IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.7.2015
COM(2015) 362 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u passiġġieri bil-baħar
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U
LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija u passiġġieri bil-baħar
1.
INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġie adottat għal żewġ għanijiet ewlenin – jiġifieri biex il-ġbir tad-dejta dwar il-merkanzija ttrasportata bit-trasport marittimu jkun konformi ma' dak tal-merkanzija ttrasportata b'mezzi oħra ta' trasport u biex is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bid-Direttiva 2009/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ikunu allinjati mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk ir-Regolament:
1.jintroduċi, skont il-klassifikazzjoni NST 2007, ir-rekwiżit għall-Istati Membri li jipprovdu dejta dwar it-trasport bil-baħar fil-portijiet ewlenin Ewropej skont it-tip ta' merkanzija, biex b'hekk id-dejta dwar il-ġbir ta' merkanzija ttrasportata bit-trasport marittimu tkun konformi mal-approċċi u l-istandards użati għall-istatistika dwar it-trasport bit-triq, it-trasport bil-ferrovija u t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni; u
2.jallinja s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bid-Direttiva 2009/42/KE mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Id-Direttiva 2009/42/KE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati li jaqdu l-għanijiet li ġejjin:
jaddattaw ir-rekwiżiti tal-ġbir tad-dejta stabbiliti fl-Annessi I sa VIII biex jirriflettu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi, sakemm dawn il-bidliet ma jinvolvux żieda sostanzjali fl-ispejjeż għall-Istati Membri u/jew fil-piż li għandu min iwieġeb (kif deskritt fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/42/KE);
ifasslu lista ta' portijiet, kodifikati u klassifikati skont il-pajjiż u ż-żoni marittimi kostali (kif deskritt fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/42/KE); u
jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2009/42/KE biex jiżguraw li l-metodi tal-ġbir tad-dejta użati għall-produzzjoni ta' settijiet ta' dejta statistiċi dwar it-trasport bil-baħar deskritti fl-Anness VIII huma tali li dawn is-settijiet ta' dejta jissodisfaw l-istandards ta' preċiżjoni stabbiliti mill-Kummissjoni (fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/42/KE).
Ir-Regolament (UE) Nru 1090/2010 jenfasizza l-importanza li meta tħejji atti delegati, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, anke fuq il-livell tal-esperti.
2.
BAŻI LEGALI
Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2009/42/KE. Din id-dispożizzjoni tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal perjodu ta' ħames snin mid-29 ta' Diċembru 2010. Mill-inqas sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin, il-Kummissjoni trid tħejji rapport dwar id-delega tas-setgħat.
3.
EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA
Minn meta r-Regolament (UE) Nru 1090/2010 daħal fis-seħħ, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni delegata waħda, jiġifieri d-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni 2012/186/UE. Din addattat ċerti partijiet tar-rekwiżiti ta' ġbir tad-dejta stabbiliti fl-Annessi I sa VIII tad-Direttiva 2009/42/KE biex jirriflettu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi.
Il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ teżerċita s-setgħa li ngħatatilha bid-Direttiva 2009/42/KE sabiex timplimenta sett ta' rakkomandazzjonijiet għall-addattament u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tad-dejta proposti mit-Task Force dwar l-Istatistiċi tat-Trasport Marittimu u wara approvati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Istatistika tat-Trasport Marittimu. Kid iddikjarat fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/42/KE, il-Kummissjoni tista' tadotta dawn il-miżuri permezz ta' atti delegati.
Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni 2012/186/UE introduċiet l-adattamenti u s-simplifikazzjonijiet li ġejjin tar-rekwiżiti tal-ġbir tad-dejta stabbiliti fl-Annessi I sa VIII tad-Direttiva 2009/42/KE:
1)Bidla teknika fil-klassifikazzjoni tat-tip ta' merkanzija fl-Anness II: l-eks kategorija ta' merkanzija 63 inqasmet fi tliet kategoriji ġodda ta' merkanzija: 64 Vaguni tal-ferrovija involuti fit-trasport tal-merkanzija, 65 Karrijiet ta' fuq il-bastimenti li jintużaw minn port għall-ieħor involuti fit-trasport tal-merkanzija u 66 Barkuni ta' fuq il-bastimenti involuti fit-trasport tal-merkanzija.
2)Bidla teknika fin-nomenklatura għaż-żoni kostali marittimi fl-Anness IV: l-eks kodiċi taż-żona kostali marittima għall-Messiku inqasam f'żewġ kodiċijiet separati: MX01 Il-Messiku: l-Atlantiku u MX02 Il-Messiku: il-Paċifiku.
3)Simplifikazzjoni tal-ġbir tad-dejta għat-traffiku tal-bastimenti fil-portijiet ewlenin Ewropej f'settijiet tad-dejta F1 u F2 fl-Anness VIII: il-varjabbli Direzzjoni tħassret (peress li trid tinġabar biss id-dejta dwar il-moviment 'il ġewwa fil-portijiet).
4)Formalizzazzjoni tal-istatus legali tas-settijiet tad-dejta F1 u F2 fl-Anness VIII: il-ġbir tad-dejta għas-sett tad-dejta F1 issa huwa fakultattiv u għas-sett tad-dejta F2 issa huwa obbligatorju.
5)Introduzzjoni ta' sett tad-dejta ġdid bl-isem ta' C2 fl-Anness VIII: żdiedu l-ispeċifikazzjonijiet għall-ġbir tad-dejta fakultattiv fl-unitajiet tal-kontejners Ro-Ro fil-portijiet ewlenin Ewropej.
6)Bidla teknika fil-klassifikazzjoni tat-tip ta' merkanzija fl-Anness II: ġie introdott sett ta' kodiċijiet għall-ġbir tad-dejta fl-unitajiet tal-kontejners Ro-Ro għas-sett tad-dejta C2 (RX Kontejners Kbar Ro-Ro, R1 20 ft unitajiet tat-tagħbija, R2 40 ft unitajiet tat-tagħbija, R3 Unitajiet tat-tagħbija > 20 ft u < 40 ft, u R4 Unitajiet tat-tagħbija > 40ft).
7)Barra minn hekk, id-deskrizzjonijiet tal-varjabbli u d-definizzjonijiet statistiċi mogħtija fl-Anness I ġew aġġornati biex jirriflettu l-bidliet tekniċi msemmija hawn fuq.
Hi u tħejji d-Deċiżjoni Delegata, il-Kummissjoni kkonsultat mal-esperti nazzjonali fil-laqgħat annwali tal-Grupp ta' Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport li saru f'Diċembru 2010 u f'Diċembru 2011. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ġew infurmati kif xieraq bil-laqgħat kollha tal-gruppi ta' esperti u rċevew minnufih u f'forma xierqa d-dokumenti kollha rilevanti. F'Novembru tal-2011 ġie diskuss l-abbozz tad-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni li ntlaqa' b'mod favorevoli mid-Diretturi Ġenerali tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Fit-3 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat u nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma ħarġu xi oġġezzjoni għad-Deċiżjoni Delegata fi żmien il-perjodu standard ta' xahrejn permess. Mal-iskadenza tal-perjodu ta' xahrejn, jiġifieri fil-11 ta' April 2012, id-Deċiżjoni Delegata ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din daħlet fis-seħħ fit-12 ta' April 2012.
4.
KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni eżerċitat sew is-setgħat delegati tagħha u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta' dan ir-rapport.