Brussell, 22.7.2015

COM(2015) 355 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2013 u l-2014


KELMTEJN QABEL MILL-KUMMISSARJU

Għażiż Qarrej,

Għandi l-pjaċir nippreżentalek dan ir-rapport dwar il-kisbiet tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fl-2013 u l-2014. Il-Fond għadda minn żvilupp notevoli sa mill-bidu tiegħu fl-2007. Illum il-Fond ikopri varjetà wiesgħa ta’ setturi u attivitajiet ekonomiċi u dejjem aktar Stati Membri bbenefikaw minn dan l-appoġġ.

Fi żmien meta r-riżorsi pubbliċi huma ristretti u l-kapaċità tas-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku madwar l-Ewropa hija mġebbda sal-limiti tagħha, il-FEG ipprovda sostenn lill-ħaddiema li sfaw vittmi ta’ sensji tal-massa kkawżati mill-globalizzazzjoni jew mill-kriżi. L-assistenza mmirata u ppersonalizzata għenet biex tindirizza l-ħaddiema qiegħda lejn setturi ta’ tkabbir ġodda u promettenti.

Ir-riżultati ppreżentati f’dan ir-rapport juru l-valur miżjud tal-FEG u juru li l-assistenza intensifikata pprovduta permezz tal-FEG, li ta’ spiss tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema qiegħda li għandhom l-aktar diffikultà biex isibu impjieg ġdid, tat il-frott tagħha, kif muri minn rata impressjonanti ta’ impjieg mill-ġdid ta’ kważi 50 % tal-ħaddiema megħjuna.

Ir-Regolament il-ġdid tal-FEG adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Diċembru 2013 jestendi l-appoġġ biex jinkludi aktar oqsma tal-forza tax-xogħol li spiss ikunu vulnerabbli, bħall- impjegati temporanji, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u, b’deroga sal-aħħar tal-2017, iż-żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-qafas legali ġie razzjonalizzat sabiex dan il-finanzjament isir disponibbli aktar malajr fejn ikun hemm bżonnu. Mill-1 ta’ April 2015, huma mistennija aktar gwadanni fl-effiċjenza permezz tal-introduzzjoni ta’ pjattaforma tal-komunikazzjoni fuq l-internet li l-Istati Membri ser jużaw biex jissottomettu l-applikazzjonijiet elettroniċi tagħhom tal-FEG. Dawn il-bidliet huma sinjal tajjeb għar-rwol futur tal-FEG biex jittaffew l-effetti negattivi avversi potenzjali fuq qasir żmien, u dan sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni sew ekonomiċi sew għall-impjiegi fuq medda twila ta’ żmien u biex noħorġu għal kollox mid-dlamijiet tal-kriżi ekonomika.

Marianne Thyssen

Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema



WERREJ

1.Introduzzjoni

2.Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-FEG fl-2013 u l-2014

3.Segwitu għar-Rapport Annwali tal-2012 dwar l-attivitajiet tal-FEG

4.Analiżi tal-Attivitajiet tal-FEG fl-2013 u l2014

4.1.Applikazzjonijiet li waslu

4.1.1.L-applikazzjonijiet sottomessi skont is-settur

4.1.2.L-applikazzjonijiet sottomessi skont l-ammont mitlub

4.1.3.L-applikazzjonijiet sottomessi skont l-għadd ta' ħaddiema identifikati għall-assistenza

4.1.4.Applikazzjonijiet sottomessi skont l-ammont mitlub għal kull ħaddiem

4.1.5.L-applikazzjonijiet sottomessi skont il-kriterju ta' intervent

4.2.Kontribuzzjonijiet mogħtija

4.2.1.Azzjonijiet iffinanzjati bl-assistenza mill-FEG

4.2.2.Il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, notevolment il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

4.3.Każijiet li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG

4.4.Ir-riżultati miksuba mill-FEG

4.4.1.Sommarju tar-riżultati u l-prattiki tajba rrapportati fl-2013 u l-2014

4.4.2.Valutazzjoni kwalitattiva

4.5.Perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020 - ir-Regolament ġdid tal-FEG

4.6.Ir-Rapport Finanzjarju

4.6.1.Il-fondi mogħtija mill-FEG

4.6.2.L-infiq fuq l-assistenza teknika

4.6.3.L-irregolaritajiet li ġew irrappurtati jew magħluqa

4.6.4.L-istralċ ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG

4.6.5.Rimborżi oħrajn

4.7.L-attivitajiet ta' assistenza teknika mwettqa mill-Kummissjoni

4.7.1.Informazzjoni u pubbliċità

4.7.2.Laqgħat mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati tal-FEG

4.7.3.Ħolqien ta' bażi ta' għarfien - bażi ta' dejta tal-FEG u proċeduri standardizzati għal applikazzjonijiet tal-FEG

4.7.4.Evalwazzjoni ex-post tal-FEG għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-13

5.Xejriet

6.Konklużjoni

1.Introduzzjoni

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huwa maħsub biex jappoġġja ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija. Il-FEG, mwaqqaf mir-Regolament (EC) No 1927/2006, 1 tfassal biex jirrekonċilja l-benefiċċji kumplessivi li l-kummerċ miftuħ għandu għat-tkabbir u l-impjiegi għaż-żmien fit-tul mal-effetti negattivi fuq qasir żmien li għandu mnejn iġġib magħha l-globalizzazzjoni, partikolarment fuq l-impjiegi tal-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u bl-inqas ħiliet. Il-FEG jikkofinanzja miżuri attivi ta' politika fis-suq tax-xogħol li jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ħaddiema qiegħda jerġgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol u jsibu xogħol ġdid. L-EGF jissupplimenta l-miżuri nazzjonali tas-suq tax-xogħol fejn il-proċessi ta’ sensji kollettivi f’daqqa jqiegħdu lis-servizzi pubbliċi tal-impjieg taħt pressjoni straordinarja. Dan jista’ jipprovdi approċċ aktar personalizzat u mmirat lill-ħaddiema qiegħda l-aktar vulnerabbli.

Sabiex jirrispondu b’mod iktar effettiv għall-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, ir-regoli li jirregolaw l-FEG ġew emendati l-ewwel bir- Regolament (KE) Nru 546/2009 2 u, minn Jannar 2014, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. 3

L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jeħtieġ li, ta' kull sentejn, il-Kummissjoni tibgħat rapport kwantitattiv u kwalitattiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tal-FEG fis-sentejn ta’ qabel. Ir-rapporti għandhom jiffokaw prinċipalment fuq ir-riżultati milħuqa mill-FEG, inkluż b’mod partikolari informazzjoni dwar dan li ġej:

applikazzjonijiet ippreżentati

deċiżjonijiet adottati;

azzjonijiet iffinanzjati, inklużi l-kumplimentarjetà tagħhom ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn strumenti oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

l-istralċ tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li saru.

Ir-rapporti għandhom ukoll jiddokumentaw it-talbiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ fondi jew ineliġibilità. Mill-kliem tal-Artikolu 19, joħroġ li r-rapporti jeżaminaw azzjonijiet li tlestew fil-perjodu ta’ referenza aktar milli l-każijiet li ġejjin matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (kull sezzjoni tar-rapport se teżamina każijiet differenti).

2.Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-FEG fl-2013 u l-2014

Fl-2013 u l-2014, il-Kummissjoni rċeviet 30 applikazzjoni għal kontribuzzjonijiet mill-FEG, li jammontaw għal EUR 109 miljun. Id-dettalji dwar l-applikazzjonijiet jinsabu fit-Taqsima 4.1 u fit-Tabella 1.

L-awtorità tal-baġit ħadet 28 deċiżjoni biex timmobilizza l-FEG fl-2014, li ammontaw għal total ta' EUR 114.4 miljun mill-baġit tal-2013-2014 tal-FEG. Id-dettalji tal-kontribuzzjonijiet mogħtija jinsabu fit-Taqsima 4.2 u fit-Tabelli 2 u 3.

Il-Kummissjoni rċeviet 34 rapport final dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-EGF fl-2013-2014. Ir-riżultati deskritti fit-Taqsima 4.4 u fit-Tabella 4. Mill-kontribuzzjonijiet FEG mogħtija fis-snin ta' qabel, ingħalqu 34 fil-perjodu ta' referenza (id-dettalji jinsabu fit-Taqsima 4.6.4 u fit-Tabella 3 tal-Anness).

L-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni (il- Artikolu 8(1) tar- Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-Artikolu 11 tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013) hija deskritta fit-Taqsima 4.6.2 u t-Tabella 5.

L-evalwazzjoni tal-2007-2013 twettqet f’żewġ fażijiet minn fornitur estern tas-servizzi (aktar dettalji fit-Taqsima 4.7.4), li mbagħad bagħat ir-rapporti li rriżultaw lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Regolament dwar il-FEG għall-2014-2020 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2011. 4 Il-proposta ġiet diskussa fiż-żewġ istituzzjonijiet u ġiet adottata f’Diċembru 2013, li jippermetti lill-Istati Membri japplikaw għall-kofinanzjament mill-FEG skont ir-regoli l-ġodda minn Jannar 2014 ’il quddiem (aktar dettalji fit-Taqsima 4.5).

3.Segwitu għar-Rapport Annwali tal-2012 dwar l-attivitajiet tal-FEG

Mill-1 ta’ Mejju 2009, kien hemm disponibbli 'deroga għall-kriżi' temporanja, li tippermetti lill-Istati Membri jikkwotaw il-kriżi finanzjarja u ekonomika bħala raġuni għal applikazzjoni għall-FEG. Id-deroga skadiet wara l-31 ta’ Diċembru 2011 peress li ma ntlaħaq l-ebda ftehim fil-Kunsill biex tiġi estiża. Għalhekk, għall-perjodu li fadal mir-Regolament tal-FEG, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2013, applikazzjonijiet għal appoġġ mill-FEG ma setgħux jibqgħu ġġustifikati fuq raġunijiet tal-kriżi finanzjarja u ekonomika imma fuq raġunijiet biss ta' bidliet strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ kofinanzjament reġgħet lura għal 50 % oriġinali tal-ispejjeż eliġibbli totali.

Skont ir-Regolament il-ġdid għall-2014-2020, kriżi finanzjarja u ekonomika tista' terġa' tiġi ċċitata bħala raġuni għal applikazzjoni tal-FEG. Bidla oħra importanti taħt ir-Regolament il-ġdid hija l-inklużjoni ta’ kategoriji ġodda ta’ benefiċjarji, bħalma huma ħaddiema temporanji u ħaddiema mqbbada minn aġenzija, ħaddiema li jaħdmu għal rashom u — sa tmiem l-2017 — żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs).

4.Analiżi tal-Attivitajiet tal-FEG fl-2013 u l2014

4.1.Applikazzjonijiet li waslu

Fl-2013 u fl-2014, il-Kummissjoni rċeviet 30 applikazzjonijiet tal-FEG 5 (ara t-Tabella 1). Dawn issottomettewhom 10 Stati Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja u Spanja). L-applikazzjonijiet, li talbu total ta’ EUR 108 733 976 mill-FEG, kellhom fil-mira tagħhom 28 390 ħaddiem li ngħataw is-sensja bħala riżultat ta’ bidliet strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-10 Stati Membri kollha kienu qabel applikaw għal finanzjament mill-FEG.

L-applikazzjonijiet għall-2013 ġew koperti mir-Regolament (KE) Nru 546/2009, li ppermetta rata ta’ kofinanzjament ta’ 50 % u l-ebda użu tal-kriterju tal-'kriżi. L-applikazzjonijiet tal-2014, min-naħa l-oħra, kienu koperti mir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, li jippermetti rata ta’ kofinanzjament ta’ 60 % u l-possibbiltà li tintuża l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija bħala kriterju ta’ intervent.

Tabella 1 — Applikazzjonijiet li waslu fl-2013 u l-2014

L-applikazzjonijiet sottomessi skont is-settur

It-30 applikazzjoni li waslu matul il-perijodu taħt reviżjoni kienu relatati ma’ firxa wiesgħa ta’ setturi (24). 6 L-applikazzjonijiet tal-FEG ġew ippreżentati għall-ewwel darba għal 10 setturi. Is-setturi konċernati kienu: — prodotti tal-ikel, biċċeriji, kimika, ħġieġ, manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi, ġojellerija, trasport/mħażen, trasport bl-ajru, servizzi ta' ikel u xorb, programmi u xandir, tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir, u informazzjoni u komunikazzjoni.

4.1.1.L-applikazzjonijiet sottomessi skont l-ammont mitlub

Kull Stat Membru li japplika għal appoġġ mill-FEG irid ifassal pakkett koordinat ta’ miżuri li jkun l-iktar wieħed li jixraq għall-profili tal-ħaddiema fil-mira, u jrid jiddeċiedi fuq l-ammont ta’ assistenza li jixtieq jitlob. Ir-Regolament tal-EGF jistabbilixxi r-rata massima ta’ kofinanzjament mill-Kummissjoni għal każi tal-FEG. 7 Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta' applikazzjoni tista' tirriżulta fi kwistjonijiet li jġiegħlu Stat Membru jirrevedi l-pakkett propost ta' servizzi personalizzati, u b'hekk jiġi affettwat l-ammont mitlub.

Il-kontribuzzjonijiet mitluba mill-EGF fl-2013 u fl-2014 jvarjaw minn EUR 115 205 għal EUR 25 937 813 (medja ta’ EUR 3 624 466).

4.1.2.L-applikazzjonijiet sottomessi skont l-għadd ta' ħaddiema identifikati għall-assistenza

In-numru totali ta’ ħaddiema fil-mira tal-miżuri proposti għal kofinanzjament mill-FEG kien ta’ 28 390, li hu madwar 76 % tan-numru totali ta’ madwar 37 000 sensja mill-10 Stati Membri fis-30 applikazzjoni ppreżantati.

In-numri ta' ħaddiema fil-mira varjaw min 50 għal 3886, b'erba' applikazzjonijiet jimmiraw għal aktar minn 1000, u 11-il applikazzjoni għal inqas minn 500 ħaddiem. In-numru ta' ħaddiema ssensjati u n-numru fil-mira għal appoġġ mill-FEG jista’ jvarja, għaliex l-Istat Membru applikant jista’ jiddeċiedi li jiffoka l-assistenza mill-FEG fuq gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema biss, bħal dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet eċċezzjonali biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u/jew dawk li l-aktar li għandhom bżonn ta' assistenza. Xi wħud mill-ħaddiema milquta jistgħu jirċievu assistenza mhux mill-FEG, filwaqt li oħrajn jista' jkun li jsibu xogħol ġdid huma stess jew jiddeċiedu li jirtiraw minn kmieni, li jfisser li ma jkunux identifikati għall-miżuri tal-FEG.

4.1.3.Applikazzjonijiet sottomessi skont l-ammont mitlub għal kull ħaddiem

Il-pakkett ta' servizzi individwalizzati li jistgħu jipproponu l-Istati Membri għall-ħaddiema kkonċernati li jingħataw is-sensja huwa għad-diskrezzjoni tagħhom, sakemm ikun skont it-termini tar-Regolament. L-ammont mitlub għal kull ħaddiem milqut, għaldaqstant, jista' jvarja skont kemm ikun gravi l-każ tat-tkeċċija, is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol milqut, iċ-ċirkostanzi individwali tal-ħaddiema identifikati, il-miżuri li diġà jkunu qed jingħataw mill-Istat Membru, u l-ispiża biex jingħataw is-servizzi fl-Istat Membru jew ir-reġjun ikkonċernat. Dan jispjega għaliex l-ammonti ta' appoġġ FEG proposti għal kull ħaddiem fl-2013 u l-2014 varjaw bejn ftit iktar minn EUR 1 152 u ftit iktar minn EUR 6 675, b'medja ta' EUR 3 352 għal kull ħaddiem.

4.1.4.L-applikazzjonijiet sottomessi skont il-kriterju ta' intervent

Fil-perijodu taħt reviżjoni, 19 applikazzjonijiet kienu biex jappoġġjaw ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, filwaqt li 11 applikazzjonijiet kienu biex jappoġġjaw ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Erba’ applikazzjonijiet relatati mal-kummerċ kienu ġġustifikati minn ċirkostanzi eċċezzjonali.

4.2.Kontribuzzjonijiet mogħtija

Fl-2013 u l-2014, l-Awtorità Baġitarja ħadet 28 deċiżjoni biex tagħti finanzjament mill-FEG lil miżuri attivi ta’ politika tas-suq tax-xogħol bħala tweġiba għall-applikazzjonijiet tal-Istati Membri. Ara t-Tabelli 2 u 3 għal ħarsa ġenerali lejn il-kontribuzzjonijiet mogħtija u profil tal-ħaddiema kkonċernati. Minn dawn, disgħa minnhom ikkonċernaw applikazzjonijiet magħmula fl-2013 u 11 ikkonċernaw applikazzjonijiet magħmula fl-2014. Tmienja oħra kienu relatati ma’ applikazzjonijiet sottomessi fl-2011 (4) u l-2012 (4). Għall-erba’ applikazzjonijiet li tressqu fl-2011, applikat ir-rata ta’ kofinanzjament ogħla ta’ 65 % b’reazzjoni għall-kriżi. Għat-13-il applikazzjoni sottomessi fl-2012 u l-2013, ir-rata ta’ kofinanzjament kienet ta’ 50 %, u l-11-il applikazzjoni l-oħra mressqa fl-2014 kellhom rata ta’ kofinanzjament ta’ 60 %.

It-28 kontribuzzjoni mogħtija kienu mmirati lejn 27 610 ħaddiem li ngħataw is-sensja fi 13-il Stat Membru b'total ta' EUR 114 427 463 imħallas mill-FEG.

Tabella 2 — Dettalji tal-kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2013--2014


Tabella 3 — Kontribuzzjonijiet mill-FEG mogħtija fl-2013 u l-2014: Profil tal-ħaddiema (esklużi NEETs) 8

4.2.1.Azzjonijiet iffinanzjati bl-assistenza mill-FEG

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-FEG jista' jikkofinanzja miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jkunu mmirati li jgħinu lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja biex jerġgħu jsibu impjieg. Barra minn hekk, ir-Regolamenti jiddikjaraw li l-FEG jista' jiffinanzja l-attivitajiet ta' implimentazzjoni ta' Stat Membru, jiġifieri l-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni, pubbliċità u kontroll għall-użu tal-fondi.

Il-miżuri approvati għad-28 kontribuzzjoni mill-FEG mogħtija fl-2012 u l-2013, kellhom bħala mira l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' 27 610 ħaddiem li ngħataw is-sensja. Il-miżuri kienu jikkonsistu prinċipalment minn:

attivitajiet intensivi ta' għajnuna personalizzata għat-tiftix ta’ impjieg u l-ġestjoni tal-każijiet;

varjetà ta’ taħriġ vokazzjonali, miżuri biex wieħed ikompli jibni fuq il-ħiliet preżenti u biex jitħarreġ mill-ġdid;

diversi inċentivi/konċessjonijiet finanzjarji temporanji tul il-miżuri attivi tal-appoġġ, sa meta l-ħaddiema jerġgħu attwalment lura f’impjieg;

xi servizzi ta’ mentoring matul il-fażi inizjali fl-impjieg il-ġdid;

tipi oħra ta’ attivitajiet, bħal promozzjoni tal-intraprenditorija/ħolqien ta’ negozju, u inċentivi ta’ darba ta’ reklutaġġ/impjieg.

Meta fasslu l-pakketti ta’ appoġġ tagħhom, l-Istati Membri qiesu l-isfondi, l-esperjenzi u l-livelli edukattivi tal-ħaddiema individwali, l-abbiltà tagħhom li jkunu mobbli u aġġornati u l-opportunitajiet mistennija tax-xogħol fir-reġjuni kkonċernati.

4.2.2.Il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, notevolment il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)

Il-FEG huwa mfassal sabiex permezz ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol iżid l-impjegabbiltà u jiżgura l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg malajr għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u b’hekk jimxi id f’id mal-FSE, li huwa l-istrument importanti tal-UE għall-promozzjoni tal-impjiegi. Il-FEG jipprovdi għajnuna mfassla apposta lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja bi tweġiba għal każ speċifiku ta' għoti ta' sensji fuq skala kbira, filwaqt li l-FSE jappoġġja miri strateġiċi għal tul ta' żmien (pereżempju ż-żieda fil-kapital uman, il-ġestjoni tal-bidliet) permezz ta' programmi pluriennali r-riżorsi tagħhom normalment ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġu allokati bħala soluzzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi kkawżati minn ħafna sensji f'daqqa. Xi drabi l-miżuri tal-FEG u l-FSE jintużaw biex jikkumplementaw lil xulxin sabiex jipprovdu soluzzjonijiet kemm immedjati u kemm għal medda ta' żmien itwal. Il-kriterju deċiżiv huwa l-potenzjal tal-istrumenti disponibbli li jgħinu lill-ħaddiema, u huwa f'idejn l-Istati Membri li jagħżlu — u li jipprogrammaw — l-istrumenti u l-azzjonijiet li jgħinu bl-aħjar mod biex jintlaħqu l-għanijiet fil-mira.

Il-kontenut tal-'pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati' li għandu jiġi kkofinanzjat mill-FEG għandu jkun ibbilanċjat minn azzjonijiet oħra u jikkumplementahom. Il-miżuri kkofinanzjati mill-FEG jistgħu jestendu lil hinn minn korsijiet u azzjonijiet standard. Il-prattika wriet li l-FEG jippermetti lill-Istati Membri joffru lill-ħaddiema li rċevew is-sensja assistenza mfassla b’mod iktar personalizzat u iktar profonda milli kien ikun possibbli mingħajru, inklużi miżuri li normalment ma kienx ikollhom aċċess għalihom (eż. edukazzjoni tat-tieni jew tat-tielet livell). Il-FEG jippermetti lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar attenzjoni partikolari lill-l-persuni vulnerabbli, bħal dawk b’ħiliet baxxi jew dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, u biex jipprovdu appoġġ bi proporzjon bejn konsulent u ħaddiem aħjar u/jew fuq perjodu ta’ żmien itwal minn dak li kien ikun possibbli mingħajr il-FEG. Dan kollu jservi biex iżid il-prospetti tal-ħaddiema li jtejbu s-sitwazzjoni tagħhom. B’deroga sal-aħħar tal-2017, ir-Regolament il-ġdid dwar il-FEG jippermetti lill-Istati Membri jestendu l-għajnuna biex tkopri żgħażagħ li mhumiex f’impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) f’reġjuni b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ. L-għan huwa l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li ġiet approvata mill-Kunsill f’April 2013. 9  

L-Istati Membri kollha għandhom jimplimentaw il-mekkaniżmi neċessarji biex jevitaw kwalunkwe riskju ta' finanzjament doppju mill-istrumenti finanzjarji tal-UE, kif inhu mitlub mill-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

4.3.Każijiet li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG

La l-Kummissjoni u lanqas l-awtorità baġitarja ma ċaħdu xi applikazzjoni mressqa mill-Istati Membri għall-finanzjament mill-FEG.

4.4.Ir-riżultati miksuba mill-FEG

Is-sorsi prinċipali ta' informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-FEG huma r-rapporti finali ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dawn huma ssupplimentati minn informazzjoni kondiviża mill-Istati Membri f’kuntatti diretti mal-Kummissjoni u matul laqgħat u konferenzi.

Sa tmiem l-2014, il-Kummissjoni rċiviet rapporti finali għal 34 każ ikkofinanzjat mill-FEG, implimentati minn 13-il Stat Membru sa nofs is-sena 2014. 10

Ir-riżultati u d-dejta ewlenin rrapportati mill-Istati Membri fl-2013 u l-2014 huma mogħtija f’sinteżi f’din it-Taqsima u fit-Tabella 4 taħt. 13 mill-34 każ kienu wkoll koperti mill-evalwazzjoni ex-post tal-FEG. L-għan tal-evalwazzjoni ex-post kien li jkejjel il-valur miżjud tal-FEG u l-impatt tiegħu fuq il-ħaddiema ssensjati u s-swieq tax-xogħol (ara t-Taqsima 4.7.4).

Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet rapporti finali għal 91 każ tal-FEG, li jirrapreżenta 68 % tan-numru totali ta' applikazzjonijiet li waslu sa dik id-data (134).

Skont l-informazzjoni fir-rapporti finali tal-Istati Membri, nistgħu nikkonkludu li l-FEG jżid il-valur għal x'setgħu jagħmlu b'mod ieħor l-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ħaddiema ssensjati jsibu xogħol ġdid u jerġgħu jsibu posthom fis-suq tax-xogħol. Il-FEG jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu miżuri ta’ kwalità aħjar għal aktar ħaddiema li ngħataw is-sensja u għal żmien itwal minn dak li kien ikun possibbli mingħajr il-finanzjament mill-FEG.

4.4.1.Sommarju tar-riżultati u l-prattiki tajba rrapportati fl-2013 u l-2014

Ir-rapporti finali ppreżentati mit-13-il Stat Membru wrew li fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG, 7 656 ħaddiem jew 44.9 % tat-18 848 ħaddiem li rċevew assistenza mill-FEG kienu sabu impjieg ġdid jew kienu ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Dan hu riżultat tajjeb, b'mod partikolari minħabba li l-ħaddiema appoġġjati minn miżuri kkofinanzjati mill-FEG is-soltu huma fost dawk li jħabbtu wiċċhom mal-akbar diffikultajiet fis-suq tax-xogħol. Bejn wieħed u ieħor, 6 % kienu qed isegwu kors edukattiv jew ta' taħriġ u 39.1 % kienu qiegħda jew inattivi għal raġunijiet personali. It-Tabella 4 tagħti aktar dettalji.

Bħal fl-2012, ir-riżultati f’termini ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol kienu affettwati mill-kapaċitajiet ta’ assorbiment imnaqqsa tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Madankollu, ir-rata ta’ integrazzjoni mill-ġdid li ġiet irrekordjata fi tmiem il-perjodi ta' implimentazzjoni rispettivi, tipprovdi biss ritratt instantanju tas-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-ħaddiema fil-mument li fih inġabret id-dejta. Ma tagħti ebda tagħrif dwar it-tip ta’ impjieg u l-kwalità tax-xogħol li nstab, li tista’ tinbidel f'kull każ b’mod notevoli f’qasir żmien. Skont l-informazzjoni li waslet minn bosta Stati Membri, ir-rati ta’ integrazzjoni mill-ġdid għandhom it-tendenza li jiżdiedu fi ftit xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapporti finali u jiżdiedu iktar fuq perjodu ta' żmien medju, speċjalment f’każijiet li fihom il-ħaddiema jkomplu jirċievu l-assistenza mfassla eżatt għalihom wara l-perjodu tal-FEG, imħallsa mill-Istati Membri stess jew bl-għajnuna tal-FSE. Dan juri li l-appoġġ ikkofinanzjat mill-FEG jista' jkollu impatt pożittiv addizzjonali fuq medda twila ta' żmien.

4.4.2.Valutazzjoni kwalitattiva

Il-pakketti ta' appoġġ li provdew it-13-il Stat Membru lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja kienu jinkludu varjetà vasta ta' tfittxija personalizzata ta' xogħol, u miżuri ta' rikollokament u kwalifiki mill-ġdid. Intefqu l-aktar ammonti għoljin fuq żewġ kategoriji ta' miżuri: taħriġ u taħriġ mill-ġdid (madwar EUR 56.5 miljun, jew 32 % tat-total tas-servizzi personalizzati għall-34 każ kollha) u konċessjonijiet finanzjarji mħallsa lill-ħaddiema waqt li kienu qed jadottaw il-miżuri tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol (madwar EUR 68.5 miljun, jew 38.8 % tat-total tas-servizzi personalizzati għall-34 każ kollha). Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-FEG tal-2013, il-konċessjonijiet ġew limitati għal massimu ta’ 35 % tal-ispejjeż globali. Il-gwida individwali u l-promozzjoni tal-intraprenditorija kienu miżuri oħra użati ta’ spiss.

Il-programmi ta' kwalifiki u taħriġ kienu mfassla eżatt għall-ħtiġijiet u x-xewqat tal-ħaddiema filwaqt li qiesu r-rekwiżiti tas-swieq tax-xogħol lokali jew reġjonali u l-potenzjal ta' setturi promettenti fil-futur.

L-evalwazzjoni ex-post ippubblikata f’Mejju 2014 11 tindika li l-FEG ta kontribut pożittiv biex jiġu indirizzati l-problemi tas-suq tax-xogħol u soċjali sinifikanti li jirriżultaw minn proċeduri ta’ sensji fuq skala kbira. Il-FEG ippermetta li l-Istati Membri jaġixxu b’mod aktar deċiżiv f’żoni affettwati minn telf ta’ impjiegi milli kieku kien ikun possibbli mingħajr il-finanzjament mill-FEG, f’termini tal-għadd ta’ persuni megħjuna u l-għan, it-tul ta’ żmien u l-kwalità tal-appoġġ. L-evalwazzjoni tenfasizza wkoll li l-assistenza intensiva u mfassla apposta pprovduta permezz tal-FEG għandha twassal għal klassifikar aħjar tar-riżultati milli l-pakketti standardizzati pprovduti permezz ta’ miżuri ta’ politika attivi fis-suq tax-xogħol nazzjonali. Barra milli ffaċilita pakketti ta' appoġġ aktar intensivi għal ħaddiema li ngħataw is-sensja, f’xi pajjiżi l-EGF ippermetta wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex jilħqu lil ħaddiema u l-miżuri ta’ appoġġ li kieku kien ikun impossibbli, billi ikkontribwiet għall-iżvilupp ta’ politiki dwar ir-ristrutturar, suq tax-xogħol attiv u taħriġ vokazzjonali.

Tabella 4 — Ir-rapporti finali sottomessi fl-2014 — ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati

Perjodu tal-ipprogrammar 2014-2020 - ir-Regolament ġdid tal-FEG

F’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ir-Regolament ġie rivedut fl-2013 biex iħejji għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-2014-2020. Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew approvaw il-kontinwazzjoni tal-FEG bħala mezz biex jiġi pprovdut appoġġ speċifikuta’ darba lil ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat ta’ bidliet kbar strutturali minħabba l-globalizzazzjoni jew kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Ir-Regolament il-ġdid tal-FEG (Regolament (UE) Nru 1309/2013) ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil- 17 ta’ Diċembru 2014.

Ir-Regolament il-ġdid jintroduċi mill-ġdid il-kriterju tal-kriżi, b’tali mod li applikazzjoni tal-FEG tista’ tiġi ġġustifikata mill-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji kurrenti jew futuri. Jestendi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG billi jagħmel eliġibbli għall-appoġġ lill-ħaddiema fuq kuntratti temporanji u l-ħaddiema għal rashom. Sabiex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ, ir-Regolament il-ġdid fih deroga, valida sal-aħħar tal-2017, li tippermetti l-inklużjoni ta’ NEETs f’reġjuni eliġibbli taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI — Youth Employment Initiative). 12 Ir-Regolament il-ġdid jillimita wkoll il-miżuri taħt l- Artikolu 7(b) (eż. konċessjonijiet u inċentivi) għal 35 % tal-ispejjeż globali, filwaqt li l-għotjiet intraprenditorjali huma limitati għal EUR 15 000 l-ħaddiem. Ir-Regolament il-ġdid jintroduċi wkoll skadenzi maħsuba biex jitnaqqas iż-żmien li jgħaddi bejn meta l-applikazzjonijiet ikunu sottomessi sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-mobilizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

4.5.Ir-Rapport Finanzjarju

4.5.1.Il-fondi mogħtija mill-FEG

Fl-2013 u l-2014, l-awtorità baġitarja approvat 28  kontribuzzjoni mill-FEG, għal total ta’ EUR  114 427 463 (ara t-Tabella 2 fuq). Dawn il-kontribuzzjonijiet ġew mill-baġits tal-2013 u tal-2014; l-aħħar erba’ kontribuzzjonijiet ġew approvati mill-awtorità baġitarja f’Diċembru 2014 u mħallsa fil-bidu tal-2015.

Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, 13 li jistabbilixxi l-qafas baġitarju tal-FEG sal-aħħar tal-2013, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (f’termini ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji) ma jistax jaqbeż ammont massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. Dan l-ammont jista' jittieħed minn kwalunkwe marġini eżistenti taħt l-ammont massimu ta’ nefqa globali tas-sena ta’ qabel, u/jew minn approprjazzjonijiet għall-impenji kkanċellati tas-sentejn ta’ qabel, bl-esklużjoni ta’ dawk taħt l-intestatura 1B tal-qafas finanzjarju. L-ammont ta’ EUR 500 miljun kien disponibbli fil-linja ta’ riżerva tal-FEG fl-2013. Għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 14 jistabbilixxi limitu finanzjarju massimu annwali mill-2014 sal-2020 u jippermetti l-użu tal-FEG sa ammont massimu annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). Fl-2014, dan kien ifisser li l-approprjazzjonijiet għall-impenji ta’ EUR 159 181 000 kienu disponibbli fl-linja ta’ riżerva tal-FEG. L-approprjazzjonijiet għall-impenji għal kontribuzzjonijiet mogħtija f’dawn is-sentejn ġew trasferiti mir-riżerva tal-FEG għal-linja baġitarja tal-FEG wara l-approvazzjoni ta’ kull applikazzjoni mill-awtorità baġitarja.

F'termini ta' approprjazzjonijiet għall-impenji, ammont ta’ EUR 50 000 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji ġie kkreditat lil-linja baġitarja tal-FEG fil-bidu tal-2013 u l-2014. Fl-2013, dan kien biżżejjed għall-kontribuzzjonijiet mogħtija, li kien jammonta għal EUR 35 748 557. Fl-2014, approprjazzjonijiet addizzjonali għall-pagamenti kienu meħtieġa għall-applikazzjonijiet approvati tal-FEG, li kienu jammontaw għal EUR 78 678 907. Dawn ġew minn ammonti rkuprati wara nuqqas ta’ nfiq rrappurtat mill-Istati Membri fl-istadju tal-għeluq.

4.5.2.L-infiq fuq l-assistenza teknika

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, sa 0.35 % mir-riżorsi finanzjarji disponibbli għas-sena (EUR 1.75 miljun fl-2013) jistgħu jintużaw fil-forma ta’ assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal attivitajiet bħal preparazzjoni, monitoraġġ, informazzjoni u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, appoġġ amministrattiv u tekniku, u attivitajiet ta’ awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament tal-FEG. L-Artikolu 11(1) tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013 jistabbilixxi limitu massimu għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal 0.5 % tal-ammont globali mnaqqas (madwar EUR 0.75 miljun fl- 2014). L-awtorità baġitarja approvat il-proposti tal-Kummissjoni għall-2013 u l-2014 għall-għajnuna teknika, li kienu ta’ EUR 750 000 15 u EUR 330 000 16 rispettivament.

Tabella 5 — Nefqa għall-assistenza teknika 2013 u 2014

Deskrizzjoni

L-2013 ibbaġitjat

(EUR)

L-2013 attwali

(EUR)

L-2014 ibbaġitjat (EUR)

L-2014 attwali (EUR)

Kumment

Informazzjoni (pereżempju l-aġġornament tal-websajt tal-FEG fil-lingwi kollha tal-UE, pubblikazzjonijiet, attivitajiet awdjoviżivi)

80 000

28 000

20 000

6 364

Il-wasla tard tal-fondi għamlet l-parteċipazzjoni f’attivitajiet tad-DĠ EMPL diffiċli

Għajnuna amministrattiva u teknika:

- Żewġ laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG

- Żewġ seminars dwar l-implimentazzjoni tal-FEG

70 000

120 000

40 752

81 522

70 000

120 000

140 149

It-tgħaqqid tas-seminars mal-laqgħat bejn il-persuni ta' kuntatt naqqas l-ispejjeż. Sar seminar wieħed biss fl- 2014

Monitoraġġ ta' ġbir ta' dejta u
stampa statistika tal-FEG

0

0

20 000

0

Ħidma mwettqa mill-Kummissjoni

Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien:
proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet FEG u l-ipproċessar tagħhom; il-ħolqien u r-razzjonalizzazzjoni tal-bażi tad-dejta tal-FEG li tinkludi l-fatti u ċ-ċifri tal-każijiet FEG

80 000

79 739

100 000

100 000

L-integrazzjoni tal-FEG fis-sistema komuni tal-ġestjoni kondiviża tal-fondi(SFC)

Evalwazzjoni

400 000

326 611

0

0

Fl-2013, l-offerta mingħand il-kuntrattur kienet inqas minn dak ibbaġitjat. L-evalwazzjoni li jmiss ġejja fl-2015.

Total

750 000

556 624

330 000

246 513

4.5.3.L-irregolaritajiet li ġew irrappurtati jew magħluqa

Ma kien hemm ebda irregolarità irrappurtata lill-Kummissjoni skont ir-Regolamenti tal-FEG fl- 2013 u l-2014, u lanqas ma kien hemm irregolaritajiet magħluqa marbuta mal-FEG fl-2013 u l-2014.

4.5.4.L-istralċ ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG

Il-proċeduri għall-istralċ ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-FEG fl-2013 u 2014 huma stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar- Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l- Artikolu 15(2) tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013 rispettivament. 34 każ, implimentati bejn l-2009 u l-2013, ġew stralċati fl- 2013 u l- 2014. Il-każijiet huma elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness.

Każ tal-FEG jiġi stralċat meta r-rapport finali jkun ġie approvat mill-Kummissjoni, ikunu tħallsu r-rimborżi pendenti kollha u l-ebda azzjoni ulterjuri ma tkun meħtieġa tittieħed mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni, minbarra l-obbligu li jinżammu d-dokumenti ta’ appoġġ kollha għal perjodu ieħor ta’ tliet snin fil-każ li jkunu meħtieġa mill-Kummissjoni jew mill-Qorti tal-Awdituri (l-Artikolu 21(5) tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013).

Ir-rata medja ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ każijiet ta’ stralċ kienet ta’ 49.8 %, b’varjazzjonijiet kbar li jvarjaw minn żero sa assorbiment baġitarju sħiħ. L-ammont totali ta' fondi li ma ntefqux u li ngħataw lura lill-Kummissjoni għal dawk l-34 każ kien ta' madwar EUR 67.1 miljun (50.2 % tal-kontribuzzjonijiet mill-FEG għal dawn il-każijiet).

Hemm bosta raġunijiet għaliex l-Istati Membri ma użawx l-ammonti sħaħ li ngħatawlhom. Filwaqt li l-Istati Membri huma mħeġġa ripetutament jagħmlu stimi realistiċi tal-baġit għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ ppjanar preċiż u informat. Jista’ jkun li ġie inkluż marġni ta’ sikurezza għoli wisq fil-kalkoli inizjali li ma kienx meħtieġ. In-numru ta’ ħaddiema li xtaqu jieħdu sehem fil-miżuri proposti seta’ kien stmat b’mod eċċessiv fil-fażi tal-ippjanar. Xi ħaddiema jafu għażlu miżuri li jiswew inqas minflok dawk li kienu iktar għoljin jew miżuri fil-qosor minflok oħrajn fit-tul, jew forsi sabu impjiegi ġodda qabel dak li kien stmat inizjalment. Raġunijiet oħrajn għall-infiq baxx setgħu kienu dewmien fit-tnedija tal-miżuri u nuqqas ta’ użu sħiħ tal-flessibbiltà disponibbli għall-allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn elementi tal-baġit matul l-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati.

Il-Kummissjoni ħadmet sew biex tgħin lill-Istati Membri permezz ta' tagħrif u gwida regolari u seminars speċifiċi biex tinkoraġġixxi l-aqwa ġestjoni tal-fondi. Madankollu, ir-rati ta’ rkupru fi tmiem l-implimentazzjoni baqgħu xorta waħda għoljin sew. Ir-rata inizjali ta' rkupru ta' aktar minn 60 % irreġistrata għall-ewwel każijiet tnaqqset b'mod sinifikanti għal 37.8%), imma xorta għandha bżonn titjieb sinifikatament.

Matul il-perjodu estiż ta' 24 xahar, l-ibbaġitjar tal-miżuri u t-tħabbir ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema mistennija titjieb bl-esperjenza. Qed naraw ukoll titjib fil-wasla tal-finanzjament tal-FEG fiż-żona milquta, fil-kapaċitajiet tal-bosta strutturi ta’ koordinazzjoni u implimentazzjoni u fil-kwalità tal-komunikazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u l-livelli reġjonali/lokali. L-Istati Membri qegħdin jagħmlu użu aħjar mill-possibilità li jirrevedu l-baġits tagħhom u jallokaw mill-ġdid in-nefqa bejn il-bosta miżuri u/jew nefqa ta’ implimentazzjoni. Finalment, l-istituzzjonijiet tal-UE wkoll qed jagħmlu sforzi kbar biex jitħaffu l-proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-pagament tal-fondi tal-FEG, biex iż-żmien u l-fondi pprovduti jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Ir-Regolament il-ġdid tal-FEG jistabbilixxi skadenzi stretti ħafna għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni ta’l-applikazzjonijiet tal-FEG, b’tali mod li l-fondi jsiru disponibbli aktar malajr. Bil-qbil tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu wkoll jerġgħu jipprovdi l-baġit u jintroduċi miżuri ġodda eliġibbli matul il-kors tal-implimentazzjoni.

4.5.5.Rimborżi oħrajn

Ma kienx hemm rimborżi oħra fl-2013 u l-2014.

4.6.L-attivitajiet ta' assistenza teknika mwettqa mill-Kummissjoni

4.6.1.Informazzjoni u pubbliċità

Is-sit tal-internet

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u l-Artikolu 1292) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Kummissjoni meħtieġa twaqqaf u żżomm sit tal-internet li jkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, liema sit għandu jipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tressiq tal-applikazzjonijiet, u tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol tal-awtorità baġitarja.

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar il-FEG 17 ġie aġġornat bl-informazzjoni rilevanti fl-2013 u l-2014 f’konformità mar-rekwiżiti. Is-sit irreġistra 72 418 żjara tal-paġna fl-2013 u 38 753 fl-2014 u ġie kkonsultat minn 52 968 viżitatur individwali fl-2013 u 28 994 fl-2014. 18

4.6.2.Laqgħat mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati tal-FEG

Il-11, it-12, it-13 u l-14 laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-persuni ta’kuntatt tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li huma l-korrispondenti tal-Istati Membri għall-FEG, seħħew f’Marzu u f’Ottubru tal-2013 u 2014 rispettivament, fi Brussell. Parti minn kull laqgħa kienet iddedikata lid-diskussjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-FEG li jkopri l-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020, in-negozjati dwar il-proposta fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill u kwistjonijiet għall-implimentazzjoni futura. Il-Membri ġew infurmati wkoll dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-FEG 2007-2013 u firxa ta’ punti oħra fuq l-aġenda.

Iż-żewġ seminars ta' netwerkjar organizzati fl-2013 u fl-2014 iffukaw fuq ir-Regolament tal-FEG il-ġdid u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-applikanti. Kemm kien hemm attendenza tajba mir-rappreżentanti tal-Istati Membri involuti fl-implimentazzjoni ta’ każijiet tal-FEG.

4.6.3.Ħolqien ta' bażi ta' għarfien - bażi ta' dejta tal-FEG u proċeduri standardizzati għal applikazzjonijiet tal-FEG

Sabiex tiġi rreġistrata dejta kwantitattiva tal-każijiet tal-FEG għal għanijiet statistiċi, fl-2012 is-servizzi tal-Kummissjoni tejbu il-bażi ta' dejta tal-FEG fl-2013 u l-2014 u adattaw bosta formoli biex isir eħfef it-tidħil tad-dejta dwar il-każijiet fil-bażi ta' dejta tal-FEG. Din għamlitha aktar faċli għall-Istati Membri biex iħejju u jibagħtu l-applikazzjonijiet, u għall-Kummissjoni biex tagħmel l-analiżi, l-aggregazzjoni u t-tqabbil ta’ fatti u ċifri ta’ każijiet tal-FEG. Il-ħidma preparatorja biex tkun żviluppata formola ta’ applikazzjoni elettronika ġdida bdiet fil-ħin f’Novembru 2013. Din qieset il-ħidma preparatorja preċedenti minn esperti esterni fl-2011, iffinanzjata mill-baġit tal- 2011 għall-assistenza teknika.

Fl- 2014, il-Kummissjoni fittxet li tissemplifika l-affarijiet aktar billi tinkludi l-FEG fis-sistema ta’ komunikazzjonital-IT tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, is-sistema komuni kondiviża tal-ġestjoni tal-fondi (SFC). Fil-ġejjieni, l-Istati Membri se jużaw din is-sistema biex jissottomettu applikazzjonijiet online permezz ta’ proċess tal-applikazzjoni ggwidat. Dan għandu jirriżulta f’sottomissjoni aktar korretta u kompluta tal-applikazzjonijiet u għandu jagħmilha aktar faċli għall-Kummissjoni biex tħejji l-proposta tagħha u biex jiġu rrappurtati r-riżultati tal-FEG. Din il-proċedura mtejba għandha tkompli tnaqqas iż-żmien mill-mument meta titressaq l-applikazzjoni minn Stat Membru sal-adozzjoni tal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.6.4.Evalwazzjoni ex-post tal-FEG għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-13

33 każ ġew evalwati fl-ewwel fażi tal-evalwazzjoni ex-post (kif previst mill- Artikolu 17(1)(b) tar- Regolament (KE) Nru 1927/2006). Intgħażlu dawn il-każijiet fuq il-bażi li r-rapporti finali tal-implimentazzjoni kienu waslu għand il-Kummissjoni sal-20 ta' Settembru 2012. Lott ieħor ta’ 25 każ tal-FEG ġie analizzat waqt il-fażi finali tal-evalwazzjoni ex-post. F’dawk il-każijiet, waslu rapporti finali sal-aħħar ta’ Diċembru 2013. Ir-riżultat tal-ewwel fażi tal-evalwazzjoni ex-post ġie ppreżentata f’Mejju 2014 u r-riżultat tat-tieni fażi ngħata lill-Kummissjoni f’Mejju 2015. Lista tal-każijiet eżaminati matul iż-żewġ fażijiet ta’ evalwazzjoni ex-post tista’ tinsab fit-Tabella 4 tal-Anness.

5.Xejriet

Bin-numru li qiegħed jiżdied ta’ każijiet tal-FEG, hemm iktar dejta għad-dispożizzjoni biex jiġu identifikati xejriet fl-applikazzjonijiet u sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn id-direzzjoni tal-attivitajiet tal-Fond. Id-dejta fil-grafika taħt u fl-Anness hija relatata mal-134 applikazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri bejn l-2007 u l-2014. 19 S'issa huwa stmat li ntalab total ta’ EUR 561.1 miljun f’isem 122 121 ħaddiem (dan huwa n-numru ta’ ħaddiema fil-mira stmat mill-Istati Membri).



Grafika 1:
Numru ta’ applikazzjonijiet riċevuti, 2007-2014

L-emenda tal-2009 tar-Regolament tal-FEG, bl-inklużjoni tal-kriterju tal-kriżi, kellha impatt viżibbli fuq in-numru ta’ applikazzjonijiet li rċiviet il-Kummissjoni: rċiviet il-Kummissjoni:minn Mejju 2009 (meta l-emenda rilevanti sar japplika) sa tmiem l-2011, kien hemm żieda sinifikanti fl-applikazzjonijiet. Mill-2007 sal-2014, kien hemm 76 applikazzjoni relatati mal-kriżi u 58 applikazzjoni relatati mal-kummerċ. 82 % tal-applikazzjonijiet sottomessi minn Mejju 2009 u fi tmiem l-2011 kienu relatati mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

Kif muri fit-Tabella 2 tal-Anness, Spanja hi l-Istat Membru li ppreżenta l-ikbar numru ta’ applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-FEG (20 applikazzjoni), segwita mill-Olanda (16-il applikazzjoni), l-Italja (12-il applikazzjoni) u d-Danimarka (10 applikazzjonijiet). Sal-31 ta' Diċembru 2014, tmien Stati Membri kienu għadhom ma applikawx għal appoġġ mill-FEG. L-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Renju Unit, u l-Kroazja (li ssieħbet fl-UE fl-1 ta' Lulju 2013).



Grafika 2:
Ammonti mitluba mill-FEG imqassma skont kull Stat Membru, 2007-2014

f’miljuni EUR

Mill-2007 sal-2014, intalab ammont totali ta’ EUR 561.1 miljun mill-FEG minn 20 Stat Membru (ara wkoll it-tabella ġenerali fl-Anness). Franza talbet l-ikbar ammont ta’ kofinanzjament mill-FEG (EUR 84.76 miljun għal 7 applikazzjonijiet) segwita mill-Irlanda (EUR 67.3 miljun għal disa' applikazzjonijiet), id-Danimarka (EUR 63.7 miljun għal 10 applikazzjonijiet) u l-Italja (EUR 62.5 miljun għal 12-il applikazzjoni).



Grafika 3:
Numru ta’ ħaddiema fil-mira mqassma skont l-Istati Membri, 2007-2014

Franza hija l-Istat Membru li talab assistenza mill-FEG għall-ikbar numru ta’ ħaddiema mogħtija s-sensja  (15 454 għal 7 applikazzjonijiet), segwita mill-Italja (14 863 għal 20 applikazzjoni), il-Ġermanja (13 367 għal 12-il applikazzjoni) u l-Irlanda (11 957 għal 9 applikazzjonijiet). Fi 13-il pajjiż ieħor, in-numru jvarjaw minn ftit iktar minn 1 800 fil-Polonja sa ftit inqas minn 11 000 fl-Irlanda. F’kull wieħed mit-tliet Stati Membri li jifdal li ppreżentaw applikazzjonijiet, inqas minn 1 000 ħaddiem kienu koperti mill-applikazzjonijiet.



Grafika 4:
Numru ta’ applikazzjonijiet imqassma skont kull settur (NACE Rev. 2), 2007-2014

Bejn l-2007 u l-2014, il-FEG irċieva applikazzjonijiet għal ħaddiema li ngħataw is-sensja f' 45 settur (ara l-ħarsa ġenerali fl-Anness). Il-biċċa l-kbira tas-setturi involuti kienu fil-manifattura, imma l-kostruzzjoni u s-servizzi wkoll kienu rappreżentati. Erba' setturi tal-manifattura kienu risponsabbli għall-ikbar numru ta' applikazzjonijiet: l-industrija tal-vetturi (20 applikazzjoni jew 15 % tat-total), segwita mis-settur tal-makkinarju u tat-tagħmir (13-il applikazzjoni jew 10 % tat-total), is-settur tat-tessuti (11-il applikazzjoni jew 8 % tat-total) u s-settur tal-industrija tal-istampar (9 applikazzjonijiet jew 7 % tat-total).

Madwar 6 % (8 applikazzjonijiet) kienu relatati ma’ ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni, definita b’mod wiesa’ bħala li tkopri l-kostruzzjoni ta’ bini, attivitajiet ta’ kostruzzjoni speċjalizzata u attivitajiet arkittetoniċi u tal-inġinerija. Jekk setturi anċillari bħal dak tax-xogħol fuq materjal tal-bini, l-injam/mastrudaxxi u ċ-ċeramika jiġu inklużi wkoll, iċ-ċifra titla’ għal 13-il applikazzjoni jew madwar 10 % tal-applikazzjonijiet. Għal aktar minn nofs is-setturi (28 minn 45 settur), il-FEG irċieva applikazzjoni waħda biss.



Grafika 5:
Numru ta’ ħaddiema fil-mira mqassma skont is-setturi (NACE Rev. 2), 2007-2014

Il-134 applikazzjoni mressqa mill-20 Stat Membru kkonċernaw total ta' 122 121 ħaddiem mogħti s-sensja. Is-setturi kkonċernati huma primarjament is-settur tal-vetturi, bi kważi 29 000 ħaddiem fil-mira (23.0 % tat-total koperti mill-applikazzjonijiet ippreżentati), segwit mill-mowbajls ( bi kważi 12 000 ħaddiem fil-mira jew 9.4 % tat-total), it-tessuti (ftit iktar minn 11 500 ħaddiem fil-mira jew 9.2 % tat-total), u s-settur tal-magni u tat-tagħmir (aktar minn 10 000 ħaddiem fil-mira jew 8.0 % tat-total).

Grafika 6:
Ammont medju tal-FEG mitlub għal kull ħaddiem fil-mira skont l-Istati Membri, 2007-2014

EUR    

Il-grafika 6 turi l-appoġġ medju tal-FEG għal kull ħaddiem fil-mira skont l-Istat Membru. Il-medja ta’ 122 121 ħaddiem fil-mira mill-20 Stat Membru kienet ta’ EUR 4 060. L-appoġġ mill-FEG għal kull ħaddiem fil-mira kien l-ikbar fl-Awstrija u d-Danimarka b’madwar EUR 14 000 u EUR 10 000, rispettivament. Min-naħa l-oħra, fil-Litwanja, is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka, l-appoġġ mitlub kien inqas minn EUR 1 000 għal kull ħaddiem.

6.Konklużjoni

Ix-xejriet s’issa juru għadd dejjem jikber ta’ setturi li għalihom tressqu applikazzjonijiet tal-FEG, b’ 10 setturi ġodda miżjuda f’dan il-perjodu ta’ rappurtar. L-Istati Membri kisbu esperjenza fl-għażla tal-iktar miżuri xierqa, fl-iddirezzjonat b’mod effiċjenti tal-assistenza tagħhom għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja , u fl-użu tal-FEG biex jippruvaw approċċi ġodda. Qegħdin jagħmlu wkoll użu dejjem ikbar mill-possibilità li jallokaw mill-ġdid il-fondi bejn il-miżuri matul l-implimentazzjoni tal-proġetti sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-kontribuzzjoni approvata.

Il-fatt li ma rnexxilhiex tinkiseb maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill fisser li d-‘deroga għall-kriżi’ temporanja tal-FEG ma setgħetx tiġi estiża lil hinn minn tmiem l-2011. Dan illimita l-possibiltajiet ta’ assistenza mill-UE għall-ħaddiema fl-2012 u l-2013, minkejja li ħafna minnhom għadhom milquta sew mill-kriżi.

Konsegwentement, mill-2012 sa tmiem l-2013, l-Istati Membri komplew jappoġġaw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija. Madankollu, il-kriterju tal-kriżi ekonomika u finanzjarja ġie introdott permezz tar-Regolament il-ġdid tal-FEG (Regolament (UE) Nru 1309/2013). Ir-Regolament il-ġdid ukoll espanda l-kategoriji ta’ ħaddiema eliġibbli biex jinkludi l-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema fuq kuntratti temporanji u — b’deroga sal-aħħar tal-2017 — in-NEETs. Dawn il-bidliet iwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni għall-appoġġ tal-EGF. Skeda ta’ żmien ġdida ssimplifikata għall-adozzjoni tfisser li l-miżuri biex jgħinu lill-ħaddiema għandhom jiġu implimentati aktar malajr.

Jekk l-EGF tintuża sal-potenzjal kollu tagħha, b’mod li jikkomplementa strumenti disponibbli oħrajn u b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin, il-ħaddiema li jkunu eliġibbli għall-appoġġ mill-FEG jistgħu jiġu megħjuna b’mod personalizzat u speċifiku. Dan se jtejjeb l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul hekk kif is-swieq ikomplu jirkupraw mill-kriżi.

(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1, kif ġie kkoreġut mill-ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82, għal-lingwi kollha u ĠU L 202, 31.7.2008, p. 74, għall-Ingliż biss.
(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009).
(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).
(4)  COM(2011) 608 finali, 6.10.2011.
(5)  Applikazzjoni rtirata, EGF/2012/009 BE/Carsid, ġiet introdotta mill-ġdid fit-2 ta’ April 2013 f’forma riveduta.
(6)  Vetturi (3), Metalli bażiċi (3), Makkinarju u tagħmir (2), Kummerċ bl-imnut (2), Telefowns ċellulari (1), materjali tal-bini (1), Tessuti (1), Ħidma ta’ mastrudaxxi u xogħol fuq l-injam (1), Trasport bl-ajru (1), Prodotti tal-ikel (1), Kostruzzjoni ta' bini (1), Attivitajiet ta’ servizz ta’ ikel u xorb (1), Industrija ta’ ħdim tal-metall (1), Biċċeriji (1), Ġojjelerija (1), Bini ta' vapuri (1), Apparat domestiku (1), Informazzjoni u Komunikazzjoni (1), Tiswija u installazzjoni ta’ makkinarju u tagħmir (1), Attivitajiet ta' programmi xandir (1), Kimika (1), Ħġieġ (1), Manifattura ta’ prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi (1) Trasport/mħażen (1).
(7)  Ir-rata massima ta’ kofinanzjament għal applikazzjonijiet imressqa fl-2013 kienet ta’ 50 % filwaqt li għal dawk ippreżentati fl-2014 kienet ta’ 60 %.
(8) Proposta addizzjonali, EGF/2012/004 ES/Grupo Santana ġiet adottata fil-perjodu ta’ referenza, iżda peress li l-kawża mbagħad ġiet irtirata minn Spanja, il-każ huwa eskluż mir-rappurtar.
(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-għadd ta’ NEETs appoġġati mill-FEG ma jistax jaqbeż in-numru ta’ benefiċjarji fil-mira.
(10)  Ir-rapporti finali għandhom jiġu ppreżentati fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni.
(11)  Il-Kummissjoni Ewropea: Evalwazzjoni ex-post dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-ewwel fażi)
(12)  COM(2013) 144: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ, 12.03.2013.
(13)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(15)  ĠU L 209, 3.8.2013, p. 16.
(16)  ĠU L 292, 8.10.2014, p. 14.
(17)   http://ec.europa.eu/egf — disponibbli fit-23 lingwa tal-UE, fosthom l-Irlandiż.
(18)  Fl- 2014, xi traffiku ntilef mill-għodod ta’ reġistrazzjoni minħabba l-liġi tal-'cookies'. Il-viżitaturi li jevitaw il-mistqosija dwar l-użu tal-cookies jew ma jaċċettawx l-użu tagħhom ma jingħaddux bħala viżitaturi.
(19)  Din il-figura togħla għal 149 meta jitqiesu l-15-il każ rtirat mill-Istati Membri applikanti. Il-każijiet irtirati mhumiex ikkunsidrati fl-istatistiki.

Brussell, 22.7.2015

COM(2015) 355 final

ANNESS

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2013 u l-2014


Anness – tabella 1 — applikazzjonijiet tal-FEG skont il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi sal-31 ta’ Diċembru 2014


Anness – Tabella 2 — Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet tal-FEG sal-31 ta’ Diċembru 2014 skont l-Istat Membru u t-Tip ta’ Applikazzjoni (kriterji tal-Artikolu 1)

Anness - Tabella 3 — Każijiet stralċjati fl-2013-2014

 


Anness - Tabella 4 – Evalwazzjoni ex-post – Każijiet eżaminati 

Fażi 1

Fażi 2