-proċess ta’ armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, eżami tal-istat attwali ta’ implimentazzjoni wera li s’issa dan għadu fi stadju bikri. Għalkemm inħarġu xi Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament taħt "l-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku", dawn jeżistu fis-suq flimkien maċ-ċertifikati indiviwali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta għal dawk il-prodotti speċifiċi. Fi kliem ieħor, iċ-ċertifikati individwali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta ma ġewx irtirati mis-suq. Danjenfasizza l-ħtieġa ta' aktar żmien biex jiġi vverifikat fil-prattika ċ-Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku l-ġdid, li jista' jsir prattika komuni u eventwalment jissostitwixxi ċ-ċertifikati maħruġa individwalment.

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit (ir-rikonoxximent reċiproku), l-organizzazzjoni rikonoxxuta mill-UE kkunsidrat ix-xenarji li ġejjin:

1.jiġu aċċettati direttament l-istandards ta’ xulxin bħala ekwivalenti, filwaqt li jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati ta’ xulxin kif inhuma;

2.jintgħażlu u jiġu aċċettati direttament ir-regoli li jitqiesu l-aktar eżiġenti u rigorużi wara valutazzjoni tar-regoli kollha ta’ klassifikazzjoni relatati mal-prodotti inkwistjoni (materjali/tagħmir/komponenti) mill-organizzazzjonijiet kollha rikonoxxuti mill-UE;

3.jiġu żviluppati mill-ġdid rekwiżiti tekniċi komuni bħala l-bażi għall-ħruġ, f’każijiet xierqa, ta' ċertifikat addizzjonali li huwa rikonoxxut b’mod reċiproku. B'mod parallel maċ-Ċertifikat propost (rikonoxxut b'mod reċiproku), iridu jibqgħu jeżistu ċ-ċertifikati individwali maħruġa minn kull organizzazzjoni rikonoxxuta mill-UE.

L-organizzazzjonijiet iddeċiedew li jsegwu t-tielet approċċ biex jimplimentaw l-obbligi inklużi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament.

Inħoloq mekkaniżmu ta’ valutazzjoni tar-riskju biex jiġu vvalutati l-prodotti kollha skont skala ta’ kritikalità tas-sikurezza fuq 6 livelli, kif jidher hawn taħt (Figura 1).    

--- Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 6: Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi għarfien tal-ispeċifikazzjoni tal-binja sħiħa.

-------- Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 5: Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi li jinkisbu subċertifikati.

 

------------ Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 4: Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi ċertifikazzjoni tal-Unità.

 

----------------- Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 3: Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi l-Approvazzjoni tat-Tip.

 

---------------------- Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 2: Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi ċ-ċertifikat tal-manifattur.

 

--------------------------- Livell ta' kritikalità tas-sikurezza 1: L-ebda rekwiżiti ta' klassi.

 

Figura 1: Rappreżentazzjoni ġerarkika tal-kritikalità tas-sikurezza għal materjali, tagħmir u komponenti

 

L-iskala tal-kritikalità tas-sikurezza ħadet il-forma ta’ piramida ġerarkika 7 . L-ogħla livell ta’ ċertifikazzjoni (is-6 livell) ta’ din il-piramida jirrikjedi għarfien tal-ispeċifikazzjoni tal-binja sħiħa. Fil-5 livell, iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi li jinkisbu subċertifikati. Il-livell 4 jeħtieġ ċertifikazzjoni tal-unità, u l-livell 3 jeħtieġ l-approvazzjoni tat-tip biss. Għal-livelli l-aktar baxxi (l-1 u t-2 livelli) m’hemm bżonn tal-ebda rekwiżit tal-klassi, ħlief iċ-ċertifikat tal-manifattur. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE qablu dwar sett ta’ rekwiżiti tekniċi għal għadd limitat (attwalment 34, li mill-1 ta' Lulju 2014 jiżdied għal 44) ta’ prodotti, eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta' "Approvazzjoni tat-tip" li jaqgħu taħt il-livell 3 tal-iskala ta’ kritikalità tas-sikurezza msemmija hawn fuq. Dan it-tip speċifiku ta’ ċertifikazzjoni sar magħruf bħala "l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku".

Ir-Rekwiżiti Tekniċi 8 għaċ-ċertifikati rilevanti huma miftiehma bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE u huma ppubblikati f’kategoriji. L-iżvilupp progressiv ta’ dawn il-kategoriji tħaffef minħabba l-esperjenza akkumulata matul dawn l-aħħar snin u ġie elenkat (mill-kunċett inizjali għall-pubblikazzjoni finali) fit-tabella ta’ hawn taħt:

Numru tal-Kategorija

Kunċett inizjali

Pubblikazzjoni finali

#1

29/6/2010

01/01/2013

#2

06/09/2011

01/07/2013

#3

24/09/2013

01/07/2014

#4

23/04/2014

ippjanata għall-01/07/2015

#5

21/04/2015

għada għaddejja

L-ewwel kategorija kienet tinkludi Rekwiżiti Tekniċi għal 11-il prodott (it-3 livell ta’ kritikalità tas-sikurezza) li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2013 u ġiet segwita mit-tieni (11-il prodott, f'Lulju 2013) u mit-tielet kategorija (12-il prodott, f'Lulju 2014) dejjem għall-istess livell ta’ kritikalità tas-sikurezza (it-3 livell). Ir-raba’ kategorija ta’ Rekwiżiti Tekniċi għal 10 prodotti, għal darb’oħra tat-3 livell ta’ kritikalità tas-sikurezza se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015. Bdew it-tħejjijiet għall-ħames kategorija, bis-settur industrijali jipparteċipa fl-għażla tar-Rekwiżiti Tekniċi għall-prodotti tal-ħames kategorija, ibbażata fuq lista kkonsolidata ta’ (it-3 livell ta' kritikalità tas-sikurezza) prodotti, ippreżentata lilhom mill-Grupp ta' Rikonoxximent Reċiproku tal-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti mill-UE. Il-kategoriji kollha tal-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku huma marbuta ma’ prodotti tal-kategorija tal-Approvazzjoni tat-Tip għaliex il-kritikalità tagħha rriżultat li hija baxxa; għalhekk, tista' tinkiseb esperjenza bl-użu tal-iskema l-ġdida filwaqt li jkun limitat ir-riskju għas-sikurezza. Wara l-adozzjoni tar-raba’ kategorija, l-44 Rekwiżit Tekniku ta’ prodotti eliġibbli għal din l-iskema se jkopru madwar 50 % tat-total taċ-ċertifikazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip meħtieġa skont ir-regoli ta’ klassifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE. L-organizzazzjonijiet huma tal-opinjoni li hekk kif il-livell ta’ kritikalità tas-sikurezza jiżdied, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati aktar proċessi kumplessi; madankollu, skont is-settur tal-manifattura, il-lista ta’ prodotti attwalment disponibbli ma titqiesx ambizzjuża biżżejjed biex ikollha valur miżjud għan-negozju għax tapplika biss għal parti żgħira mis-suq.

Filwaqt li jiffokaw fuq l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi, l-organizzazzjonijiet setgħu għażlu rikonoxximent reċiproku sempliċi għaċ-ċertifikati ta’ xulxin, għall-inqas fir-rigward tal-prodotti ta' kritikalità tas-sikurezza tat-3 livell. Dan seta’ wassal għal progress aktar mgħaġġel li jikkorrispondi aktar mal-aspettattivi tal-manifatturi tat-tagħmir marittimu.

III.Kwistjonijiet pendenti

Konformità ma’ rekwiżiti ta’ sikurezza

L-iskema ta' rikonoxximent reċiproku tidher li hija konformi mal-kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza indikati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha qablu li s-sikurezza hija ta' importanza kbira.

L-iktar regoli stretti se japplikaw għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-Rekwiżiti Tekniċi għaċ-Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku u għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE kollha li jsegwu l-istess regoli għall-ħruġ ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku ġdid. Barra minn hekk, kull Ċertifikat ta' rikonoxximent reċiproku ġdid li se jinħareġ, se jkollu eżattament l-istess valur madwar id-dinja. Jekk madankollu jkun hemm nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku minn naħa ta' organizzazzjoni rikonoxxuta mill-UE, il-grupp tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE stabbilixxa proċessi ta’ rappurtaġġ intern sabiex jiġu stabbiliti r-raġunijiet ta' dan in-nuqqas u b'hekk jiġi indirizzat kif xieraq, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1).

L-involviment tal-partijiet ikkonċernati

Għandu jiġi enfasizzat li l-industrija tat-tagħmir marittimu hija involuta fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku biss sa ċertu punt.

Fuq naħa waħda, il-manifatturi l-kbar ta’ tagħmir oriġinali (OEMs) huma aktar involuti fil-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku minħabba li l-interess tagħhom u l-għarfien preċedenti ta’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni simili fil-passat permezz ta’ kollaborazzjonijiet internazzjonali oħra, pereżempju l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni internazzjonali għal prodotti u tagħmir elettriku jew mekkaniku. Madankollu, l-iżgħar OEMs mhumiex infurmati jew involuti bl-istess mod minħabba l-karatteristiċi inerenti tas-suq tagħhom pereżempju id-daqs iżgħar, il-limitazzjonijiet f’termini tar-riżorsi amministrattivi u finanzjarji. Hija din il-parti tal-manifatturi tat-tagħmir marittimu li kieku tapprezza aktar informazzjoni rigward l-iskema ta' ċertifikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku. Għaldaqstant, huwa dan il-grupp partikolari ta' partijiet ikkonċernati li jistgħu jibbenefikaw l-aktar minn dan ir-Regolament hekk kif dawn il-manifatturi mhux dejjem jifilħu jħallsu għaċ-ċertifikati multipli.

Firxa ta’ partijiet ikkonċernati huma tal-fehma li l-informazzjoni disponibbli hija nieqsa jew limitata 9 . Dan jista’ jiġi attribwit għaż-żmien limitat li l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku ilha li ġiet stabbilita, tiffunzjona u promossa fis-suq (iċ-Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku kollha eżistenti nħarġu matul l-aħħar 18-il xahar).

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE kollha żviluppaw proċessi interni għaċ-ċertifikazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku sabiex jiżdied l-għarfien fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom. Dan tal-aħħar ġie applikat kemm fl-UE kif ukoll mad-dinja kollha (jiġifieri l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE bil-kwartieri ġenerali u l-uffiċċji tas-sit madwar id-dinja), relatat ħafna mal-operazzjonijiet globali ta’ kull organizzazzjoni. Fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, ġew ippubblikati total ta’ 14-il Ċertifikat ta' rikonoxximent reċiproku 10 . Huwa importanti li wieħed jinnota li l-manifatturi li akkwistaw dawk iċ-ċertifikati mhux biss għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom f’pajjiż tal-UE iżda wkoll fl-Istati Uniti, fit-Tajwan u fil-Korea t’Isfel. Dan ikompli jenfasizza n-natura globali tal-industrija u l-importanza ta’ aċċettazzjoni wiesgħa kemm jista’ jkun taċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament maħruġa.

Kwistjonijiet relatati mal-spiża u l-piż amministrattiv

Fil-preżent hemm ukoll nuqqas ta’ trasparenza dwar l-ispejjeż għall-ksib ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku.

Huwa diffiċli li tinkiseb stampa ċara tal-ispiża globali, peress li l-ispiża ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku ġdid tvarja skont l-oġġett li se jinħareġ għalih. Għal dan l-għan, għal oġġetti sempliċi prodotti bil-massa (eż. valvi, komponenti elettriċi, eċċ.), l-ispiża għal Ċertifikat ġdid tista’ tvarja mill-istess prezz sa darbtejn dak meħtieġ għal ċertifikati ta’ approvazzjoni tat-tip RO (organizzazzjonijiet rikonoxxuti) individwali għall-istess prodott. Madankollu, għal kategorija oħra ta’ prodotti speċifiċi (eż. prodotti ta' darba mhux iffabbrikati bil-massa) l-ispiża ta’ Ċertifikat ġdid ta’ rikonoxximent reċiproku potenzjalment tista' tkun ferm ogħla milli għal Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip individwali minn organizzazzjoni rikonoxxuta. Min-naħa l-oħra, it-tariffi ta’ tiġdid jidhru li huma simili għal dawk taċ-ċertifikati ta' Approvazzjoni tat-Tip. Perjodu ta’ żmien ta’ 5 snin għat-tiġdid taċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament huwa prattika ġenerali fost l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE mhux biss għal Ċertifikati maħruġa taħt l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku, iżda wkoll għal dawk tal-Approvazzjoni tat-Tip RO individwali (għal dan tal-aħħar ara wkoll iċ-ċirkolari tal-OMI MSC.1/Circ.1221 11 ). Il-fatt li għal xi wħud minn dawn iċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament huwa meħtieġ test fil-preżenza ta' osservatur flimkien man-neċessità li jkunu sodisfatti standards iktar rigorużi, potenzjalment wassal għal żieda fl-ispiża f’ċerti każijiet.

Id-dejta preliminari minn studju indipendenti turi li l-ammont ta’ żmien meħtieġ biex jinkiseb Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku jvarja ħafna (minn 6 xhur sa sentejn), jskont il-prodott inkwistjoni u l-kumplessità tal-proċess ġenerali (jiġifieri l-piż amministrattiv). Varjazzjonijiet bħal dawn jistgħu parzjalment jiġu attribwiti wkoll għall-fatt li hemm biss għadd limitat ta’ Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku diġà maħruġa, u b’hekk huwa diffiċli li jinsiltu konklużjonijiet ġenerali dwar aspetti marbuta mat-tul ta’ żmien meħtieġ. Ġie rrappurtat 12 li għal prodott speċifiku, iċ-Ċertifikat ta' rikonoxximent reċiproku u ċ-ċertifikat individwali tal-Approvazzjoni tat-Tip ta' organizzazzjoni rikonoxxuta mill-UE, inħarġu fl-istess ħin. Madankollu huwa importanti li wieħed jagħraf li hekk kif jinħarġu aktar Ċertifikati tar-rikonoxximent reċiproku u l-proċess kollu jsir aktar standardizzat, iż-żmien meħtieġ għall-ksib ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku ġdid jista’ jonqos b’mod sinifikanti.

IV.It-triq 'il quddiem

Mekkaniżmu ta’ valutazzjoni tal-kritikalità tas-sikurezza

F’termini tal-għadd ta’ prodotti eliġibbli għal Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku, il-progress sa issa sar biss fir-rigward tat-3 livell ta’ kritikalità tas-sikurezza. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti milll-UE fittxew li jinkludu l-industrija tat-tagħmir marittimu fil-proċess, kif jista’ jiġi osservat ukoll permezz ta’ lista twila 13 ta’ laqgħat u inizjattivi li seħħew sa mill-2009. F’dan l-istadju huwa importanti li jiġi indirizzat it-tħassib fil-qasam tal-impatt fuq is-sikurezza. Dan jista’ jsir billi jiġi segwit l-istess proċess ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju użat minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE inklużi r-Rekwiżiti Tekniċi l-iktar stretti għall-prodotti kollha 14 li jappartjenu għat-3 livell ta’ kritikalità tas-sikurezza li huma inklużi fil-kategoriji eżistenti (l-1, it-2 u t-3 livell) kif ukoll għaż-żewġ livelli li jmiss (ir-4 u l-5 livell) ta’ prodotti li se jiġu ppubblikati fil-futur (fl-1/7/2015 u fis-sajf tal-2016 rispettivament), u l-ħtieġa, fejn meħtieġ, għal test fil-preżenza ta' osservatur, għall-kisba ta’ Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku. B’dan il-mod l-approċċ għall-iskema tar-rikonoxximent reċiproku jista’ jikber maż-żmien u jindirizza aħjar it-tħassib dwar is-sikurezza.

L-iżvilupp ta’ mudell ta' riskju aktar avvanzat u komprensiv għall-għażla ta’ prodotti li jappartjenu għal-livell ta' kritikalità tas-sikurezza li jmiss (ir-4 livell) ikun jeħtieġ l-involviment ta’ diversi organizzazzjonijiet li huma partijiet ikkonċernati, inklużi l-assiguraturi. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE qed jippjanaw li jwettqu studju pilota ta’ 6 xhur biex jiġi żgurat li s-sikurezza tinżamm fl-ogħla (4) livell.

L-involviment tal-utent aħħari

Jekk il-partijiet ikkonċernati tal-industrija fl-UE jidhru li huma aktar attivi f’termini tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE,l-industrija globali tapprezza jekk fil-ġejjieni tkun aktar involuta. Indikazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq huwa l-fatt li minn 7 manifatturi li diġà qed jużaw iċ-Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku ġdid għal xi wħud mill-prodotti tagħhom, 3 għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra l-UE (jiġifieri fl-Istati Uniti, fit-Tajwan u fil-Korea t’Isfel). Dan jista’ jtejjeb l-aċċettazzjoni globali taċ-Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku. Permezz ta’ assoċjazzjonijiet, workshops ta' informazzjoni, u avvenimenti simili oħra jiġi mħeġġeġ ukoll l-involviment akbar minn OEMs żgħar peress li dawn jiffurmaw il-grupp li huwa l-inqas involut fl-implimentazzjoni tal-iskema attwali ta’ rikonoxximent reċiproku. F’dan il-każ, iċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament, jistgħu jżidu l-aċċess għas-suq għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Minkejja dan, fil-prattika, minħabba l-ambigwità attwali tal-aċċettazzjoni volontarja taċ-Ċertifikat ta' rikonoxximent reċiproku volontarju mill-amministrazzjonijiet mad-dinja kollha, dan jista’ jkun applikabbli biss għal SMEs ibbażati fl-UE li jfornu lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru. Madankollu, filwaqt li l-aċċettazzjoni volontarja għandha tiġi promossa aktar, iż-żmien ta' kummerċjalizzazzjoni kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi, jitnaqqsu għal dawk il-kumpaniji li jimmiraw udjenza usa’.

Kunsiderazzjonijiet oħrajn

F’dan l-istadju għadu mhux ċar jekk l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE hux se jirnexxilhom jelaboraw rekwiżiti għal Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament għal prodotti aktar kumplessi fil-futur qrib. Il-manifatturi ta' tagħmir huma ħerqana li jipproponu lista ta’ prodotti ġodda possibbli li għandhom livelli ogħla ta' kritikalità tas-sikurezza. Għal dan l-għan, ġew issuġġeriti passi ulterjuri minn SEA Europe u organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE, inklużi laqgħat ippjanati fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija internazzjonali sabiex jiddiskutu u jirċievu kummenti u rakkomandazzjonijiet biex jinkorporaw prodotti addizzjonali fl-iskema.

Fir-rigward tal-prodotti attwalment eżistenti, kif muri mill-istudju indipendenti, proporzjon sinifikanti ta’ partijiet ikkonċernati (bħal manifatturi, operaturi tal-vapuri, assiguraturi, tarzni, tarznara, persuni responsabbli mit-tiswija tal-vapuri) ma kellhom l-ebda informazzjoni dwar l-użu u l-aċċettazzjoni taċ-Ċertifikat ta’ rikonoxximent reċiproku u lanqas ma kienu jafu jekk iċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament kinux attwalment aċċettati mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE kollha.

Għalhekk avvenimenti ta’ disseminazzjoni (eż. workshops, seminars, eċċ.) flimkien ma’ distribuzzjoni usa’ ta’ informazzjoni eżistenti dwar ir-rekwiżiti tekniċi ta’ prodotti eliġibbli għall-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku lil proporzjon akbar ta’ partijiet ikkonċernati b’interessi industrijali differenti jistgħu jiġu mbassra sabiex l-iskema ta’ rikonoxximent reċiproku tilħaq udjenza usa’. Għal dan l-għan, iż-żewġ workshops organizzati minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE u minn SEA Europe, sa issa kienu meqjusa bħala pass effettiv f’din id-direzzjoni u għandhom jitkomplew.

Żmien biżżejjed biex jiġu pproċessati r-rakkomandazzjonijiet u feedback dwar l-iskema permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni 15 disponibbli jistgħu jżidu l-għarfien u b’hekk jippromwovu l-parteċipazzjoni addizzjonali minn grupp akbar ta’ partijiet ikkonċernati. Il-Prodotti/l-unitajiet li huma diġà suġġetti għal regoli komuni fost organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE jistgħu ikunu punt tat-tluq tajjeb għall-espansjoni tal-iskema għal-livell ta' kritikalità tas-sikurezza li jmiss (ir-4 livell). Il-fatt li sidien tal-vapuri, it-tarznara u s-servejers lokali jiġu infurmati dwar l-iskema tar-rikonoxximent reċiproku, jista’ jkompli jżid l-aċċettazzjoni tagħha. Miżuri oħra li jistgħu jippromwovu l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku huma li tiżdied it-trasparenza relatata mal-ispiża sabiex jinkisbu Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku.

V.Konklużjonijiet

L-iskema ta' rikonoxximent reċiproku żviluppata minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE hija konformi mar-Regolament tal-UE għalkemm il-manifatturi jikkritikaw il-proċess ta’ applikazzjoni għaċ-Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku għaliex għadu ma ġiex kompletament armonizzat. L-esperjenza eżistenti, li hija limitata ħafna, turi li l-fornituri ta' komponenti għadhom japplikaw għaċ-ċertifikati individwali u anke għaċ-Ċertifikat ta' rikonoxximent reċiproku. Meta test fil-preżenza ta' osservatur ikun meħtieġ għal dan tal-aħħar, l-ispiża ħafna drabi tiqies kbira wisq (speċjalment għall-SMEs). Filwaqt li hemm nuqqas ġenerali ta’ informazzjoni barra mill-partijiet ikkonċernati immedjatament affettwati, l-informazzjoni addizzjonali u l-avvenimenti ta’ disseminazzjoni jistgħu jtejbu l-għarfien u l-parteċipazzjoni fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku. L-aċċettazzjoni internazzjonali volontarja hija l-ikbar xkiel li għandu jingħeleb u d-djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-industrija kif ukoll bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti jista’ jżid il-fehim u l-aċċettazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku barra l-UE. Permezz tal-applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-għażla ta’ oġġetti inklużi f’kull kategorija ta’ rekwiżiti tekniċi għal prodotti tat-3 livell ta’ kritikalità tas-sikurezza, u r-rispett tar-regoli l-aktar stretti, is-sikurezza hija kompletament promossa permezz tal-iskema għar-rikonoxximent reċiproku. Għad hemm lok għall-espansjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni ta' rikonoxximent reċiproku biex tkopri firxa usa’ ta’ tagħmir marittimu (eż. prodotti jew materjali aktar kumplessi ) skont il-livelli differenti ta’ kritikalità tas-sikurezza.

B’mod ġenerali, f’dan l-istadju jista’ jiġi konkluż dan li ġej:

L-iskema ta' rikonoxximent reċiproku żviluppata minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE hija konformi mar-Regolament tal-UE għalkemm il-kamp ta' applikazzjoni tagħha għadu limitat u għandu jiġi żviluppat aktar.

Fil-preżent, iċ-Ċertifikati rikonoxxuti reċiprokament, jeżistu flimkien ma’ ċertifikati ta’ approvazzjoni tat-tip individwali għall-istess prodotti. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkunsidraw li jissimplifikaw il-proċeduri għaċ-Ċertifikati ta' rikonoxximent reċiproku f’każijiet xierqa sabiex l-ispejjeż tagħhom isiru aktar kompetittivi u ċ-ċertifikati individwali jistgħu jiġi eliminati b’mod gradwali.

(1)

  http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(2)

Id-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p.47).

(3)

Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/111/UE tas-17 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2009/15/KE fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1355/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 391/2009 fir-rigward tal-adozzjoni mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ta' ċerti Kodiċijiet u emendi relatati f'ċerti konvenzjonijiet u protokolli.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar apparat tal-baħar (ĠU L 046, 17.2.1997, p. 25), kif emendata.

(6)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=OJ:JOL_2004_150_R_0042_01&from=EN  

(7)

Ara paġna 12 (L-approċċ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-UE biex jitwettaq l-Artikolu10) tad-dokument li ġej: http://www.euromr.org/SiteAssets/Document%20Archive/EU_report_1212_L02.pdf  

(8)

Rekwiżiti Tekniċi Miftiehma rikonoxxuti reċiprokament: http://www.euromr.org/technical-requirements  

(9)

  http://www.easy-content.be/Documents/Open.aspx?guid={0CF8BB9B-3D56-4E4F-ABCF-B3F8991A6A81}

http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(10)

Ara l-Appendiċi V tal-istudju indipendenti msemmi fl-Artikolu 10.2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(11)

  http://www.iho.int/mtg_docs/industry/ECDIS_workshop_12/MSC_Circ1221.pdf  

(12)

  http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(13)

Ara l-Appendiċi I tal-istudju indipendenti msemmi fl-Artikolu 10.2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(14)

Ara l-Appendiċi II tal-istudju indipendenti msemmi fl-Artikolu 10.2 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/maritime_en.htm  

(15)

Talba għal Bdil jew Kjarifika tar-Rekwiżiti Tekniċi MR (TRs) u d-Dokumentazzjoni Relatata: http://www.euromr.org/technical-requirements